sabato 27 maggio 2023

Il-Georgia

 

Ftit jiem ilu kelli ħaddiem barrani fil-kunvent. Indunajt li kien barrani u l-kurżità għelbitni u staqsejtu minn fejn kien. Dlonk weġibni li kien minn Georgia. Kif telaq mort infittex xi ħaġa fuq dan il-pajjiż u dak li sibt nixtieq naqsmu magħkom.

Dan il-pajjiż jinsab fuq ix-xatt tal-Lvant tal- Baħar l-Iswed u jmiss mar-Russja fit-tramuntana, mat-Turkija u l-Armenja fin-nofsinhar, l-Ażerbajġan fix-Xlokk u l-Baħar l-Iswed fil-punent. Il-pajjiż ikopri żona ta’ 69, 700  km² u għandu popolazzjoni ta' tliet miljun u nofs abitant. Il-belt kapitali tal-pajjiż hija Tbilisi.

Mil-lat ġeografiku il-Georgia hija meqjusa bħala parti mill-Asja tal-Punent jew pajjiż transkontinentali, waħda mil-linji konvenzjonali ta' separazzjoni bejn l-Ewropa u l-Asja. Mil-lat storiku-kulturali hija marbuta mill-qrib mal- Ewropa.

Oriġini tal-isem

L-ewwel riferiment tal-isem tal-pajjiż bħala "Georgia" tinsab bit-Taljan fuq il-mappa mundi ta' Petrus Vesconte datata 1320 AD. Isem dan il-post ma kienx dejjem miktuba bl-istess għażla ta’ karattri, bl-ewwel konsonanti oriġinarjament miktuba b’“J” bħala “Jorgia”. L-isem Georġia, użat f'parti kbira tad-dinja ġej mill- Grieg georg (γεωργ), li jindika l-agrikoltura. It-terminu huwa wkoll rintraċċat għall-isem ta’ San Ġorġ, il- qaddis patrun tal-pajjiż.

Ftit storja

Il-Kristjaneżmu ġie ddikjarat bħala r-reliġjon tal-istat fis-sena 337 AD u l-Knisja Ġorġjana pproklamat lilha nnifisha awtoċefala, u saret awtonoma mill-patrijarkat ta' Antijokja fis- seklu V. L-età tad-deheb mill-aspett kulturali, artistiku, reliġjuż u politiku kienet mis- seklu 11 sas- seklu 13.

Tbilisi

Wara l-Ewwel Gwerra Dinjija u r-Rivoluzzjoni Russa, il-Ġeorġjani ddikjaraw l-indipendenza minn Moska fit-22 ta’ April 1918, u ffurmaw ir- Repubblika Demokratika Federali Transkawkasjana mal-Armenja u l-Ażerbajġan, bil-kapitali tagħha Tbilisi, u fis-26 ta’ Mejju 1918 reġgħu waqqfu l-istat Ġeorġjan bħala r- Repubblika Demokratika tal-Georgia. Fil-25 ta' Frar 1921, truppi Sovjetiċi mmexxija minn Josef Stalin temmew din ir-Repubblika u inkorporaw lill-Georgia fl- Unjoni Sovjetika fl 1922, minkejja reżistenza mill-poplu Ġeorġjan. Fl-1936 twaqqfet ir-Repubblika Soċjalista Sovjetika Ġeorġjana.

L-istat tal-Georgia twieled mill-ġdid bħala stat indipendenti wara x-xoljiment tal-Unjoni Sovjetika fid-9 ta’ April 1991 u wara r-referendum tal-31 ta’ Marzu, li ra 98.9% tal-Ġeorġjani favur l-indipendenza. Issa l-Georgia adottat l-isem “Repubblika tal-Georgia”.

Reliġjon

Il-Knisja Awtoċefala Appostolika Ortodossa Ġeorġjana hija waħda mill-eqdem knejjes Kristjani fid-dinja, imwaqqfa fl-ewwel seklu mill-Appostlu Sant Andrija. Fl-ewwel nofs tas seklu IV il-Kristjaneżmu ġie adottat bħala r-reliġjon tal-istat. Dan wassal għal sens qawwi ta' identità nazzjonali li għen biex tiġi ppreservata identità nazzjonali Ġeorġjana minkejja perjodi ta' okkupazzjoni barranija u attentati ta' assimilazzjoni.

Skont il-kostituzzjoni Ġeorġjana, l-istituzzjonijiet reliġjużi huma separati mill-gvern u kull ċittadin għandu d-dritt li jistqarr liberament il-fidi reliġjuża tiegħu. Madankollu, aktar minn 82% tal-popolazzjoni tal-Georgia tipprattika l-Kristjaneżmu Ortodoss u l-Knisja Ortodossa Ġeorġjana hija istituzzjoni influwenti fil-pajjiż.

Bandiera

Bandiera ta' Georgia
Il-bandiera attwali tal-Georgia, l-hekk imsejħa Bandiera tal-Ħames Slaleb, reġgħet bdiet tintuża wara madwar 500 sena. Qabel kienet il-bandiera tar-Renju Ġeorġjan tal-era medjevali. Il-bandiera fiha s-salib aħmar fuq sfond abjad, dik li nafuha bħala l-bandiera ta’ San Ġorġ u erba’ slaleb ħomor oħra, wieħed f’kull kwadrant abjad tal-bandiera. Il-bandiera ġiet adottata mill-Parlament tal-pajjiż fl-14 ta' Jannar  2004 u ġiet rikonoxxuta formalment b'digriet presidenzjali ffirmat fil-25 ta' Jannar tal-istess sena.

L-arma tal-pajjiż turi tarka inkurunata ħamra bil-figura ta' San Ġorġ tal-fidda, protettur tal-istat. It-tarka hija miżmuma minn żewġ iljuni lewn id-deheb. Taħtha hemm faxxa bil-motto nazzjonali, li bil-Malti jfisser “Is-saħħa hija fl-Għaqda”. Din l-arma bdiet tintuza fl-1 ta’ Ottubru 2004.

Aktar

L-aktar belt popolata tal-pajjiż hija l-kapitali Tbilisi li hija l-unika waħda li taqbeż il-miljun abitant. Bliet oħra, b'popolazzjoni ferm iżgħar, huma Kutaisi, it-tieni belt tal-pajjiż b'200,000 abitant, Batumi, qrib il-fruntiera Torka, u Rustavi. Il-bliet li fadal ma jilħqux il-100,000 abitant.

It-turiżmu huwa parti sinifikanti u li qed tikber tal-ekonomija tal-Georgia. Fl-2006, aktar minn miljun turist ħallew 300 miljun Ewro għall-ekonomija tal-pajjiż. Skont il-gvern, hemm 103 resort turistiku f'żoni differenti tal-pajjiż. L-attrazzjonijiet turistiċi jinkludu aktar minn 2,000 muntanja u aktar minn 12,000 monument storiku u kulturali.

Fost l-aktar monumenti importanti nsemmu l- Monument tal-Ħelsien (jew Statwa ta’ San Ġorġ), li jinsab fi Tbilisi, il-kapitali Ġeorġjana.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 27 ta' Mejju 2023



sabato 20 maggio 2023

Tipi ta’ ħbiberija

 

Min fid-dinja jista’ jgħid li ma għandux tal-anqas ħabib wieħed? Il-ħbiberija hija ħaġa essenzjali għall-bniedem, anzi nazzarda ngħid għal kull ħlejqa għax anke annimal ifittex li jkun f’kumpanija ta’ xi ħadd li jqisu ħabib. Anke pjanta jgħidu li tkun aktar għal qalbha meta tkun f’ambjent amikoveli. Bil-ħsieb tal-ħbiberija ġewwa moħħi ftakart f’dak li kien qal il-filosfu Grieg Aristotli li għex bejn is-sena 384 u s-sena 322 qabel Kristu. Fil-kitba ta’ dan il-filosofu, imsejħa Etika Nikomakeja huwa jitratta bosta valuri fondamentali għall-bniedem fosthom  it-tjubija, l-hena, il-kuraġġ, is-saħħa, il-paċenzja u l-ħbiberija.

Tliet tipi

Dan il-ħassieb antik jgħid li jeżistu tliet tipi ta’ ħbiberiji: waħda msejħa ta’ matul il-vjaġġ, oħra li sejħilha ta’ utilità u l-aħħar waħda ħbiberija vera. Għal Aristotli, il-ħbiberija hija virtù jew għall-inqas qrib ħafna ta’ virtù u hija estremament meħtieġa għal ħajjitna, peress li ħadd ma jagħżel li jgħix mingħajr ħbieb, anke jekk dak li jkun ikollu l-ġid tad-dinja kollha. Il-ħbiberija, għalhekk, hija essenzjali biex biha l-bniedem jagħti sens lil ħajtu. Il-ħbiberija tinsab fin-nies kollha. Kulħadd għandu bżonn ħbieb. Il-ħbiberija tgħin liż-żgħażagħ jevitaw għadd ta’ żbalji li jistgħu jwettqu minħabba n-nuqqas ta’ esperjenza, lill-anzjani sservihom biex ikollhom min jieħu ħsiebhom u bħala rimedju għan-nuqqas ta’ kapaċità li jaġixxu minħabba dgħjufija li ġġib magħha l-età. Is-sinjuri u s-setgħana għandhom bżonnha, għax li tkun għani mingħajr ħbieb hija ħaġa ta’ niket u li twassal għal solitudni li twasslek f’pożizzjoni li tgħix ħajja miżera.

L-ewwel tip

Kemm-il darba nkunu qed nistennew f’xi post u nibdew parlata ma’ dawk li bħalna jkun u qed jistennew? Kemm-il darba nkunu msefrin u waqt xi vjaġġ twil fuq il-ferrovija nibdew nitkellmu ma’ xi persuna li tinzerta bilqegħda ħdejna. Ħafna drabi nies bħal dawn qatt ma nkunu ltqajna magħhom qabel u disa’ u disgħin fil-mija ma nerġgħu narawhom qatt b’għajnejna tul ħajittna kollha. Madanakollu noħolqu ħbiberija għal ftit tal-ħin. Aristotli jsejjaħ din it-tip ta’ ħbiberija bħala dik tal-vjaġġ. Hawn jiġi f’moħħi il-fatt tad-dixxipli ta’ Għemmaws. Huma u mexjin Ġesù ingħaqad magħhom fil-mixi u bdew taħdita twila, bnew ħbiberija.

It-tieni tip

Għal Aristotli hemm tip ta’ ħbiberija li teżisti biss għax minnha nista’ nigwadanja xi ħaġa. Huwa jsejjaħ din il-ħbiberija “Ta’ utilità” jew aħjar għax għandi bżonnha. Sfortunatament dan it-tip ta’ ħbiberija hija komuni ħafna. Insibuha kull fejn insibu l-bniedem. Inkun ħabib ta’ politikant għax nista’ nakwista xi ħaġa mingħandu, infittex li nkun ħabib ta’ xi ħadd li għandu s-setgħa biex meta jkolli bżonnu mmur għandu b’wiċċi minn quddiem. Inħokklok dahrek biex inti tħokkli tiegħi. Minkejja li l-filosfu ta’ Stagira jinkludi din il-ħbiberija mat-tliet ħbiberija, nazzarda ngħid li din ma hija ħbiberija xejn għax meta xi parti ma taqdix lill-oħra, din l-imsejħa “ħbiberija” għandha mnejn tinbidel fi gwerra. Ħbiberiji bħal dawn x’aktarx jinħallu jew jinkisru faċilment, għax iż-żewġ naħat mhux dejjem ikunu ugwali u jekk wieħed ma jibqax utli jew pjaċevoli u divertenti, il-ħbiberija tispiċċa wkoll, peress li l-ħbiberija kienet teżisti għal dawn l-iskopijiet.

Il-ħbiberija vera

It-tielet tip ta’ ħbiberija li jsemmi Aristotli hija dik il-ħbiberija vera li jiġri x’jiġri ma tintemm qatt. Din hija ħbiberija msejsa fuq il-ġid għall-ieħor għalhekk hija l-unika ħbiberija vera. Hija ħaġa prezzjuża u dejjiema għax tiddependi minn sentiment ħieles u veru u mhux minn xi ħaġa li tista’ tinbidel minn mument għall-ieħor. Din hija ħbiberija li għandha mnejn iddum ma tinbena imma ladarba tinbena tibqa’ fit-tul. Hija wkoll l-aktar ħbiberija rari mit-tlieta li jsemmi dan l-istudjuż Grieg. Fil-fatt, nies ta’ dan it-tip mhumiex frekwenti għax ħbiberija bħal din teħtieġ ħin twil u ħafna prattika. Sewwa jgħid qawl Grieg antik: “Il-ħbieb ma jsirux jafu lil xulxin qabel ma jkunu kkunsmaw ċertu ammont ta’ melħ flimkien” li jfisser li qasmu ftit mill-ħajja ta’ kuljum flimkien u ħolqu ċerta familjarità anke f’sitwazzjonijiet diffiċli. Għal Aristotli din hija ħbiberija perfetta, kemm f’termini ta’ tul ta’ żmien kif ukoll għax it-tnejn jispiċċaw jagħmlu l-istess affarijiet u jfittxu l-ġid ta’ wieħed lill-ieħor.

Aktar ħbiberiji

Biex ngħidu s-sewwa, Aristotli jsemmi aktar ħbiberiji li kollha b’xi mod jistgħu jiġu mpoġġijin f’xi tip minn dawn it-tlieta li semmejna. Fost oħrajn hemm il-ħbiberija bejn ir-raġel u l-mara fl-għaqda taż-żwieġ li aħna nsejħu mħabba, hemm dik il-ħbiberija bbażata fuq is-superjorità bħal dik tal-missier għall-iben u b’mod ġenerali tal-kbir lejn iż-żgħir u ta’ kull tip ta’ ħakkiem għal dak ta’ taħtu. Hemm ukoll il-ħbiberija ta’ min hu qawwi. Il-qawwi, jew is-setgħan jagħmlu użu minn tipi distinti ta’ ħbieb li xi wħud huma utli għalih u oħrajn ikunu ta’ pjaċir.

Jekk naħsbu ftit naraw kemm kiteb sewwa Aristotli dwar dan is-sentiment imsejjaħ ħbiberija!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 20 ta' Mejju 2023



sabato 13 maggio 2023

Inkurunazzjoni Papali

 

Fl-artiklu tiegħi ta’ ġimgħa ilu (In-Nazzjon 6 ta’ Mejju 2023) semmejt li sa ftit għexieren ta’ snin ilu l-papa kien ikun inkurunat bħala re tal-Istat tal-Vatikan. Illum nixtieq naqsam magħkom xi tagħrif dwar din l-inkurunazzjon i li ftit huma dawk minna li jiftakru l-aħħar waħda li saret fl-1963.

X’inhi l-inkurunazzjoni?

Tiara papali
L-inkurunazzjoni papali hija ċ-ċerimonja li tikkonsisti fit-tqegħid tat -tiara papali fuq ras Papa li jkun għadu kif ġie elett. Hawn diġà qed naraw differenza minn inkurunazzjonijiet oħra għax minflok kuruna tintuża tiara jew triregnum li tfisser kuruna trippla. Din hija kuruna partikolari użata mill-papiet mill-Medju Evu sat-tieni nofs tas- seklu XX bħala simbolu tas- sovranità.

L-ewwel inkurunazzjoni papali dokumentata kienet dik ta’ Nikola I fis-sena 858. L-aktar waħda reċenti kienet l-inkurunazzjoni ta’ Pawlu VI fl-1963, li warrab il-prattika li jilbes it-tiara ftit wara l-istess inkurunazzjoni. Sal-lum, ħadd mis-suċċessuri tiegħu ma libes it-tiara u ċ-ċelebrazzjonijiet tal-inawgurazzjoni papali ma nkludew l-ebda ċerimonja tal-inkurunazzjoni. Minkejja dan, it-tradizzjoni ma ġietx ipprojbita u kull papa huwa liberu li jerġa’ jdaħħal l-użu tat-tiara fi kwalunkwe ħin matul il-pontifikat tiegħu. Tajjeb ngħidu li ċ-ċelebrazzjoni tal-inawgurazzjoni papali, bl-inkurunazzjoni jew mingħajrha, għandha biss sinifikat simboliku, peress li papa jieħu l-kariga immedjatament wara li jaċċetta l-elezzjoni tiegħu .

Ir-rit

Meta konklavi jeleġġi papa ġdid, dan jassumi d-drittijiet u l-awtorità kollha tal-papat immedjatament malli jaċċetta l-elezzjoni. Madankollu, storikament, il-papiet jingħaddilhom is-snin tal-pontifikat tagħhom mid-data tal-inkurunazzjoni. Jekk Papa li jkun għadu kif ġie elett ma jkunx għadu isqof, jiġi kkonsagrat immedjatament. Skont it-tradizzjoni, id-dritt tal-konsagrazzjoni jappartjeni lid-Dekan tal-Kulleġġ tal-Kardinali u fl-assenza tiegħu lis-Suddekan u fin-nuqqas tat-tnejn li huma, lill-aktar kardinal isqof anzjan.  Jekk il-papa l-ġdid ikun diġà isqof, kif inhu d-drawwa, titħabbar l-elezzjoni tiegħu minnufih lin-nies miġbura fi Pjazza San Pietru. Illum il-kardinali kollha jinħatru arċisqfijiet mal-ħatra tagħhom, imma ma kienx hekk minn dejjem. Niftakru fil-Kardinal Prospero Grech li kien ikkonsagrat isqof wara n-nomina tiegħu bħala kardinal u qabel il-ħatra kardinalizja tiegħu.

San Piju X

L-inawgurazzjoni episkopali jew kif tissejjaħ, intronizzazzjoni, tal-papa bħala Isqof ta' Ruma ssir fil-katidral tiegħu, l-Arċibażilika ta’ San Giovanni in Laterano . Għal xi żmien l-inkurunazzjoni kienet issir f’din iċ-ċerimonja. Meta l-papa kien imexxi l-Knisja minn Avignon fi Franza, bejn l-1309 u l-1377, huwa ma setax jitpoġġa fuq it-tron fil-katidral tiegħu f’Ruma, għalhekk l-inkurunazzjonijiet komplew, filwaqt li l-intronimenti episkopali kellhom jistennew ir-ritorn tal-papa f’Ruma. Meta Girgor XI irritorna Ruma, il- Palazz tal-Lateran kien f’kundizzjoni strutturali ħażina ferm u ma setax jintuża. Għal din ir-raġuni l-papiet għamlu l-Vatikan bħala r-residenza tagħhom u ttrasferew l-inkurunazzjonijiet fil-Bażilika ta’ San Pietru. Il-Bażilika tal-Lateran baqgħet il-post taċ-ċerimonji tal-intronizzazzjoni.  Matul il-perjodu mill- qbid ta’ Ruma, li t-Taljani jsejħu Presa di Roma jew Breccia di Porta Pia (meta r-renju Taljan ħa Ruma taħt idejh u għalhekk spiċċat minn taħt idejn l-istat tal-Knisja) fl-20 ta’ Settembru tas-sena 1870, sakemm saru l-Patti tal-Lateran fil-11 ta’ Frar tas-sena 1929 (perjodu li fih il-papa ddefinixxa lilu nnifsu bħala “priġunier fil-Vatikan”) l-intronizzazzjoni ma ġietx iċċelebrata.

Ir-rit ikompli

L-inkurunazzjoni kienet issir fl-ewwel Ħadd jew fl-ewwel solennità ta’ wara l-elezzjoni. Iċ-ċelebrazzjoni kienet tibda b'quddiesa papali solenni. Waqt il-kant tat-Terza , il-papa kien ipoġġi bilqiegħda fuq tron ​​u l-kardinali kollha jersqu, wieħed wieħed, biex ibusu idu bħala sinjal ta’ ubbidjenza. Wara jersqu l- arċisqfijiet u l-isqfijiet preżenti. Wara l-quddiesa kienet issir l-inkurunazzjoni proprja. Ġeneralment il-papa kien ikun inkurunat fil-gallarija tal-Bażilika ta’ San Pietru, kien ipoġġi bilqiegħda fuq tron ​​bil-flabelli fil-ġnub tiegħu. Wara li jsir talb mid-Dekan tal-Kulleġġ tal-Kardinali, il- protodjaknu kien ineħħi l-mitra minn fuq ras il-papa biex minflokha titpoġġa t- tiara. Fi tmiem l-inkurunazzjoni l-papa kien jagħti l-barka solenni Urbi et Orbi.

Post taċ-ċerimonja

Inkurunazzjoni ta' Pawlu VI
L-ewwel inkurunazzjonijiet papali  kollha ġew iċċelebrati f'San Giovanni in Laterano u wara r-ritron tiegħu minn Avignon bdew issiru f’San Pietru. Il-Papa Ċelestin V fl-1294, ġie nkurunat darbtejn fl-Aquila. Fl-1800, il-Papa Piju VII kien inkurunat fil-knisja monasteru ta’ San Giorgio Maggiore f’Venezja , wara li l-predeċessur tiegħu, il-Papa Piju VI, kien ġie mibgħut fl-eżilju temporanju waqt il-qbid ta’ Ruma minn Napuljun Bonaparte. Peress li l-Franċiżi kienu ħadu t-tiara waqt l-invażjoni, il-papa kien inkurunat b’tiara tal-kartapesta, imżejna b’ġawhar mogħtija miċ-ċittadini Venezjani. L-inkurunazzjonijiet kollha wara l-1800 saru f’Ruma. Ljun XIII kien inkurunat fil-Kappella Sistina minħabba l-biża’ ta’ xi rvellijiet ispirati mir- Risorgimento Taljan. Benedittu XV ġie nkurunat ukoll fil-Kappella Sistina fl-1914. Piju XI ġie nkurunat fuq palk quddiem l-Artal Maġġur fil-Bażilika ta’ San Pietru. Il-Papiet Piju IX, Piju XII u Ġwanni XXIII ġew inkurunati fil-pubbliku fil-gallarija tal-bażilika, quddiem il-folla miġbura fi Pjazza San Pietru. Pawlu VI ġie nkurunat fuq palk mibni apposta għaċ-ċerimonja u mqiegħed quddiem il-Bażilika ta’ San Pietru. Din kienet l-aħħar inkurunazzjoni ta’ papa.

Min jaf, tgħid għad nerġgħu jkollna papa re? Għad naraw inkurunazzjoni ta’ papa?

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 13 ta' Mejju 2023



sabato 6 maggio 2023

Il-Monarka u l-Monarkija


Żgur li għajnejn id-dinja kollha llum ser ikunu ffukati lejn l-inkoronazzjoni tar-Re Karlu III tar-Renju Unit  u martu Camilla bħala Reġina Konsorti. Tajjeb illum naraw xi ħaġa dwar il-monarku u l-monarkiji minkejja li dan it-tip ta’ mexxejja politiċi naqsu sewwa minn wiċċ id-dinja. Monarkija hija forma ta' gvern li fiha persuna, li tissejjaħ il-monarka, li tista’ tkun re, sultan, imperartur, prinċep, maharajah jew xi titlu ieħor, tkun kap ta' stat għal għomru jew sal-abdikazzjoni. Il-leġittimità politika u l-awtorità tal-monarka jistgħu jvarjaw minn ristretti u fil-biċċa l-kbira simboliċi li tissejjaħ monarkija kostituzzjonali għal uħud kompletament awtokratiċi, li tissejjaħ monarkija assoluta. Dawn jistgħu jvarjaw fuq oqsma eżekuttivi, leġiżlattivi u ġudizzjarji.

Isem

Il-kelma monarka ġejja mill- kelma Griega antika monárkhēs (μονάρχης) u tnisslet minn żewġ kelmiet:  mónos (μόνος) li tfisser wieħed biss u árkhō (ἄρχω) li tfisser bejn wieħed u ieħor mexxej. Fil-Latin saret monarchia. Il-ħsieb wara l-ħolqien ta’ din il-kelma kien li l-ħakkiem jew mexxej huwa wieħed biss. Ma rridux naħsbu fil-politika tal-lum fejn tista’ tgħid id-demokrazija tinsab kważi fid-dinja kollha. L-użu tal-kelma monarkija llum normalment tirreferi għal sistema tradizzjonali ta’ tmexxija ereditarja, peress li l-monarkiji elettivi huma pjuttost rari.

Karatteristika

Il-monarkiji huma assoċjati ma ’ renju ereditarju, li fih il-monarki jsaltnu għal għomorhom u r-responsabbiltajiet u s-setgħa tal-pożizzjoni  tagħhom jgħaddu lil uliedhom jew lil xi membru ieħor tal-familja tagħhom meta jmutu. Ħafna mill-monarki, kemm qabel kif ukoll illum, twieldu u trabbew fi ħdan familja rjali. Il-monarki futuri ħafna drabi jiġu mħarrġa għar-responsabbiltajiet futuri mistennija minnhom bħala re, sultan jew liema titlu jħaddnu. Filwaqt li ħafna mill-monarki fl-istorja kienu rġiel, ma nistgħux ngħidu li fid-dinja ma kienx hawn monarki nisa jsaltnu wkoll. It-terminu “Regina Regnant” jirreferi għal monarka ħakkiema, filwaqt li “Reġina Konsorti” tirreferi għall-mara tar-re li jkun qed jirrenja.

Il-vantaġġ ewlieni tal-monarkija ereditarja huwa l-kontinwità immedjata tat-tmexxija kif jidher fil-frażi klassika "The King is dead. Long live the King!"

Xi monarkiji mhumiex ereditarji. F'monarkija elettiva, il-monarki jiġu eletti jew maħtura minn xi korp jew kulleġġ elettorali,  għal għomorhom jew għal perjodu definit. Illum madwar id-dinja jeżistu xi monarkiji elettivi. Dawn insibuhom fil-Kambodja, fil-Malażja u fl-Emirati Għarab Magħquda li huma kollha kreazzjonijiet tas-seklu XX, filwaqt li nsibu waħda antika, anzi antikissima. Din il-waħda hija il- papat, għax tajjeb ngħidu li l-papa kien meqjus bħala re tas-Santa Sede (l-aħħar papa li kien inkurunat kien Pawlu VI fl-1963, li warrab il-prattika li jilbes it-tiara, jew kuruna papali, ftit wara. Sal-lum, ħadd mis-suċċessuri tiegħu ma libes it-tiara u ċ-ċelebrazzjonijiet tal-inawgurazzjoni papali ma nkludew l-ebda ċerimonja tal-inkurunazzjoni. Minkejja dan, it-tradizzjoni ma ġietx ipprojbita, u kull papa huwa liberu li jerġa’ jdaħħal l-użu tat-tiara fi kwalunkwe ħin matul il-pontifikat tiegħu). Tajjeb insemmu wkoll li fl-Ordni Militari Sovran ta’ Malta jew kif nafuhom aħjar, il-Kavallieri ta’ Malta, il- Prinċep u l-Gran Mastru jiġi elett għal għomor mill-Kunsill u l-membri tiegħu.

Napuljun I Imperatur tal-Franċiżi
Monarkija awtoproklamata nsibuha fil-każ meta persuna titlob jew tieħu l-monarkija mingħajr ebda rabtiet storiċi ma’ xi dinastija preċedenti. Hemm eżempji ta’ mexxejja repubblikani li pproklamaw lilhom infushom monarki. Napuljun I ta’ Franza ddikjara lilu nnifsu Imperatur tal-Franċiżi u ħakem l-Ewwel Imperu Franċiż. Yuan Shikai, l-ewwel President formali tar- Repubblika taċ-Ċina, inkuruna lilu nnifsu Imperatur tal-Imperu taċ-Ċina għal żmien qasir ftit snin wara li twaqqfet ir-Repubblika taċ-Ċina fl-1912 u l-President Jean-Bédel Bokassa tar- Repubblika Ċentru-Afrikana ddikjara lilu nnifsu Imperatur tal-Imperu Ċentrali Afrikan fl-1976. 

Insibu wkoll il-monarkija semi-kostituzzjonali. Din hija monarkija fejn il-monarka jmexxi skont kostituzzjoni demokratika iżda xorta jżomm setgħat sostanzjali. Pereżempju l-Prinċipat ta' Liechtenstein u l-Prinċipat ta' Monaco huma monarkiji semi-kostituzzjonali Ewropej.

Rwol

Il-monarkija, speċjalment il-monarkija assoluta, xi drabi hija marbuta ma’ aspetti reliġjużi. Ħafna monarki xi drabi sostnew dan id-dritt u kienu jgħidu li kienu jaħkmu bir-rieda ta’ Alla, dak li jissejjaħ  id-dritt Divin tas-Slaten jew il-Mandat tal-Ġenna. Oħrajn kienu jsostnu li kelhom xi konnessjoni speċjali ma' xi divinità, allura hawn insibu ir-re sagru, jew saħansitra ġieli allegaw li huma slaten divini, jew inkarnazzjonijiet ta’ allat, bħalma kien meqjus l-imperatur tal-Imperu Ruman. Ħafna monarki Ewropej ġew imsejħa Fidei defensor (Difensur tal-Fidi). Ikollna ngħidu li xi wħud għandhom pożizzjonijiet uffiċjali relatati mar-reliġjon tal-istat jew mal-Knisja tal-pajjiż bħall-każ tal-Monarka Brittanika li huwa wkoll il-kap taċ-Church of England.

Illum

Bħalissa fid-dinja nsibu 43 nazzjon u popolazzjoni ta’ madwar nofs biljun ruħ li għandhom monarka bħala kap ta' stat. Fost dawn ir-Re Karlu III huwa r-re ta’ ħmistax-il nazzjon fil-Commonwealth. Minbarra dawk li semmejna fl-artiklu tajjeb insemmu wkoll il- Prinċipat ta' Andorra, ir- Renju tal-Belġju, ir- Renju tad-Danimarka, il- Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir -Renju ta’ Netherlands, ir- Renju tan-Norveġja, ir- Renju ta' Spanja u r-Renju tal-Isvezja li huma stati Ewropej, kompletament demokratiċi, li fihom il-monarka għandu rwol limitat jew fil-biċċa l-kbira ċerimonjali. Fil-kumplament tad-dinja nsibu monarkiji oħra, xi wħud bi tmexxija assoluta imma hawn illimitajt ruħi għal dawk Ewropej.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 6 ta' Mejju 2023