venerdì 27 maggio 2022

Il-festi tas-sajf

 

Wara li għal sentejn il-gżejjer Maltin kellhom jiċċaħħdu mill-festi tant popolari li jsiru fil-parroċċi tal-irħula u l-bliet tagħna, jidher li dan is-sajf sejrin ikollna sajf li fih sejrin isiru dawn il-festi. Żgur li hawn min jieħu gost b’ħaġa bħal din imma jiena żgur ukoll li hawn min jieħu qatgħa. Hekk fid-dinja, ma jistax ikun kulħadd kuntent fl-istess waqt!

Sentejn wara xulxin

Biex inkunu għidna kollox, fl-ewwel sajf tal-pandemija kien hemm xi festi li saru, imma d-deċiżjoni li jsiru festi jew kif sejħulhom “pellegrinaġġi” kellhom jitwaqqfu ħin bla waqt għax il-każi tal-covid19 kienu bdew jiżdiedu b’mod allarmanti u l-awtoritajiet tas-saħħa kienu ħarġu xi direttivi u l-awtoritajiet tal-Knisja ordnat li dawn il-festi ma jibqgħux isiru. Is-sajf tas-sena l-oħra ma hemmx għalfejn nikkummentaw wisq dwaru fejn jidħlu festi – festi fil-knejjes biss, fejn saru u meta saru! Tabilħaqq li l-qofol tal-festa tradizzjonali Maltija hija l-festa ta’ ġewwa għax fuq kollox dawn huma festi reliġjużi, imma l-poplu dara li mal-festi li jsiru fil-knisja jkun hemm dawk esterni, bl-armar fit-toroq, bin-noti tal-marċi, fil-ħsejjes tal-murtali u l-kumplament. Kien x’kien ikollna ngħidu li għaddejna sentejn bla festi. Issa din is-sena sejrin nerġgħu nibdew ingawdu l-festi, imma dawn is-sentejn li għaddew nibża’ li se jkollhom effett negattiv fuq il-festi tagħna.

Organizazzjoni

Ejjew ninsew għal ftit il-festi tal-Knisja u naħsbu dwar il-festi esterni. Biex torganizza festa kif ikunu organizzati f’pajjiżna trid eluf u eluf ta’ ewro. Il-kumitati li jieħdu ħsieb l-organizazzjoni tal-festi jaħdmu matul is-sena kollha biex jiġbru l-fondi meħtieġa għall-festa. Billi l-pandemija sakkritna f’darna għal xi xhur, billi r-restrizzjonijiet marbuta mal-imxija li għadha magħna ma kinux jippermettu li jsiru attivitajiet ta’ massa, dawn il-kumitati spiċċaw ma jistgħux jorganizzaw dak li kienu jorganizzaw qabel biex jaqilgħu, kif ngħidu bil-Malti, “lira għall-festa.” L-ispejjeż komplew jiżdiedu u d-dħul jew waqaf għal kollox jew naqas b’mod drastiku. Allura ma nistgħux nistennew li dak li konna naraw sa tliet sin ilu sejrin nerġgħu nibdew narawh kollu dan is-sajf.

Il-virus

Il-virus tal-corona daħħal miegħu virus ieħor f’xi wħud. Xi rrid ngħid? Minħabba l-pandemija kien hawn min inħakem mill-apatija. Minkejja li forsi dak li jkun ma jgħidhiex minn fommu, għandu mnejn jaħsibha f’moħħu aktar milli f’qalbu li ladarba għaddejna sentejn bla festi, nistgħu nibqgħu hekk. Tkun tabilħaqq ħasra li patrimonju li ilu jinbena tant snin jintilef f’ħakka t’għajn!

Problema oħra hija tal-bandisti. Il-bandist kien jagħmel sajf idoqq u fl-aħħar jieħu l-ħlas tal-ħidma li jkun wettaq. Billi fis-sentejn li għaddew il-bandist ma kellux xogħol għandu mnejn li sab xogħol part time u issa ma fadallux ħin biex jagħti sehmu mal-banda. Il-festi tagħna huma ħolqa fil-katina li ddawwar il-mutur ekonomiku tal-pajjiż u bħalma jiġri f’kull qasam ekonomiku, meta t-talba tkun akbar mill-prodott il-prezz jispara ’l fuq. Billi l-bandisti naqsu, il-ħlas tas-servizz tagħhom żdied u dan jitfa’ aktar piż fuq l-organizzaturi għax id-dħul naqas u l-ħruġ żdied. U jekk sa issa semmejt il-festi ta’ barra, il-festi ta’ ġol-knisja messithom l-istess xorti wkoll. Biex ikompli jintefa’ l-melħ fuq il-ferita, il-każi tal-covid għadhom magħna u l-imwiet b’dan il-virus għadhom iseħħu wkoll. Dan il-fatt ibeżża’ lin-nies u allura l-folol li darba kienu jidhru fil-festi ma ngħidx għabu, imma nammettu li naqsu.

Mhux l-aħħar tad-dinja!

Sa issa ktibt fuq il-problemi kbar li ser isibu ma’ wiċċhom dawk kollha li b’xi mod għandhom xi responsabilità għall-organizazzjoni ta’ xi festa. Imma mhux kollox iswed, mhux kollox dlam. Minkejja dawn il-problemi kollha għad hemm persuni li għadhom jaħdmu bla nifs biex il-festa tal-patrun jew patruna tibqa’ ssir anke jekk ikollhom jitnaqqsu xi ativitajiet. Wara kollox anke siġra, kultant tkun trid tinżabar.  Għall-ewwel dik is-siġra tidher kerha u stramba f’għajnejna, maż-żmien terġa’ tkabbar friegħi oħra.

Tarbija

Biex nibqgħu fuq il-pożittiv ngħid ukoll li matul ix-xhur li d-dinja kienet donnha waqfet għal kull attività, kien hemm grupp ta’ persuni li waqqfu banda ġdida. Qed nirreferi għar-raħal ta’ Tal-Pietà u Gwardamanġa fejn għadha kemm twaqqfet is-Soċjetà Filarmonika Madonna ta’ Fatima. Illum meta anke soċjetajiet li huma sabbiliti sewwa qegħdin isibu ma’ wiċċhom dawn il-problemi kbar, bla ma trid tammira l-kuraġġ ta’ dawn it-talin. U biex inkun qed ngħid kollox din ma hijiex banda fantażma, hija banda li sejra tieħu sehem fil-festa tal-Madonna ta’ Fatima li ssir fil-parroċċa fl-ewwel Ħadd ta’ Ġunju. Ma tistax ma tammirax lil din il-għaqda li fl-ewwel xhur tagħha, meta għadha daqsxejn ta’ tarbija, ser tagħti żewġ servizzi: Marċ qasir u programm mużikali il-Ħamis tal-festa kif ukoll sejra takkumpanja l-purċissjoni l-Ħadd filgħaxija.

Dawn kienu ftit ħsibijiet fil-bidu tal-istaġun tal-festi tagħna. Mhux kollox ward u zahar imma lanqas hu kollox ħażin!

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 28 ta' Mejju 2022




venerdì 20 maggio 2022

Taqbiliet tfulitna

 

Spiss niltaqa’ ma xi persuni tampari u ħafna drabi l-kliem tagħna jaqa’ fuq id-differenzi li hemm bejn it-tfulija tagħna u dik tat-tfal tal-lum. Nifhmu li l-ħajja nbidlet għal kollox u dak li għandhom it-tfal tal-lum lanqas qatt ma konna noħolmu bih aħna, it-tfal ta’ nofs seklu ilu. Biss ikollna ngħidu wkoll li dak li kellna aħna, it-tfal tal-lum ġew imċaħħdin minnu. Fejn hu dak iż-żmien li konna niġġerrew u nilgħabu barra t-triq bla ebda biża’ li se nittajru minn xi karozza? Fejn huma dawk il-fetħiet kbar ta’ għelieqi qrib djarna? Illum hawn aktar kumditajiet, it-tfal għandhom aktar biex jilgħabu imma l-logħob tagħhom sar mekkanizzat jew aħjar elettroniku. Frott ta’ din il-bidla hija wkoll in-nuqqas ta’ komunikazzjoni bejniethom. Mhux bħalna li konna naraw x’nivvintaw biex nilgħabu.

Taqbiliet

Minbarra l-logħob, dawk tampari kellna ħafna taqbiliet li konna nafuhom ilkoll kemm aħna bl-amment. Taqbiliet qosra li ladarba titgħallimhom tibqa’ tiftakarhom ħajtek kollha. Forsi dak li jkun jinsa xi biċċa imma kemm-il darba xi ħadd ifakkarhielu jerġa’ jiftakarha daqs li kieku għadu kif tgħallimha llum. Ħa nfakkarkom f’xi wħud minnhom!

Għada ma mmurx skola,

għax il-festa tas-Signora,

nitilgħu fuq il-bejt

u nwaddbulha flixkun żejt.

 

Is-signora ma hija ħadd għajr il-kap tal-iskola tal-bniet jew dik li llum isejħulha head teacher. Ma nafx għalfejn konna ngħidu hekk imma din hi waħda mill-aktar taqbiliet popolari li konna ngħidu aħna. Taqbila oħra li konna nafuha lkoll kienet titratta lil ċertu tifel bl-isem ta’ Toninu.

Waqt li Toninu, kien qiegħed jaqra,

b’qattus maġenbu u kelb daqs naqra

Daħlet in-nanna, inkiss inkiss

U tatu bewsa, kif kien imiss.

 

Taqbiliet bla ebda kumplikazzjonijiet ta’ xejn u kultant forsi bla ebda tifsira wkoll. Biss ikollna nammettu li lkoll konna nafuhom,inħobbuhom u ngħiduhom ta’ spiss.

Marbuta mal-fidi

Il-fidi tagħna, il-Knisja u l-qaddisin, qabel kellhom ħafna aktar post importanti fil-ħajja tagħna. Għalhekk ma jistax jonqos li konna nafu xi taqbiliet li kelhom b’xi mod rabta mal-fidi. Bħal din pereżempju:

X’xorti kellha dik Sant’Anna, il-Bambin jgħidilha Nanna,

X’xorti kellu San Ġwakkin, Nannu jgħidlu il-Bambin.

 

Il-festi tagħna wkoll kellhom importanza fil-kalendarju ta’ tfulitna. Mhux biss għax il-festa tar-raħal kienet tfisser tibdila ġdida, bosta drabi meħjuta minn ommijiietna stess, xi zija jew xi ħajjata ġara tad-dar tagħna. Mhux biss għax fil-ġimgħa tal-festa kien ikollna xi ftit ċenteżmi aktar fil-but biex nixtru dak il-famuż hot dog; bezzun imsaħħan fil-fwar b’zalzetta fih u b’kuċċarina fażola biz-zalza tal-bott fuq kollox. Il-festi tagħna kellhom ukoll post fit-taqbiliet tagħna, bħal din:

Santa Marija l-Mosta

Il-Vitorja in-Naxxar

Santa Liena Birkirkara

U tal-Grazzja Ħaż-Żabbar.

 

Jien bħala tifel minn Ħal Qormi niftakarni ngħidu taqbila biex ninku liż-żewġ irħula ġirien tagħna, Ħaż-Żebbuġ u s-Siġġiewi.

San Filep kemm hu iswed,

San Nikola kemm hu xiħ

Eviva Ġorġi tagħna

Kemm hu aħmar u sabiħ!

 

Mur għidilna ta’ tfal li konna li kemm l-istatwa ta’ San Filep kif ukoll dik ta’ San Nikola huma żewġ opri tal-arti mill-aqwa li għandna f’pajjiżna. Imma meta tkun żgħir dawn id-dettalji la tagħti każ tagħhom u lanqas biss taħseb dwarhom. Illum nifhmuha mod ieħor.

Fil-festi kont, u biex ngħidu d-dritt għadek tisma’ quddiem il-vara tal-qaddis jew qaddisa ċerti taqbiliet popolari bħal din:

Kollok deheb kollok djamanti, issa żgur ma jonqsok xejn.

Jonqsok biss it-talb ta’ qalbna u ċ-ċapċip minn tal-idejn.

 

Mal-logħob

Kif semmejt aktar qabel, il-logħob tagħna kien ikun spiss barra l-ħitan ta’ djarna u meta konna niltaqgħu ċorma tfal, kollha mill-istess triq, konna nilagħbu logħob li fih ukoll xi taqbiliet. Bħal ngħidu aħna din:

Pizzi, pizzi kanna, Dolores ta’ Sant’Anna,

Sant’Anna tal-morini, pizzi pizzi pellegrini,

 magħref tal-fidda, bandiera tal-ħarir,

 galletta mxarrba fl-ilma ħażin.

 

Kien hawn verżjonijiet oħra ta’ din it-taqbila imma jiena hawnhekk ġibt dik li konna ngħidu aħna. Il-logħba Pizzi Pizzi Kanna kienet issir fuq is-swaba tat-tfal. Taqbila oħra marbuta ma’ logħba kienet tinvolvi aktar moviment kienet din:

Bum bum il-bieb, onġi onġi onġella.

Bum bum il-bieb, onġijo kavallier.

Min ġie, min ġie, min ġie? Onġi onġi onġella.

Min ġie, min ġie, min ġie? Onġijo kavallier.

 

Din kienet taqbila ħafna itwal minn hekk, jien ktibtilkom biss l-ewwel ftit versi, biss żgur li hawn ħafna minnkom li jafu jkompluha sa tmiemha.

Nistqarr magħkom li dawn it-taqbiliet ġabuli ħafna u ħafna nostalġija, nostalġija ta’ tfuliti, nostalġija għal dak iż-żmien li tar li kif jgħidlu l-poeta  Ġan Anton Vassallo: “O żmien ħelu, kif għaddejtli, żmien ta' meta kont bla ħtija. It-tifkira biss ħallejtli biex il-għira nħoss għalik, int ma terġa’ iżjed għalija, u sal-mewt indum nibkik.”

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 21 ta' Mejju 2022




venerdì 13 maggio 2022

Santu Rokku

 

Il-ġimgħa l-oħra wassalt xi tagħrif dwar San Bastjan u l-kult tiegħu billi huwa wieħed mill-qaddisin li l-bniedem idur lejhom f’xi epidemija jew pandemija. Daqs tant ieħor ikun mitlub Santu Rokku u għalhekk xieraq li llum inkun u nafu xi ħaġa dwar dan il-qaddis u l-kult tiegħu.

Dwar il-qaddis

Dan il-Qaddis twieled Montpellier fi Franza bejn l-1345 u l-1350 u miet f’Voghera fl-Italja bejn l-1376 u l-1379 ta’ mhux aktar minn tnejn u tletin sena. Is-sorsi fuq dan il-qaddis huma skarsi u mhumiex preċiżi ħafna u jsiru aktar oskuri bil-leġġendi dwaru. Jingħad li waqt li kien f’pellegrinaġġ lejn Ruma huwa kien ta dak kollu li kellu lill-foqra imbagħad waqaf  f’Acquapendente, fil-provinċja ta’ Viterbo, l-Italja.  Hemmhekk beda jiddedika ruħu biex jgħin lill-morda bil-pesta u wettaq xi fejqan mirakoluż tant li dlonk inxterdet il-fama tiegħu. Waqt dan il-pellegrinaġġ lejn l-Italja ċentrali huwa ddedika ruħu għal ħidmiet ta’ karità u għajnuna kif ukoll wettaq konverżjonijiet kontinwi. Kien kważi miet fil-ħabs, wara li ġie arrestat ħdejn Angera, fil-Lombardija,  minn xi suldati fuq suspett ta’ spjunaġġ. Huwa kien ikun mitlub kontra l-mard tal-baqar u d-diżastri naturali, il-kult tiegħu nfirex b’mod straordinarju fit-Tramuntana tal-Italja u dan kien marbut b’mod partikolari bħala protettur kontra l-pesta.

Qabel il-mewt tiegħu, il-Qaddis kien kiseb mingħand Alla r-rigal li jsir l-interċessur ta’ dawk kollha li jomordu bil-pesta li jinvokaw ismu, Fuq il-qabar tiegħu f’Voghera, mill-ewwel beda jiffjorixxi l-kult taż-żagħżugħ Rocco, pellegrin minn Montpellier, ħabib taż-żgħar, il-morda bil-pesta u l-foqra. Il-Konċilju ta’ Kostanza fl-1414 invokah bħala qaddis għall-ħelsien tiegħu mill-epidemija tal-pesta. Il-Papa Girgor XIII (1572-1585) daħħal l-isem ta’ Rokku fil-Martiroloġju Ruman, taħt il-pontifikat tal-Papa Urbanu VIII (1623-1644) il-Kongregazzjoni tar-Riti daħħlet Uffiċċju u Quddiesa għall-knejjes mibnija ad unur il-qaddis. Fl-aħħarnett, fl-1694, il-Papa Innoċenz XII ta l-permess lill-Franġiskani biex jiċċelebraw il-festa b’rit doppju l-festa ta’ Santu Rokku bħala membru tat-Terz Ordni ta’ San Franġisk. Il-knisja tiċċelebra l-festa tiegħu nhar is-16 ta’ Awwissu.


F’Malta

Santu Rokku għandu għadd ta’ kappelli ġewwa Malta u dan juri l-qima li jgawdi. Bosta minnhom inbnew b’wegħda wara xi imxija. Indibu kappelli jew knejjes għal dan il-qaddis fu fil-Belt Valletta.

Qabel l-1658 f’Bubaqra kien hemm żewġ knejjes: waħda dedikata lil San Ġwann u l-oħra lil Santu Rokku. Dawn ingħalqu u flokhom, fl-1676, inbniet il-knisja dedikata lil Santa Marija li tkabbret fl-1961. Il-Qriema wkoll huma devoti lejn il-qaddisin protetturi kontra l-pesta. Nhar l-14 ta’ April 1676 saret purċissjoni penitenzjali waqt Ii l-aħwa Dun Giovann u Giorgio Cauchi għamlu rikors il-Kurja sabiex iwaqqgħu ħames knejjes zħar, biex flokhom jibnu knisja ddedikata Iil Santu Rokku. Din il-wegħda twettqet izda flok Iil Santu Rokku, il-kappella l-gdida kienet dedikata lit-twelid taI-Madonna {il-Vitorja). F’din ii knisja gie ddedikat artal għal Santu Rokku.

Fiż-Żurrieq, fil-parroċċa ta’ Santa Katarina nsibu l-fratellanza ta’ Santu Rokku. Din twaqqfet fl-1606 u hija l-unika fratellanza f’Malta ta’ dan il-qaddis li għadha attiva. Il-festa f’gieħ il-qaddis issir it-tielet Ħadd ta’ Settembru. Il-fratellanza għandha vara tal-kartapesta tal-qaddis, xogħol l-istatwarju Għawdxi Wistin Camillieri. Il-fratelli jilbsu muzetta ħadra bl-emblema tal-qaddis u kurdun aħdar ma’ qaddhom u kuruna tar-Rużarju.

Fit-toroq tagħna

Fit-toroq Maltin insibu xejn anaqas minn 35 niċċa bi xbieha ta’ Santu Rokku. L-akbar numru ta’ dawn in-niċeċ insibuh f’Ħal Qormi uf’Ħaż-Żebbuġ fejn hemm 6 niċeċ li juru lill-qaddis f’kull raħal minnhom. F’Birkirkara, fil-Belt Valletta, f’Ħal Luqa, f’Ħal Balzan u f’Ħal Kirkop insibu żewġ statwi f’kull waħda minn dawn il-lokalitajiet filwaqt li f’Tas-Sliema, , fiż-Żurrieq, fis-Siġġiewi, f’San Ġiljan, f’Santa Venera, fil-Qrendi, fl-Imsida, l-Imqabba, f’Ħal Lija, f’Ħal Għaxaq u fil-Birgu nsibu niċċa bi statwa ta’ Santu Rokku f’kull raħal jew belt minnhom. Fiż-Żejtun insibu statwa tal-qaddis fuq iz-zuntier u oħra f’niċċa

Madwar Malta nsibu għadd ta’ toroq imsemmija għal Santu Rokku: Birkirkara, il-Kalkara, l-Imdina, il-Mosta, Ħal Qormi, ir-Rabat, Ix-Xagħjra,  iż-Żejtun u ż-Żurrieq. F’Ħal Għaxaq minbarra triq hemm ukoll misraħ b’isem il-qaddis. In-naħa tal-Kalkara nsibu l-Forti Santu Rokku.

Fit-taqbil

Dan il-qaddis insibuh imsemmi f’żewġ taqbiliet Maltin. Billi kien hem żmien li kienu jsiru t-tiġrijiet tal-bhejjem fil-festa tiegħu it-tnejn li huma jagħmlu riferenza għal xi tiġrija taż-żwiemel. . Aktarx li dawn it-tiġrijiet kienu jsiru l-Ħadd qabel is-16 ta’ Awwissu, jum il-festa ta’ Santu Rokku.  Dawn it-tiġrijiet jissemmew fit-taqbila popolari:

Ninu, Ninu tal-Milied

Ommi għamlet il-qagħqiet

Il-qagħqiet tal-qastanija

Santu Rokku tat-Tiġrija.

Għaddew il-festi kollha

Baqa’ biss Santa Marija.

 

Taqbila oħra inqas popolari li hi marbuta mat-tiġrijiet ta’ Santu Rokku hi din:

Santu Rokku tat-tiġrija

Għandna żiemel intellquh

‘K jiġi l-ewwel kemm inħobbu

‘K jiġi l-aħħar kemm intuh.

 

Hemm aktar x’ngħidu u xi nsemmu dwar dan il-qaddis fosthom xbihat impittera tiegħu, imma għal-lum nieqfu hawn.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 14 ta' Mejju 2022



sabato 7 maggio 2022

Qaddis tal-epidemiji u pandemiji

 

Matul is-snin il-bniedem kellu jħabbat wiċċu ma’ mard li ġieli sar epidemija u xi minn daqqiet żvilupa f’pandemija. Id-differenza bejn dawn iż-żewġ termini hija waħda geografika, Filwaqt li epidemija tkun mifruxa fuq żona partikolari fid-dinja, pandemija tinfirex mad-dinja kollha.  Fil-fatt  il-kelma pandemija ġejja minn Pandemos li fil-Grieg tfisser il-popolazzjoni kollha. Ix-xjentisti jużaw dan it-terminu meta jridu jfissru li l-popolazzjoni dinjija kollha se tkun esposta għall-infezzjoni u li parti kbira mill-umanità sejra timrad.

Malta minkejja li hija gżira, hija parti mid-dinja u l-mard ma jafx bi fruntieri. Kemm-il darba pajjiżna għadda minn xi flaġell ta’ xi marda qerrieda li kienet qed taħkem lid-dinja jew lil xi parti minnha li hija qrib tagħna. Il-Maltin daru lejn Alla u lejn il-qaddisin biex jgħinuhom f’dawn il-waqtiet diffiċi. San Bastjan kien wieħed mill-aktar qaddisin li sarlu talb u wegħdi.

F’Ħal Qormi

Fit-tbatija tal-pesta tas-sena 1813 il-Qriema talbu għal ħniena mill-Mulej bl-interċessjoni tal-qaddisin fosthom tal-Madonna, ta’ San Ġorġ, ta’ Santu Rokku u ta’ San Bastjan. Saru anki diversi wegħdi. Frott ta’ waħda minn dawn l-wegħdi sar lampier tal-fidda li għadu jintrema fil-knisja parrokkjali ta’ San Ġorġ. Sabiex titwettaq wegħda oħra, fl-1815 fit-tarf tar-raħal tqegħdet l-istatwa ta’ San Bastjan magħmula minn ġebla Maltija. Din l-istatwa turi lill-qaddis fil-mument tal-martirju bil-vleġeġ u saret mill-aħwa Ġlormu u Ċikku Fabri mill-Birgu. Din l-istatwa hija meqjusa bħala wieħed mill-kapolavuri ta’ dawn iż-żewġ artisti. Fl-1816 l-Isqof Ferdinando Mattie ta indulġenza lil kull min jitlob quddiem din ix-xbieha. Biż-żmien madwar din l-istatwa inbnew għadd ta’ djar u nħasset il-ħtieġa li tinbena knisja ddedikata lil San Bastjan.

L-ewwel riferenza għal xi knisja ddiedikata lil San Bastjan f’Ħal qormi tmur lura sal-1575. Fi Frar ta’ dik is-sena, Mons. Pietro Dusina, Viżitatur Appostoliku żar Ħal Qormi u sab kappella dedikata lil San Bastjan. Din kienet nieqsa minn ħwejjeġ tal-quddies u affarijiet oħra.

Fil-Belt Pinto nsibu knisja ddedikata lil San Bastjan. Din illum hija magħrufa bħala l-knisja ż-żgħira. Din inbniet bejn l-1880 u l-1890 ħdejn statwa tal-qaddis li kienet twaqqfet fl-1815 biex tfakkar il-ħelsien minn epidemija tal-pesta tal-1813. Il-qima lejn San Bastjan, patrun tal-pesta, bdiet f’Ħal Qormi fis-seklu 16, u reġgħet tħeġġet fil-bidu tas-seklu 19 minħabba l-epidemija tal-pesta fl-1813 li qatlet madwar 740 persuna il-belt Qormija. Iż-żona madwar l-istatwa żviluppat sewwa fis-seklu 19 u fl-1873 l-imgħallem Michele Angelo Azzopardi għamel talba lill-Isqof Gaetano Pace Forno biex jibni knisja ġdida għall-abitanti ta’ dik ix-xaqliba ta’ Ħal Qormi. L-Isqof ta l-permess u l-knisja ta’ San Bastjan inbniet ħdejn l-istatwa bejn l-1880 u l-1890. Minflok il-knisja qabel kien hemm ħanut, li jingħad li ġie mwaqqa’ bil-lejl wara li s-sid tiegħu kien irrifjuta li joħroġ minnu.

Nhar id-9 ta’ Marzu 1890 , Mons. Ġużeppi Mercieca, Vigarju tal-isqof ibierek il-Knisja. Il-knisja saret viċi-knisja parrokkjali fid-19 ta’ Ġunju 1918 u parroċċa separata fl-1935 bl-ewwel kappillan tagħha jieħu l-pussess nhar l-5 ta’ Jannar 1936. Il-pittura tal-artal maġġur ta’ din il-knisja juri lil qaddis fil-martirju tal-vleġeġ u huwa xogħol ta’ Lazzaro Pisani. Il-konsagrazzjoni ta’ din il-knisja saret mill-Arċisqof Charles J. Scicluna nhar il-25 ta’ Ottubru 2019. Il-knisja tkun miftuħa kuljum għall-adorazzjoni sagramentali.

Knisja ġdida

Billi l-parroċċa deher li kienet sejra tikber, mill-ewwel nibet il-ħsieb ta’ knisja ġdida. Fl-1937 saru pjanijiet biex tinbena knisja akbar biex isservi bħala l-knisja parrokkjali. Ix-xewqa kienet li tinkiseb biċċa art tal-gvern li kienet fil-viċin. Din l-art ingħatat sena wara. Fl-1939, l-pjanti għall-knisja l-ġdida saru minn Arthur Zammit u ġew ippreżentati minn Annetto Mifsud Ellul. Fl-4 ta’ Frar, 1940 beda l-ewwel xogħol fuq il-bini tal-knisja l-ġdida. L-ewwel ġebla tqiegħed u tbierket fis-27 ta’ Jannar 1946 mill-Arċisqof Mikiel Gonzi. Il-kripta tal-knisja tlestiet fl-1952 u ġiet imbierka fl-istess sena. Beda jsir il-quddiews fil-kripta. Fl-1956 ix-xogħol fuq il-bini tal-knisja twaqqaf minħabba nuqqas ta’ fondi. Ix-xogħol kompla sentejn wara. Nhar it-30 ta’ Lulju 1969, il-periti George Muscat Fenech u Godfrey Azzopardi jippreżentaw rapport fejn jirraportaw li l-kripta mhix tiflaħ għall-piż tal-knisja u jeħtieg li jsr ċirku tal-konkrit mserraħ fuq kolonni biex isolvu l-problema tax-xquq. iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi kollha bdew isiru fis-sala ta’ l-iskola tal-gvern. 

Il-knisja fl-aħħar tlestiet fil-bidu tas-snin 80 u ġiet ikkonsagrata fid-19 ta’ Jannar, 1986 mill-Arċisqof Ġużeppi Mercieca. Il-Festa Titulari ta’ San Bastjan tiġi ċċelebrata kull sena fit-tielet Ħadd ta’ Lulju. Mons Arċisqof għolla l-parroċċa bit-titlu arċipretali nhar il-21 ta’ April 2019. F’din il-knisja nsibu l-istatwa tal-injam ta’ San Bastjan minquxa mill-artist Ġorġ Borg bejn l-1936 u l-1938.

Dan hu wieħed biss mill-qaddisin li l-Maltin daru lej għall-għajnuna f’xi epidemija jew pandemija.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 7 ta' Mejju 2022