venerdì 30 dicembre 2022

San Silvestru

L-aħħar jum tas-sena l-Knisja Kattolika tiddedikah lil wieħed mill-papiet, sewwasew it-tlieta u tletin wieħed. Forsi fostna ftit li xejn hu magħruf biss fl-Italja mhux hekk. Jekk xejn fl-aħħar jum tas-sena t-Taljani jagħmlu dik li jsejħulha cenone di San Silvestre. Ċena Taljana diġà ġġiegħlek timraħ fl-immaġinazzjoni tiegħek aħseb u ara meta minflok ċena tkun cenone, ċena mill-kbar nett. Intant qabel xejn ejjew naraw min kien dan il-papa qaddis.

Il-qaddis

Silvestru twieled f’Ruma lejn tmiem is-seklu III. Missieru kien jismu Ruffinu u ommu Justa. Il-Papa San Marċellinu li mexxa l-Knisja mis-sena 296 sas-sena 304, kien ordnah saċerdot. Bħala saċerdot hu għex taħt erba’ papiet: Marċellinu li kien ordnah, Marċellu, Ewsebju u Mizjade li miet fil-11 ta’ Jannar tas-sena 314. Fil-31 ta’ Jannar ta’ dik is-sena Silvestru kien magħżul biex imexxi l-Knisja u dam fuq it-tron ta’ Pietru sal-31 ta’ Diċembru tas-sena 335. Kellu papat twil kważi tnejn u għoxrin sena u nistgħu ngħidu li sa dak iż-żmien kien l-aktar papa li dam imexxi l-Knisja jekk neskludu lil San Pietru. Sal-lum ukoll għadu fil-klassifika tal-itwal papati għax insibuh fid-disa’ post.


Fi żmien il-papat tiegħu seħħet ġrajja ferm importanti fil-Knisja. Fis-sena 313 l-Imperaturi Kostantinu u Liċinju kienu taw il-ħelsien sħiħ lill-kult reliġjuż Nisrani b’dak li jissejjaħ l-editt ta’ Milan u għalhekk kienet intemmet l-era tal-persekuzzjonijiet. Għalhekk kien fi żmien il-Papa Silvestru li l-Knisja bdiet tgħix fis-sliem, ħarġet fil-beraħ b’hekk ħalliet il-katakombi u kompliet tikber u tinfirex. Fi żmien dan il-papa wkoll iltaqa’ il-Konċilju ta’ Arles fis-sena 314, li kien ikkundanna l-ereżija tad-Donatisti u beda jgħodd bħala validi s-sagramenti li kienu amministraw l-eretiċi. Huwa approva l-Konċilju ta’ Niċea fis-sena 325, li kien ikkundanna l-ereżija ta’ Arju li kienet tgħid li Ġesù mhux Alla u għalhekk il-Madonna mhix Omm Alla, Konċilju li tana l-l-Kredu magħruf bħala dak ta’ Niċea. Billi issa kienet intemmet il-persekuzzjoni kienu bdew jinbnew bosta knejjes. Inbniet l-ewwel Bażilika ta’ San Pietru, dik ta’ Santa Croce u ta’ San Lawrenz fuori le mura, kollha fil-belt ta’ Ruma. L-Imperatur Kostantinu kien għadda l-palazz tal-Lateran lil dan il-papa fejn ħdejh aktar tard inbniet il-bażilika ta’ San Ġwann, li llum huwa il-katidral tad-djoċesi ta’ Ruma.

Silvestru miet fil-31 ta’ Diċembru tas-sena 335, wara li kien ilu Papa 21 sena u ħdax-il xahar u kien midfun fiċ-ċimiterju ta’ Prixxilla, fit-Triq Salarja, dejjem f’Ruma.

F’Malta

Minkejja li f’pajjiżna dan ma huwiex xi qaddis popolari xorta waħda nsibu kappella ddedikata lilu. Min jaf kemm-il darba ngħaddu minn ħdejha bla ma nafu li għandha lil dan il-qaddis bħala patrun. Din tinsab fil-Mosta, sewwasew fi Vjal l-Indipendenza. Fil-faċċata ta’ din il-kappella nsibu rħama li tgħid li din inbniet min-Nobbli Silvestru Fiteni, membru fl-Ordni ta’ San Ġwann, fl-1664. Il-kwadru titulari li juri lill-qaddis huwa mill-isbaħ u huwa attribut lil Stefano Erardi. Hija kappella ħelwa ħafna u miżmuma tajjeb ħafna wkoll. Fil-qrib insibu wkoll triq imsemmija għal dan il-qaddis.

Minn sena għal oħra

Billi dan il-jum huwa l-aħħar wieħed tas-sena u lejlet l-ewwel jum ta’ sena ġdida jsiru bosta festeġġjamenti. Billi semmejt lil San Silvestru tajjeb ngħidu xi ħaġa dwar l-ikla jew aħjar l-iklun li biha jiffesteġġjaw il-maġġoranza tat-Taljani.

Fl-Italja hemm id-drawwa li bħal-lum tkun imħejjija l-hekk imsejħa ċena jew ikla tal-ewwel tas-sena jew ta’ San Silvestru, ikla abbundanti, li fiha l-aktar platt tradizzjonalment karatteristiku huwa ż-zampone jew il-cotechino bl-għads. Ġeneralment hija drawwa li kulħadd jibqa’ mqajjem sa wara nofsillejl, biex jiċċelebra l-wasla tas-sena l-ġdida. Normalment din il-lejla titqatta’ mal-familja jew mal-ħbieb f’xi pjazza fejn jiġu organizzati kunċerti jew diversi festin, iżda ħafna jippreferu jgħadduha d-dar. Iċ-cenone tkun tikkonsisti f’madwar erbatax-il platt, aktarx fuq bażi ta’ ħut u frott tal-baħar, minbarra naturalment iż-zampne li huma roti tas-saqajn tal-majjal imsajrin fl-għads. Billi l-festeġġjamenti fid-djar jew fir-risturanti jibqgħu għaddejjin sas-sebħ, għall-ħabta tal-erbgħa ta’ filgħodu hemm min jerġa’ joffri platt spagetti, biex taf int, dak li jkun ma jibdiex is-sena l-ġdida u jkun debboli jew fjakk!

F’dan il-lejl żgur li jinxtorob l-akbar ammont ta’ xampanja, għax din id-drawwa hija mifruxa mad-dinja kollha. Kurjuż il-fatt li jseħħ fi Spanja bħal-lum. In-nies miġbura fil-pjazza jieħdu magħhom tnax-il għenba u mat-tokki ta’ nofsillejl jieklu għenba ma’ kull tokk. L-Ispanjoli jekk iżommu din it-tradizzjoni ma tantx jitgħabbew bl-ikel dakinhar mhux bħat-Taljani. Biss din hija drawwa Spanjola u żgur li dak li jkun ma jtemmx is-sena bi tnax-il għenba biss, żgur li jsib fejn jimla l-ħawsla qabel jew wara.

U l-festa ta’ San Silvestru tintemm hekk, b’festeġġjamenti kullimkien, u nissopponi li ftit huma dawk li jaħsbu fil-qaddis!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 31 ta' Diċembru 2022




venerdì 23 dicembre 2022

Is-siġra tal-Milied

Illum il-ġurnata tant drajna li matul il-festi tal-Milied narmaw is-siġra li għandu mnejn lanqas biss qatt jgħaddi minn moħħna li din id-drawwa ma kinitx minn dejjem. Aktarx li bħala siġra tintuża xi waħda taż-żnuber, ċipressa jew arżnu jew prinjola. Billi pajjiżna huwa nieqes sew mis-siġar, aħna nużaw siġra artifiċċjali, aktarx tal-plastik. Ejjew naraw xi ftit storja u kurżitajiet dwar din is-siġra li llum sirna narawha kullimkien f’dawn iż-żminijiet.

Storja

Meta l-ewwel Insara waslu fit-Tramuntana tal- Ewropa , sabu li l-abitanti ta’ dawk l-inħawi kienu jiċċelebraw it-twelid ta’ Frey , alla tax-Xemx u tal-fertilità, billi jżejnu siġra f’data qrib il -Milied Kristjan tal-lum . Din is-siġra kienet tissimbolizza s-siġra tal-Univers, imsejħa Yggdrasil, li fuq nett tagħha kien ikun hemm Asgard li hija d-dar tal-allat u Valhalla li kien meqjus bħala l-palazz ta’ Odin, alla prinċipali fil-mitoloġija ta’ dawk il-popli. Fl-għeruq l-aktar fondi kien hemm Helheim li tfisser is-saltna tal-mejtin. Aktar tard, bl-evanġelizazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi, l-Insara ħadu l-idea tas-siġra biex jiċċelebraw it-twelid ta' Kristu, iżda biddlu kompletament it-tifsira.

San Bonifaċju 
Jingħad li San Bonifaċju, li għex bejn is-snin 680 u 754, meqjus bħala l-evanġelizzatur tal-Ġermanja , ħa mannara u qata’ siġra li tirrappreżenta lil Yggdrasil, u minflokha ħawwel siġra tal-arżnu , li minħabba li din tħaddar is-sena kollha , issimbolizzat l-imħabba ta' Alla. Huwa żejjinha bit-tuffieħ u xemgħat. It-tuffieħ kien jissimbolizza d-dnub oriġinali u t-tentazzjonijiet, filwaqt li x-xemgħat kienu jirrappreżentaw id-dawl ta’ Ġesù Kristu bħala d-dawl tad-dinja. Hekk kif għadda ż-żmien, it-tuffieħ u x-xemgħat ġew mibdulina fi blalen, f’dwal, u dekorazzjonijiet oħra.

Aktar tard, ġiet miżjuda t-tradizzjoni tat-tqegħid tar-rigali għat-tfal taħt is-siġra, mibgħuta minn San Nikola jew magħruf ukoll bħala Santa Klaws jew Father Christmas jew mis-slaten maġi , skont id-drawwiet taż-żona fejn tkun tinsab.

Is-siġra tal-Milied fl-Ewropa

Jista’ jkun li l-ewwel siġra tal-Milied, kif inhi magħrufa u kif narawha llum, twieldet, biex ngħidu hekk, fil- Ġermanja , fejn wara kollox faqqset l-idea tas-siġra għall-ewwel darba. Aktarx li dan seħħ fis-seklu ħmistax  u b’hekk beda t-tixrid ta’ din id-drawwa. Waslet il- Finlandja fl-1800 , filwaqt dehret għall-ewwel darba fl- Ingilterra fl-1829. Sewwasew fl- 1841 ġewwa l-kastell irjali ta’ Windsor dehret l-ewwel siġra tal-Milied. Din intramat mill-Prinċep Albert, ir-raġel tar-Reġina Vittoria. Għandna nifhmu li f’pajjiżna ma damitx ma daħlet wisq wara l-Ingliterra għax billi konna kolonja Brittanika, kien hawn bosta Ngliżi jgħixu Malta u bla dubju ġabu din id-drawwa magħhom ukoll. Fil-Boemja u l-Moravja ġiet introdotta mill-Ġermanja, għalkemm fit-tieni nofs tas-seklu dsatax kien hemm moviment kontra s-siġra tal-Milied, iżda din id-drawwa ma nqerditx.

Fil-bidu tas -seklu sbatax is-siġra tal-Milied bdiet tiġi adottata ftit ftit min-nobbli Ewropej: il-Prinċipessa Henriette de Nassau-Weilbourg introduċiet is-siġra tal-Milied fil-palazz ta’ Vjenna fl-1816; id- Dukessa ta’ Orléans, ta’ oriġini Ġermaniża u l-kunjata tar-Re Louis-Philippe, u magħha l-Prinċipessa Hélène ta’ Mecklenburg-Schwerin, introduċewha fost l-aristokrazija ta’ Franza fl-1837 u popolarizzaw din id-drawwa Ġermaniża fost il-bourgeoisie Franċiża.

Id-drawwa tat-tiżjin ta' siġra fil-Milied fid-djar Spanjoli ġiet introdotta fl-1870 minn prinċipessa ta' oriġini Russa li kien jisimha Sofía Troubetzkoy , li wara li romlot mid-Duka ta' Morny iżżewġet lil aristokratiku Spanjol. Jidher li l-ewwel darba li tqiegħdet siġra tal-Milied fi Spanja kienet f'Madrid, fil-Milied tas-sena li semmejna diġà. Din kienet tinsab fil- palazz ta' Alcañices.

Fl-Italja, l-ewwel li ramat siġra tal-Milied kienet ir-Reġina Margherita fit-tieni nofs tas-seklu dsatax fil-Quirinale fil-belt ta’ Ruma. Id-drawwa malajr infirxet mal-pajjiż kollu. Ikollna nammettu li  s-siġra tal-Milied hija waħda mill-ftit tradizzjonijiet barranin li daħlu u qabdu sewwa fl-Italja.

Il-kolonisti Ewropej ħadu magħhom din id-drawwa lejn il-kolonji tagħhom fl-Amerika ta’ Fuq u għalhekk din ma damitx ma bdiet issir popolari ma’ dawn il-popli wkoll.

Illum


Minkejja li s-siġra tibqa’ dejjem siġra, illum bdejna naraw bosta ideat differenti. Siġar tal-Milied tal-ħġieġ, tal-injam jew materjali oħra. Kulħadd jipprova jivvinta u joħloq. Pereżempju rajna anke f’pajjiżna, siġar tal-Milied maħdumin bis-suf jew minn flieken tal-ilma tal-plastik.

Illum anke fil-knejjes sirna naraw siġar tal-Milied, minkejja li sa ftit għexieren ta’ snin ilu din kienet meqjusa bħala drawwa Protestanta. Ilum hawn min jagħti din it-tifsira lis-siġra tal-Milied: Hija tfakkar is-siġra fil- Ġnien tal-Għeden li mill-frott tagħha kielu Adam u Eva u minn fejn ġie d-dnub oriġinali; u għalhekk ftakar li Ġesù Kristu ġie biex ikun il-Messija mwiegħed għar-rikonċiljazzjoni. Tirrappreżenta wkoll is-siġra tal-Ħajja jew il-ħajja eterna, għax hija tat- tip perenni, li ma tinxifx, dik li bl-Ingliż insejħulha evergreen.

La tkun mal-familja ġewwa darek, qrib is-siġra tal-Milied, ftakar xi storja għandha u x’sinifikat għanda din id-dekorazzjoni li tant hi popolari f’dawn il-festi.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 24 ta' Diċembru 2022



sabato 10 dicembre 2022

Il-liri tal-Knisja


Spiss nisimgħu min jgħid li l-Knisja hija entità sinjura u li jmissha tbigħ ir-rikkezzi li għandha biex tqassamhom lill-foqra. Jien ngħid mill-ewwel li ma nafx x’għandha l-Knisja universali, la naf x’ġid għandu l-Vatikan u lanqas naf x’tippossedi l-kurja ta’ Malta, imma ser nikteb dwar realtà li ngħixha kuljum.

Patrimonju

Tabilħaqq li f’bosta knejjes naraw opri tal-arti li jiswew il-miljuni ta’ ewro. Imma kemm minnhom tista’ tiddisponi l-Knisja biex bi flushom ittaffi tant tbatija li hawn madwar id-dinja? Dawn l-opri llum huma patrimonju tad-dinja u għalhekk ħadd ma jista’ jmiss xejn minnhom aħseb u ara jbigħ! Min jaf kemm tiswa il-Pietà ta’ Michelangelo kieku kellha tinbiegħ? Imma l-Vatikan ma jistax ibigħha għax dik hija patimonju ta’ kull bniedem u ma għandha tkun qatt f’xi kollezzjoni privata. Mur erġa’ agħmilha llum! Mur erġa qajjem lil Michelangelo mill-qabar biex jerġa’ jisklopiha!

U dan il-patrimonju ma jinsabx biss fil-Vatikan. Anke l-knejjes ta’ pajjiżna fihom bosta rikkezzi, biss l-ebda opra minnhom ma tista’ tinbiegħ. Ħa nġib eżempju wieħed biss. Ħa nsemmi statwa titulari li naħseb il-Maltin kollha jammettu li hi waħda mill-isbaħ li nsibu f’pajjiżna. Timmaġina li l-kapitlu ta’ Birkirkara jbigħ l-istatwa ta’ Santa Liena? Min ser jerġa’ jqajjem lil Salvu Psaila minn ġewwa qabru biex jerġa’ jagħtina opra oħra bħal dik? Allura jkollna nammettu li minkejja r-rikkezzi u l-opri imprezzabbli li naraw fil-knejjes, kemm ta’ pajjiżna kif ukoll fi knejjes madwar id-dinja kollha, ma jiswew xejn fejn jidħol l-argument li l-Knisja għandha tbigħ id-dehbijiet u l-fided tagħha biex tqassam flushom lill-fqar għax fil-verità ma għandha l-ebda setgħa fuqhom imma hija biss tieħu ħsiebhom.

Djar u bini

Hemm xi wħud li jgħidu li l-knisja sinjura għax għandha bosta bini. Tajjeb wieħed ikun jaf li llum f’Malta, il-bini li ma jintużax għal skopijiet ekleżjastiċi ma għadux f’idejn il-Knisja imma d-dħul minnu jmur biex jitħallsu l-għalliema tal-iskejjel tal-Knisja – anzi parti mill-pagi tal-għalliema għax id-dħul minn dawn il-binjiet u djar ma jlaħħaqx mas-somma li hija meħtieġa biex iżżomm daqstant għalliema.

Hawn forsi hawn min jgħid li minn dan id-dħul qed igawdu biss parti mill-poplu Malti, dawk li għandhom uliedhom imorru fi skola tal-Knisja. U hawn huma wkoll żbaljati. L-iskejjel tal-Knisja qed jiffrankaw lill-gvern Malti miljuni ta’ ewro fis-sena. Kieku ma jkunux dawn l-iskejjel l-istat ikollu jaħseb hu għall-edukazzjon i ta’ tant eluf ta’ tfal. Dan ifisser li l-pagi tal-għalliema jibda jkollu jaħllashom il-gvern u allura dan irid iġib il-flus mit-taxxi taċ-ċittadini. Mela anke jekk indirettament, kull Malti qed igawdi mill-kirjiet tad-djar li għandha l-Knisja għax kieku l-istorja mhux hekk ikollu jħallas hu għall-edukazzjoni ta’ dawk l-istudenti li jattendu xi skola tal-Knisja.

Ħajja ta’ lussu

Forsi hawn min jaħseb li s-saċerdoti jgħixu ħajja ta’ lussu. Is-saċerdot djoċesan għandu l-paġa imma s-saċerdot reliġjuż, li jappartjeni għal xi ordni reliġjuż għandu biss pocket money. Jiena bħala saċerdot reliġjuż nista’ nitkellem dwari u ma nafx x’għandu ħaddieħor. Il-pocket money tiegħi huwa ta’ €50 fix-xahar, iva ħamsin ewro fix-xahar li jiġu €1.64, ewro u erba’ u sittin ċenteżmu kuljum. Dik ħajja ta’ lussu li jista’ jgħaddi bniedem b’€1.64 kuljum! Jekk ikollok karozza trid timliha bil-petol, tħallsilha l-insurance u l-liċenzja, toħodha għas-service u meta tinqala’ ħsara toħodha għand il-mekkanik. Illum lanqas tifel ma tagħtih €1.64 biex jgħaddi bihom ġurnata.

Ma rridux ninsew li l-kontijiet jaslu wkoll lis-saċerdoti u lill-kunventi tal-patrijiet ukoll. Naf parroċċi li l-kont tad-dawl biss jaqbeż il-ġbir li jsir fil-knisja. Barraminnhekk hemm spejjeż oħra li ftit jaħsbu li jeżistu. Mhux se nsemmi l-ostji u l-inbid, ix-xemgħat u issa anke s-sanitizer li jridu jinxtraw, imma nsemmi manutenzjonijiet li binjiet kbar bħalma tkun knisja jirrikjedu. Akbar ma tkun il-binja akbar ikun il-kont. U la fil-bidu semmejt l-opri tal-arti, ir-restawr tagħhom ma jsirx b’xejn, anzi llum ħafna minn dan ix-xogħol qed jiġi ffinanzjat, jew tal-anqas parti kbira minnu mill-Unjoni Ewropea.

Imbagħad hemm id-donazzjoni tal-quddies. Biex tagħmel quddiesa tagħti €5 fid-djoċesi ta’ Malta. Din l-elemosina, (għax ma hijiex tariffa, għax min ma jagħtihiex xorta ssirlu l-quddiesa) ilha hekk xi għoxrin sena. Kemm għoliet il-ħajja f’għoxrin sena? Kemm żdiedet il-paga f’għoxrin sena? Imma d-donazzjoni biex issir quddiesa baqgħet l-istess naħseb mill-millenju l-ieħor.

Illum qbadt argument li nemmen li bosta saċerdoti jafu bih imma jibżgħu jitkellmu dwaru. Biss min huwa barra ma jibżax jgħid li l-knisja hija sinjura. Illum ridt nuri kemm min jgħid dan il-kliem ikun żbaljat.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 10 ta' diċembru 2022




sabato 3 dicembre 2022

Barranin f’pajjiżna

Wieħed mill-argumenti l-aktar jaħarqu li bdew ikunu spiss fuq fomm il-poplu tal-Ewropa huwa dak li jitratta l-imigrazzjoni. F’dawn l-aħħar deċenji rajna fenomenu li qatt ma konna naħsbu dwaru jew nimmaġinaw li għad jiġri f’pajjiżna u fil-bqija tal-Ewropa. Hawn irrid nagħmilha ċara u tonda mill-ewwel li bla ma nidħol f’kontroversji, irridu niddistingwu bejn barrani li jibda jgħix fl-Ewropa, fosthom f’pajjiżna, b’mod regolari u kif titlob il-liġi u barrani li jidħol b’mod klandestin. Hemm liġijiet li għandhom ikunu osservati minn kulħadd.

Xi darba konna aħna migranti

Xena li ma ninsa qatt hija dik ta’ meta ommi u missieri ħaduni magħhom il-Marsa, mingħalija fit-tinda li tissejjaħ “tal-patata” biex naraw lin-nanna, omm ommi, li kienet sejra temegra lejn l-Awstralja flimkien maż-żewġ zijiet iż-żgħar. Kien lejn l-aħħar tas-snin sittin meta l-Maltin kienu għadhom ifittxu xortihom il bogħod minn art twelidhom. Bħan-nanna u bħaz-zijiet kien hemm eluf oħrajn ta’ Maltin li emegraw lejn xi art oħra biex isibu ħajja aħjar. Din ma kinitx storja tal-Maltin biss, imma għaddew minnha bosta Ewropej oħra, fostom il-ġirien tagħna l-Isqallin u t-Taljani tan-naħa ta’ isfel tal-Italja.

Min jaf mal-wasla tagħhom kemm kien hemm min qal l-istess kliem li llum aħna l-Ewropej ngħidu għall-Afrikani u l-Ażjatiċi li jaslu fil-kontinent tagħna. Għax din ħaġa normali, kulħadd jibża’ mit-tibdil l-aktar jekk dan it-tibdil isir għal għarrieda.


Addattament jew le

Maż-żmien l-Ewropej, fil-biċċa l-kbira tagħhom adattaw irwieħom għas-sistemi u d-drawwiet tal-pajjiżi li fihom marru jfittxu xortihom. Biss jekk wieħed joqgħod jaħseb naqra fil-fond jara kemm l-għeruq ta’ dak li jkun mhux faċli li wieħed jitbiegħed wisq minnhom. Ejjew nieħdu eżempju tal-Maltin fl-Awsralja jew il-Kanada jew l-Amerika. Naf żgur li jeżitu għaqdiet ta’ Maltin li jorganizzaw il-festi tal-qaddisin bħalma norganizzawhom aħna l-Maltin jew il-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira. Żgur li għan-nies ta’ dawn il-pajjiżi dawn ma humiex tradizzjoni għax mhux imdorrijin bihom, biss illum isiru ta’ kull sena.

Dan ma jfissirx li l-Maltin ma addattawx ruħhom għall-pajjiż li bdew jgħixu fih imma ħadu magħhom ukoll id-drawwiet tagħhom u integrawhom fil-pajjiż il-ġdid. Min ma riedx jadatta ruħu kellu jew jgħix ħajja ta’ disprament jew jaqbad it-triq u jerġa’ lura lejn art twelidu. Min qara r-rumanz ta’ Juann Mamo “Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka” jifhem sewwa dak li qed ngħid.

Il-folja nqalbet

Illum ma għadhomx l-Ewropej li jemegraw imma l-Ewropa saret il-post fejn tilqa’ bosta persuni minn barra l-kontinent. Imma wara dawn is-snin kollha ta’ nies deħlin fl-Ewropa, kultant bla ebda kontroll, sar xi pjan għalihom?

Ikollna nammettu li ċerti xogħlijiet ma għadhomx isiru mill-Ewropej u allura jkollna ngħidu li mnalla hawn il-barranin. Biss xorta waħda hemm lok fejn il-preżenza ta’ dawn il-persuni tista’ tiġi regolata aħjar. L-ewwel ħaġa li nemmen li għadha ssir hija li jekk barrani jiħġi aċċettat f’pajjiż, dan għadnu jitgħallem l-ilsien tal-post. Illum f’Malta spiċċajna b’nies li jagħtuk servizz, bħal assistenti tal-ħwienet, telephone operators, xufiera u waiters, li lanqas Ingliż ma jitkellmu sewwa. Jien immur spiss l-Italja u nara bosta stranġieri. Dawn kollha jitgħallmu t-Taljan għax inkella ma jimxux il quddiem. Allura f’pajjiżna għaliex le?



Programm

L-idea tiegħi hija li l-pajjiż għandu juża l-ħiliet ta’ dawn il-persuni u jgħallimhom snajja li jkunu ta’ ġid għall-pajjiż li jkunu għażlu li jgħixu fih.

Il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna ġabet lid-dinja fuq sieq waħda. Issa qed nindunaw li l-qamħ li nipproduċu aħna mhux biżżejjed għall-konsum tagħna. Kieku kellu jsir programm li dawn il-barranin jingħataw il-makkinarju u art mhux ikkultivata biex jaħdmuha u jiżirgħuha qamħ ikunu qed jaqilgħu għixien diċenti u jagħtu prodott tant meħtieġ lill-kontinent. Dan huwa eżempju wieħed biss. Hemm oqsma oħra fejn bi ftit għajnuna dawn il-barranin mhux talli ma jkunux piż fuq il-pajjiż anzi jagħtu kontribut siewi.

Razziżmu

Ma tistax tikteb dwar dan l-arġument bla ma ssemmi r-razziżmu. Ir-razziżmu ħafna drabi jitwieled minħabba n-nuqqas ta’ integrazzjoni. Il-Lhud fil-Ġermanja matul it-tieni gwerra dinjija għaddew minn dak li għaddew għax minkejja li kienu Ġermaniżi, twieldu hemm, tgħallmu hemm, ħadmu hemm, ħallsu t-taxxi tal-pajjiż daqs kull ċittadin ieħor, dawn baqgħu maqtugħin għalihom u kienu jidhru bħala sfida lejn il-kumplament tal-poplu. Għalhekk flimkien mat-tagħlim tal-ilsien tal-post irid ikun hemm tagħlim tad-drawwiet u tagħlim tal-kultura għax inkella dak li jkun jibqa’ barrani anke jekk jgħaddu mitt sena minn fuqu. U mal-barrani jinbet ir-razziżmu, aħna u huma, aħna mhux huma u huma mhux aħna meta fl-aħħar mill-aħħar ilkoll ikunu qed jgħidxu flimkien, imma mifrudin.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 3 ta' Diċembru 2022