sabato 28 ottobre 2023

L-għalliem

Ftit tal-jiem ilu, wieħed ħabib tiegħi, li xogħlu huwa ta’ għalliem, tefa’ ritratt fuq Facebook tiegħu. F’dan ir-ritratt kien jidher hu flimkien ma’ tliet eks studenti tiegħu u kiteb li ltaqa’ ma’ dawn l-istudenti fuq tal-linja. Dan il-post fuq Facebook ġegħilni naħseb fuq ir-rabta li student jista’ jkollu ma’ għalliem, rabta ta’ rispett u ħbiberija li tibqa’ anke meta dak li jkun ma jibqax student ta’ dak l-għalliem.

Min hu l-għalliem?

Għalliem, li jista’ jiġi msejjaħ ukoll edukatur, huwa persuna li tgħin lill-istudenti jiksbu għarfien, kompetenza jew virtù permezz tat-tagħlim. Minkejja li t-tagħlim mhux bil-fors isir fi skola, u biex ngħidu kollox, il-bniedem mhux l-iskola biss jitgħallem, fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, it-tagħlim formali tal-istudenti normalment isir minn għalliema professjonali mħallsa ġewwa skola. L-għalliem huwa dejjem punt ta’ riferiment għall-istudenti u minbarra t-tagħlim akkademiku ħafna drabi jħejji lill-istudenti tiegħu għall-ħajja. Dan huwa li jagħmel għalliem maħbub u li jibqa’ f’moħħ l-istudenti li jkunu għaddew minn taħt idejh. Għalliem tajjeb isir ħabib tal-istudent.

Dari u llum

Madwar ħamsin sena ilu l-iskejjel u l-mod tat-tagħlim kien differenti minn dak tal-lum. L-ewwel ħaġa l-ħin tal-iskola kien itwal. Tabilħaqq kien ikun hemm waqfa ta’ xi sagħtejn, imma ħafna minna konna nibqgħu l-iskola. Għalhekk nistgħu ngħidu li konna nqattgħu aktar ħin mal-għalliema tagħna milli mal-ġenituri, għax meta konna naslu d-dar konna mmorru l-Museum u wara lura d-dar, nagħmlu l-home work, nieklu u norqdu.

Illum il-ħin tal-istudenti fl-iskola huwa iqsar. Dan ma jfissirx li naqas it-tagħlim, iffisser biss li nbidlet is-sistema tat-tagħlim. Illum it-tfal tal-iskola jmorru lura lejn id-dar xi sagħtejn jew sagħtejn u nofs qabel ma konna mmorru aħna, imma l-ħin ta’ wara l-iskola tat-tfal tal-lum huma mimli attivitajiet li dari ftit li xejn konna nimmaġinaw.

Ħaġa oħra li nbidlet minn żminijietna għal-lum hija fejn jidħol ir-rispett lejn l-għalliem. Jekk student kien ikun xi ftit imqarqaċ, l-għalliem ma kienx jaħsibha darbtejn biex jagħti xi daqqa ta’ riga fuq id dak it-tifel. Mhux qed ngħid li naqbel mas-swat, imma naqbel mija fil-mija mal-korrezzjoni tal-istudenti. Huwa obbligu tal-għalliem li jikkoreġi lil dak l-istudent li jkun wettaq xi ħaġa ħażina. Jekk fi żmieni kont immur id-dar u ngħid lill-ommi li s-Sir tani daqqa ta’ riga kienet dlonk tgħidli li sewwa għamilli u li ma tanix dik id-daqqa ta’ xejn imma għax kien ħaqqni. Anzi ħafna drabi l-ġenituri kienu jkunu jridu jafu x’għamel ħażin binhom u jekk il-ħaġa tkun gravi jerġgħu jfarfrulu t-trab minn fuqu b’xi xebgħa! Illum wisq nibża’ li kieku sseħħ ħaġa bħal din, il-ġenituri tat-tifel joħduha kontra l-għalliem u saħansitra jmorru l-iskola għas-sodisfazzjon. Qabel konna nemmnu bil-qawl Malti: Is-swat ħareġ mill-ġenna, kull min iduqu jithenna. Illum dan il-qawl ma għadux jgħodd u kważi kważi naħsbu li jħeġġeġ għal abbuż. Iż-żmien jinbidel u miegħu ninbidlu aħna u jinbidlu wkoll ħsibijietna.

Għalliem tajjeb

Għalliem tajjeb minbarra li jgħallem dak li għandu jgħallem lill-istudenti tiegħu, iħejjihom għall-ħajja. Nemmen li ħafna minna għadna niftakru xi għalliem li kellna fi tfulitna. Jien niftakar sewwa lis-Sur Cardona. Meta kont fil-klassi tiegħu għalija kienet l-isbaħ sena tal-Primarja. Għallimna nagħmlu presepju, kien joħodna l-knisja tar-raħal u jfissrilna x’hemm u għalfejn qegħdin hemm. Wara l-iskola kien jinżel lura lejn id-dar tiegħu bil-mixi billi kien joqgħod ir-raħal tagħna stess u għalhekk ħafna minna konna nimxu biċċa triq miegħu. Kien għalliem ħabib li minkejja li llum ma għadux magħna xorta għandi memorji mill-isbaħ tiegħu u nemmen li bħali għandhom sħabi li kienu fil-klassi tiegħu.

Missieri għandu kważi 93 sena u għadu jiftakar u jsemmi xi għalliema li kellu fi tfulitu fosthom Mr Ungaro u s-Sir Mizzi. Waqt il-waqfa mit-tagħlim dan l-għalliem tal-aħħar kien jibgħat lil missieri d-dar tiegħu biex iġiblu thermos bil-kafè. Jgħid missieri li kien imur b’ġirja u jerġa’ lura l-iskola bil-ġiri iżda darba minnhom waqa’ u bumm, addio t-thermos tal-kafè. Spiċċa frak! Dan kollu juri l-ħbiberija bejn l-għalliem u l-istudenti tiegħu, ħbiberija li minkejja li jkunu għaddew tant snin tibqa’ fil-moħħ ta’ dak li jkun.

Illum missejt ftit dak li jsawwar lill-għalliem. Kien il-post fuq Facebook ta’ dak l-għalliem li semmejt fil-bidu li ġabli dawn il-ħsibijiet kollha f’moħħi. Fakkarni f’ħafna għalliema li għaddejt minn taħthom, mill-iskola tas-Sorijiet, sal-Primarja, mis-Sekondarja sal-Università. Nista’ ngħid li f’tant snin ta’ skola sibt bosta għalliema li nista’ nsejħilhom ħbieb.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 28 ta' Ottubru 2023



sabato 21 ottobre 2023

Il-Prinċipat ta’ Monaco


It-tieni l-iżgħar stat li nsibu fid-dinja huwa dak imsejjaħ bħala l-Prinċipat ta’ Monaco. Dan huwa stat imdawwar għal kollox minn Franza u għandu xtajta mal-Baħar Mediterran. It-territorju tiegħu huwa strixxa dejqa ta' art fuq il-Côte d'Azur fl-Alpi u l-ogħla punt tagħha jinsab fil-quċċata ta' Chemin des Révoires, 163 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar, fuq il-kosta tal-Baħar Ligurjan, 18-il kilometru fil-lvant ta’ Nizza u 14-il km fil-Lbiċ ta' Ventimiglia u fuq il-fruntiera mal -Italja. Bħala stat sovran indipendenti, twieled biss fl-1815 imma għandu storja bil-wisq itwal. Il-kostituzzjoni ta’ dan l-istat stabbilixxiet li l-lingwa uffiċjali tal-Prinċipat hija l-Franċiż. Madankollu, it-Taljan huwa wkoll użat ħafna; id-djalett Monegask, għalkemm mitkellem sewwa wkoll, huwa biss it-tielet lingwa wara t-tnejn imsemmija. Iċ-ċittadini tal-Prinċipat jissejħu Monegasques. Il-popolazzjoni ta’ Monaco tlaħħaq ftit aktar minn 38,000 ruħ. Meta tqis li dan il-Prinċipat ma fihx aktar minn żewġ kilometri kwadri, jew ftit aktar, tinduna li mhux ta’ b’xejn huwa l-aktar pajjiż dens fid-dinja. Minkejja li ma huwix membru tal-Unjoni Ewropea, il-munita tal-post hija l-Ewro




Storja

Dawn l-inħawi kienu abitati sa mill perjodu Neolitiku, il-fortizza u l-port naturali li hemm kienu joffru kenn għall-popolazzjonijiet primittivi. Wara l-preżenza tal-Feniċi  it-territorju Monegask kien maħkum mill-Griegi, li sejħulu Monoïkos (Μόνοικος), li minnu ħareġ l-isem "Monaco". Dan l-isem aktar tard ġie Latinizzat f’Portus Herculis Monoeci mir- Rumani, li ħadu din ix-xaqliba u l- inħawi tal-madwar b’mod permanenti fis-sena 122 qabel Kristu. It-territorju kien parti mil-Ligurja taħt l-Imperu Ruman u sar jagħmel parti mir-Renju Lombard fi żmien Karlu Manju. Kien biss fl-1489 li r-Re Karlu VIII ta’ Franza rrikonoxxa l-awtonomija tat-territorju Monegas, u uffiċjalment iggarantixxa l-protezzjoni militari tiegħu. Madankollu, fl-1524 , ir-Re Spanjol Karlu V impona l-ħakma Spanjola fuq Monaco, iżda ftit għexieren ta’ snin wara r- Renju ta’ Franza reġa’ kien il-garanti tiegħu.

Fl-1612 il-familja Grimaldi ngħataw it-titlu ta' Prinċpijiet u Monaco sar Prinċipat leġittimament. Dak iż-żmien it-territorju Monegask kien aktar estensiv milli hu llum. Fl- 1911, wara sensiela ta' protesti fit-toroq, magħrufa bħala r- rivoluzzjoni Monegaska, il-Prinċipat irreveda s-sistema ta' gvern tiegħu u waqqaf il-forma ta' monarkija kostituzzjonali. Il-pajjiż inqasam fi tliet muniċipalitajiet ta' Monaco Vieux , Monte Carlo u La Condamine. Wara l-1917 it-tliet muniċipalitajiet saru erba' distretti, biż-żieda ta' Fontvieille u reġgħu ingħaqdu fil-muniċipalità waħdanija  ta’ Monaco. L-aktar trasformazzjoni riċenti u radikali tal-Prinċipat hija dovuta lill-Prinċep Ranieri III li, wara li tela’ fuq it-tron fl- 1949, kompla bit-twettiq tal-proġett ambizzjuż li jinħoloq minn Monaco ċentru turistiku internazzjonali ta’ livell għoli. Din l-intenzjoni saret aktar faċli wara l-laqgħa tiegħu mal-famuża attriċi Amerikana Grace Kelly, li saret martu fl- 1956.

Illum dan il-Prinċipat huwa mmexxi mill-Prinċep Albert Alexandre Louis Pierre Grimaldi li huwa l-uniku iben tal-Prinċep Ranieri u Grace Kelly. Ilu jmexxi dan l-istat mis-6 ta’ April tas-sena 2005.

Il-Palazz tal-Prinċpijiet

Il-Palazz tal-Prinċep ta’ Monaco jinsabu fuq il-quċċata tal-għolja, fid- distrett ta' Monaco-Ville, xi drabi jissejjaħ il-Palazz Grimaldi iżda huwa magħruf mill-Monegaski bħala l-Palais Princier u huwa r-residenza uffiċjali tal-prinċep. Oriġinarjament inbena fl-1191 bħala fortizza. Mill-1297 saret ir-residenza tal-antenati tal-familja Grimaldi li ħakmet fuq l-inħawi, l-ewwel bħala sidien fewdali u mbagħad mis- seklu 17 bħala prinċpijiet sovrani. Għal din ir-raġuni, filwaqt li l-maġġoranza tas-sovrani Ewropej bnew palazzi lussużi Rinaxximentali u Barokki, il-politika u s-sens komun tas-sovrani Monegaski wassluhom biex isaħħu darhom u jagħmluha bħala fortizza. Taħt il-gvern ta’ Ranieri III sar tibdil kbir fil-bini tal-palazz, ġew restawrati xi strutturi meqruda matul ir-rivoluzzjoni Franċiża u sar il-bini mill-ġdid ta’ parti mill-appartamenti fejn tgħix il-familja prinċiparja. Illum sar attrazzjoni ewlenija ta’ dan il-Prinċipat.

Grand Prix u aktar

Kull min hu dilettant tat-tlielaq tal-Formula One, jaf li hawn issir ukoll waħda mit-tlielaq. L-ewwel Grand Prix ta’ Monaco sar fl-14 ta’ April 1929. Forsi jkun hawn min jaħseb u jgħid kif f’żewġ kilometri kwadri li jokkupa dal-pajjiż hemm korsa għat-tlielaq tal-karozzi? Fil-fatt ma hemmx u din it-tellieqa ssir fit-toroq ta’ dan il-prinċipat.

Monaco huwa fuq kollox post turistiku. Wieħed ikun jista’ jżur parti mill-palazz tal-Prinċep, biss dan jista’ jsir meta l-Prinċep ma jkunx fil-palazz. Jekk il-bandiera tal-pajjiż tkun qed tittajajr fuq il-palazz ikun ifisser li l-prinċep ikun id-dar. Quddiem il-palazz isir il-bdil tal-gwardja li hija spettaklu li wieħed żgur jieħu gost jara. Il-Casino de Monte Carlo huwa wieħed mill-casinos l-aktar famużi fid-dinja li wieħed ta’ min iżuru wkoll. Jardin Exotique huwa ġnien pubbliku mill-isbaħ. Il-Katidral ta’ Monaco jispikka minħabba l-ġebel abjad li ntuża fil-bini tiegħu. Huwa mibni fuq l-istil Ruman-Biżantin, il-katidral fih il-fdalijiet tal-ex prinċpijiet ta’ Monaco inkluż il-Prinċep Rainier.

Insomma veru Monaco huwa post is-sinjurni, imma wieħed jista’ jżuru mqar għal ġurnata waħda biss.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 21 ta' Ottubru 2023



sabato 14 ottobre 2023

It-Transulazzjoni

Issa nistgħu ngħidu li l-istaġun tal-festi sajfin li jsiru fil-parroċċi tagħna għadda, nixtieq naqsam magħkom mument importanti li jsir f’dawn il-festi u li nemmen li ħafna ma jagħrfux is-sinifikat tiegħu. Ġeneralment dan il-waqt ikun lejlet il-festa tard waranofsinhar. Hemmhekk ir-relikwija tal-qaddis jew qaddisa tittieħed bl-aktar mod solenni lejn l-altar maġġur, daqslikieku il-qaddis jew qaddisa patrun jew patruna jkunu huma stess preżenti fil-knisja.

Transulazzjoni

Appuntament importanti fil-festa Maltija huwa dak ta’ lejlet il-festa filgħaxija, dik li tissejjaħ it-transulazzjoni fejn, kif diġà għidt, ir-relikwa tal-qaddis jew qaddisa tinġarr minn xi kappella fil-parroċċa jew minn fuq xi artal fil-knisja parrokkjali stess għal fuq l-artal maġur biex titpoġġa għall-qima tal-pubbliku. Din hija drawwa li nsibuha fil-festa Maltija u ma jidher li tinstab fl-ebda festa oħra barra mill-gżejjer tagħna, iżda l-bidu ta’ din id-drawwa ma huwiex Malti.


Bidu

Jingħad li kien l-Isqof ta’ Milan Sant Ambroġ, li bejn is-snin 374 u 397 kien l-isqof ta’dik il-belt,  l-ewwel bniedem fil-Knisja Oċċidentali li fetaħ qabar ta’ martri u ħa l-fdalijiet ġewwa l-knisja u poġġiehom taħt l-artal. Fis-sena 386 tlesta l-bini ta’ knisja ġewwa Milan. Din kienet inbniet fuq xewqa tal-Isqof Ambroġ stess. Huwa ried li l-konsagrazzjoni ta’ din il-knisja ssir bħalma kien isir ġewwa Ruma. F’Ruma il-knejjes kienu jinbnew fuq l-oqbra tal-martri, iżda f’Milan ma ġarax hekk, allura Ambroġ ħaseb biex jinġiebu l-fdalijiet ta’ San Ġervażju u San Protasju Martri u jitpoġġew fil-kripta tal-knisja.  Lejlet il-konsagrazzjoni tal-knisja saret it-transulazzjoni mill-qabar għall-knisja u saret velja ta’ talb. Aktarx li din kienet l-ewwel transulazzjoni li qatt saret. Il-knisja li semmejna, illum hija magħrufa bħala l-Bażilika ta’ Sant Ambroġ. Fiha għadna nsibu l-fdalijiet ta’ dawn iż-żewġ qaddisin martri kif ukoll il-fdalijiet ta’ Sant Ambroġ stess.

Din il-ħaġa jidher li niżlet tajjeb u bdiet issir kullimkien. Lejlet il-konsagrazzjoni ta’ xi knisja bdiet issir transulazzjoni bil-fdalijiet ta’ xi qaddisin martri. Kienet issir purċissjoni minn xi post qrib il-knisja u matul il-lejl kienet issir velja ta’ talb. Din id-drawwa nsibuha mhux biss fir-rit Latin iżda wkoll f’dak Biżantin.

Fis-seklu XVI

Il-kongregazzjoni tar-riti liturġiċi ħarġet digriet  nhar id-19 ta’ Ottubru tas-sena 1691. Dan id-digriet kien jitlob li r-relikwi tal-qaddisin ikunu esposti għall-pubbliku fil-festa tagħhom. Minn hemm bdew isiru l-purċissjonijiet bir-relikwi ġewwa r-relikwarji lejlet il-festi titulari u sekondarji. Din id-drawwa ħadet post drawwa oħra aktar antika. Qabel, f’lejlet il-festa kienet issir purċissjoni qasira b’kurċifiss. Għadna nsibu xi kurċifissi minn dawn li kienu jintużaw għall-purċissjoni ta’ lejlet il-festa f’xi parroċċi antiki ta’ Malta.  

Qabel ma bdejna nsibu l-istatwi titulari tal-qaddis jew qaddisa fil-parroċċi tagħna, il-purċissjoni ta’ nhar il-festa kienet issir bir-relikwa. Din il-ħaġa ma nistgħux ngħidu li spiċċat, anzi l-aktar ħaġa importanti fil-purċissjoni tal-qaddis jew qaddisa ma hijiex l-istatwa iżda r-relikwa. Madankollu n-nies aktar donnha tkun ħsiebha fl-istatwa milli mir-relikwa – sfortunatament!


In-nar

Billi wieħed mill-elementi importanti fil-festa Maltija huwa l-logħob tan-nar, ma jistax jonqos li waqt it-transulazzjoni ma jinħaraqx xi nar. It-transulazzjoni saret appuntament importanti għal kull għaqda tan-nar u għalhekk tipprepara programm għaliha. Tabilħaqq li lejlet il-festa l-poplu aktar jiffoka fuq il-ħarqa li tkun sejra ssir aktar tard, iżda dan ma jnaqqasx mill-importanza tal-ħarqa li ssir waqt li tkun għaddejja t-trasulazzjoni. F’ dan il-waqt inkunu nistgħu napprezzaw xogħol pirotekniku bħalma huma s-salut, varjetà ta’ murtali u murtali bil-logħob kif ukoll il-kaxxa Spanjola. Nistgħu ngħidlu li t-transulazzjoni llum għandha wkoll l-element pirotekniku tagħha li jkompli jkabbarha għaliex matulha jista’ jinħaraq xogħol li ma narawx f’ħin ieħor matul il-ġimgħa tal-festa.

Mużika

Hemm fejn it-transulazzjoni tkun akkumpanjata minn xi banda. Mhux bil-fors jew mhux dejjem. Ikun hemm snin fejn il-festa tkun qed tiġi ċċelebrata b’pompi akbar minħabba xi aniversarju u għalhekk fi snin bħal dawn aktarx insibu li mat-teransulazzjoni jkun hemm xi banda. Hawn jidħol dan l-element importanti fil-festi tagħna, jiġifieri l-mużika, f’din iċ-ċelebrazzjoni li hija puramnet liturġika.

Mela nistgħu ngħidu li llum it-transulazzjoni saret dik li hi billi hemm bosta elementi li jiffurmawha. L-importanza ta’ din il-funzjoni hija kbira għaliex is-sens tagħha hu li l-qaddis patrun ikun milqugħ fil-knisja, ikkonsagrata lil Alla iżda taħt il-patroċinju ta’ dak il-qaddis, jew qaddisa. Mhux ta’ b’ xejn li t-transulazzjon issir b’ dik il-pompa kollha, iva għax tabilħaqq hekk jixraq.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 14 ta' Ottubru 2023



sabato 7 ottobre 2023

Il-Battalja ta’ Lepanto

 

Ix-xahar ta’ Ottubru huma magħruf mad-dinja Kattolika bħala x-xahar tar-Rużarju. Forsi mhux kulħadd jaf li din id-devozzjoni bdiet minn battalja bejn l-Insara u l-armata tal-Imperu Ottoman fis-sena 1571. Il-Papa Piju V kien ħeġġeġ lill-Insara biex jitolbu t-talba tar-Rużarju sabiex tasal ir-rebħa lill-Insara.

Lepanto

Il-post fejn seħħet din il-battalja llum jagħmel parti mill-komun ta’ Nafpaktia fil-Greċja. Fl-Antikità Klassika din kienet belt importanti ħafna u kellha l-aqwa port fuq il-kosta tat-tramuntana tal- Golf ta' Korintju. Fiha kien hemm ukoll tarzna. Il-belt kienet tinsab eżatt fid-daħla ta' dan il-golf, għalhekk wieħed jista’ jaħseb liema importanza kellha minħabba l-qagħda ġeografika tagħha. Minħabba din il-qagħda hekk stateġika, bosta qawwiet tefgħu għajnejhom fuq il-post u bħalma nistgħu nobsru l-istorja ta’ Nafpaktia hija waħda mżewqa b’għadd ġmielu ta’ ħakkiema jaħkmu fuqha fosthom il-Katalani, il-Venezjani u l-Ottomani. Nafpaktos saret parti mill-Greċja indipendenti f'Marzu 1829. Ġiet imwaqqfa bħala komun fl-1912 u bħala muniċipalità indipendenti fl-1946. Illum il-popolazzjoni  tal-post hija ta’ madwar 20,000 ruħ. Fil-port insibu monument tal-Battalja ta’ Lepanto tal-1571, li minkejja li ma kinitx il-battalja waħdanija li seħħet hawnhekk, baqgħet l-aktar waħda popolari u aktarx l-aktar waħda importanti.

Il-battalja tal-1571

F’din il-battalja l-armata tal-Imperu Ottoman tqabdet kontra l-koalizzjoni Kattolika organizzata mill-Papa Piju V, koalizzjoni msejħa l-Lega Mqaddsa u li kienet iffurmata mill- Imperu Spanjol, l-Istati Papali, ir- Repubblika ta’ Venezja, l-Ordni tal-kavallieri ta’ Malta, ir- Repubblika ta’ Ġenova u d- Dukat ta’ Savoja. Il-forzi Ottomani kienu qed ibaħħru lejn il-punent mill-port navali tagħhom f'Lepanto meta ltaqgħu mal-flotta tal-Lega Mqaddsa li kienet qed tbaħħar lejn il-lvant minn Messina, Sqallija. L-Imperu Spanjol u r-Repubblika Venezjana kienu l-potenzi ewlenin f’ din il-koalizzjoni, peress li l-battalja kienet fil-biċċa l-kbira ffinanzjata minn Filippu II ta’ Spanja u minn Venezja li kienet il-kontributur ewlieni tax-xwieni.

Il-Kattoliċi, immexxija minn Ġwanni tal-Awstrija, kienu rebbieħa u tletin xini Ottoman biss ġew salvati. Din il-battalja tista’ tgħid li kienet il-waqfien tal-Imperu ottoman fil-mixja tiegħu lejn l-Oċċident. Ma rridux ninsew li sitt snin qabel din l-istess armata kienet assedjat pajjiżna f’dak li bqajna nsejħu “l-Assedju l-Kbir” ta’ pajjiżna. Lepanto huwa wkoll il-post fejn seħħet l-aħħar battalja fid-dinja tal-Punent li kien miġġieled kważi kollu bejn xwieni tal-qdif. Dan kollu seħħ nhar is-7 ta’ Ottubru tas-sena 1571.

It-talb u l-festa

Il-Papa Piju V, li kien ilu fit-tmun tal-Knisja Kattolika mis-7 ta’ Jannar 1566, kien ħeġġeġ lid-Dinja Nisranija kollha biex titlob it-talba tar-Rużarju sabiex il-qawwiet Insara jirbħu fuq dawk Torok. Illum narawha stramba li mexxej ta’ Knisja jħeġġeġ lin-nies biex jitolbu għal rebħa fi ġlieda. Iżda tajjeb li ma ninsewx li l-għan tal-Imperu Ottoman kien li jaħkem l-Ewropa u minbarra li jkun hu li jmexxi, idaħħal ukoll il-fidi tiegħu fuq il-poplu ta’ taħtu. Issa billi r-reliġjon tal-Ottomani kienet dik Musulmana, il-Knisja ħassitha fil-bżonn li titlob għar-rebħa tal-Insara biex ħaġa bħal din ma sseħħx. L-aħbar tar-rebħa tal-qawwiet Insara fuq it-Torok waslet lil Piju V kmieni fit-22 ta’ Ottubru, u dakinhar filgħodu offra quddiesa ta’ radd il-ħajr fil-Bażilika ta’ San Pietru f’Ruma. Huwa wera t-tamiet tiegħu ta’ aktar suċċessi mill-Insara.  Il-Papa Piju V waqqaf il-festa tal-Madonna tal-Vitorja, nhar is-7 ta’ Ottubru, sabiex ifakkar ir-rebħa f’Lepanto, li attribwixxa lill-Verġni Marija. Dan il-papa miet sena wara. Fl-1573 il-Papa Girgor XIII biddel l-isem tal-festa u bdiet tissejjaħ il-Festa tar-Rużarju Mqaddes , u l-istess papa kien ordna biex din il-festa tiġi ċċelebrata fl-ewwel Ħadd ta’ Ottubru. Il-patri Dumnikan Juan Lopez fil-ktieb tiegħu tal-1584 dwar ir-rużarju jgħid li l-festa tar-Rużarju ġiet offruta “b’tifkira u b’gratitudni perpetwa tar-rebħa mirakoluża li l-Mulej ta lill-poplu Nisrani dakinhar kontra l-armata Torka.”

Fl-1671 l-osservanza ta’ din il-festa ġiet estiża minn Papa Klement X għal Spanja kollha, u ftit aktar tard Klement X, wara r-rebħa fuq it-Torok miksuba mill-Prinċep Ewġenju fil-Battalja ta’ Petrovaradin fil-5 ta’ Awwissu 1716, nhar il-festa tal-Madonna tas-Silġ, ikkmanda li l-festa tar-Rużarju tibda tiġi ċċelebrata mill-Knisja Kattolika kollha. Il-Papa Ljun XIII żied mal-Litanija tal-Madonna l-invokazzjoni “Sultana tar-Rużarju Imqaddes.”

Ottubru

Ta’ kull sena, madwar id-dinja kollha, fil-Knisja Kattolika, ix-xahar ta’ Ottubru jfakkar fit-talba tar-Rużarju. Il-bidu ta’ din id-devozzjoni, kif rajna, oriġina minn din il-battalja. F’pajjiżna xejn inqas. Kważi kull parroċċa, jew aħjar f’kull knisja li hemm fratellanza tal-Madonna tar-Rużarju ssir il-festa, festa li tfakkar rebħa ta’ battalja li seħħet bl-interċessjoni tar-Rużarju.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 7 ta' Ottubru 2023