venerdì 25 novembre 2022

Bologna

Bologna hija l-kapitali tar-reġjun Emilia Romagna. Hija belt li fiha bosta universitajiet u għalhekk bla dubju hija belt mimlija studenti żgħażagħ. Hija belt li fil-medjuevu kienet imdawra bis-swar u kellha 12-il bieb. Kienet belt li tagħmel parti mill-istati pontifiċji. Hija belt ċentru ta’ kultura u attività artistika u tista’ tgħid li ta’ kuljum, sajf u xitwa ssib xi attivita kulturali għaddejja. Hemm insibu is-sitt l-akbar knisja fid-dinja, u jekk tqis il-bażilika tal-Vatikan bħala ’l barra minn l-Italja, tiġi it-tielet l-akbar knisja fl-Italja. Illum Bologna bejn iċ-ċentru u l-periferija hija d-dar ta’ madwar miljun ruħ, imma ċ-ċentru storiku ma huwiex daqstant kbir li wieħed idum ħafna sabiex iżuru. Iżda minkejja ċ-ċokon taċ-ċentru storiku, hemm bosta x’ wieħed iżur.


X’tara

 

Il-bosta mużewijiet ta’ din il-Belt huma kollha bla ħlas is-sena kollha. Bejn mużewijiet statali u dawk ekkleżjali nsibu xejn inqas minn 43 wieħed fiċ-ċentru ta’ Bologna. Forsi l-aktar magħrufin u tajjeb wieħed iżurhom huma dak arkeloġiku, il Mużew Ċiviku Medjevali, Il-pinoteka tal-arti kif ukoll il-mużew tal-Knisja ta’ San Petronju. Barra minn dawn hemm bosta knejjes li huma mużew fihom infushom. Forsi l-aktar qaddis magħruf fid-Dinja li għandu rabta ma’ din il-Belt huwa San Duminku. Minkejja li huwa kien Spanjol, huwa għażel lil din il-belt biex tkun pilastru tal-ordni tiegħu. Illum dan il-qaddis ghadu midfun hemm, fil-knisja ddedikata lil San Nikola u lilu. Il-qabar ta’ dan il-qaddis huwa kapolavur ta’ arti, xogħol ta’ bosta surmastrijiet tal-arti bħalma huma Nicola Pisana, Michelangelo Buonarrotti u Guido Reni

 

San Petronju

 

Semmejna aktar il fuq it-tielet l-akbar knisja tal-Italja. Din hija l-Bażilika ta’ San Petronju. Semmejna diġa l-mużew tagħha wkoll. Quddiem din il-bażilika hemm tliet pjazez imissu ma- xulxin: Piazza Maggiore, Piazza del Nettuno u Piazza Re Enzo. Piazza maggiore hija l-pjazza li għaliha Lucio Dalla, iben din il-Belt, kiteb il-kanzunetta popolari Piazza Grande. Ġewwa l-Bażilika ta’ San Petronju nsibu wkoll għadd ta’ opri artisitċi. Forsi l-aktar ħaġa li tiġbed nies biex jaraw f’din il-Knisja, u l-aktar opra li toħloq kontroversji hija l-pittura tal-ġudizzju universali li fiha jidher Mawmettu. Interessanti wkoll f’din il-knisja huwa l-arloġġ tax-xemx li hemm fl-art. Minn toqba żgħira fis-saqaf jidħol raġġ ta’ dawl li jimmarka l-ħin.

Knisja oħra li tajjeb wieħed iżur hija dik ta’ San Stiefnu. Fil-verità din hija kumpless ta’ knejjes, seba’ knejjes imissu waħda mal-oħra. It-tadizzjoni tgħid li kien San Petronju stess li ried li tinbena dil-knisja, li biż-żmien saret kumpless ta’ knejjes. Wieħed jista' jżur il-kjostru u jidħol ukoll fil-ħanut li jbiegħ prodotti tipiċi maħdumin mill-patrijiet tal-monasteru li hemm imiss mal-knejjes u minn monasteri oħra mifruxin madwar l-Italja.

 Il-Belt

 

Iċ-ċentru huwa dominat mit-torrijiet Asinelli. Huma żewġ torrijiet simbolu tal-belt. L-itwal wieħed huwa għoli 97 metru. L-itwal torri fl-Italja. It-torri ta’ ħdejh huwa iqsar u huwa mmejjel u huwa twil 48 metru. It-torri t-twil huwa miftuħ għall-pubbliku u wieħed jista’ jitla jara veduta mill-isbaħ ta’ din il-belt. Simbolu ieħor tal-belt huwa l-istatwa ta’ Nettunu li nsibu fil-pjazza msemmija għalih. Ħaġa unika ta’ Bologna hija l-għadd ta’ loġoġ li jdawru l-belt. Madwar 34 kilometru ta’ loġoġ huma mifruxin mal-belt kollha. Din il-ħaġa tagħmel lil din il-belt unika li anke fix-xita wieħed jista' joħroġ jippassiġa mingħajr ma jkun jeħtieġ umbrella. Dawn il-loġoġ huma wkoll attrazjoni matul il-lejl. Passiġġata ħelwa taħt dawn il-logog tista’ twasslek sas-santwarju tal-Madonna di San Luca. Dan huwa l-aktar santwarju maħbub għall-Boloniżi u ta’ kull sena jsiru pellegrinaġġi għalih. Hemm daqxejn telgħa mhux ħażin, imma meta wieħed jasal fuq l-għolja fejn hemm dan is-santwarju jkun jista’ jgawdi veduta li minn imkien ma jkun jista' jaraha.

 

Ikel

Tajjeb nagħtu ħarsa gastronomika u naraw x’toffri dil-belt. Iz-zalza bolgonese ħadet l-isem tal-belt. It-tortellini fil-brodu huma speċjalità. Hemm tip ta’ għaġin li jsir fid-djar, jissejjaħ pasatelle, li jagħmel brodu tajjeb ħafna. Dan il-platt issibu biss Bolgona u jekk wieħed ikun hemm jagħmel tajjeb li jistaqsi għalih. Imbagħad ma nistgħux ma nsemmux il-mortadella ta’ Bologna, magħrufa mat-Taljani kollha bħala l-itjeb ta’ pajjiżhom. Ikel tipiku ieħor ta’ Bologna huma il-frittelle, għaġina tal-ħobż moqlija, maqsuma meta tkun għadha taħraq u mimlija bil-mortadella jew salami jew skont dak li jiggosta  dak li jkun. Bomba fil-kalaoriji, imma tajba fit-togħma u ta’ min jippruvaha!

 

Bologna fuq kollox għandha ajruport li minnu jtiru ajruplani lejn Malta għalhekk faċli li wieħed iżurha!

Fr. Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 26 ta' Novembru 2022



venerdì 18 novembre 2022

Sinċerità


Jiena żgur li kulħadd jaf xi tfisser il-kelma “Sinċerità” jew li tkun sinċier fil-ħajja. Madanakollu kultant donnu aktar ma tkun sinċier fid-din ja aktar tinduna bin-nuqqas ta’ sinċerità li teżisti madwarek. Is-sinċerità hija l-karatteristika ta’ min jgħid id-dritt, ta’ min hu leali, ta’ min hu ġenwin, ta’ min hu onest u llum ngħidu wkoll li s-sinċerità hija karatteristika ta’ dak li huwa skjett jiġifieri ma joqgħodx idur mal-lewża u l-abjad jgħidlu abjar u l-iswed jgħidlu iswed minkejja li jista’ jidher ikrah ma’ bosta nies, għax is-sinċerità hekk titlob. Min hu sinċier jippreferi jbati billi jgħid jew iwettaq is-sewwa  milli jgawdi għax jgħawweġ u jħawwad. Ma ninsewx li l-kuntrarju ta’ sinċerità hija falsità u kultant nistgħu nsejħulha wkoll ipokrezija.

Oriġini tal-kelma

Il-kelma “Sinċerità” u kliem derivat minnha bħal sinċier jew sinċiera ġejjin minn żewġ kelmiet Latini: Sine Cera. Dawn iż-żewġ kelmiet ifissru “mingħajr xema’.” Nistħajjilkom tistaqsuni x’għandhom x’jaqsmu dawn il-kliem mas-sinċerità. Ngħidilkom għax hemm storja ħelwa. Mela fi żmien ir-Rumani kien hemm dawk li jaħdmu l-bombli tal-fuħħar. Xi wħud kienu jiksu l-qiegħ tal-bomblu bix-xema’ biex dan jekk ikun xi ftit imxaqqaq jew mhux maħdum kif suppost ma jqattarx l-ilma jew l-inbid li jitpoġġa fih. Biss wara ftit żmien din il-lega ta’ xema’ kienet tispiċċa u għalhekk il-bomblu kien ikollu jintrema għax jibda jqattar u ma jkun jiswa għal xejn. Għalhekk dawk il-fuħħarin tal-affari tagħhom li l-bombli tagħhom ma kienx ikun fihom xema’ minn ġewwa kienu jnaqqxu l-kliem “Sine Cera” fuq il-prodott tagħhom. Minn hawn ħarġet il-kelma “Sinċier” – dak li qed tara tieħu bla ebda brikkunati ta’ xejn!

Fil-ħajja

Martin Luther King darba qal: “Biex tagħmel l-għedewwa ma hemmx bżonn tiddikkjara gwerra, biżżejjed tgħid dak li tabilħaqq taħseb.” Kemm hi frażi li fiha x’taħseb! Meta tkun sinċier ma tistax tigdeb, ma tistax tqarraq u għalhekk għandu mnejn ikun hawn min joffendi ruħu bil-kliem li tkun għidt. Il-verità u l-onestà għandhom prezz għoli u xejn inqas is-sinċerità. Wara kollox dawn it-tliet nomi huma qrib xulxin ħafna fit-tifsira tagħhom.

Biss kemm fadal sinċerità fid-dinja? Forsi lanqas aħna stess ma nintebħu bin-nuqqas tagħha. Ħa nġib  eżempju żgħar. Jekk nixtri żarbun, flok jew xi ħaġa oħra li suppost hi tad-ditta imma nixtriha bi kwart tal-prezz li suppost tiswa jekk tkun oriġinali, dak li qed iħħajjarni nixtrieha mhux sinċier għax jaf li dik hija xi ħaġa falza imma lanqas jien ma nkun qed nimxi bis-sinċerità. Nilbes dak l-oġġett taparsi tad-ditta imma fil-fond ta’ qalbi naf li hu falz. Anke jekk kulħadd jaħseb li dak l-oġġett huwa oriġinali, xorta waħda jiena nkun naf li dak falz u nista’ nidħaq b’kulħadd imma bija nifsi ma nista’ nidħaq qatt. Ma naħsibx li nkun qed nesegera jekk ngħid li jekk nagħmel hekk inkun qed nonqos mis-sinċerità lejja nnifsi.



Bejn tnejn min-nies

Fil-ħbiberija s-sinċerità hija fundamentali. Ma jistax ikollok ħbieb li ma jkunux sinċieri għax f’dak il-każ ma jkunu ħbieb xejn. L-istess ngħidu għall-kollegi tax-xogħol. Ix-xogħol jiġi tajjeb meta fi grupp ta’ ħaddiema jkun hemm is-sinċerità. Sfortunatament spiss nisimgħu stejjer ta’ ħaddiema fejn xi ħadd, forsi biex jingħoġob mas-sinjur, ma jkunx sinċier u jipprova joskura lil xi ħadd mill-kollegi tiegħu. U xi ngħidu għaż-żwieġ? Biex żwieġ jirnexxi jrid ikun mibni fuq l-imħabba u s-sinċerità. Jonqos wieħed minn dawn l-elementi u jisfaxxa ż-żwieġ.  Mela nistgħu ngħidu li s-sinċerità ġġib l-għaqda filwaqt li l-falsità tbejjet il-firda – dejjem u kullimkien.

Biss attenti

Is-sinċerità hija tajba imma wieħed kultant jista’ jużaha b’mod ħażin. Li tkun sinċier huwa virtù u li tkun giddieb hu difett, imma meta din is-sinċerità tintuża biex tweġġa’ jew tkisser lil ħaddieħor tista’ tagħmel ħsara daqs il-gideb. Nagħmlu mod li jien ngħid kemm jien tajjeb, kemm nifhem, kemm naf u nkun quddiem bniedem li bilkemm jaf jikteb u jaqra ismu, minkejja li jien inkun qed ngħid id-dritt, inkun sinċier fi kliemi, lil dak li qed jisma’ nkun qed inkissru. Ġibt eżempju fuqi stess ħalli ma nsemmi lil ħadd u lil xejn biss taħsbux li verament jien tajjeb, nifhem u naf! Ġibt eżempju biss fuqi, issa tgħidux li jien mhux sinċier!

Kemm hi ħaġa sabiħa u tajba kieku kull bniedem ikun sinċier, ikun bħal dak il-bomblu ta’ żmien ir-Rumani li kif tarah tieħdu, bla ebda brikkunati bla ebda qerq. Imma jkollna nammettu li fid-dinja jeżistu l-ideali ta’ ħajja imma ħajja ideali ma teżistix.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 19 ta' Novembru 2022




sabato 12 novembre 2022

Kemm spejjeż

Ftit tal-jiem ilu kont Catania ma’ grupp ta’ Maltin. Meta xi Malti jżur Catania jħossu donnu obbligu li jagħmel żjara lis-suq ta’ din il-belt. Min ġieli mar jaf kemm isib jixtri prodotti minn hemm; minn ħwejjeġ, purtieri, affarijiet tad-dar u ikel minn ħaxix, ġobnijiet u ħut. Insomma kif ngħidu aħna l-Maltin issib il-barka ta’ Alla hemm. Għandi l-impressjoni li qabel kont issib għażla akbar ta’ oġġetti x’tixtri minn dan is-suq, biss hu x’inhu xorta waħda għadu kalamita għal kważi kull Malti li jżur Catania.

Waqt li kont qed indur nisma’ mara Maltija tgħid lil waħda li kienet magħha: “Ara naqra minn hawn pastarda ewro u fifty, il-ġimgħa l-oħra xtrajt waħda minn Malta żammli erba’ ewro u fifty! X’għarukaża minn hawn tixtri tlieta bil-prezz ta’ Malta!” Billi kont warajhom ma stajtx ma nkomplix nisma’ d-diskursata tagħhom li kompliet dwar kemm spejjeż sar fiha l-ħajja llum. Moħħi ġera bija u bdejt inqabbel il-ħajja li qed ngħixu llum ma’ dik ta’ tfuliti. X’differenza!

Ħajja sempliċi

Fi tfuliti ma kellniex l-ispejjeż tal-lum. Il-kontijiet ma kinux numerużi bħal ma għandna llum. Madwar ħamsin sena ilu x’kontijeit kienu jaslu fid-djar tagħna? Kien jasal il-kont tad-dawl u tal-ilma u magħhom kien jasal il-kont tar-Rediffusion, min kellu dan is-aervizz. Dan tal-aħħar jidhirli li kien xi nofs lira fix-xahar, li jkollna ngħidu li lanqas kien irħis.

Illum il-kontijiet huma ħafna aktar minn hekk. Dawk tad-dawl u l-ilma għadhom jaslu u minnflok tar-Rediffusion jaslu kontijiet tat-televiżjoni, Ii qabel kont tarah permezz tal-aerial ta’ fuq il-bejt, twaħħlu darba u sakemm jinkiser tibqa’ tara xi tlieta jew erba’ stazzjonijiet televiżivi. Illum mhux hekk, illum jew tkun abbonat ma’ kumpanija li toffri dan is-servizz jew twaħħal id-dixx tas-satellita jew inkella t-tnejn flimkien. Dawn huma kollha spejjeż li dari ma konniex noħolmu bihom. Il-kontijiet tad-dawl u l-ilma żdiedu għax żdied il-konsum tagħhom. Illum kollox jaħdem bid-dawl, mill-kitla tal-elettriku biex tagħmel naqra misħun għall-kafè sal-apparat tal-arja kkondizzjonata li tiffriskalna darna fis-sajf u ssaħħanha fix-xitwa.

Komunikazzjoni

Dari konna nixtru l-gazzetta filgħodu biex dak li nkunu smajna fuq l-aħbarijiet tat-tmienja ta’ filgħaxija l-jum ta’ qabel inkunu nistgħu naqraw dwaru b’aktar dettall. Illum mhux hekk. Illum aħbar tasal għandi dak li ħin li ssir, qabel l-aħbarijiet tat-televiżjoni. Dan kollu grazzi għall-internet. U l-internet mhux b’xejn, irrid inħallas tas-servizz tiegħu. Il-kumdità tiswa l-flus!

U xi ngħidu għat-telefon? Dari kien meqjus xi ħaġa ta’ lussu li jkollok telefon id-dar. Biex iċċempel li xi ħadd kont tmur jew f’kabina tat-telefon li konna nsibu u kultant għadek tara xi waħda llum ukoll, jew tmur f’xi ħanut jew inkella l-għassa tal-pulizija. Illum mhux talli jista’ jkollok it-telefon fid-dar imma ssuperajna dak l-istat u t-telefon qiegħed ikun fil-but tagħna, ikun f’idejna kull fejn immorru. U dan ifisser ukoll spejjeż li dari ma kellniex.

Fid-dar

Sa nofs seklu ilu ħafna min-nisa miżżewġa kienu jibqgħu d-dar, jieħdu ħsieb il-familja. Din kienet meqjusa bħala karriera wkoll. Fid-dar il-mara ma kinitx biss tnaddaf u ssajjar imma kienet tagħmel elf ħaġa oħra bħal ħjata u knitting. Illum hawn nisa li lanqas iwaħħlu bittuna ma jafu. X’differenza!

Illum il-mara toħroġ taħdem barra mid-dar u allura hemm spejjes oħra marbuta mal-ħajja tax-xogħol. L-ilbies tagħha ma jistax ikun bħal ta’ dawk in-nisa li kienu jgħaddu l-jum fix-xogħol tad-dar, irid ikun attraenti u differenti minn jum għal jum għax inkella jgħidu bihom. U l-istess id-dehra. Mara li taħdem f’uffiċċju jew f’ħanut ma tistax tmur għax-xogħol b’xaharha mhux kif għandu jkun. U dawn ifissru kollha spejjeż li qabel ma kienx ikollna.

Divertiment

Il-ħruġ tagħna kien differenti. Il-familji, min kellu karozza, kienu joħorġu dawra, fix-xitwa l-Ħadd waranofsinhar fil-kampanja u fis-sajf filgħodu lejn il-baħar. Il-ħruġ għal xi ikla f’restaurant ma kienx bħalma hu llum, kienet tkun xi okkażjoni speċjali biex immorru nieklu barra, jew meta jorganizzaw xi dinner dance tal-każin jew il-kappillan. Illum dan it-tip ta’ ħruġ sar normali. Wara li l-mara tkun ilha l-ġimgħa kollha taħdem barra mid-dar u wara tagħmel ix-xogħol tad-dar, is-Sibt filgħaxija jkun ħaqqha tistrieħ ftit u tbiddel ftit l-arja u toħroġ tiekol barra flimkien mal-familja tagħha. Dawn huma wkoll spejjeż li qabel ma kinux mal-lista tal-kontijiet tagħna.

U nistgħu nibqgħu sejrin hekk, insemmu okkażjonijiet fejn żdiedu l-ispejjeż. Sakemm ġew dawn il-ħsibijiet kollha ġo moħħi wasalt fit-tarf tas-suq ta’ Catania, dawk iż-żewġ nisa li kelli quddiemi ma rajthomx aktar imma rajthom xi siegħa wara, mgħobbijin b’salt basktijiet.

Fr Reno Muscat 

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 12 ta' Novembru 2022



sabato 5 novembre 2022

Requiem Aeternum

Ix-xahar ta’ Novembru jfakkarna b’mod speċjali f’dawl l-għeżież tagħna li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. F’dan ix-xahar bosta jkunu dawk li jżuru l-oqbra fejn ikun hemm il-fdalijiet ta’ qrabathom jew ħbiebhom mejtin. Forsi nistaqsu x’sens fiha li żżur post fejn hemm biss fdalijiet bla ħajja? Aħna l-Insara nemmnu li l-bniedem huwa maħluq bħala ġisem u ruħ; il-ġisem li jintemm u r-ruħ li tibqa’ għal dejjem. Għalhekk inżuru l-oqbra, nixgħelu x-xemgħa u npoġġu l-fjuri għax it-twemmin tagħna jgħidilna li xi darba f’dak il-fdal ta’ taħt ix-xorok tal-qabar kien hemm ruħ li llum qed tgħix il-ħajja li għaliha nħalqet. Nemmnu wkoll li fl-aħħar taż-żminijet din ir-ruħ għad terġa’ titlibbes il-ġisem, mhux aktar dgħajjef ta’ bniedem imma ġisem glorjuż. Il-fidi Nisranija tat dimensjoni ġdida anke lill-mewt. Fil-prefazju tal-quddiesa tal-mejtin ngħidu li “għal dawk li jemmnu fik, Mulej, il-ħajja ma tintemmx imma tinbidel.” Interessanti wkoll il-fatt li sa żmien il-Kristjaneżmu, il-post tad-dfin kien jissejjaħ Nekropoli, kelma ġejja mill-Grieg antik: νεκρόπολις (necropolis) li tfisser il-belt tal-mejtin. L-Insara bdew isejħu dan il-post Ċimiterju li wkoll ġejja mill-Grieg: κοιμητήριον (koimeterion) li tfisser post fejn wieħed jorqod jew jisterieħ. Hawn naraw id-differenza mhux biss fl-isem bejn id-dinja Pagana u dik Kristjana. Din id-differenza fl-isem turi wkoll id-diffeenza fit-twemmin.

Il-qima tagħna lejn dawk li llum ma għadhomx magħna ma tieqafx biss biż-żjajjar fiċ-ċimiterji. Isir bosta talb u quddies għalihom. Il-Knisja Kattolika għandha talba speċifika għall-erwieħ, dik li nsejħulha r-Requiem Aeternum.

It-talba

It-talba għall-mistrieħ ta’ dejjem bdiet mit-tradizzjoni tal-quddiesa tal-mejtin. Din il-quddiesa kienet għal dawk kollha li mietu sew jekk tkun quddiesa ta’ funeral kif ukoll quddiesa b’suffraġġji għal ruħ xi ħadd. Illum ma għadhiex hekk. Fir-rit liturġiku qadim din il-quddiesa dejjem kienet tibda b’dan il-kliem: Requiem aeternam dona ei, Domine… Billi kienet dejjem l-istess u dejjem bil-Latin in-nies bdiet tuża dan il-kliem ukoll għat-talb għall-mejtin barra l-quddiesa wkoll. Imma issa tajjeb immorru aktar bogħod u naraw minn fejn oriġina dan l-introjtu tal-quddiesa.

Kien il-ktieb apokrafu ta’ Eżdra, sewwasew ir-raba’ wieħed, li minnu ġie meħud il-kliem ta’ dan l-introjtu. Ktieb apokrafu, jew ktieb li ma huwiex magħdud bħala parti mill-Bibbja, ma jfissirx li hu xi ktieb ħażin imma sempliċiment huwa ktieb li ma huwiex meqjus baħala l-Kelma ta’ Alla. Hemm bosta kotba apokrafi li minnhom ħadna bosta tagħrif bħal ngħidu aħna isem il-Ġenituri tal-Madonna. Ġwakkin u Anna ma nsibuhom imkien fil-kotba mqaddsa imma niltaqgħu magħhom fl-Evanġelju apokrafu ta’ San Ġakbu. Intant, waqt li l-ewwel u t-tieni ktieb ta’ Eżdra (it-tieni wieħed jissejjaħ Neħemija) huma kotba kanoniċi, li jiffurmaw parti mill-Bibbja, it-tielet u r-raba’ wieħed ma humiex.

F’dan il-ktieb insibu lill-awtur iwissi lill-poplu Lhudi biex jistenna lir-ragħaj tiegħu li ġej biex jagħtih il-mistrieħ ta’ dejjem u d-dawl etern.

“Dan ngħidilkom o ġnus, isimgħu u ifhmu: stennew lir-ragħaj tagħkom għax huwa jagħtikom id-dawl ta’ dejjem (requiem aeternitatis), għax dak li ġej fl-aħħar taż-żminijiet huwa fil-qrib. Kunu lesti għall-premju tas-saltna għaliex id-dawl ta’ dejjem (lux perpetua) jiddi fuqkom għal dejjem.” [4 Eżdra 2:34-35]

Propju dan huwa li nitolbu fit-talba tar-Requiem Aeternum. Il-kliem requiem aeternitatis u lux perpetua juruna li din it-talba ħarġet minn dan il-ktieb li aktarx inkiteb madwar ħames mitt sena qabel Kristu.

Mistrieħ u dawl ta’ dejjem

Minkejja li t-talba għall-erwieħ għandha l-għeruq tagħha fi ktieb apokrafu hemm fejn f’kotba tal-Bibbja nsibu riferiment għal dan. Fil-Bibbja il-mewt u l-mistrieħ ta’ dejjem huma sinonimi.

Fil-ktieb ta’ Bin Sirak insibu hekk: “Aħjar il-mewt minn ħajja ta’ mrar, u l-mistrieħ ta’ dejjem minn marda għal għomrok.” [Sir:30:17]

Għall-Insara il-mewt mhix sempliċi raqda imma hija stat fejn jintemm kull uġigħ fejn wieħed jista’ jistrieħ mill-mard u l-miżerja ta’ din id-dinja.

San Pawl jgħidilna: “Għax min jidħol fil-mistrieħ ta' Alla jistrieħ hu wkoll mix-xogħol kif Alla strieħ minn tiegħu.” [Lhud:4:10] Hawn forsi l-Appostlu qed jirreferi għall-mistrieħ f’Jum il-Mulej imma nistgħu nifhmu wkoll li biex wieħed jidħol fil-mistrieħ ta’ Alla jrid ikun ma’ Alla.

Fil-Ktieb tal-Għerf insibu riferiment għal Alla bħala d-dawl etern u l-għerf li huwa l-Iben: “Hu raġġ tad-dawl ta' dejjem, mera bla tebgħa tas-setgħa ħaddiema ta' Alla, u xbieha tat-tjieba tiegħu.” [Għerf:7:26] San Ġakbu fl-ittra tiegħu jgħid li Alla huwa l-għajn tad-dawl: “Kull ħaġa tajba li tingħata u kull don perfett jiġi mis-sema, jinżel mingħand il-Missier, l-għajn tad-dawl, li fih ma hemm ebda tibdil u anqas dell ta' tidwir.” [Ġak:1:17]

Minn dan nistgħu naslu biex ngħidu li l-ġenna hija post ta’ mistrieħ u dawl. Għalhekk kull meta nitolbu għall-erwieħ inkunu qed nitolbu biex dawn jidħlu għal dejjem fil-preżenza ta’ Alla li bħalma jgħid il-Profeta Isaija: “Ma ddawwlekx aktar ix-xemx binhar, u lanqas jiddi għalik il-qamar billejl, għax il-Mulej ikunlek id-dawl għal dejjem u Alla tiegħek ikun sebħek.” [Is:60:19]


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 5 ta' Novembru 2022