venerdì 23 giugno 2023

VETERINAJRU

Sa ftit għexieren ta’ snin ilu, dak li jkun kien irabbi annimmal domestiku, bħal ngħidu aħna kelb, qattus jew xi għasfur, u ftit li xejn kien hawn għarfien dwar is-saħħa ta’ dak l-annimal. Illum il-ħaġa nbidlet u min irabbi xi annimal fid-dar tiegħu sar aktar konxju li l-annimali huma bħalna l-bnedmin, jiġi żmien li jomordu wkoll. Professjoni li llum saret aktar popolari fostna hija dik tat-tabib tal-annimali, jew aħjar il-veterinarju. Għax kif jgħidu, tfal u bhejjem għali dejjem, għalhekk illum kull min, bħali, jżomm xi annimal id-dar sar minn żmien għal żmien jagħmel appuntament mal-veterinarju jew veterinarja. Hekk għandu jkun għax wara kollox ladarba tiddeċiedi li żżomm annimal id-dar, dan għandu jkun trattat kif jixraq. Illum nixtieq insellem li dawk it-tobba li jiddeċiedu li jaqbdu l-linja tal-kura tal-annimali.

Veterinarji ta' annimali żgħar, bħal ngħidu aħna klieb u qtates, aktarx li jaħdmu fi kliniċi veterinarji, sptarijiet veterinarji, jew fit-tnejn. Il-veterinarji tal-annimali kbar, bħal ngħidu aħna żwiemel u baqar, ħafna drabi jqattgħu aktar ħin jivvjaġġaw biex jaraw il-pazjenti tagħhom fil-postijiet fejn jgħixu, bħal żoos jew irziezet.

Etimoloġija

Minn fejn ġejja l-kelma “veterinarju”? Il-kelma "veterinarju" ġejja mil-Latin veterinae li tfisser “annimali tax-xogħol.” Il-kelma "veterinarju" ntużat għall-ewwel darba fl-1646 minn Thomas Browne, kittieb Ingliż ta’ bosta kotba.  Għalkemm il-kelma "veterinarju" tintuża komunement fil-pajjiżi kollha, l-propjament din il-professjoni tissejjaħ kirurgu veterinarju bħalma jissejjaħ fir-Renju Unit u l-Irlanda. Billi l-ħajja tagħna hija mgħaġġla sirna nqassru anke l-kliem għalhekk spiss nirreferu għall-veterinarju sempliċiment bħala l-“vet.”

Ftit storja

L-ewwel kulleġġ veterinarju twaqqaf f'Lyon fi Franza, fl-1762 minn Claude Bourgelat. Jingħad li dan wara li osserva l-qerda li kienet qed tiġi kkawżata lill-merħliet Franċiżi mill-pesta tal-baqar waqqaf dan l-istitut.  Bourgelat iddedika l-ħin tiegħu kollu biex ifittex rimedju għal din il-marda. Mat-twaqqif ta’ dan il-kulleġġ żdied l-interess f’din il-professjoni u ma kinux ftit l-istudenti li tħarrġu fih.

L-Odiham Agricultural Society twaqqfet fl-1783 fl-Ingilterra biex tippromwovi l-agrikoltura u l-industrija u kellha rwol importanti fil-pedament u t-tixrid tal-professjoni veterinarja fil-Gran Brittanja. Il-professjoni veterinarja finalment kisbet l-għarfien fl-1790, permezz tal-kampanja ta’ Granville Penn, li pperswada lill-Franċiż Charles Vial de Sainbel biex jaċċetta l-professuri tal-Kulleġġ Veterinarju li għadu kif ġie twaqqaf f'Londra. Il-Kulleġġ Irjali tal-Kirurgi Veterinarji ġie stabbilit b’digriet irjali fl-1844.

Ix-xjenza veterinarja saret popolari fl-aħħar tas-seklu 19, nistgħu ngħidu minħabba l-ħidma notevoli ta’ Sir John McFadyean, miżmum minn ħafna bħala l-fundatur tar-riċerka Veterinarja moderna.

Rwoli, responsabbiltajiet u perikli

Il-veterinarji jittrattaw mard, diżordnijiet jew korrimenti fl-annimali, li jinkludi dijanjosi, trattament u kura ta' wara t-trattament. B'differenza mill-mediċina umana, il-veterinarji għandhom jiddependu primarjament fuq sinjali kliniċi, peress li l-annimali ma jistgħux jesprimu bil-kliem is-sintomi li jkunu qed iħossu, kif jagħmel bniedem. F'xi każijiet, is-sidien tal-annimal jistgħu jkunu kapaċi jipprovdu storja medika u l-veterinarju jista' jgħaqqad din l-informazzjoni flimkien ma' osservazzjonijiet u r-riżultati ta’ testijiet li jkun għamel.

Il-veterinarji jridu jqisu kemm hi xierqa l-ewtanasja  jew kif insejħulha bosta drabi, "irqad" tal-annimal.  Jekk il-kundizzjoni medika tal-annimal tħallih muġugħ jew bi kwalità ta' ħajja fqira, jew jekk it-trattament tal- kundizzjoni x'aktarx li jikkawża aktar ħsara lill-pazjent milli ġid, il-veterinarju, flimkien mas-sid ikollu jieħu deċiżjoni li tista’ tkun ta’ qsim il-qalb.

Il-veterinarji jaħdmu ma’ varjetà wiesgħa ta' speċi ta 'annimali  fi sptarijiet, kliniki, laboratorji, irziezet u żoos għalhekk huma jaffaċċjaw ħafna perikli fuq ix-xogħol inkluż mard, gdim u grif. Skont id-Dipartiment tax-Xogħol tal-Istati Uniti, 12 % tal-ħaddiema fil-professjoni tas-servizzi veterinarji jirrappurtaw korrimenti jew mard relatat max-xogħol tagħhom ta’ kull sena. Il-korrimenti bil-labar huma l-aktar inċidenti komuni fost il-veterinarji.

Fil-kamra tal-vet

Min bħali għandu xi annimal id-dar jaf li l-klinika tal-veterinarju hija post li trid iżżur minn żmien għal żmien. Fil-kamra fejn wieħed jistenna qabel jidħol fil-klinika tiltaqa’ ma’ bosta nies li bħalek ikunu ħadu l-annimal tagħhom għall-kura. Hemm tara l-imħabba li l-bniedem ikollu għall-annimal. Nies preokkupati għax il-pet tagħhom ikun ma jiflax. Hekk għandu jkun wara kollox għax ladarba tkun iddeċidejt li trabbi annimal għandek tieħu ħsiebu sewwa. Waħda mill-agħar xeni li rajt f’din il-kamra hija ta’ mara li kellha kelb marbut f’idha. Bdiet tibki biki ta’ qsim il-qalb. Bla ma qaltli xejn indunajt li kienet waslet il-ġurnata li traqqad il-kelb tagħha. Min jaf wara kemm snin! Għax annimal domestiku jsir parti mill-familja u t-telfa tiegħu tinħass daqs telfa ta’ membru tal-familja. Ħassejt dieqa kbira quddiem din ix-xena u nixtieq li jien ma ngħaddi minnha qatt.

Il-veterinarju. . .  kemm hu importanti fil-ħajja tagħna meta nrabbu xi annimal!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 24 ta' Ġunju 2023





sabato 17 giugno 2023

Reġgħu bdew il-festi

 

Hekk kif jesqu x-xhur sajfin, f’pajjiżna nibdew naraw il-festi parrokkjali li llum saru tradizzjoni Maltija li jfittxuhom bosta turisti. Għal dawk li huma dilettanti tagħhom jgħidulek li dan huwa l-isbaħ żmien tas-sena, mill-banda l-oħra dawk li ma jħobbux il-festi jibdew jgħoddu ġurnata ġurnata sakemm jgħaddi l-istaġun tagħhom. Kulħadd għandu dritt għall-opinjoni tiegħu. Ikollna nammettu li llum il-festi tagħna aktar saru vetrina ta’ artiġjanat milli okkażjoni ta’ turija ta’ fidi u qima. Sfortunatament issib lil dawk li għalihom il-festa hija biss marċi, briju u armar u ma jindenjawx ruħhom jersqu lejn il-knisja, li wara kollox tkun hija li torganizza l-festa għall-qaddis jew qaddisa tar-raħal, b’kollaborazzjoni ma’ bosta għaqdiet oħra bħalma huma għaqdiet tal-armar, tan-nar u baned.

Nistgħu ngħinu?

Bosta jgergru għax bl-armar fit-toroq jonqos l-ispazju tal-parkeġġi u dak li kun ma jsibx fejn iħalli l-karozza. Oħrajn jilmentaw li minħabba l-marċijiet jiżdied it-traffiku għax bosta toroq ikunu magħluqin minħabba l-attivitajiet tal-festa. Se naqsam magħkom ħsieb tiegħi, forsi tistgħu taqblu miegħu jew tistgħu tgħidu li ma nafx x’qed ngħid. Għadna kif ħriġna minn pandemija li sakkrittna ġewwa. Il-festi ma sarux u mhux il-festi biss tħassru imma kull attività oħra. Minn din il-pandemija tgħallimna li ħafna xogħol illum il-ġurnata jista’ jsir mid-dar. Il-teleworking konna smajna bih imma qatt daqs ix-xhur tal-pandemija ma konna nafu l-effiċjenza tiegħu. Kieku jsir sfors u fis-sajf, jiġifieri fix-xhur li fihom niċċelebraw il-festi tagħna, jibda jsir xogħol mid-dar. Ovvjament fejn huwa possibbli. Żgur li ħaġa bħal din tnaqqas drastikament it-traffiku mit-toroq tagħna.

Ħaġa oħra li nissuġġerixxi hi li dak li jkun juża t-trasport pubbliku aktar, iħalli l-karozza d-dar, fil-garage jew ipparkjata ħdejn id-dar. Billi wieħed jimxi sakemm jaqbad tal-linja mhux se taqa’ d-dinja. Forsi tgħiduli li wieħed ikollu jqum kmieni biex jasal fuq il-post tax-xogħol bit-trasport pubbliku. Kollox sew, forsi għandkom raġun, imma jekk tinqabad f’serbut karozzi mhux xorta tasal tard? U biex ma tasalx tard mhux xorta trid titlaq kmieni? U biex titlaq kmieni mhux bil-fors trid tqum qabel?

Mill-banda l-oħra nagħmel suġġeriment lil dawk li jieħdu ħsieb l-armar fit-toroq. Fejn hemm armar antik għandu jibqa’ imma fejn isir armar ġdid dan għandu jinħadem bi ħsieb. Rajt pedestalli ġodda li jintramaw mal-ħajt, fuq il-bankina, fuqhom joqgħodu l-istatwi. Idea tajba ħafna ngħid għalija għax hekk ma jonqsux postijiet tal-parkeġġi. Tabilħaqq din il-ħaġa tista’ tkun skomda għal persuni li jkunu fuq siġġu tar-roti jew b’xi push chair, imma jkollna nemmettu li f’pajjiżna jeżistu bankini li anke meta ma jkunx hemm armar tal-festa, tant huma dojoq li la jgħaddi siġġu tar-roti u lanqas push chair.

Il-programm

Illum ma hawnx festa li ma toħroġx ktejjeb tal-festa. Dan jissejjaħ programm imma ma jkunx fih biss il-programm tal-festa. Ikun fih messaġġi mill-membri tal-kumitat, li nemen li 99 fil-mija ta’ dawk li jakwistaw dawn il-programmi ma jindenjawx ruħhom jaqrawhom. Ikun fih riklami għax l-ispejjeż tal-istampar iridu jiġu minn xi mkien u fl-istess ħin iħallu xi ħaġa tal-flus ukoll. Imbagħad hemm programmi li jkun fihom artikli ta’ interess kbir. Illum kull min joħroġ xi programm ifittex kittieba biex jiktbuhom xi artiklu. Hija ħasra li artikli ta’ ċertu livell jispiċċaw ma jinqrawx.

Ladarba qed insemmi dawn il-kotba u l-artikli li jkun fihom, infakkar li kull min joħroġ xi forma ta’ ktejjeb, mela anke l-programm tal-festa, huwa marbut bil-liġi li jieħu żewġ kopji lil-librerija pubblika. Dawn jintrefgħu u jistgħu jkunu ta’ riferenza għall-quddiem. Hekk jixraq ukoll għall-kittieba li jkunu ħadu ħafna ħin ta’ riċerka biex kitbu artiklu ta’ interess. Mhux sewwa li jgħaddi ż-żmien u jintrema kollox. Veru li hawn min jagħmel kollezzjoni ta’ dawn il-programmi, imma din tkun kollezzjoni private. B’kopji ta’ dawn il-programmi fil-librerija nazzjonali ikun garantit li dak li nkiteb ma jintilifx. Barra dan, jekk il quddiem ikun hemm min ikun irid ifittex dwar il-festi tagħna u kif qed niċċelebrawhom illum, ikun jista’ jqalleb il-paġni ta’ dawn il-kotba u jsir jaf.

Il-ħin

L-aħħar argument tiegħi huwa dwar il-ħinijiet tal-ħruq tan-nar u tal-marċi, speċjalment dawk ta’ filgħaxijiet. Nemmen li n-nar tal-ajru għandu jintemm sal-11pm. Bi ftit sforz mill-partijiet kollha li huma nvoluti fil-festa nemmen li din il-ħaġa tista’ sseħħ. Id-daqq tal-marċi mod ieħor. Hemm marċi li jdumu sa wara nofsillejl, biss dawn ikunu akarx darba biss matul il-ġimgħa tal-festa u jekk ikun hemm aktar minn jum wieħed, nemmen li r-rotot tal-marċi ma jkunux l-istess, għalhekk akarx li dawk li ma jħobbux il-festa jkollhom jum wieħed biss ta’ inkonvenjent.

Hemm ħafna aktar x’ngħidu, imma nieqaf hawn. Nemmen li bi ftit tal-ħsieb, bi ftit rieda tajba u b’ħafna koperazzjoni din it-tradizzjoni Maltija tista’ tibqa’ miexja ’l quddiem bla ma ddejjaq lil ħadd.


Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 17 ta' Ġunju 2023






sabato 10 giugno 2023

MARGERITA

 

Bosta snin ilu, sewwasew meta kont għadni nistudja Napli, kellna laqgħa u fil-bidu kulħadd beda jintroduċi lilu nnifsu. Wieħed minna xħin kien imiss lilu qam u qal: “Io vengo da un fiore!” – “Jiena ġej minn fjura!” Ħadd ma fehem x’ried jgħid imma mbagħad fisser dak li kien qal u dlonk fhimna li huwa kien minn post jismu Margherita di Savoia u billi l-isem Margherita huwa wkoll isem ta’ fjura għamel din il-logħba bid-diskors. Jekk wieħed jaħseb ftit, l-isem Margerita huwa polivalenti, fih bosta tifsiriet. Naraw ftit.

Il-post

Nibda billi ngħid xi ħaġa żgħira dwar il-belt li ġġib dan l-isem. Margherita di Savoia hija belt Taljana ta' 11,180 abitant, illum fil- provinċja ta' Barletta-Andria-Trani fil- Puglia imma sal- 2004 kienet parti mill- provinċja ta' Foggia. Din il-belt hija magħrufa għas-salini tal-melħ li fiha u li huma l-akbar fl-Ewropa u t-tieni l-akbar  fid-dinja, salini li huma rikonoxxuti bħala riżerva naturali statali. Sal-1879 Margherita di Savoia kienet imsejħa Saline di Barletta, propju minħabba dawn is-salini li hemm fiha. L-isem inbidel bħala unur lir-Reġina Margerita ta’ Savoia, l-ewwel Reġina tal-Italja,  imma l-abitanti tal-belt illum jissejħu  kemm Margeritani kif ukoll Salinari, kif kienu jissejħu sa qabel inbidel isem il-belt. 

Ir-Reġina

Margerita ta' Savoia twieldet  Turin fl-20 ta' Novembru 1851 u mietet f’Bordighera fir-reġjun tal-Liguria fl- 4 ta' Jannar 1926. Hija kienet ir-reġina konsorti tar-Re Umbertu I u l-ewwel reġina konsorti tal-Italja. Forsi min hu midħla tal-istorja jgħid li l-ewwel re tal-Italja kien Vittoria Emanuele II, allura kif martu ma kinitx l-ewwel reġina konsorti? Il-mara ta’ Vittorio Emanuele II ta' Savoia, Maria Adelaide tal-Awstrija , kienet fil-fatt mietet fl- 1855, qabel ma r-Renju tal-Italja ġie mwaqqaf fl-1861. Bħala reġina tal-Italja, hija kellha  influwenza konsiderevoli fuq l-għażliet ta’ żewġha imma kellha seħer kbir fuq il-popolazzjoni Taljana. Skont l-istoriku Ugoberto Alfassio Grimaldi, Margerita ta’ Savoia kienet il-figura politika tal-Italja magħquda li qajjem “entużjażmu kbir fil-klassijiet ta’ fuq u ta’ isfel” wara Giuseppe Garibaldi u Benito Mussolini.

Il-pizza

Mela ħabiba tiegħi kellha tifla u xtaqet li ssemmiha Margerita. Mhux biss għax hija minn Ta’ Sannat imma wkoll għax isem sabiħ. Xi ħadd qalilha: “Int se ssemmi lil bintek għall-pizza?” Biddlet ħsiebha u semmietha mod ieħor. Biss dan huwa argument ħażin għax sewwasew hija l-pizza li ssemmiet għal persuna u mhux bil-kontra. Il-Pizza Margerita hija l- pizza tipika Naplitana , mimlija bit-tadam, mozzarella, ħabaq frisk, melħ u żejt li flimkien mal-pizza marinara, (li ma hijiex il-marinara li nsibu Malta għax dik fl-Italja tissejjaħ Frutti di Mare) hija l-aktar pizza popolari fl-Italja.

F'Ġunju 1889, biex jonora lir- Reġina tal-Italja, Margerita ta' Savoia , il-pizzar Raffaele Esposito tal-Pizzeria Brandi vvinta platt li sejjaħ Pizza Margerita. Waqt iż-żjara f’Napli tar-re tal-Italja Umbertu I ta’ Savoia u martu, dan il-pizzar intalab iħejji l-ikel għall-familja rjali fil-palazz ta’ Capodimonte. Il-pizza Margerita fiha tadam, ta’ lewn aħmar, mozzarella ta’ kulur abjad u ħabaq aħdar. Dawn it-tliet kuluri jiffurmaw il-bandiera Taljana. Jingħad li din il-pizza tant għoġbot lir-reġina li l-pizzar taha isimha, u hekk għadha tissejjaħ sal-lum.

Qed tara Marì, għidilha lil dik il-persuna li lil bintek għal persuna rjali kont ser issemmiha u mhux għall-pizza.

Il-fjura


Dik li bl-Ingliż tissejjaħ Daisy, bil-Malti , bħal fit-Taljan, insejħulha Margerita. L-isem xjentifiku tagħha huwa Leucanthemum vulgare li ġej minn żewġ kelmiet Griegi, leukos  li tfisser abjad u anthemon li tfisser fjura. Hija fjuri li tikber ħafna fl-ambjent Mediterranju. Insibu bosta tipi ta’ din il-fjura fosthom dik selvaġġa li tissejjaħ “lelluxa” pjanta li nsibuha b’mod abbundanti anke f’pajjiżna.

Minkejja li forsi ftit jadfu, il-Margerita għandha wkoll użu fil-kċina. Jingħad li l-blanzun tagħha jekk ikun immarinat jiġi qisu kappar.

U l-qaddisa

Ma nistgħux ngħidu dan kollu u nħallu barra l-qaddisa li ġġib dan l-isem. Biex ngħidu s-sewwa, hemm bosta qaddisin u beati li jġibu dan l-isem jew li dan huwa parti minn isimhom, bħal ngħidu aħna Santa Margerita tal-Iskozja, Santa Margerita tal-Ungerija u Santa Margerita Marija Alacoque. Ngħidu wkoll li hemm beata li ġġib l-isem ta’ Margerita ta’ Savoia, iżda ma hijiex ir-reġina li semmejna qabel.

Santa Margerita Verġni u Martri, li biex nifthemu, għaliha hija ddeikata il-knisja parrokkjali ta’ Sannat Għawdex, jingħad li kienet bint qassis pagan minn Antijoka tal-Pisidja  li kkonvertiet għall-Kristjaneżmu. Hija sofriet il-martirju għall-ħabta tas-sena 290 meta kien għad kellha biss 15-il sena. Din il-qaddisa hija waħda mill-14-il qaddis awżiljatur, u hi mitluba kontra l-mard tal-kliewi. Hija wkoll il-patruna li tipproteġi lin-nisa u lit-tarbija waqt it-tqala u l-ħlas. Niċċelebraw il-festa tagħha fl-20 ta’ Lulju.

Dawn huma kollha Margeriti li huwa isem ġej mill-Grieg li jfisser perla.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 10 ta' Ġunju 2023



sabato 3 giugno 2023

Il-ħin

 

Dan l-aħħar il-kunvent li fih ngħix jien, dak tal-patrijiet Dumnikani ta’ Gwardamanġa f’Tal-Pietà, qed isiru fih ħafna xogħolijiet ta’ restawr u riabitazzjoni. Kollox jasal ħinu! Fost xogħolijiet oħra sar xogħol fit-taraġ li mill-bieb tas-sagristija jwassal lil dak li jkun għas-sular li fih ngħixu aħna l-patrijiet u jibqa’ tiela’ sa fuq il-bejt tal-knisja. Mal-ħajt ta’ waħda mill-indani tat-taraġ poġġejna arloġġ li wieħed benefattur għoġbu jagħtina. Ġie sabiħ ħafna imma billi l-bini f’kunvent ikun ta’ daqs wisq akbar minn ta’ dar normali, rajna li kien hemm spazju biex ħdejn dan l-arloġġ niktbu skrizzjoni. Ridna li din l-iskrizzjoni tkun meħudha mill-Bibbja u fl-istess waqt tkun marbuta mal-ħin. L-għażla waqgħet fuq kliem San Pawl, sewwasew mill-ewwel ittra tiegħu lit-Tessalonkin. Din is-silta tgħid hekk: “Kull ħin niżżu ħajr ’l Alla.” Xtrajna l-ittri u nġbarna l-komunità kollha biex inwaħħluhom f’posthom. Timmaġinawx li konna xi folla. Il-komunità kollha tfisser l-kappillan, il-fra u jien. Xħin lestejna din il-biċċa xogħol, u kollha konna sodisfatti biha, moħħi beda jaħseb fuq il-ħin. Kemm hu importanti f’ħajjitna. Għalhekk jeżisti l-arloġġ. Ħsibt ukoll li tabilħaqq kliem l-Appostlu Pawlu jagħmel sens għax tassew li kull ħin irridu nroddu ħajr lil Alla li jkun silifna dak il-ħin li nkunu qed ngħixu.

L-arloġġi

Bdejt naħseb ftit kemm hu oġġett utli għalina l-arloġġ. Ħsibt ma’ kemm-il arloġġ niltaqa’ matul il-jum. Rajt li jekk inkun sejjer inqaddes, mill-kamra tiegħi sas-sagristija niltaqa’ ma’ numru ta’ arloġġi. L-ewwel wieħed huwa dak tal-mowbajl. Qabel kont inżomm arloġġ tal-idejn imma minn meta konna msakkrin ġewwa minħabba l-imxija tal-Covid, drajt mingħajru u llum sar idejjaqni allura ma għadnix nilbsu u minflok nara x’ħin ikun sar minn fuq il-mowbajl. It-tieni arloġġ li nara huwa dak diġitali li għandi f’kamarti. Dan komdu għax anke minn fuq is-sodda nilmħu u għalhekk matul il-lejl inkun naf x’ħin ikun sar jekk nistembaħ. Faċċata ta’ kamarti hemm kċina ċkejkna fejn wieħed ikun jista’ jieħu naqra te jew jixwi xi biċċa ħobż. Hemm għandna arloġġ ieħor li qiegħed sewwasew faċċata tal-bieb tal-kamra, għalhekk anke jekk inkun irrid, ma nistax ma narahx. Fit-tarf tal-kurutur imbagħad hemm Grand Father Clock u kif ninżel it-taraġ insib ma’ wiċċi dak l-arloġġ li semmejt fil-bidu. Nidħol is-sagristija u hemmhekk ukoll hemm arloġġ ieħor biex dak li jkun ser iqaddes joħroġ fil-ħin. U dan kollu f’mhux aktar minn għoxrin metru kollox. U għax forsi dawn l-arloġġi kollha ma humiex biżżejjed, kif noħroġ inqaddes ma’ ħajt tal-knisja hemm arloġġ ieħor biex is-saċerdot ma jtawwalx wisq fl-omelija. Insomma din ma hijiex problema għalija. Jien ma nħobbx intawwal u dak li nkun irrid ngħidu naqbad u ngħidu bla ħafna kliem. Imma mhux kulħadd bħali.

B’dawn l-arloġġi kollha madwari bil-fors ikolli nagħti kas il-ħin u niżżi ħajr lil Alla li silifuli.

Il-ħin itir

Naħseb taqblu miegħi li aktar ma jkollok x’tagħmel aktar tidher qasira l-ġurnata. Jasal filgħaxija u ssib li tkun għamilt nofs dak li jkollok f’moħħok li tagħmel. Sewwa jgħidu li l-ħin itir. Meta tkun għadek żgħir, l-aktar meta jkun wasal Setembru u terġa’ tibda l-iskola u taħseb f’Ġunju u l-vaganzi tas-sajf, tara ż-żmien bħal eternità. Meta tikber tgħaddi sena bħar-riħ. Araw, qisu l-bieraħ bdejna s-sena u diġa ttieklet kważi nofsha. X’jien ngħid? Qisu l-bieraħ bdejna dan is-seklu u kważi diġà għadda kwart minnu. Sewwa jgħidu li ż-żmien itir u ma jistenna lil ħadd.

Meta jieqaf l-arloġġ

Meta ngħid “jieqaf l-arloġġ” ma rridx ninftiehem għal meta l-arloġġ jispiċċalu l-ħabel jew il-batterija u ma jaħdimx aktar imma għal meta tara l-ħin twil u ma jrid jgħaddi b’xejn. Dan huwa l-ħin psikoloġiku. Immaġinaw bniedem qed jistenna riżultat mediku kif ikun fuq ix-xwiek sakemm jasallu. Il-ħin jidher donnu itwal mis-soltu, ma jkun irid jgħaddi b’xejn. U ma hemmx għalfejn inkunu f’sitwazzjoni bħal din biex jieqaf l-arloġġ. Immaġina tkun f’ajruport ġej lura Malta u l-ajruplan jittardja. Sa siegħa tissaporti imma mbagħad tibda kull ħin tħares lejn l-arloġġ biex tara kemm għadda ħin u ssib li minn darba għal oħra li tkun ħarist lejh ikunu għaddew biss ftit minuti, jekk mhux sekondi. Dan huwa l-ħin psikoloġiku għax fil-verità s-sekondi, il-minuti u s-sigħat jibqgħu għaddejjin l-istess.

Il-ħajr

Illum meta nħares lejn l-arloġġ u l-kitba li hemm fit-taraġ tagħna sirt ngħid “grazzi” f’qalbi għax minkejja kollox, minkejja li l-ħin jgħaddi jiġri u spiss 24 siegħa kuljum ma jkunux biżżejjed, jew jekk inkun anzjuż u nkun nixtieq li l-ħin jgħaddi kemm jista’ jkun malajr imma donnu l-ħin ikun sejjer lura u mhux il quddiem, niftakar li hemm minn ma għandux ix-xorti li jiġġieled biex ilaħħaq mal-ħin, jew itertaq qalbu biex dan jgħaddi.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 3 ta' Ġunju 2023