Kull nhar is-27 ta’ Jannar issir it-tifkira tal-ġenoċidju li
wettqu n-Nazisti fl-aħħar gwerra dinjija fuq il-poplu Lhudi, fuq iż-żingari,
fuq l-omosesswali, fuq il-membri tax-Xhieda ta’ Ġeħova u fuq dawk li għenu lil
xi wħud minn dawn biex isibu kenn mill-kefrija Nazista. Dan il-ġenoċidju
jissejjaħ l-Olokawst jew bil-Lhudi Shoah. Illum nixtieq inlaqqagħkom ma’ familj
li minkejja li ma kinitx Lhudija, għenet kemm felħet lil għadd ta’ Lhud matul
dan iż-żmien ikrah tat-Tieni Gwerra Dinjija.
Il-familja
Il-familja Ten
Boom kienet toqgħod f’Haarlem, l-Olanda. Il-missier kien Casper li fl-1884
iżżewweġ lil Cornelia Johanna Arnolda Luitingh. Huma kellhom ħamest itfal: Betsie,
Willem, Hendrick li miet ta’ ftit xhur, Nollie u ż-żgħira li semmiet għal ommha
imma dejjem sejħulha Corrie. Meta Casper kellu tmintax-il sena fetaħ ħanut tad-deheb
f’Amsterdam. Sakemm kien jgħix hemmhekk huwa ħadem ħafna fost il-foqra iżda wara
xi snin kellu jmur lura lejn Haarlem fejn fetaħ bħala arluġġar fis-sular ta’
isfel ta’ daru. Huwa romol fl-1921 u baqa’ jgħix f’daru ma’ wliedu. Il-familja Ten
Boom kienet Kristjana, tappartjeni għall-Knisja Protestanta Riformata Olandiża.
Il-gwerra
Il-ħanut tal-familja Ten Boom |
Corrie u Betsie
Corrie u oħtha Betsie fetħu d-dar tagħhom għar-refuġjati
Lhud u l-membri tal- moviment tar-Reżistenza Olandiża u bħala riżultat ta’ hekk
kienu mfittxija mill-Gestapo. Ir-Reżistenza Olandiża, li saret taf ukoll b’din
il-ħidma, bagħtet perit fid-dar ta’ Ten Boom biex jibni kamra sigrieta għal-Lhud
li kienu moħbija fid-dar u nstallaw buzzer ta’ twissija biex iwissu
lir-refuġjati biex jidħlu fil-kamra sigrieta kemm jista’ jkun malajr f’każ ta’
bżonn. Il-kamra sigrieta kienet fil-kamra tas-sodda ta’ Corrie wara ħajt falz u
kienet tista’ iżżomm fiha sitt persuni. Ġiet installata fiha sistema ta’
ventilazzjoni għall-okkupanti.
Arrest
Fit-28 ta’ Frar 1944, l-Olandiż, Jan Vogel, qal lin-Nazi
dwar ix-xogħol ta’ Ten Booms; għall-ħabta tan-nofsiegħa ta’ dak il-jum, in-Nazi
arrestaw lill-familja kollha ta’ Ten Boom. Huma ntbagħtu l-ħabs ta’
Scheveningen għax fid-dar tagħhom instab materjal tar-Reżistenza Olandiża u biljetti
tar-razzjon tal-ikel żejda. Dak
iż-żmien fid-dar ta’ Ten Boom kien hemm sitt refuġjati. Dan il-grupp ta’ sitt
persuni moħbija kien magħmul kemm minn Lhud kif ukoll minn ħaddiema
tar-reżistenza. Tant kien moħbi sewwa li baqa’ mhux skopert minkejja li d-dar
kienet taħt sorveljanza kontinwa wara l-arrest tal-membri tal-familja Ten Boom.
Uffiċjali tal-pulizija li kienu wkoll membri tal-grupp tar-reżistenza
ħasbu biex ikkordinaw il-ħarba tar-refuġjati.
Meta Casper kien interrogat fil-ħabs, il-Gestapo qaltlu li
se jeħilsuh minħabba l-età tiegħu biex ikun jista’ “jmut fis-sodda tiegħu.”
Huwa wieġeb, “Jekk illum immur id-dar, għada niftaħ il-bieb għal kull min
iħabbat għall-għajnuna.” Meta mistoqsi jekk kienx jaf li seta’ jmut talli għen
lil-Lhud, hu wieġeb, “Jien nikkunsidra li dan ikun l-akbar unur għall-familja
tiegħi.” Fid-9 ta' Marzu, Casper miet fl-Isptar Muniċipali ta' The Hague,
fl-età ta’ 84 sena, wara disat ijiem fil-ħabs ta' Scheveningen.
Betsie mietet f'Ravensbrück f'Diċembru 1944. Willem marad bit- tuberkulożi spinali waqt li kien il-ħabs minħabba x-xogħol tiegħu mar-reżistenza. Għalkemm inħeles, miet bit-tuberkulożi ftit wara l-gwerra. Corrie nħelset mill-kamp ta’ konċentrament ta’ Herzogenbusch. Skont hi, inħelset bi żball. Hija marret lura d-dar f’dik li tissejjaħ “ix-xitwa tal-ġuħ” minħabba n-nuqqas ta’ ikel li kien jeżisti. Hija xorta fetħet il-bibien tagħha għal persuni b’diżabilità li kienu moħbija minħabba l-biża’ li jiġu maqtulin mill-Ġermaniżi.
Corrie Ten
Boom irrakkontat l-istorja tal-membri tal-familja tagħha u x-xogħol tagħhom
fit- Tieni Gwerra Dinjija fil-ktieb bestseller tagħha, The Hiding Place li
ħareġ fl-1971 u Ii nħadem film fl-1975.
Ilum
wassaltilkom ftit tagħrif dwar familja li minkejja li ma kinitx Lhudija, għenet
kemm setgħet u b’kull mezz lil-Lhud fi żmien il-gwerra. Familja b’morali
għolja – familja altruwista.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 28 ta' Jannar 2023