venerdì 24 febbraio 2023

Lodovico Mifsud Tommasi

 

Kanonku u poeta minn Bormla

Matul l-istaġun tal-festi li jsiru f’pajjiżna spiss nisimgħu il-kurunella tal-qaddis jew qaddisa. Bosta kurunelli qodma kienu miktuba minn Ludovico Mifsud Tommasi. Ejjew l-ewwel naraw xi ħaġa fuq fuq dwar xi tkun kurunella. Biss Mifsud Tommasi ma jistax ikun marbit biss mal-kurunelli imma hemm ħafna aktar għal xiex dan is-saċerdot għandu jibqa’ msemmi u mfakkar.

Kurunella

Hemm għadd ta’ talbiet li l-forma tagħhom hija differenti. Kurunella hija forma ta’ talba magħquda ma’ għadd ta’ tifħir lill-qaddis jew qaddisa li lilu jew lilha tkun iddedikata dik il-kurunella. Wara kull żewġ strofi tingħad Missierna, Sliema u Glorja. Din tingħad fin-novena ta’ qabel il-festa jew fil-jiem tat-tridu qabel il-barka Sagramentali. Sfortunatament illum din id-drawwa hemm fejn spiċċat. Ħasra għax minbarra s-sens liturġiku hemm ukoll il-paterimonju artistiku u poetiku li qed jintilef.

Min kien l-awtur

Ludovico twieled nhar it-18 ta’ Novembru, 1796 ġewwa Bormla. Missieru Francesco Mifsud kien neguzjant u kien miżżewweġ lil Angelica Tommasi.  Huwa kien mgħammed fi l-knisja parrokkjali ta’ Bormla u mogħti l-ismijiet ta’ Ludovico, Giuseppe u Fabrizio. Il-ġenituri ta’ Ludovico kellhom 11-il wild, sitt ibiet u ħames subien. Fl-1806, meta Ludovico kellu 10 snin, daħal is-seminarju fejn studja għal 10 snin u wara daħal l-università. Huwa gradwa fit-teoloġija mill-Università ta’ Malta u fl-1821 ġie ordnat saċerdot mill-Isqof ta’ Malta Ferdinando Mattei. Wara huwa kompla l-istudji tiegħu fid-dritt kanoniku u fid-dritt ċivili ġewwa Ruma. Huwa kien professur tal-Istorja tal-Knisja u tal-Iskrittura. Fl-1858 ħa l-pussess ta’ Kanonku tal-Kolleġġjata ta’ Bormla u fis-sena 1868 inħatar Monsinjur tal-Katidral tal-Imdina.

Pittura

Fl-1828 Dun Ludovik kien qabbad lill-artist Pietru Pawl Caruana biex ipitter kwadru tal-Kunċizzjoni sabiex jirregalah lill-kolleġġjata ta’ Bormla. Wara dan il-kwadru kellu jieħu post il-kwadru titulari tal-artist Carlo Gimach u jsir il-kwadru titulari li għadna nsibu llum. Fl-1835 fir-rokna ta’ isfel, fuq in-naħa tal-lemin tal-kwadru tpittret l-arma tal-familja Mifsud Tommasi. Din il-pittura kienetasdet xi ftit lill-Bormliżi għaliex sa dak iż-żmien ix-xbieħa tal-madonna kienet tkun rappreżentata bi lbies rikk u mhux kif pittirha Caruana, b’libsa bajda u faxxa kaħla ma qaddha. Interessanti ħafna l-fatt li meta seħħew id-dehriet ta’ Lourdes fl-1858 – tletin sena wara li saret il-pittura, il-Madonna dehret liebsa sewwasew kif kienet tidher fil-kwadru kkommissjonat minn Mifsud Tommasi.

Potenzjalment Arċipriet

Il-kappillan Tumas Scicluna tal-parroċċa ta’ San Filep ta’ Ħaż Żebbug kien għażel lil Mifsud Tommasi bħala vigarju tiegħu. Dun Lodovik ħadem biex ġab mingħand il-Papa Piju VIII t-titlu ta' arcipriet lill-parroċċa Żebbuġija u fl-1829 kellu jnħatar l-ewwel arċipriet tal-Belt Rohan iżda l-pussess tiegħu qatt ma sar.  Skont Ġużè Cassar Pullicino, Mifsud Tommasi kien offrut il-grad ta’ isqof koadjutur tal-Isqof Mattei, bid-dritt tas-suċċessjoni mill-Gvernatur ta’ Malta Sir Frederick Cavendish Ponsonby għall-ħabta tas-sena 1830, kariga li Mifsud Tommasi ma aċċettax.  Fl-1831 Malta kellha isqof ġdid; iż-Żebbuġi Francesco Saverio Caruana. Jingħad li għal xi raġuni dan l-Isqof ma kienx jaqbel wisq ma’ Mifsud Tommasi u ħajru jirrinunzja għall-arċipretura u wiegħdu li ’l quddiem jinnomimah monsinjur tal-katidral. Dun Ludovik kien aċċetta din il-proposta imma l-Isqof  Caruana miet fl-1847 u Mifsud Tommasi kien għadu  ma sarx monsinjur.  Bħalma għidna, fl-1857 kien nominat  bħala kanonku tal-Kolleġġjata ta’ Bormla. Il-vestizzjoni tiegħu bħala kanonku saret fit-2 ta’ Jannar tal-1858. In-nomina ta’ monsinjur tal-katidral waslet fl-1868 mill-Isqof  Gaetano Pace Forno

Saċerdot u kittieb

Monsinjur Mifsud Tommasi kien predikatur imfaħħar ħafna u dar tista’ tgħid il-knejjes ta’ Malta kollha jipprietka. Kien ukoll kittieb u poeta ta’ kalibru għoli. Interessanti ħafna l-fatt li dan is-saċerdot kiteb bil-Malti meta ilsienna lanqas biss kein jitqies bħala lingwa. Fl-1835 Ludovik Mifsud Tommasi ippubblika l-ewwel ġabra ta’ kurunelli fl-Istamperija tal-Gvern. Dik is-sena wkoll huwa  ħareġ  l-Inni Mqaddsa, traduzzjoni bil-Malti tal-innijiet tal-brevjar. Dan juri kemm dan is-saċerdot ħaseb kmieni għall-użu tal-Malti fil-knisja. Bejn l-1835 u l-1837 hu ppubblika xejn anqas min 21 ktejjeb. Xogħolijiet importanti oħra tiegħu huma: Stabat Mater Dolorosa, Christe Sanctorum decus Angelorum u Magnae Deus Potentiae.

Il-Kanonku Ludovico Mifsud Tommasi miet nhar it-23 ta’ Ottubru, 1879, ftit jiem qabel ma għalaq it-83 sena. Huwa jinsab midfun fil-katidral tal-Imdina.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 25 ta' Frar 2023



venerdì 17 febbraio 2023

Il-Vulkan Etna


Fil-gżira ġara tagħna, il-gżira ta’ Sqallija, insibu wieħed mill-aktar vulkani attivi fid-dinja. Qiegħed nirreferi għall-Vulkan Etna jew kif insejħulu spiss l-Etna. Meta l-viżibilità tkun tippermetti mhux l-ewwel darba li dan il-vulkan deher minn pajjiżna. Iva daqshekk hu qrib tagħna dan il-vulkan!

Isem


L-isem Etna hawn min jgħid li ġej mill-Grieg αἴθω (aithō), li jfisser “Jiena naħraq.” Imbagħad hemm min jemmen li l-isem huwa derivat mill-kelma tal-Feniċi attuna li tfisser “forn” jew “ċumnija.” Bil-Latin dan il-vulkan jissejjaħ Aetna. Bl -Għarbi huwa msejjaħ جبل النار (Jabal al-Nār) li dlonk nindunaw li tfisser il-muntanja tan-nar.

Tajjeb ngħidu li Vulkan, fil-mitoloġija Griega kif ukoll dik Rumana, kien l-alla tan-nar. Ħafna drabi dan l-alla kien jiġi mpinġi jew skolpit b’martell tal-ħaddieda f’idu. Il- Vulkanalja kienet il-festa annwali li kienet issir f’ġieħu kull 23 ta’ Awwissu. Bil-Grieg dan l-alla kien jissejjaħ Ħefestus. Il-mitoloġija tgħid li l-alla Vulkan kellu l-forġa tal-ħaddied tiegħu sewwasew taħt il-muntanja Etna.

Il-Vulkan Etna huwa magħruf ukoll bħala Muncibbeḍḍu bl-Isqalli u Mongibello jew Montebello bit-Taljan, li kif nafu jew nistgħu nobsru, dawn kollha jfissru muntanja sabiħa. Skont ipoteżi oħra, it-terminu Mongibello ġej mil-Latin Mulciber li ġejja mill-frażi qui ignem mulcet  li tfisser dak li jtaffi n-nar. Teorija oħra hija li Mongibello ġejja mill-kelma Taljana monte flimkien mal-kelma Għarbija jabal , li t-tnejn li huma jfissru muntanji.

Ftit tagħrif

Dan il-vulkan jinsab bejn l-ibliet Sqallin ta’ Catania u Messina iżda jagħmel parti minn Catania. L-Etna jinsab fuq il-kosta tal-lvant ta’ Sqallija, fil-Lbiċ tal -Muntanji Peloritani u fix-Xlokk tal -Muntanji Nebrodi imsejħin ukoll bħala l-Appennini Sqallin. Huwa għoli 3,357 metru u għalhekk huwa l-aktar vulkan għoli fl-Italja. Tajjeb ngħidu li b’xi eruzzjoni dan l-għoli jista’ jiżdied xi ftit ukoll.Pereżempju billi sentejn ilu kienu saru bosta eruzzjonijiet, dan il-vulkan għola bi tletin metru.  It-tieni l-ogħla vulkan fl-Italja huwa l-Vessuvju, biss l-Etna huwa għoli darbtejn u nofs daqs il-vulkan li nsibu Napli. Huwa it-tieni l-ogħla vulkan attiv fl-Ewropa u l-Afrika ta’ fuq. Biex naqtgħu l-kurżità ngħidu li l-aktar vulkan għoli li nsibu f’din ix-xaqliba tad-dinja huwa dak li jġib l-isem ta’ Teide li hemm fil-gżejjer Canary li huwa għoli 3,715-il metru.

L-art li fuqha nsibu dan il-vulkan fiha elf, mija u disgħin kilometru kwadu u ċ-ċirkonfeneza tiegħu fiha mija u  erbgħin kilometru. Bħalma bosta jafu, il-qoxra tad-dinja hija maqsuma f’għadd ta’ pjattaformi tettoniċi. Il-Vulkan Etna jinsab fil-periferija tal-pjattafoma tettonika Afrikana.

Fix-xitwa fuq l-Etna jkun hemm silġ li fl-ogħla parti  jdum kważi sas-sajf. Iż-żoni turistiċi minn fejn tista’ titlaq għal eskursjonijiet sal-quċċata tal-vulkan jistgħu jintlaħqu faċilment mill-għoljiet tan-Nofsinhar u tal-Grigal fejn jinsabu wkoll iż-żewġ ski resorts tal-vulkan. Fl-ogħla partijiet tal-vulkan il-klima hija alpina. It-temperaturi medji annwali jvarjaw minn 13-14°C fil-bażi għal 2-3°C fil-quċċata biss fix-xhur xitwin it-temperatura tinżel taħt iz-zero spiss.

Storja

L-ewwel referenzi storiċi għall-attività eruttiva tal-Etna jinstabu fil-kitbiet ta’ Tuċidide u Dijodoru Siklu u tal-poeta Pindaru. Referenzi oħra huma l-aktar mitoloġiċi. Skont Dijodorus Siklu, madwar 3,000 sena ilu, wara fażi ta’ attività splussiva vjolenti fuq l-Etna, l-abitanti tal-inħawi ta’ dak iż-żmien, marru jgħixu fil-partijiet tal-punent tal-gżira ta’ Sqallija. Nistgħu ngħidu li l-eruzzjonijiet tal-Etna, għalkemm qerrieda mhumiex ta’ periklu għan-nies ħlief għal xi każi uniċi bħal dik li seħħet fil-25 ta’ Novembru, 1843 meta sitta u tletin persuna tilfu ħajjithom. L-itwal eruzzjoni magħrufa hija dik ta' Lulju tal-1614. Il-fenomenu dam għaxar snin u fihom ħareġ aktar minn biljun metru kubu ta' lava li kesa 21 kilometru kwadru ta' art fit-Tramuntana tal-vulkan. Fl-1669 seħħet l-aktar eruzzjoni magħrufa u qerrieda li laħqet u għaddiet il-belt ta’ Catania. Fl-1928 , seħħet l-aktar eruzzjoni distruttiva tas-seklu għoxrin filwaqt li bejn Diċembru tas-sena 1991 u Marzu tal-1993 seħħet l-itwal eruzzjoni tas-seklu li għadda, eruzzjoni li damet 473 jum. Mill-2000 'l hawn l-Etna kellha erba' eruzzjonijiet. Mhux dawn biss kienu l-eruzzjonijiet matul is-snin iżda hawn semmejt biss xi wħud fost l-akbar. Kien hemm xi drabi li l-irmied li jitfa’ dan il-vulkan tellef ukoll l-ajruplani anke fl-ajruport ta’ Malta.

Pożittività

Minkejja kollox, il-Vulkan Etna għandu wkoll it-tajjeb tiegħu. L-irmied li joħroġ minnu huwa ta’ ġid kbir għall-agrikoltura u għalhekk l-art tal-inħawi hija waħda fertili mmens. Minħabba l-għoli tal-vulkan tinżel ħafna borra u għalhekk inbnew żewġ risorsi għall-isports tal-isking. L-Etna hija destinazzjoni għal turisti interessati fil-vulkani peress li l-Etna huwa wieħed mill-ftit vulkani attivi fid-dinja li huwa aċċessibbli faċilment. Fil-fatt, hemm ukoll gwidi speċjalizzati u vetturi off-road li jieħdu l-viżitaturi b'mod sikur sal-craters tas-summit.

U fatt ieħor li jien narah pożittiv huwa li aħna l-Maltin nistgħu nżurh faċilment u llum huwa possibbli li tmur fuq l-Etna filgħodu u terġa’ lura Malta filgħaxija.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 18 ta' Frar 2023

 

 



sabato 11 febbraio 2023

Il-parroċċa

 

Ilkoll kemm aħna nafu xi tkun parroċċa, imma forsi ftit huma dawk li jafu l-oriġini ta’ dawn l-entitajiet. Il-parroċċa hija l-parti minn djoċesi f'komunità Nisranija li tkun immexxija minn presbiteru msejjaħ kappillan jew arċipriet. Il-Knisja Kattolika, il-Knisja Ortodossa, il-Knisja Anglikana, u xi denominazzjonijiet Protestanti oħra huma kollha organizzati f'parroċċi.

Isem

Nibdew qabel xejn naraw il-kelma “parroċċa” minn fejn hi ġejja. It-terminu "parroċċa" ġej mill-Grieg παροικία (paroikìa), kelma derivata minn παροικέω li tfisser "dak li jgħix fil-qrib" u bil-Latin saret paroecia li tfisser "qrib id-dar" jew “min mhux tad-dar”: f’dan is-sens din il-kelma kienet tirreferi għal dawk ir-resident barrani fost iċ-ċittadini tal-post. F’sens etimoloġiku, għalhekk, il-parroċċa (paroikìa) mhijiex komunità ta’ nies li jgħixu madwar post ta’ qima u lanqas ma għandha x’taqsam ma’ territorju. Tfisser dawk in-nies li ma humiex qed jgħixu f’arthom. Dan nifhmuh sewwa meta naqraw il-kliem meħud mill-Ittra lil-Lhud: Għax aħna hawnhekk ma għandniex belt li tibqa' għal dejjem, iżda qegħdin infittxu dik li għad trid tiġi. [Lhud:13:14]

Storja

Oriġinarjament l-ewwel komunitajiet Insara fdaw il-liturġija kollha f’idejn isqof li kien joqgħod f’belt. Barra s-sedi episkopali ma kienx hemm knejjes, sakemm fir-raba’ seklu l-komunitajiet Insara rurali tant saru numerużi li kienu jeħtieġu r-residenza permanenti ta’ membru tal-kleru. Fil-bidu l-komunitajiet rurali kienu taħt l-amministrazzjoni diretta tal-isqof, iżda fil-Lvant il-Konċilju ta’ Kalċedonja li sar fis-sena 451 ordna  amministrazzjoni differenti. Fil-Punent, il-proċess tal-ħolqien tal-parroċċi kien itwal u aktar bil-mod. Bejn ir-raba’ u l-ħames seklu inbnew bosta knejjes rurali kemm fi proprjetà ekkleżjastika kif ukoll f’art privata. Qassis wieħed jew aktar kienu joqogħdu fil-knisja. Fil-bidu, l-amministrazzjoni pastorali u patrimonjali tal-knejjes rurali kienet taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-isqof, il-parroċċi ma kellhomx konfini definiti sew.

Fis-sekli sitta u sebgħa bdew jissemmew l-ecclesia rusticana jew parochitana u finalment parochia. Bil-mod il-mod l-amministrazzjoni ta’ dawn il-knejjes bdiet tiġi fdata f’idejn is-saċerdoti residenti, li issa kienu jistgħu jirċievu direttament donazzjonijiet u legati mingħand il-fidili. Minbarra l-knejjes parrokkjali, inbnew ukoll knejjes sekondarji, kappelli u oratorji, li iżda baqgħu taħt id-dipendenza tal-parroċċa. Din ir-rabta ta’ dipendenza hija enfasizzata mid-dritt tal-knejjes parrokkjali li jamministraw il-magħmudija. Sa mis-seklu tmienja il-kampanja ta' madwar il-parroċċi ġiet assenjata bħala t-territorju tal-parroċċa stess u b'hekk assumiet ċerti konfini. Lejn is- seklu ħdax u tnax il-parroċċa rurali saret iċ-ċentru tal-ħajja Nisranija tal-komunità u ta’ spiss ħdejn il-knejjes fetħu skejjel u istituti ta’ karità.

Il-parroċċi urbani, min-naħa l-oħra, żviluppaw aktar bil-mod għaliex il-knisja katidral baqgħet għal żmien twil is-sede tal-isqof u l-unika parroċċa fil-belt. It-tixrid tal-parroċċi kien madankollu differenti ħafna minn djoċesi għal djoċesi. Il-Konċilju ta’ Trento li sar bejn l-1545 u l-1563 ordna t-twaqqif ta’ parroċċi fid-djoċesijiet li kienu għadhom nieqsa minnhom.

Tajjeb ngħidu wkoll li jeżistu wkoll parroċċi li ma fihomx konfini. Dawn ikunu parroċċi ta’ xi gruppi partikolari ta’ nies u ma jkunux marbuta ma’ teritorji, bħal pereżempju parroċċa ta’ grupp ta’ nies barranin li joqgħodu f’ċerta djoċesi.

F’Malta

Nistgħu ngħidu b'ċertezza li l-Kattidral tal-Imdina kien l-ewwel parroċċa f'Malta. Il-Birgu hu meqjus bħala l-eqdem parroċċa wara l-Katidral. It-tradizzjoni tgħid li kien il-Konti Ruġġieru li waqqad din il-parroċċa fl-1091.  Fl-1436 l-Isqof Senatore de Mello de Noto, kiteb li f'Malta kien hawn għaxar parroċċi mwaqqfin. Kull parroċċa kellha tieħu ħsieb il-knejjes u l-kura spiritwali ta' xi żona partikulari. Dawn kienu: In-Naxxar, Birkirkara, Ħal Qormi, Bir Miftuħ (Illum Il-Gudja), Santa Katarina (illum iż-Żejtun), Is-Siġġiewi, Ħaż-Żebbuġ, Iż-Żurrieq, Santa Dminka (illum Ħad-Dingli) u l-Mellieħa.

Ħidma

Iċ-ċentru tal-ħajja ta’ parroċċa hija ċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, fejn il-komunità Nisranija ta’ dik iż-żona tinġabar biex tisma’ l-Kelma ta’ Alla, tfaħħar lil Alla u tirċievi l-Ewkaristija. Biss mhux din biss hija l-ħidma tal-parroċċa. Il-Konċilju ta’ Trento mhux biss ordna t-twaqqif ta’ parroċċi imma wkoll kien ordna li jibdew jinżammu r-reġistri tat-twelid u magħmudija, żwiġijiet u mwiet tal-parruċċani. Dak iż-żmien l-ebda pajjiż ma kien iżomm informazzjoni bħal din u għalhekk dawn ir-reġisteri huma ta’ importanza kbira għal min irid jagħmel xi riċerka. Il-parroċċa hija komunità tal-fidili fejn l-isqof jibgħat lil wieħed mill-presbiteri tiegħu biex jieħu ħsieb l-erwieħ li jinsabu f’dak it-territorju, bil-ħsieb ta’ evanġelizazzjoni u attività pastorali. F’każ ta’ parroċċi li huma ta’ xi ordni reliġjuż, il-kappillan jintgħażel mill-provinċjal u jressqu għall-approvazzjoni tal-isqof tad-djoċesi għaliex kull parroċċa, bħala kura tal-erwieħ taqa’ taħt l-isqof tal-post.


Mill-Konċilju Vatikan II, li sar bejn l-1962 u l-1965, ħafna ħidma tal-parroċċi bdiet tiġi afdata f’idejn il-lajċi. Il-Knisja għandha bżonn il-lajċi daqs kemm il-lajċi għandhom bżonn il-Knisja. Illum anke f’pajjiżna qed inħossu n-nuqqas ta’ saċerdoti u għalhekk xogħol li qabel kien afdat biss f’idejn qassis jew patri illum qed isir minn nies lajċi, ovvjament mhux fejn jidħlu sagramenti.

Nagħlaq billi ngħid x’kien qal il-Papa San Ġwanni Pawlu II: "Parroċċa tfisser: il-preżenza ta’ Kristu fost il-bnedmin, parroċċa tfisser ġabra ta’ persuni, tfisser Komunità li fiha u biha Ġesù Kristu jikkonferma mill-ġdid il-preżenza ta’ Alla. Il-parroċċa hi parti ħajja tal-Poplu ta’ Alla."

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 11 ta' Frar 2023



sabato 4 febbraio 2023

LARINĠ

 

Fost l-aktar frott popolari u li nistgħu ngħidu mmorru fejn immorru fid-dinja nsibuh, huwa l-larinġ minħabba li hija frotta li tista’ tinżamm għal bosta xhur, kemm-il darba tkun miżmuma f’ambjent u post sewwa. Hemm diversi tipi ta’ larinġ, fosthom il-larinġ magħruf bħala “ta’ Malta” fost bosta oħrajn. Huwa frott li fih ħafna vitamini u baxx fil-kalariji. Larinġa waħda fiha 92% tal-vitamina Ċ li bniedem għandu bżonn kuljum. Ejjew naraw xi ħaġa żgħira fuq din il-frotta bnina.


Storja

Il-larinġ ħelu mhuwiex frott selvaġġ  imma ġie biex ngħidu hekk iddomestikat b’taħlit minn siġar taċ-ċitru ieħor. Il-larinġ ħelu għandu oriġini distinta mill-larinġ morr, li nħoloq bi tlaqqim ta’ siġar taċ-ċitru differenti. L-aktar referenza bikrija tal-larinġ ħelu nsibuha fil-letteratura Ċiniża u tmur sas-sena 314 qabel Kristu. Fl-Ewropa, il-Mori ntroduċew il-larinġ fil-Peniżola Iberika , bil-kultivazzjoni fuq skala kbira li bdiet fis-seklu għaxra, meta sar il-bini ta’ tekniki kumplessi għat-tisqija għall-ġonna tal-larinġ. Il-frott taċ-ċitru, fosthom il-larinġ morr, ġie ntrodott fi Sqallija fis-seklu disgħa matul il-perjodu tal-Emirat ta’ Sqallija, iżda l-larinġ ħelu ma wasalx f’din il-gżira qabel is-seklu ħmistax  jew il-bidu tas-seklu sittax meta n-negozjanti Portugiżi ġabu siġar tal-larinġ fiż-żona tal-Mediterran. Ftit wara, il-larinġ ħelu malajr ġie adottat bħala frott li jittiekel. Kien meqjus bħala ikel lussus imkabbar minn nies għonja f’ġonna privati. Sal-1646, il-larinġ ħelu kien magħruf sew madwar l-Ewropa. Ir-Re Luwiġi XIV ta’ Franza kellu mħabba kbira għas-siġar tal-larinġ tant li bena ġnien tal-larinġ kbir fil-Palazz ta’ Versailles. F'Versailles, siġar tal-larinġ mħawla f'banjijiet tal-fidda solida, tqiegħdu fil-kmamar tal-palazz, filwaqt li l-ġnien tal-larinġ kien jiggarantixxi li r-re u familtu jsibu dan il-frott matul is-sena kollha.

Vjaġġaturi Spanjoli ntroduċew il-larinġ ħelu fil-kontinent Amerikan. Fit-tieni vjaġġ tiegħu, fl-1493, Kristofru Kolombu aktarx li ħawwel siġar tal-larinġ fil-kontinent il-ġdid. Spedizzjonijiet li saru wara ħadu l-larinġ ħelu lejn l-Amerika ta’ Isfel u l-Messiku, u lejn Florida fl-1565 – is-sena tal-Assedju l-kbir ta’ Malta. Missjunarji Spanjoli ġabu siġar tal-larinġ f'Arizona bejn l-1707 u l-1710 filwaqt li l-Franġiskani għamlu l-istess f'San Diego, Kalifornja, fl-1769. F’Louisiana, il-larinġ probabilment ġie introdott minn esploraturi Franċiżi.

F’pajjiżna

Is-siġar taċ-ċitru, li minnhom tagħmel parti s-siġra tal-larinġ, bħalma huma wkoll dawk tal-lumi, mandolin, tronġ u xi frott ieħor inqas popolari, bdew jiġu mkabbra f’Malta għall-ħabta tas-sena 870 wara Kristu meta pajjiżna kien maħkum mill-Għarab. Il-Kavallieri ta’ San Ġwann komplew ikabbru u jżidu s-siġar taċ-ċitru f’pajjiżna u aktarx li kien f’dawn iż-żminijiet li l-larinġa ta’ Malta saret popolari anke bogħod minn xtutna. Il-klima ta’ pajjiżna u x-xtiewi bi ftit li xejn ksieħ huma ideali għal dawn is-siġar. Għal mijiet ta’ snin il-larinġ ta’ Malta kien ikun rigal subblimi għal bsota monarkiji Ewropej. Jingħad li r-Reġina Eliżabetta I kienet tħobb ħafna dan il-larinġ u kienet tinsisti li fl-ikliet kbar li kienet tagħti jkun hemm il-larinġ ta’ Malta fuq il-mejda. Dan l-aħħar qrajt li sal-lum il-familja rjali tal-Gran Brittanja għadha ta’ kull sena tirċievi larinġ minn pajjiżna bħala rigal tal-poplu Malti lil din il-familja. Jekk din il-ħaġa hijiex minnha jew le ma nafx! Li nista’ ngħid fiċ-ċert hu li meta r-Reġina Eliżabetta II kienet għadha prinċipessa u għal xi snin kienet tgħix Malta, kellha siġar tal-larinġ fid-dar fejn kienet toqgħod fi Gwardamanġa. Ma jistax jonqos li l-larinġ tal-ġnien tagħha kien jasal sa fuq il-mejda tal-ikel.

Produzzjoni

Inħallu pajjiżna u naraw li fl-2020, il-produzzjoni dinjija tal-larinġ kienet ta’ 75 miljun tunnellata , bl-akbar produttur ikun il-Brażil b’aktar minn sittax-il miljun tunellata li jammontaw għal 22% tat-total, segwit mill-Indja bi kważi għaxar miljun tunellata, iċ-Ċina b’seba’ miljun tunellata u nofs, l-Istati Uniti bi ftit anqas minn ħames miljun tunellata, u l-Messiku bi ftit aktar minn erba’ miljun tunellata u nofs.

Qegħdin insemmu pajjiżi enormi u kif wieħed jinduna, sa issa ma semejt l-ebda pajjiż Ewropew jew tal-anqas Mediterranju. Biss wara l-Messiku fil-klassifika tal-produzzjoni nsibu lil Spanja u l-Eġittu bi tliet miljun tunellata u kwart larinġ kull sena. Dan kollu jammonta għal żewġ terzi tal-produzzjoni dinjija kollha.

Kummerċjalment, il-larinġ jista’ jinħażen fi kmamar b’atmosfera mkessħa u kkontrollata sa tnax-il ġimgħa wara l-qtugħ. It-tul tal-ħażna fl-aħħar mill-aħħar tiddependi fuq il-kultivar, il-maturità, il-kundizzjonijiet ta’ qabel il-qtugħ u l-immaniġġjar tal-frotta. Fil-ħwienet u s-swieq, madankollu, il-larinġ għandu jintwera fuq xkafef mhux imkessħa. Fid-dar il-larinġ għandu ħajja ta’ madwar xahar.

Rajna xi ħaġa żgħira, anzi żgħira ħafna dwar din il-frotta popolari li minnha jsiru wkoll prodotti oħra bħal ġammijiet, xarbiet kemm alkoħoliċi kif ukoll mhux alkoħoliċi kif ukoll żejt. Lanqas temmen daqsxejn ta’ frott xi jkun hemm warajha!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 4 ta' Frar 2023