sabato 30 aprile 2022

Oberammergau

 

Naħseb li għal ħafna minna l-isem ta’ Oberammergau xejn ma huwa ġdid. Bla dubju ta’ xejn min għandu d-delizzju tal-Ġimgħa l-Kbira żgur li xi darba sema’, jekk mhux ukoll żar, dan ir-raħal.

Oberammergau huwa muniċipju li jinsab fid-distrett ta' Garmisch-Partenkirchen fil-Bavarja, il-Ġermanja. Dan ir-raħal jinsab f’dik li tissejjaħ Alpenstrasse, rotta ta’ madwar 500 kilometru li tkopri l-Alpi tal-Bavarja u l-Awstrija. Dawn l-Alpi jġibu l-isem ta’ Ammergau. Minkejja li dan il-post huwa relattivament ċkejken meta tqabblu ma’ bliet jew irħula Ġermaniżi oħra, huwa famuż għan-numru kbir ta’ affreski li naraw fuq il-faċċati tad-djar, għall-fatt li fih hemm l-iskola tan-NATO u fuq kollox għar-rappreżentazzjoni tad-dramm tal-passjoni ta’ Kristu li jsir kull għaxar snin. Ir-raħal huwa magħruf ukoll għall-ħila ta’ dawk li jonqxu l-injam, u jkollna ngħidu li dan huwa raħal li jista’ jiftaħar bl-iskulturi li twieldu u jgħixu fih. Xogħolhom tarah fil-ħwienet tax-xogħol tagħhom, skulturi fl-injam mill-ifejn li jvarjaw minn statwi reliġjużi għal dawk profani. Fil-fatt f’Oberammergau hemm l-Iskola tal-Bavarja għal dawk li jiskolpu l-injam.

Skultura fl-injam

Oberammergau ilu magħruf għal sekli sħaħ bħala ċentru ta’ tinqix tal-injam. Peress li l-bdiewa tal-post kellhom bżonn isibu modi ġodda biex jaqilgħu dik ix-xi ħaġa tal-flus matul ix-xtiewi twal u iebsa, meta r-raħal ikun miksi kollu kemm hu bil-borra u kienet tkun ħaġa impossibbli kemm għalihom kif ukoll għall-bhejjem tagħhom li jħallu darhom u jmorru fir-raba’. Dawk ir-raħħala minn Oberammergau li jnaqqxu l-injam kienu minn żmien ilu magħrufa għall-ħila tagħhom, uħud jispeċjalizzaw fil-kurċifissi fl-injam, oħrajn f’figuri reliġjużi miżbugħin ferm sbieħ u xeni tal-presepji. Oħrajn kienu jonqxu ġugarelli li jinżebgħu b’kuluri jgħajtu. Dan kollu kien isir minn injam tas-siġar li kienu jitkabbru fir-raħal stess jew fil-qrib. Nafu li l-injam f’din l-inħawi tal-Ġermanja huwa abbundanti.  Biż-żmien dan ix-xogħol ma baqax isir biss minn dawk il-bdiewa li ma jistgħux joħorġu minn djarhom u jmorru fl-għelieqi tagħhom imma sar mestier għal bosta raħħala. Madwar mija u ħamsin sena ilu nfetħet skola għall-iskuturi. Dawk li jtemmu l-istudji tagħhom minn din l-iskola jissejħu "Herrgottschnitzer" li tfisser skuturi ta’ Alla billi ħafna mix-xogħlijiet tagħhom huma figuri reliġjużi. Biex ngħidu d-dritt Herrgottschnitzer jissejħu mhux biss dawk li jistudjaw f’din l-iskola imma dawk li jonqxu l-injam fit-Tirol kollu.

Affreski

Oberammergau huwa wkoll famuż għall-affreski li wieħed jara mpittra mal-ħitan tad-djar tar-raħal. Din hija karatteristika mhux biss ta’ dan ir-raħal imma hija ħaġa komuni f’dawn l-inħawi. Din l-arti bil-Ġermaniż tissejjaħ Lüftlmalerei. Hija pittura li turi xeni mill-bibbja, mill-ħajja ta’ Kristu jew xbihat ta’ qaddisin, xeni minn xi ħrafa tat-tfal, jew xi xena oħra b’xi ftit fantasija wkoll. It-teknika ta’ din l-arti hija li waqt li t-tajn ikun għadu frisk titpitter ix-xena biex b’hekk iż-żebgħa tidħol fit-tajn u għalhekk il-pittura jkollha hajja itwal milli kieku titpitter fuq il-ħajt meta l-kisi jkun nixef. Għalhekk tissejjaħ al fresco din it-teknika.

Dramm

Iżda ma tistax titkellem dwar Oberammergau u tħalli l-akbar avveniment li jseħħ fir-raħal kull għaxar snin. Bla dubju ndunajtu li qed nirreferi għad-dramm tal-passjoni li llum huwa magħruf madwar id-dinja kollha.

L-ewwel rappreżentazzjoni ta’ dan id-dramm sar fis-sena 1634. Jingħad li dan beda jsir wara li r-raħħala ta’ Oberammergau għamlu wegħda biex raħalhom jinħeles mill-pesta li kienet ħakmet lir-reġjun u kienet qed tagħmel ħerba mir-raħħala ta’ dan il-post. Dan id-dramm beda jsir kull għaxar snin, fis-sena li tispiċċa biz-zero, biss fl-1934 sar ukoll billi kien jaħbat it-tliet mitt sena tal-bidu tiegħu. Sar ukoll fl-1983 fit-350 anniversarju. Ma sarx fl-1920 billi kienet għadha kif intemmet l-ewwel gwerra dinjija u sar fl-1922. Ma sarx lanqas fl-1940 minħabba t-tieni gwerra dinjija u ma sarx fl-2020 minħabba l-pandemija tal-Covid 19 imma sejjer issir din is-sena.  

L-istorja tad-dramm nafuha lkoll, biss hemm xi kurżitajiet marbuta mad-dramm. Fih jieħdu sehem atturi li huma kollha minn Oberammergau jew li huma miżżewġin lil xi ħadd mir-raħal u li jkun ilu għaxar snin jgħix hemmhekk. Jieħdu sehem fih madwar elfejn attur minn popolazzjoni ta’ kważi ħamest elef ruħ. Minn elfejn attur madwar, mija u għoxrin biss ikollhom parti li jitkellmu. Il-kostumi kollha jinħietu fir-raħal minn ħajjata mir-raħal stess. Ma jintużawx parrokki u lanqas ma titwaħħal daqna artifiċjali għalhekk dawk kollha li jieħdu sehem fid-dramm, li tajjeb ngħidu jibda minn Mejju u jibqa’ sejjer sa Ottubru, b’ħames rappreżentazzjonijiet fil-ġimgħa, la jkunu jistgħu jaqtgħu xagħarhom u lanqas iqaxxru l-leħja.

Hemm ħafna aktar x’wieħed iżid dwar dan id-dramm li mhux faċli tiktbu fi ftit kliem.

Oberammergau famuż mad-dinja kollha għad-dramm tal-passjoni, imma mhux biss.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 30 ta' April 2022




venerdì 22 aprile 2022

Radd il-ħajr

 

Illum sirna nużaw il-kelma “grazzi”, kelma ġejja mit-Taljan, minkejja li għandna l-kelma tagħna: Inroddlok ħajr! Intant mhux l-għan tiegħi li nikteb argument dwar ilsien pajjiżna għax jekk nibdew mhux ħaġa ħafifa nispiċċaw.

Waqt udjenza ġenerali li kien qed jagħmel il-Papa Franġisku fit-13 ta’ Mejju tas-sena 2015, huwa qal li fil-ħajja tal-familji għandhom jerġgħu jidħlu tliet kelmiet sempliċi li donnha d-dinja nsiethom. Skont Papa Bergoglio l-edukazzjoni bejnietna għandha tkun anke fil-familja u tajjeb nerġgħu nibdew nużaw il-kliem: “Nista’?”, “Grazzi” u “Skużani”. Ejjew inħallu barra l-ewwel u l-aħħar kelma u nirriflettu ftit dwar il-grazzi. Ngħidu wkoll li dak li kien qal il-Papa għall-familji jgħodd ukoll għal kull sitwazzjoni. Fil-fatt il-Papa raġa’ tkellem f’dan is-sens drabi oħra bħal meta fis-sena 2017 ħeġġeġ biex il-kelma “grazzi” nużawha aktar spiss u  fl-aħħar udjenza tas-sena 2020 fejn huwa qal li kieku kulħadd jibda jgħid “grazzi”, id-dinja tkun wisq aħjar.

Apprezzament

Meta bniedem irodd ħajr lil xi ħadd ikun qed juri sens ta’ apprezzament għal xi att li jkun irċieva. Mill-banda l-oħra min ikun qala’ l-ħajr iħoss li xogħlu jkun qed jiġi stmat u apprezzat u għalhekk ma jħosshiex bi tqila biex jekk ikun hemm bżonn jerġa’ jagħmel dak il-pjaċir li jkun għamel. Mill-banda l-oħra jekk bniedem ma jaqlax il-grazzi jibda jħoss li għemilu ftit li xejn ikun sewa allura jaħsibha darba darbtejn jekk ikun hemm bżonn li dak l-att jiġi mtenni.

Ħafna jgħidulek li għamlu dak li għamlu mill-qalb u ma jistenenwx il-grazzi, imma xorta waħda jkun xieraq li jingħatalhom dak il-ġest ta’ ringrazzjament. Dan jgħodd kemm fil-familja, fuq il-post tax-xogħol, fil-passatempi tagħna u allura ngħidu li l-grazzi għandha postha kullimkien. Li nuru l-apprezzament tagħna lejn ħaddieħor mhux biss juri li aħna edukati imma wkoll li nafu li dak li nkunu rċevejna kien ta’ ġid għalina.

Meta tieħu l-grazzi

F’ilsiena għandna espressjoni li tfisser bil-kontra ta’ grazzi minkejja li tintuża l-kelma stess grazzi! Spiss meta naraw nuqqas ta’ apprezzament lejn xi ħidma li nkunu wettaqna ngħidu: “ħadna l-grazzi!”  Sfortunatament jiġru ħafna okkażjonijet fejn nagħmlu xi att li għalih naħsbu li nkunu ser niġu apprezzati iżda minnflik naqilgħu tumakka. Dan jista’ jseħħ minħabba sens ta’ nuqqas ta’ gratitudni. Kultant anke kelma tista turi nuqqas ta’ gratitudni. Ieqaf aħseb ftit u ara kemm-il darba inti stess għamilt xi ħaġa li ħsibt li ser tkun apprezzat u rringrazzjat għax għamiltha imma jew bqajt bla radd ta’ ħajr jew agħar minn hekk qlajt xi ċamata.

Biss hawn tajjeb wieħed jibqa’ sod u  meta jkun jaf li qed jagħmel xi ħaġa sewwa għandu jibqa’ jagħmilha minkejja li jħossu ftit li xejn apprezzat. Ibqa’ ċert li jekk ikollok twaqqaf dik l-attività issib min jinduna. Taqtax qalbek, illum jew għada l-grazzi toħodha b’mod pożittiv u mhux fis-sens idjomatiku li semmejt hawn fuq.

Għax għandi dritt

Hemm min forsi jaħseb li għax servizz għandna dritt għalih ma hemmx għafejn inroddu ħajr lil min jagħmilulna. Le mhux hekk. Id-dritt tiegħi tassew għandi nieħdu imma li nrodd ħajr lura huwa dritt ta’ min għamilli dak li jien għandi dritt għalih. Ma rridux ninsew li l-ħajja fiha d-drittijiet u d-doveri. Tassew li meta trodd ħajr aktar tkun qed tagħmel ġest ta’ edukazzjoni milli dover, imma ma nagħmlux ħażin jekk ir-radd ta’ ħajr nibdew inqisuh bħala obbligu, bħala dover tagħna anke meta nirċievu servizz li nkunu ħallasna għalih jew li jkollna kull dritt għalih. Kelma kull ma tmur fin-nofs, għid “grazzi” jew “thank you” kif ngħidu spiss aħna l-Maltin. B’din id-daqsxejn ta’ kelma lil dak li qdiek tferrħu u turi li s-servizz li tak kien apprezzat. Darba oħra meta tmur għal dak l-istess servizz tinqeda aħjar żgur. Mela niftakru li jekk servizz huwa bi dritt tagħna, ma’ dan id-dritt hemm id-dover ta’ gratitudni min-naħa tagħna.

Ħajja mgħaġġla

Tassew li qed ngħixu f’dinja mgħaġġla u forsi l-ħafna xogħol li nitgħabbew bih inaqqsilna l-ħin għal xulxin, imma ma għandux inaqqasillna l-edukazzjoni. Ma għandniex nieħdu li ħaddieħor kif jgħidu l-Ingliżi for granted, hekk qisu xejn mhu xejn. Nofs ta’ kelma mhux se ttelliffna wisq ħin imma tista’ tibdel il-burdata ta’ bniedem

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 23 ta' April 2022




venerdì 15 aprile 2022

Normalità

 

Issa li ilna aktar minn sentejn għaddejjin minn din il-pandemija, spiss qegħdin nnisimgħu minn jitkellem dwar il-fatt li resqin lejn in-normalità minkejja kollox. Tabilħaqq li l-agħar ħaġa li bniedem jista’ jagħmel f’ħajtu hu li jaqta’ qalbu, li jmewwet it-tama minn ġewwa fih. Għaddejna sentejn li għal bosta minna kienu l-agħar snin ta’ ħajjitna fejn konna msakkrin f’darna donna qegħdin fil-ħabs bla ħtija. Ma stajniex immorru fil-ħwienet li konna nifrekwentaw qabel, il-knejjes għalqu bwiebhom u konna mċaħħdin milli nżuru l-għeżież tagħna fl-isptarijiet u fid-djar tax-xjuħ. Waqfet kull attività, teatri xejn, sport kellna nikkuntentaw naraw dak li jwasslulna l-istazzjonijiet tat-televiżjoni u kellna nwaqqfu l-festi titulari li tant huma popolari f’pajjiżna, l-aktar fix-xhur tas-sajf. Issa jidher li bil-mod il-ħajja qed terġa’ lura għal dak li kienet qabel ma faqqgħet din il-pandemija, fit-tarf tal-mina mudlama li għaddejna minnha qed jidher xaqq dawl, merżuq dawl ċkejken, biex dejjem ikabbar fina t-tama li għad nerġgħu ngħixu kif konna ftit aktar minn sentejn ilu. Imma kemm tabilħaqq din it-tama sejra ssir realtà? Kemm dan il-kliem li dalwaqt nerġgħu lura għal li konna ser iseħħ? Tgħidulix pessimist jew li nara n-naħa l-kerha biss, imma qagħadt ftit naħseb dwar l-effetti li din il-pandemija ser ħalli fuq kull wieħed u waħda minna.

Għal li konna

Aħna nistgħu nerġgħu nibdew ngħixu kif konna qabel Marzu tas-sena 2020, imma min ħalla din id-dinja b’kawża tal-covid żgur ma hemmx normalità għalih. Lanqas għall-qraba ta’ dawk li mietu fil-pandemija ma tista’ qatt tkun normalità assoluta. Għal dawk li minħabba li ħadu l-virus tal-covid, minkejja li ma kellhomx fatalità, iżda ser jibqgħu b’xi difett f’saħħithom, żgur ma tistax issemmilhom il-kelma “normalità” għax naħseb jibgħatukom issaqqi l-ħass tal-Marsa u jkollhom raġun. Għal dawk li tilfu l-post tax-xogħol tagħhom wara tant snin minħabba l-pandemija ma tantx hemm normalità. U nistgħu nibqgħu sejrin insemmu litanija ta’ sitwazzjonijiet li ma tantx jistgħu jerġgħu lura għan-normal minkejja l-isforzi kollha li qed isiru.

Fil-knejjes

Jiena bħala saċerdot ma nistax ma ninnutax li minn wara li l-knejjes għalqu u reġgħu fetħu, in-numru ta’ nies li jattendu naqas drastikament. Il-kurja Maltija kienet qalet li dak li jkun jista’ jisma’ l-quddies minn fuq il-mezzi tax-xandir u din tgħodd xorta waħda. Din il-ħaġa tidher li ntogħġbot għax meta reġgħu nfetħu l-knejjes kien hemm min baqa’ jisma’ l-quddies id-dar. Imma ejjew inkunu sinċieri magħna nfusna: Jekk irridu normalità ma nistgħux nibqgħu d-dar, hemm bżonn inkunu preżenti fil-knisja.

Festi

Jidher li dan is-sajf ser nerġgħu nkunu nistgħu ngawdu l-festi tal-qaddisin patruni tal-irħula u l-ibliet tagħna. Il-festi tal-Ġimgħa l-Kbira u tal-Għid il-Kbir għandhom mnejn ikunu l-ewwel prova. Imma kemm ser ikollna normalità fil-festi? Nibda biex ngħid li biex torganizza festa trid eluf u eluf kbar ta’ ewro u dawn jinġabru permezz ta’ attivitajiet li jsiru. Bil-pandemija dawn l-attivitajiet kellhom jitwaqqfu u għalhekk ingħalaq kull sors ta’ dħul għall-organizzaturi tal-festi bħalma huma l-kumitati tal-armar, l-għaqdiet tan-nar u l-baned. U dan biex ma nsemmix il-Knisja għax wara kollox il-festi titualri ta’ pajjiżna torganizzahom il-Knisja minkejja li ftit li xejn tieħu l-prosit!

Problema oħra marbuta mal-festi hija l-bandisti. Billi ħafna bandisti kienu jqisu d-daqq fil-marċi bħala xogħol part time, bil-waqfien tal-festi matul il-pandemija dawn spiċċaw bla xogħol part time. Xi wħud minnhom sabu xogħol part time ieħor u llum qed isibuha bi tqila biex iħallu dan il-part time u jerġgħu jibdew idoqqu mal-banda. Min ilumhom? Jekk xejn il-part time jitħallas kull ġimgħa, ħmistax jew xahar filwaqt li ħafna drabi s-servizzi mogħtija lill-banda jitħallsu fi tmiem l-istaġun tal-festi jew meta jingħalqu l-kontijiet tas-soċjetajiet filarmoniċi. Dan il-fatt ġab il-problema li llum saret diffiċli ssib bandisti biżżejjed biex tgħaqqad banda sura ta’ nies. Min jaf meta jkun hawn ħafna festi f’daqqa, bħal ngħidu aħna nhar Santa Marija, x’ser isir? Għal min isib ruħu b’dawn il-problemi quddiemu u jipprova jsib soluzzjoni għalihom ma tantx tista’ tgħidlu li wasalna għan-normalità għax malajr jitla’ San Filep, ladarba qed insemu l-festi u l-qaddisin.

Hawn semmejt biss ftit aspetti fejn il-pandemija li ħakmet lid-dinja dawn l-aħħar snin sejra tħalli effett mhux mixtieq fuqna. Ilkoll nittamaw li xi darba jkollna n-normalità li kull jum tal-pandemija xxennaqna għaliha, ittamajna li ma ddumx ma tiġi, imma kemm tabilħaqq xi darba nkunu nistgħu ngħidu li erġajna qed ngħixu b’mod normali?

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f''In-Nazzjon - 16 ta' April 2022




venerdì 8 aprile 2022

Is-Sinjal tas-Salib

 

It-tieni parti

 

Wara li l-ġimgħa l-oħra tkelimmna dwar ix-s-simbolu tas-salib u l-oriġini tiegħu. Semmejna kif beda jidher dan is-sinjal u kif minn salib bdejna naraw il-kurċifiss, is-salib bil-ġisem ta’ Kristu fuqu. Kif daħal fl-arti madwar id-dinja kollha. illum inkomplu naraw aktar tagħrif dwar dan is-sinjal tant mifrux fid-dinja Kattolika.

 

Artisti

 

Minn issa ’l quddiem nistgħu nibdew insemmu lista ta’ artisti li pittru l-kurċifiss, imma nsemmu biss dawk l-aktar famużi. Bejn l-1304 u l-1306, Giotto pitter il-kappella mgħarufa bħala Cappella degli Scrovegni, ġewwa Padova u fost pittura oħra nsibu l-Kristu msallab. Il-beatu Angelico wkoll ħallielna xbiehat ta’ Kristu fuq is-salib. Fil-mużew San Marco ta’ Firenza dan id-Dumnikan għandu l-pittura tal-kurċifiss u pittura oħra ta’ Kristu fuq is-salib qiegħed jiġi minfud bil-lanza, li saru bejn l-1337 u l-1346. Fis-sekli ħmistax u sittax insibu bosta artisti minn madwar l-Ewropa li ħadmu fuq din ix-xena u ħallewlna opri kbar li juru l-kurċifiss. Mathias Grünewald, Paolo Uccello,  Maestro von Sigmaringen, Quentin Massys, Andrea Mantegna, Rembrandt, Robert Campin, Van Eyck, Hans Pleydenwurff,  Johann Koerbecke, Hans von Tübingen, Albrecht Dürer,  Albrecht Altdorfer, Mathias Grünewald, Francesco del Cossa, Luca Signorelli u oħrajn. 

 

Aktar tard komplejna ngawdu opri oħrajn dwar din ix-xena bħal Kristu fuq is-salib ta’ Francisco de Goya tas-sena 1780 u li llum insibuha ġewwa l-mużew del Prado f’Madrid. Opra famuża ta’ żmienna hija l-kurċifiss ta’ Salvador Dali tal-1951 u li tinsab fil-gallerija tal-arti fi Glasgow.

 

Kurċifissi magħrufa

 

Ma nistgħux nitkellmu dwar il-kurċifissi u ma nsemmux is-salib magħruf bħala ta’ San Damjan. Dan il-kurċifiss li nsibu ġewwa l-knisja ta’ Santa Kjara f’Assisi huwa dak il-kurċifiss li quddiemu kien qiegħed jitlob San Franġisk meta semgħu jgħidlu biex jibni mill-ġdid il-Knisja. Huwa salib li l-istil tiegħu kien komuni ħafna ġewwa l-Umbrija fis-seklu XII. Il-kurċifiss li llum insibu fil-knisja ta’ San Damjan f’Assisi huwa replika ta’ dan il-kurċifiss tant għażiż mal-Franġiskani. Tajjeb li insemmu wkoll kurċifiss ieħor li għandu rabta ma’ qaddis kbir ieħor. Ġewwa l-Bażilika ta’ San Domenico Maggiore fil-belt ta’ Napli nsibu l-kappella tal-Kuċifiss. Il-kurċifiss li hemm fiha llum huwa riproduzzjoni tal-kurċifiss antik tas-seklu XIII li skont it-tradizzjoni jingħad li waqt li San Tumas ta’ Akwinu kien qiegħed jitlob quddiemu tkellem u qallu: Tumas, ktibt tajjeb ħafna dwari. Xi trid nagħtik? Il-qaddis dlonk wieġbu: Xejn ħliefek, Mulej!

 

Kurċifissi skolpiti 

 

Semmejna hawnhekk kurċifissi mpittrin u għalhekk jixraq nagħtu ħarsa lejn xi kurċifissi skolpiti li huma famużi. Fil-knisja tas-Salib Imqaddes ġewwa Firenze nsibu l-kurċifiss imnaqqax fl-injam maħdum minn Donatello. Aktarx li nħadem bejn l-1406 u l-1408. Ġewwa l-istess belt, fil-Knisja ta’ Santa Maria Novella nsibu kurċifiss tal-injam minqux bejn l-1410 u l-1415 minn Brunelleschi. Ta’ min jgħid li din hija l-opra waħdanija ta’ dan l-artit li nafu biha li hija minquxha fl-injam. Nerġgħu nsemmu lil Donatello. Bejn l-1444 u l-1447 dan l-artist għamel il-kurċifiss ta’ fuq l-altar maġġur li hemm fil-bażilika ta’ Sant’ Antnin ġewwa Padova. Dan huwa xogħol fil-bronż. Miżmum fis-sagristija tal-Bażilka tal-Ispirtu s-Santu mill-ġdid f’Firenze nsibu kurċifiss tal-injam maħdum mimm Michelangelo Buonarroti li sar għall-ħabta tal-1493. Dan huwa xogħol rari għax dan l-artist kien jippreferi jiskolpi l-irħam milli l-injam. Xogħol ieħor ta’ dan l-artist kbir huwa l-kurċifiss imsejjaħ ta’ Tiglio. Dan huwa kurċifiss żgħir tal-injam għad-devozzjoni privata. Illum jinstab fl-ambaxxata Taljana għas-Santa Sede f’Ruma sewwa sew fil-kamra tad-deputati.

 

F'pajjiżna

 


Minkejja li l-parti l-kbira ta’ dawn il-kurċifissi li semmejna jnsabu l-Italja, ma jfissirx li ma nsibux kurċifissi oħrajn magħrufin u devoti. Ma hemmx għalfejn immorru bogħod minn xtutna, f’Malta għandna l-kurċifiss ta’ Ġieżu. Dan huwa xogħol fl-injam attribwit lil Frate Umile minn Palermo u li nġieb Malta għall-ħabta tal-1630. Sa minn dak iż-żmien dan il-kurċifiss qajjem devozzjoni kbira lejh, liema devozzjoni għadha teżisti sal-lum. Dan il-kurċifiss nistgħu ngħidu li huwa l-kurċifiss l-aktar magħruf f’art twelidna. Ma nistgħux inħallu barra il-bosta kurċifissi tal-Vara l-kbira ta’ xi wħud mill-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira, liema kurċifissi huma tabilħaqq devozzjonali. Ma nistgħux ma nsemmux il-kurċifiss tal-vara l-kbira tal-Belt Valletta u dak tal-vara l-kbira ta’ Ħal Qormi fost tant oħrajn.

 

Dak li kien saħta, dak li kien bluha, dak li kien tkexkix, dak li kien mistmerr illum sar simbolu mill-aktar mifrux madwar id-dinja kollha. Salib, sempliċi salib li kien il-ħsieb ta’ bosta opri tal-arti mill-aqwa artisti mondjali. Kristu msammar ma’ salib sar is-simbolu tas-salvazzjoni rigward il-fidi u sar tema popolari u devozzjonali fejn tidħol l-arti. Mhux ta’ b’xejn l-akbar artisti inkludew il-kurċifiss fix-xogħol tagħhom.

 Fr. Reno Muscat 

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 9 ta' April 2022


 


sabato 2 aprile 2022

Is-Sinjal tas-Salib

 l-ewwel parti

Is-sinjal tas-salib huwa s-sinjal Nisrani l-aktar magħruf. Għall-Insara huwa s-simbolu li jfakkar fil-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù u l-qawmien mill-imwiet li ssegwi. Għar-Rumani kien il-mezz li bih tingħata l-piena kapitali. San Pawl jgħidilna li s-salib kien “skandlu għal-Lhud u bluha għall-pagani” (1 Kor 1, 23) imma għan-Nisrani huwa fidwa. Illum is-salib bil-ġisem ta’ Ġesù imsallab fuqu jissejjaħ kurċifiss u nsibu r-rapreżentazzjoni tiegħu mhux biss fil-knejjes imma f’mużewijiet, palazzi u fi djar privati. Bosta artisti ta’ fama kbira ħallewlna din ir-rapreżentazzjoni ta’ Kristu fuq is-salib. Illum il-kurċifiss huwa s-simbolu magħruf tal-Kristjanità. Insibu wkoll kurrent kontra il-kurċifiss f’postijiet pubbliċi. Tajjeb inkunu nafu li l-qima lejn il-kurċifiss ma kinitx teżisti mill-bidu tal-kristjaneżmu.

 Bidu

Fl-ewwel snin tal-Knisja mwaqqfa’ minn Kristu, ir-Rumani kienu jqisu lill-Insara bħala Lhud. Tajjeb insemmu li l-Lhud kienu meqjusin bħala poplu antik ħafna b’reliġjon antika wkoll u għalhekk il-Lhudi kien eżentat mill-kult pagan li kienet obbligata tagħti kull persuna li tkun taħt il-ħakma Rumana. Meta l-Insara bdew jorganizzaw ruħhom u nqatgħu għal kollox mil-Lhud, ma baqgħux aktar eżentati milli jqimu lill-allat Rumani. Hawn bdew il-persekuzzjonijiet u l-martirji. L-insara ma kienux jagħmlu xbiehat tal-kurċifiss, l-ewwel ħaġa minħabba l-biża’ tal-persekuzzjoni u t-tieni ħaġa bħala rispett (ma ninsewx li l-mewt fuq is-salib kienet il-mewt tal-kriminali u tal-agħar nies). Kienu jsiru simboli oħrajn minflok is-simbolu tas-salib, simboli bħal ħuta jew pagun li kollha kellhom b’xi mod jew ieħor xi tifsira marburta mal-fidi tan-Nazzarenu.

Jekk irridu nistudjaw l-ewwel żminijiet tal-kristjaneżmu rridu ninżlu fil-katakombi ta’ Ruma. Hemmhekk insibu sinjali ta’ slaleb minquxin fil-ġebel jew impittra mal-ħajt, imma akatrx li din il-ħaġa hija rarità għaliex aktar insibu simboli oħra milli slaleb bħalma huma il-ħuta li diġà semmejna, il-ħobż u l-ankra. Wara d-digriet tal-Imperatur Kostantinu, li ta l-libertà lill-kult Nisrani, bdejna nsibu slaleb fuq il-lapidi tal-oqbra maġenb l-isem tal-midfun. Ovvajment is-salib kien isir biss jekk il-mejjet ikun Nisrani. Insibu tliet tipi ta’ slaleb, forma ta’ T, is-salib Latin t u s-salib Grieg +. Issa is-salib sar is-sinjal universali tal-Knisja u bdejna insibuh fl-ewwel knejjes. Qegħdin nitkellmu dwar slaleb u mhux dwar kurċifissi. Bdejna nsibu slaleb fil-mużajċi tal-apsidi tal-bażiliċi – slaleb imżejnin b’ħaġar prezzjuż sabiex jindika li s-salib huwa t-tron tas-Sultan tad-dinja. Waħda mill-ewwel knejjes li kellha salib ta’ dan it-tip hija l-knisja ta’ Santa Prudenzjana f’Ruma.  Eżempju ieħor ta’ dan it-tip ta’ salib insibuh fil mawsolew ta’ Galla Placida ġewwa Ravenna.

 Kurċifiss

Sa issa l-ebda salib ma kien juri lil Kristu msallab fuqu. L-ewwel darba li kien muri Kristu msallab kien fis-seklu V. Fil-bieb tal-bażilika ta’ Santa Sabina fuq il għolja tal-Aventino ġewwa Ruma – dik li llum hija l-Knisja tal-kurja ġenerali tal-Ordni tal-Predikatari (id-Dumnikani), insibu panew skulturat bi Kristu msallab. Huwa l-ewwel eżempju ta’ din it tip ta’ ikonografija Kristjana. Lil Kristu insibuh b’idejh miftuħin iżda warajh ma hemmx is-salib.

Aktar ma beda jgħaddi żmien aktar il-kurċifiss beda jinxtered fid-dinja Kristjana. Issa anke fil-mużajċi bdejna nsibu is-salib bil-ħaġar prezzjuż u fuqu Kristu msallab. Eżempju sabiħ ta’ din it-tip ta’ ikonografija huwa s-salib fl-arzella tal-bażilika ta’ San Klement f’Ruma.

 Fl-arti

Ma nistgħux nitkellmu fuq il-Kristjaneżmu jekk ma nsemmux l-Italja. Irridu jew ma rridux bilfors min hemm irridu nitilqu biex nitkellmu dwar l-arti Kristjana. Jekk il-fidi Nisranija bdiet fir-raħal ta’ Nazzaret, l-arti Nisranija bdiet fil-belt ta’ Ruma u nxterdet malajr fl-ibliet qrib. Qrib is-sena 1000 bdejna nsibu bosta kurċifissi mpittrin fuq l-injam u mdendlin fil-knejjes. Xi katidrali kienu jiġu mogħtija slaleb tal-fidda mill-isfijiet tagħhom. Tajjeb insemmu xi eżempji minn dawn.  L-isqof Aribertu ta’ Milan kien ta salib tal-fidda lid-Duomo ta’ din il-belt fl-1018 u l-Isqof Iljun offra salib tal-fidda lid-Duomo ta’ Vercelli aktarx fl-1026. Mhux isqfijiet biss kienu jagħmlu offerti bħal dawn. Il-badessa Raingarda kienet tat is-salib tal-fidda tagħha lill-katidral ta’ Pavia madwar is-sena 996.

Wasal imbagħad iż-żmien fejn bdew jitpittru bosta kurċifissi u nistgħu ngħidu li l-Italja hija mimlija b’dawn il-kurċifissi mpittrin fuq l-injam. Xi wħud minnhom huma xogħol ta’ artisti magħrufin.  Aktarx wieħed mill-aktar kurċifissi magħrufin ta’ dan it-tip huwa dak li nsibu fil-Bażilika ta’ San Duminku ġewwa Bologna. Dan huwa xogħol ta’ Giunta Pisano. Huwa xogħol li tpitter bejn l-1250 u l-1254 u llum għadu jinstab fl-istess bażilika. Fuq il-passi ta’ Pisano imxew artisti oħrajn sabiex ħolqu kurċifissi fuq l-istess linja, xejn inqas famużi minn dak ta’ Bologna.  Madwar is-sena 1275, Cimabue pitter kurċifiss simili għall-knisja tas-Salib Imqaddes ġewwa Firenze. Illum il-kurċifiss ta’ Cimabue jinstab fil-mużew ta’ Santa Croce ġewwa l-istess belt. L-istess artist pitter kopja tal-kurċifiss ta’ Pisano għall-knisja ta’ San Duminku  ta’ Arezzo bejn l-1268 u l-1271. Lejn tmiem is-seklu tlettax, Giotto pitter il-kurċifiss li nsibu fil-Knisja ta’ Santa Maria Novella f’Firenze. Din il-knisja hija knisja oħra tad-Dumnikani, dan ifisser kemm dawn il-patrijiet kienu devoti ta’ din ix-xbieha u kemm ħadmu biex ixerdu l-kult lejn il-Kurċifiss.

 Għal-lum niefqu hawn, Inkompli ngħidu aktar il-ġimgħa d-dieħla

 Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 2 ta' April 2022