sabato 25 giugno 2022

Aktar dwar il-Papiet

 Wara li l-ġimgħa l-oħra rajna xi tagħrif jew kurżitajiet dwar il-papa u l-papat, inkomplu naraw aktar.

 

Il-Papessa Ġovanna
Ta’ min isemmi l-leġġenda tal-Papessa Ġovanna. Jingħad li waħda mara Ingliża libset ta’ raġel u ngannat lill-kulħadd. Hija daħlet bħala patri bl-isem ta’ Johannes Anglicus. Fis-sena 855 wara l-mewt ta’ Papa Ljun IV (847 – 855) jingħad li ntgħażlet bħala Papa u ħadet l-isem ta’ Ġovanni. Fl-Għid il-Kbir il-Papa jew Papessa qaddes, jew qaddset fil-katidral tal-Lateran u wara rikeb jew rikbet iż-żiemel biex flimkien mal-korteo jmorru l-Vatikan, imma qrib il-Knisja ta’ San Klement, bejn il-Lateran u l-Kolosew, il-folla bdiet tifraħ bil-Papa u ż-żiemel sfratta u tefa’ lil ta’ fuqu mal-art. Hawn in-nies indunat li l-Papa kien mara. Il-folla ndunat bit-tradiment u l-ingann ta’ din il-mara u għalhekk ħaġġritha fil-post. Hemm min jgħid li mietet fil-post u hemm min jgħid li mietet wara. Minn dak iż-żmien inħoloq siġġu b’ toqba kbira li kull min jinħatar Papa jrid ipoġġi fuqu u l-iżgħar djaknu ta’ Ruma jmur jeżamina jekk il-magħżul huwiex raġel jew mara. Dan kollu huwa leġġenda u fil-verità qatt ma seħħ, għalkemm jissemma fil-kotba tal-istorja tal-Knisja bħala leġġenda. Fil-fatt fis-sena 855 kien magħżul il-Papa  Benedettu III (855 – 858). Tajjeb ngħidu wkoll li l-Papa Ljun IV miet fis-17 ta’ Lulju 855 u l-Papa Benedettu III intgħażel fid-19 ta’ Settembru , 855. Allura jista’ jkun hawn min jaħseb li bejn dawn iż-żewġ dati kien hemm għażla ta’ Papa ieħor u li kien ħa l-isem ta’ Ġwanni. Imma dan ma jistax ikun għax il-leġġenda ssemmi il-Jum tal-Għid il-Kbir u dan il-jum ma jistax jiġi wara April.

 Statistika

 Nagħtu ħarsa lejn ftit statistika dwar il-Papiet.

 Sal-2014 il-Knisja Kattolika kellha 266 Papa, 35 minnhom kienu patrijiet. Dawn kienu maqsumin hekk:

16 Benedittini;  Papa Girgor I (590 – 604), Papa Bonifaċju IV (608 – 615), Papa Adeodatu II (672 – 676), Papa Ljun IV (847 – 855) , Papa Ġwanni IX (898 – 900), Papa Ljun VII (936 – 939), Papa Stiefnu IX (939 – 942), Papa Girgor VII (1073 – 1085), Papa Vittorju III (1086 – 1087) , Papa Urbanu II (1088 – 1099), Papa Baskal II (1099 - 1118), Papa Ġelażju II (1118 – 1119), Papa Ċelestinu V (1294), Papa Klement VI (1342 – 1352), Papa Urbanu V (1362 – 1370) u Papa Piju VII (1800 – 1823)

Kien hemm Benedittin ieħor imma tal-fergħa Camaldolesi. Dan kien il-Papa Girgor XVI (1831 -1846).

Kien hemm sitt Agostinjani;  Papa Onorju II (1124 -1130), Papa Innoċenz II (1130 – 1143), Papa Luċju II (1144 – 1145), Papa Girgor VIII (1187), Papa Adrijanu IV (1154 – 1159) u Papa Ewġenju IV (1431 – 1447)

Kien hemm erbgħa Duminkani;  Papa Innoċenz V (1276), Papa Benedettu XI (1303 – 1304), Papa Piju V (1566 -1572) u Papa Benedettu XIII (1724 – 1730).

Kien hemm żewġ Franġiskani Minuri; Papa Nikola IV (1288 – 1292) u Papa Sistu IV (1471 – 1484).

Kien hemm żewġ Franġiskani Konventwali; Papa Sistu V (1585 – 1590) u Papa Klement  XIV (1769 – 1774)

Kien hemm ukoll żewġ patrijiet Ċisterċensi; Papa Ewġenju III (1145 – 1153)  u Papa Benedettu XII (1334 – 1342)

Insemmu wkoll l-uniku papa Ġiżwita; Papa Franġisku (2013 – )

Il-Papiet l-oħra kollha kienu qassisin djoċesani jew ġew ordnati saċerdoti imma ma kienux jappartjenu għal xi Ordni Reliġjuż.

 

Minn fejn kienu

 

Mill-266 Papa, 254 kienu Ewropej bl-akbar numru jkunu Taljani jew tal-inqas mir-Reġjuni li llum jiffurmaw l-Italja. Mir-reġjuni Taljani u mir-renju Taljan kienu 212 li laħqu Papiet. L-ebda Papa Taljan ma twieled fi żmien ir-Repubblika Taljana.

 

15-il Papa kienu franċiżi. Ma ninsewx li kien hemm żmien meta l-Papa kien jgħix f’Avignon fi Franza, (1309 – 1376). 7 Papiet li mexxew il-Knisja minn Avignon kienu Franċiżi.

 

Forsi lanqas tgħaddi minn moħħna li l-Knisja Kattolika xi żmien kienet titmexxa minn Papa Grieg. Fil-fatt kien hemm 9 papiet Griegi

7 Papiet oħra kienu miż-żona fejn illum insibu l-Ġermanja.

4 mill-penisola Iberika, 1 minn Spanja taħt ir-Rumani, 1 mill-Portugall u 2 minn Spanja.

1 mid-Dalmazja.

1 mill-penisola Balkanika, imsejħa Traċja.

1 mill-Ingilterra.

1 mill-Olanda.

1 mill-Polonja.

Żewġ Papiet ma nafux minn fejn kienu imma nassumu li kienu ewropej.

 

Mill-Lvant Nofsani insibu 8 Papiet:

 

5 mis-Sirja

3 mill-Art Imqaddsa

 

Mill-Afrika Rumana kien hemm 3 papiet.

 

Mill-Amerika latina għandna Papa wieħed.

 U l-aħħar Papa?

Ta’ min isemmi kurżità oħra li spiss tħabbel moħħ bosta nies. Din hija l-profezija dwar min se jkun l-aħħar Papa. Fl-1595 il-patri Benedittin Arnold de Wyon fil-ktieb tiegħu “Lignum Vitae” niżżel dik li tissejjaħ il-Profezija tal-Papiet. Din il-profezija jingħad li kien ħareġ biha San Malakija, patri Arċisqof Irlandiż tas-seklu XII. Skont Wyon, Malakija kien għamel bħal lista ta’ 112-il Papali tibda mill-papa Ċelestinu II (1143 – 1144) u ma’ kull Papa niżżel frażi bil-Latin. Kull frażi hija assoċjata ma’ Papa, tipprova tiddeskrivi b’ mod vag ħafna l-Papa li jkun. Malakija bassar li kif jgħaddi żmien dawn il-Papiet kollha, tispiċċa d-dinja. Skont il-lista ta’ Malakija l-aħħar Papa jkun jismu Pietru, isem li l-ebda Papa ma qatt għażel b’ rispett għall-ewwel Papa ,l-Appostlu San Pietru. Skont il-lista l-aħħar Papa għandu il-266 wieħed li jaħbat sewwasew Papa Franġisku.

 

Dawn kienu xi ftit kurżitajiet jew tagrif dwar il-Papa u l-Papat.

 

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 25 ta' Ġunju 2022




sabato 18 giugno 2022

Kurżitajiet dwar il-Papa

Wara li ġimgħa l-oħra ktibt dwar il-bandiera tal-Vatikan, tajjeb li issa ngħidu xi ħaġa wkoll dwar il-Kap tal-Istat tal-Belt tal-Vatikan. Ma’ din il-persuna hemm bosta kurżitajiet. Illum nibdew naraw ftit minn dawn il-kurżitajiet:

Il-Papa għandu bosta titli li bihom jista’ jissejjaħ: Isqof ta’ Ruma, Vigarju ta’ Kristu, Suċċessur ta’ Pietru, Qdusija Tiegħu, Primat tal-Italja, Arċisqof Metropolita tal-Provinċja ta’ Ruma, Patrijarka tal-Oċċident, Sovran tal-Istat tal-Belt tal-Vatikan u Qaddej tal-Qaddejja ta’ Alla.


Min jista’ jilħaq Papa?

Jista’ jilħaq Papa kull Nisrani, ta’ sess maskil. Ġeneralment il-Papa jingħażel minn fost il-Kardinali, imma mhux bilfors li jsir hekk, anzi kien hemm każi fejn intgħażel xi ħadd minn barra l-Konklavi. Insemmu biss lil  Bartolomeo Prignano, Arċisqof ta’ Bari li fit-8 ta’ April, 1378 intgħażel Papa minkejja li ma kienx fil-Konklavi. Huwa ħa l-isem ta’ Urbanu VI. Meta bniedem jinħatar Papa, jekk ma jkunx saċerot jingħata s-sagrament tal-Ordni Sagri u jekk ma jkunx Kardinal jinħatar Isqof.

Żmien twil

Xi papiet għamlu żmien twil fuq it-tron ta’ Pietru. L-aktar għaxar papiet li damu kienu:

l-Appostlu San Pietru mis-sena 33 sas-sena 67, jiġu 34 sena

Papa Piju IX (1846 - 1878): 31 sena, 7 xhur u 23 jum

Papa San Ġwanni Pawlu II (1978 - 2005): 26 sena, 5 xhur u 17-il jum

Papa Ljun XIII (1878 - 1903): 25 sena, 4 xhur u 29 jum

Papa Piju VI (1775 - 1799): 24 sena, 6 xhur u 14-il jum

Papa Adrijanu 1 (772 - 795): 23 sena, 10 xhur u 25 jum

Papa Piju VII (1800 - 1823): 23 sena, 5 xhur u 6 ijiem

Papa Alessandru III (1159 - 1181): 21 sena, 11-il xahar u jumejn

Papa San Silvestru I (314 - 335): 21 sena, 11-il xahar u jum

Papa san Ljun I (440 - 461): 21 sena, xahar u 13-il jum

 Żmien qasir

 Jekk kien hemm papiet li damu ħafna jmexxu l-Knisja, kien hemm ukoll dawk li ma tawlux wisq. Dawn huma l-għaxar papiet anzi il-ħdax-il Papa li l-inqas damu fuq it-tron:

 Papa Urbanu VII (15 ta’ Settembru - 27 ta’ Settembru 1590): 13-il jum

Papa Bonifaċju VI (April 896): 16-il jum

Papa Ċelestinu IV (25 ta’ Ottubru - 10 ta’ Novembru 1241): 17-il jum

Papa Sisinnju (15 ta’ Jannar - 4 ta’ Frar 708): 21 jum

Papa Teodoru II (Diċembru 897): 21 jum

Papa Marċellu II (10 ta’ April – 1 ta’ Mejju 1555): 22 jum

papa Damaso II (17 ta’ Lulju - 9 ta’ Awwissu 1048): 24 jum

Papa Piju III (22 Settembru - 18 Ottubru 1503): 27 jum

Papa Ljun XI (1 ta’ April - 27 ta’ April 1605): 27 jum

Papa Benedettu V (22 ta’ Mejju - 23 ta’ Ġunju 964): 33 jum

Papa Ġwanni Pawlu I (26 ta’ Awwissu - 28 ta’ Settembru 1978): 33 jum

Dwar din il-lista ngħidu li niżżilna ħdax u mhux għaxra biss għax l-aħħar tnejn damu 33 jum it-tnejn li huma. Biex inkunu għidna kollox, fil-verità l-iqsar pontifikat ma kienx dak ta’ Urbanu VII imma ta’ Papa Stiefnu II elett Papa fit-22 ta’ Marzu 752 u miet fis-26 tal-istess xahar mingħajr ma kien għadu kkonsagrat Papa. Għal xi żmien dan ma kienx jidher fil-lista tal-Papiet imma mill-1061 reġa’ beda jitniżżel mal-lista. Ta’ min jgħid li dan il-Papa ma jagħmilx parti min-numru tal-Papiet minkejja li llum jitqies bħala Papa. Suppost kien it-92 Papa, imma fit-92 post insibu lill-Papa ta’ warajh, li wkoll ħa l-isem ta’ Stiefnu, li huma magħruf ukoll bħala Stiefnu II meta fil-verità għandu jkun Stiefnu III jekk ngħoddu bħala Papa lil Stiefnu li miet wara 4 tijiem mill-elezzjoni.

 Dimissjoni


 L
a qegħdin insemmu l-pontifikati qosra tajjeb insemmu wkoll lil Papa Ċelestinu V (1294). Dan dam sewwasew mitt jum imexxi l-Knisja, mill-5 ta’ Lulju sat-13 ta’ Diċembru. Imma jekk l-oħrajn kollha temmew it-tmexxija tagħhom għax mietu, dan il-Papa temm il-papat tiegħu għax irreżenja. Fil-fatt il-Papa jista’ jirreżenja mill-kariga. Papa ieħor li rreżenja huwa dak li lkoll niftakru, Benedettu XVI fl-2013. Jingħad ukoll li il-kardinal Vicedomino Vicedomini (1210 – 1276) li kien in-neputi tal-Papa Girgor X (1272 – 1276) wara l-mewt ta’ zijuh inħatar Papa fil-5 ta’ Settembru u miet fl-istess jum. Jekk dan il-fatt seħħx tassew ma nafux imma li nafu hu li Vicidomini ma huwiex imniżżel mal-lista tal-papiet minħabba li mal-għażla tiegħu huwa talab sal-għada biex jaħsibha jekk jaċċettax jew le, għalhekk kien għadu ma tax l-Iva tiegħu meta miet. Tajjeb insemmu li f’ dik is-sena, (1276) kienu magħżulin żewġ papiet oħra; Innoċenzu V elett fil-21 ta’ Jannar u miet fit-22 ta’Ġunju u Adrijanu V elett fil-11 ta’ Lulju u miet fit-18 ta’ Awwissu. Dan Adrianu V kien wieħed minn dawk il-każi fejn intgħażel Papa li ma kienx saċerdot. Mhux hekk biss anzi hu miet qabel ma ingħata s-sagrament tal-Ordni Sagri, jiġifieri miet bħala papa imma mhux bħala saċerdot.

 Hemm ħafna aktar kurżitajiet marbuta mal-Papa. Inkomplu bihom darba oħra!

 

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 18 ta' Ġunju 2022



venerdì 10 giugno 2022

Il-bandiera safra u bajda

Żgur li malli nilmħu bandiera safra u bajda f’moħħna dlonk jiġi l-Vatikan, il-Papa jew tal-anqas il-Knisja. Bħal kull stat ieħor, l-Istat tal-Vatikan għandu l-bandiera tiegħu. Minkejja li aħna mdorrijin naraw bandiera wiesgħa aktar milli għolja, ġeneralment proporzjon ta’ 2 għal 3, dik tal-Vatikan hija kwadra, jiġifieri wiesgħa daqs kemm hija għolja, l-istess forma tal-bandiera tal-Iżvizzera, imma minħabba bosta raġunijiet prattiċi aktarx li narawha b’ ratio 2:3 bħal bosta bnadar oħra. Biex inkunu għidna kollox, dawn huma l-uniċi żewġ bnadar kwadri fid-dinja.

Kuluri

Il-bandiera tal-Istat tal-Vatikan hija magħmula minn żewġ strixxi vertikali tal-istess qies, l-istrixxa tan-naħa tal-arblu hija ta’ lewn isfar jew lewn id-deheb u n-nofs l-ieħor huwa ta’ lewn abjad. Fuq il-parti l-bajda, sewwasew fin-nofs, insibu l-arma tal-Papa, bit-tijara u l-imfietaħ.


Fil-bidu, l-istat pontifiċju kien juża bandiera safra u ħamra, il-kuluri tradizzjonali tas-Senat Ruman u tal-belt ta’ Ruma. Fil-fatt sal-lum il-bandiera tal-belt ta’ Ruma hija safra u ħamra. Dawn l-ilwien iġibhom ukoll sal-lum it-tim tal-futbol tar-Roma.

Fl-1808, il-Papa Piju VII ordna biex il-kulur aħmar jitneħħa minn fuq il-bandiera u minfloku jitpoġġa dak abjad. Fl-1824 il-flotta tal-Vatikan bdiet tuża bandiera bajda u safra, imma l-kuluri kienu dijagonali u mhux vertikali. Fl-1848 din l-istess flotta kienet tuża ċoff ta’ lwien aħdar, abjad u aħmar mal-bandiera, imma sena wara l-Papa Piju IX ordna li l-kuluri tal-bandiera tal-Papa jkunu isfar u abjad poġġuti b’mod vertikali u bl-arma tal-Papa fuq il-parti l-bajda.

Stat ġdid

Fil-11 ta’ Frar, 1929 kien iffirmat it-trattat bejn is-Santa Sede u r-Renju tal-Italja, dak li jissejjaħ Patti Lateranensi. Ma ninsewx li l-Italja dak iż-żmien kienet għadha monarkija u mhux repubblika. Minn dak il-jum din saret il-bandiera uffiċċjali tal-Istat Indipendenti u Sovran tal-Vatikan. Minn dakinhar din il-bandiera żdiedet mal-bnadar tal-Istati tad-Dinja.

Il-jum tal-20 ta’ Lulju, 1969 jibqa’ mfakkar għal dejjem  għax il-membri tal-ekwipaġġ tal-Apollo 11 niżlu fuq il-qamar. Fuq dan ir-rocket l-ekwipaġġ ħa miegħu il-bnadar tal-pajjiżi tad-dinja, fosthom dik tal-Istat tal-Vatikan. Illum din il-bandiera, flimkien ma’ ftit frak ta’ blat minn tal-qamar jinstabu fil-mużew tal-Vatikan.

Il-bandiera tal-Vatikan tittajjar f’okkażjonijiet speċjali bħall-anniversarju tal-Papa u f’festi Nsara. Tittajjar kuljum fuq il-propjetà tas-Santa Sede kemm ġewwa l-belt tal-Vatikan kif ukoll fuq il-bini taż-żoni extraterrittorjali li hemm ġewwa Ruma u fil-qrib. F’mewt ta’ Papa din il-banidera tittajjar mezzasta għad-disat ijiem ta’ luttu li jsiru wara l-funeral. Tittajjar ukoll f’okkażjonijiet diplomatiċi tas-Santa Sede u narawha fuq il-bjut tan-nunzjaturi madwar id-dinja.

Barra l-Vatikan

Il-kattoliċi madwar id-dinja xi minn daqqiet itajru jew ipoġġu f post prominenti il-bandiera tal-Vatikan sabiex juru l-identità Kattolika tagħhom, b’hekk madwar id-dinja nistgħu niltaqgħu ma’ din il-bandiera fuq knejjes, skejjel jew bini ieħor li jappartjeni lil xi istituzzjoni fi ħdan il-Knisja Kattolika.

Kuntrarjament għal dak li naraw fuq palazzi fejn jgħixu rejiet jew kapi ta’ stati, fuq il-Palazz Appostoliku, ir-residenza tal-Papa, ma hemmx arblu b’bandiera tperper. Iżda xorta hemm mod li juri meta l-papa jkun fil-Vatikan jew meta jkun barra. Jekk fuq palazzi oħrajn il-bandiera tfisser il-preżenza tar-re jew tal-president, fil-każ tal-Papa huwa d-dawl fl-uffiċċju tiegħu li jindika li l-Kap tal-Knisja jkun fil-Vatikan. Meta l-Papa jkun fil-Vatikan, it-tieni tieqa fuq il-lemin tiegħek meta tkun qed tħares lejn il-palazz minn Pjazza San Pietru, is-sular ta’ fuq, tkun miftuħa u meta jibda jidlam jinxtegħel id-dawl li jibqa’ jixgħel sa madwar il-11 ta’ bil-lejl. Meta l-Papa ma jkunx fil-Vatikan din it-tieqa ma tinfetaħx u d-dawl ma jixtegħelx. Sal-2013 din kienet in-norma imma mal-ħatra ta’ Papa Franġisku inbidlet din it-tradizzjoni billi huwa għażel li ma jmurx jgħix fil-Palazz Appostoliku imma jibqa’ fid-dar Santa Marta.

Ambaxxaturi

L-istat tal-Vatikan ma għandux ambaxxaturi imma nunzji apostoliċi li jservu għall-istess għan ta’ ambaxxatur. Dan bħal kull membru tal-korp diplomatiku jtajjar il-bandiera tal-istat li jirrapreżenta fuq ir-residenza tiegħu. F’Malta l-Arċisqof tal-Arċidjoċesi wkoll juża l-bandiera safra u bajda. Dan huwa protokol uffiċjali li kien ippubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ Malta f’Lulju tas-sena 1990. Fost struzzjonijiet oħra nsibu hekk: Il-bandiera li juża l-Arċisqof ta’ Malta tikkonsisti minn żewġ strixxi vertikali ta’ l-istess daqs, l-isfar in-naħa ta’ l-arblu u l-abjad fuq barra.

Illum tajna ħarsa lejn il-bandiera tal-Istat tal-Vatikan li spiss narawha tperper anke f’pajjiżna speċjalment issa li bdew il-festi fl-ibliet u l-irħula tagħna. Tajjeb inkunu nafu xi ħaġa dwarha!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 11 ta' Ġunju 2022



sabato 4 giugno 2022

Ħrejjef u leġġendi

Kull pajjiż fid-dinja għandu l-ħrejjef u l-leġġendi tiegħu. Forsi billi dawn iż-żewġ ġeneri ta’ kitba huma qrib ta’ xulxin sikwiet naħsbuhom li huma l-istess ħaġa, imma fil-fatt ma humiex. Il-ħrafa għandha ġeneru letterarju waħdieni. Hija storja fittizja fil-qosor, miktuba fi proża jew poeżiji, li fiha annimali, ħlejjaq leġġendarji, pjanti, oġġetti bla ħajja, jew forzi tan-natura li jingħataw il-ħajja daqslikieku kienu bnedmin biex fl-aħħar turi jew twassal għal lezzjoni morali. Il-ħrafa hija waħda mill-aktar forom ta’ letteratura folkloristika dejjiema u mifruxa. Il-ħrejjef aktarx jgħaddu minn ġenerazzjoni għal oħra jew fuq medda aktar wiesgħa, minn pajjiż għal ieħor, bil-fomm aktar milli bil-kitba. Dan ma jfissirx li l-ħrejjef ma jinkitbux jew li ma jeżistux kotba bi ħrejjef imniżżlin fihom. Il-leġġendi huwa ġeneru ta’ folklor li jikkonsisti f’rakkont li fih azzjonijiet tal-bniedem, kemm għal dak li jirrakkonta jew jikteb kif ukoll għal dak li jisma’ jew jaqra, ikunu donnhom seħħew tabiħaqq. Kitbiet u stejjer f'dan il-ġeneru spiss juru valuri umani, stejjer dwar bnedmin li jkollhom ċerti kwalitajiet li aktar jagħtu verità lir-rakkont. Fil-leġġenda spiss niltaqgħu ma’ mirakli jew għeġubijiet. Il-leġġendi jistgħu jinbidlu maż-żmien biex jinżammu friski u attwali. Il-kelma leġġenda ġejja mill-kelma Latina legenda – li tfisser xi ħaġa li għandha tinqara.  Jekk naħsbu ftit,  fit-Taljan hija qrib il-kelma leggere – taqra, għax il-leġġendi kienu jinkitbu biex jinqraw.

Parabboli

La qed insemmu l-ħrejjef u l-leġġendi tajjeb insemmu wkoll il-parabboli. Parabbola hija storja qasira li għandha l-għan li tagħti tagħlima. Dawn ukoll jistgħu jkunu miktubin fi proża jew poeżiji, biex titwassal lezzjoni jew parir wieħed jew aktar dwar kif wieħed għandu jġib ruħu f’każi partikolari. Hija differenti minn ħrafa billi l-ħrejjef jippreżentaw kif għidna annimali, pjanti, oġġetti inanimati, jew forzi tan-natura bħala karattri, filwaqt li l-parabboli għandhom fihom il-karattri umani. Il-parabbola hija tip ta’ analoġija metaforika. Xi studjużi tal-Evanġeli kanoniċi u tat-Testment il-Ġdid japplikaw il-kelma “parabbola” biss għall-parabboli ta' Ġesù, għalkemm din hija restrizzjoni u attribuzzjoni żbaljata għaliex jekk xejn il-kelma “parabbola” ġejja mill-Grieg klassiku u fil-fidi Lhudija nsibu għadd ta’ parabboli wkoll. Fl-Iżlam insibu wkoll numru ta’ parabboli. Kien hemm kittieba aktar qrib tagħna fejn użaw dan il-ġeneru letterarju biex wasslu l-ħsibijiet li kellhom f’moħħhom.

Esopu

Fost l-akbar kittieb ta’ ħrejjef bla dubju nsibu lill-Esopu li aktarx kien skjav li għex aktar minn 550 sena qabel Kristu. Aktarx li dawn il-ħrejjef kienu fil-bidu jgħaddu mill-missier għall-iben jew mill-omm għall-bint bil-fomm u aktrx li għaddew madwar tliet sekli wara mewt Esopu biex dawn inkitbu. Billi kienu għaddew dawk is-snin kollha, hemm min jaħseb li fil-ġabra ta’ ħrejjef attribwiti lilu hemm xi wħud li ma huma tiegħu xejn.

Esopu

Tajjeb ngħidu li Esopu ma kienx l-ewwel persuna li kitbet ħrejjef tal-annimali. Bosta sekli qabel, Esjodu, poeta u kittieb Grieg tal-qedem li għex madwar tmien sekli qabel Kristu, kien kiteb ħrafa dwar is-seqer u r-rusinjol, filwaqt li poeta jismu Archilochus kiteb diversi ħrejjef, fosthom dik dwar l-ajkla u l-volpi. Dwar Esopu ftit li xejn hu magħruf b’ċertezza dwaru. Nafu żgur li kien jibdel il-ħrejjef f’forma popolari. William Caxton stampa l-ewwel traduzzjoni tal-Ħrejjef bl-Ingliż fl-1484, u minn hemm ċerti frażijiet, bħal ngħidu aħna “qares l-għeneb” (sour grapes) bdew jidħlu fil-lingwa Ngliża u aktar tard fl-ilsna oħrajn.

Leġġendi u qaddisin

Ma nistgħux insemmu l-leġġendi bla ma nsemmu dawk li nsibu dwar bosta qaddisin aktarx tal-ewwel sekli tal-Knisja, iżda mhux biss. Insibu leġġendi dwar qaddisin aktar qrib ta’ żminijietna. Fi żmien il-persekuzzjoni tal-Insara kienu jinkitbu bosta leġġendi dwar xi martri biex dawn jinqraw mill-Insara li jkunu ġew mixħutin il-ħabs. L-għan ta’ dawn l-istejjer, li minn xi daqqiet kienu jkunu mimlijin eseġerazzjonijiet u fantasiji, kien biex dawk il-povri Nsara ta’ ġewwa l-ħabs jagħmlu kuraġġ meta jaraw sħabhom kemm kienu batew aktar minnhom. Illum forsi nidħqu b’dan il-mod kif kien jitwassal messaġġ, imma ma rridux naħsbu bil-mentalità tal-lum. Iżda l-leġġendi dwar il-qaddisin ma nkitbux biss fi żmien il-persekuzzjoni. Il-Legenda aurea jew Legenda sanctorum hija ġabra ta’ ħajjiet tal-qaddisin ta’ Jacobus de Voragine, patri Dumnikan li aktar tard sar arċisqof ta’ Ġenova, li kienu jinqraw ħafna fl-Ewropa matul il-Medjuevu. X'aktarx li din il-ġabra dehret għall-ewwel darba madwar is-snin 1259–1266, għalkemm ma’ dak li kiteb  de Voragine ġie miżjud ħafna u ħafna matul is-sekli ta’ wara. Pereżempju l-leġġenda ta’ San Ġorġ u d-dragun dehret f’wiċċ id-dinja fil-kitba ta’ dan id-Dumnikan.

Il-leġġendi u l-ħrejjef illum saru patrimonju li mhux ta’ min iħallih jintilef.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In'Nazzjon - 4 ta' Ġunju 2022