sabato 27 gennaio 2024

27 ta’ Jannar – Jum it-Tifkira

Jum it-Tifkira huwa anniversarju internazzjonali ċċelebrat fis-27 ta’ Jannar ta’ kull sena bħala jum b’kommemorazzjoni tal-vittmi tal-Olokawst imwettaq min-Nażiżmu matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Minn nofs is-seklu 20, it- terminu Olokawst beda jindika l-ġenoċidju mwettqa mill-Ġermanja Nażista u l-alleati tagħha kontra l-Lhud tal-Ewropa . Din kienet tikkonsisti fil-qtil ta’ bejn 5 u 6 miljun Lhudi, ta’ kull sess u età. L-Olokawst bħala ġenoċidju tal-Lhud jissejjaħ ukoll ix- Shoah, kelma bl-Ebrajk li tfisser katastrofi jew qerda. Huma paġni mill-aktar koroh fl-istorja tad-dinja, imma sfortunatament hemm qegħdin u ħażin għad-dinja jekk tinsa jew tiċħad dak li tabilħaqq seħħ.

Il-bidu

F’Settembru 1935, fil-Ġermanja Nażista għaddew żewġ liġijiet separati, magħrufa bħala l-Liġijiet ta’ Nuremberg. Dawn kienu l-Liġi taċ-Ċittadinanza tar-Reich u l-Liġi għall-Protezzjoni tad-Demm u l-Unur Ġermaniż. Iż-żewġ liġijiet kienu espressjoni tat-teoriji razzjali li fuqhom kienet ibbażata l-ideoloġija Nażista u servew biex joħolqu l-ambjent legali għall-persekuzzjoni sistematika tal-Lhud fil-Ġermanja. Il-Liġijiet ta' Nuremberg tħabbru minn Adolf Hitler fil-15 ta' Settembru, 1935. Dlonk il-parlament Ġermaniż, imsejjaħ ir- Reichstag, magħmul kompletament minn rappreżentanti Nażisti, approva dawn il-liġijiet. Il-Liġi taċ-Ċittadinanza tar-Reich stabbiliet min kien meqjus bħala ċittadin Ġermaniż u min ma kienx, kif ukoll min kien Lhudi u min ma kienx. In-Nażi ċaħdu l-idea tradizzjonali li l-Lhud kienu membri ta’ komunità reliġjuża jew kulturali, u minflok argumentaw li kienu razza speċifika, li tista’ tiġi definita biss mit-twelid. Ħafna Lhud fil-Ġermanja kienu abbandunaw il-prattiċi u dehriet tradizzjonali tagħhom u bdew jintegraw sewwa mal-bqija tas-soċjetà. Xi wħud ma baqgħux jipprattikaw il-Ġudajiżmu u kienu saħansitra bdew jiċċelebraw il-festi Kristjani, speċjalment il-Milied, flimkien mal-ġirien tagħhom mhux Lhud. Ħafna oħrajn kienu żżewġu Kristjani jew ikkonvertew għall-Kristjaneżmu. Għalhekk dawn il-liġijiet kienu marbuta mal-oriġina etnika tal-Lhud.  Il-Liġi għall-Ħarsien tad-Demm u l-Unur Ġermaniż, ipprojbixxiet iż-żwieġ bejn Lhud u Ġermaniżi mhux Lhud u kkriminalizzat ir-relazzjonijiet barra ż-żwieġ bejniethom.

Qabel il-gwerra

Għall-bidu, jiġifieri, sakemm faqqgħet il-gwerra, l-għan ewlieni tan-Nażiżmu u Hitler kien li r-Reich ikun Judenfrei, jiġifieri "ħieles mil-Lhud". F'din l-ewwel fażi s-sistema magħżula biex "tnaddaf" il-Ġermanja mil-Lhud kienet li ġġiegħelhom jemigraw.

Irnexxielhom jemigraw madwar 540,000 Lhudi, iżda ma’ kull okkupazzjoni li bdiet twettaq il-Ġermanja Nażista in-numru ta' Lhud beda jikber u nazzjonijiet barranin ma setgħux jew ma ridux jassorbu l-mewġa ta’ emigrazzjoni Lhudija mir-Reich. Lejlet il-gwerra, is-soluzzjoni tal-emigrazzjoni dehret li falliet. Għalhekk twieldet l-idea li jitwessa’ l-kunċett stess tad-deportazzjoni billi jiġu trasferiti bil-forza Lhud Ġermaniżi f’post imbiegħed. Matul il-gwerra l-problema kompliet tmur għall-agħar. L-invażjoni tal-Belġju, l-Olanda, Franza, id-Danimarka u n-Norveġja kompliet żiedet in-numru ta’ Lhud li waqgħu f’idejn in-Nażisti. L-għan ewlieni, jiġifieri li l-Ġermanja ssir "Judenfrei", kiber b'mod drammatiku: issa kienet kwistjoni li l-Ewropa kollha ssir Judenfrei. Is-soluzzjoni ma setgħetx tkun aktar li l-Lhud jemigraw. Għalhekk nibtet idea oħra: id-deportazzjoni tal-Lhud Ewropej lejn il-Lvant billi tikkonċentrahom fit-territorji Pollakki okkupati. Il-ħolqien ta' gettos kbar fil-Polonja dehret li kienet l-aħjar soluzzjon.

Kampijiet tal-mewt

 Auschwitz
In-Nażisti waqqfu kampijiet tal-mewt biex jagħmlu l-qtil tal-massa effiċjenti kemm jista’ jkun. B’differenza mill-kampijiet ta’ konċentrament , li servew primarjament bħala kampijiet ta’ detenzjoni u xogħol, il-kampijiet ta’ sterminazzjoni, magħrufa wkoll bħala “kampijiet tal-mewt”, kienu esklussivament  fabbriki tal-mewt. L-ewwel ċentru ta' sterminazzjoni li nbena kien dak ta' Chelmno , f'Diċembru 1941, fil-parti tal-Polonja li tmiss mal-Ġermanja. Fl-1942 in-Nażisti ħolqu l-kampijiet ta’ sterminazzjoni ta’ Belzec, Sobibor u Treblinka bil-għan li jeliminaw b’mod sistematiku l-Lhud Pollakki kollha.  Mal-wasla tal-Lhud fil-kamp ta’ sterminazzjoni, kważi d-deportati kollha kienu jintbagħtu immedjatament lejn il-kmamar tal-gass, bl-eċċezzjoni ta’ numru żgħir li minflok kienu jkunu assenjati għax-xogħol. L-akbar ċentru ta’ sterminazzjoni kien Auschwitz-Birkenau , il-Polonja, fejn, fl-aħħar tar-rebbiegħa tal-1943, erba’ kmamar tal-gass kienu qed joperaw bl-użu tas-sustanza tossika magħrufa bħala Zyklon B. Meta d-deportazzjonijiet laħqu l-intensità massima tagħhom, in-numru ta’ Lhud li nqatlu bil-gass f'Auschwitz-Birkenau laħqet iċ-ċifra ta' 6,000 ruħ kuljum. Fis-27 ta’ Jannar 1945, is-suldati Sovjetiċi daħlu fil-kamp ta’ Auschwitz-Birkenau.  Auschwitz-Birkenau sar simbolu tal-orrur tal-qtil organizzat u ta’ x'jista' jiġri meta l-mibegħda ma tkunx ikkontrollata.

Illum, infakkru Jum it-Tifkira tal-Olokawst fl-anniversarju tal-ħelsien ta’ dan il-kamp. Niftakru fil-vittmi kollha tal-Olokawst u l-persekuzzjoni Nażista ta’ gruppi oħra. Jum it-Tifkira  għandu jservi għad-dinja kollha bħala riflessjoni dwar dak li ġara lill-poplu Lhudi u lil dawk kollha deportati fil-kampijiet Nażisti. Għandha tibqa’ f’moħħ il-bniedem il-memorja ta’ perjodu traġiku fl-istorja biex ġrajjiet simili qatt ma jkunu jistgħu jerġgħu jseħħu.

Fil-qosor, biex ma ninsewx!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 27 ta' Jannar 2024




sabato 20 gennaio 2024

ĦOLM

Il-ħolm huwa fenomenu marbut mal-irqad, b'mod partikolari mal-fażi magħrufa bħala Rapid Eye Movement jew fil-qosor REM. Huwa kkaratterizzat minn dehriet ta’ xbihat u ħsejjes li jidhru reali. Ma hemm l-ebda definizzjoni bijoloġika universalment aċċettata tal-ħolm. Intant mhux l-iskop tiegħi li dan l-artiklu jkun wieħed xjentifiku. L-ewwel nett jiena mhux xi xjenzat.

REM

Semmejt fil-bidu l-fażi REM u għalhekk inħoss li ta’ min jgħid xi ħaġa żgħira dwarha biex xejn xejn dak li jkun isir jaf xi tkun.

Fl-1953, Eugene Aserinsky, li dak iż-żmien kien għadu student, waqt li kien qed jistudja u jirreġistra l-mewġ tal-moħħ waqt l-irqad, skopra l-fażi REM billi nnota li l-għajnejn waqt l-irqad jagħmlu muvimenti anki meta l-għajn tkun magħluqa. F’waħda mis-sessjoni tal-istudji tiegħu huwa qajjem pazjent li kien qed jibki waqt l-irqad REM, u għalhekk seta’ jikkonferma dak li kien assuma qabel, jiġifieri li waqt l-irqad il-moħħ jibqa’ għaddej bil-ħidma tiegħu. Wara dan ix-xjenzat kien hemm oħrajn li komplew fuq din it-teorija. Nistgħu ngħidu li l-ħolm hija attività tal-ħsieb tal-bniedem li ilha tinteressa lill-bniedem mill-bidu taċ-ċiviltà.

Sens metaforiku

Il-kelma “Ħolma” sikwiet nużawha f’sens metaforiku. Minkejja li ħolma tista’ tkun kemm sabiħa kif ukoll kerha, nassumu li din tkun sabiħa u ngħidu: “Il-ħolma ta’ ħajti hi . . . “ u nżidu dik ix-xewqa li jkollna, bħal pereżempju “. . .  li nara t-tim favorit tiegħi jilgħab,” jew “ . . .  li nżur dak il-pajjiż, “ jew “. . . li niltaqa’ ma’ dik il-persuna.” F’dan is-sens metforiku nfissru xi jkunu dawk ix-xewqat li jkollna f’qalbna bit-tama li dawn ma jibqgħux xewqat imma jseħħu tabilħaqq.

Frażi dwar dan is-sens ta’ ħolm kien qalha Martin Luther King, frażi li għadha magħrufa ħafna. Huwa kien qal: “I have a dream.” Il-ħolma ta’ Luther King kienet li s-suwed fl-Amerika ma jibqgħux trattati bħala nies tat-tieni jew it-tielet klassi. Kien qalha nhar it-28 ta’ Awwissu tas-sena 1963 quddiem il-monument tal-President Amerikan Abraham Lincoln f’Washington D.C. Il-ħolma li tkellem dwarha Luther King dakinhar saret u għadha l-ħolma ta’ ħafna u mhux fl-Amerika biss.

Ħolm fil-Bibbja

Fil-Bibbja insibu siltiet fejn niltaqgħu mal-ħolm. Fil-Ktieb tal-Ġenesi (Ġen 40:8), il-patrijarka Ġużeppi jattribwixxi kemm il-profezija kif ukoll il-kapaċità li tinterpreta l-ħolm bħala rigal mingħand Alla. Ġużeppi jfisser il-ħolma tal-Fargħun li jara seba’ baqriet ħoxnin u seba’ baqriet nexfin : ħadd ma kien jaf jinterpreta l-ħolma, sakemm jissejjaħ. Ġużeppi. L-interpretazzjoni ta’ din il-ħolma hija waħda profetika iżda tieħu wkoll karattru reliġjuż: Ġużeppi, fil-fatt, jaħseb li hija teofanija, jew viżjoni mibgħuta direttament minn Alla. Forsi din hija l-aktar ħolma magħrufa fil-Ġenesi imma fl-istess ktieb insibu l-ħolma ta’ Abimelek (Ġen 20:3) Hawn insibu li Alla ġie billejl fil-ħolm għand Abimelek u qallu: “Arak, int se tmut minħabba l-mara li ħadt, għax hi miżżewġa.” Ġakobb kellu ħolm wkoll. Huwa ra sellum wieqaf fl-art bil-quċċata tiegħu fis-sema; u beda jara l-anġli telgħin u niżlin miegħu (Ġen 28: 12). Ħolma oħra ta’ Ġakobb insibuha fl-istess ktieb Kapitlu 31, versi 11, 12 u 13. Hawn naqraw hekk: U l-anġlu ta’ Alla sejjaħli fil-ħolm: ‘Ġakobb!’ U jien weġibt: ‘Hawn jien.’ U qalli: ‘Erfa’ għajnejk u ara l-imtaten kollha li telgħin fuq in-nagħaġ huma mżewqa, imnaqqxa u mtektka, għax jien rajt kulma għamillek Laban. Jiena Alla ta’ Betel, fejn int dlikt plier u għamiltli wegħda. Qum issa, oħroġ minn din l-art u erġa’ lura lejn art twelidek.’

Il-ħolma tar-Re Salamun f’Gibgħon, insibuha darbtejn fil-Bibbja (2 Kronaki 1:7-13 u1 Slaten 3:4-15). Din il-ħolma hija kkaratterizzata mill-partikolarità li ma tippreżentax kontenut profetiku li jeħtieġ interpretazzjoni, iżda tirrapporta djalogu sinċier, dirett u personali bejn Alla u l-qaddej tiegħu li jitlob u jikseb id-don tal-għerf u d-dixxerniment spiritwali.

Fit- Testment il-Ġdid niftakru fil-ħolm li kellu Ġużeppi biex jieħu lil Marija b’martu (Mt 1 : 20) u biex jaħrab lejn l-Eġittu, hu, martu u binha (Mt 2 : 13). Is-Slaten Maġi wkoll kellhom twissija fil-ħolm biex ma jmorrux għand Erodi (Mt 2: 12). Meta kien wasal iż-żmien biex il-familja terġa’ lura lejn artha Ġużeppi kellu ħolma oħra (Mt 2 : 19) Niftakru fil-ħolma li kellha Claudia Procula, mart Ponzju Pilatu waqt li żewġha kien qed jiddeċiedi jekk jikkundannax jew le lil Ġesù għall-mewt. Il-mara fehmet billi tinterpreta l-ħolma tagħha li r-raġel kien innoċenti (Mt 27 : 19). Insibu aktar ħolm fil-Bibbja.

Il-ħolm huwa parti mill-ħajja tagħna li minkejja li għadu mhux spjegat mija fil-mija jiteressana lkoll.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 20 ta' Jannar 2024




sabato 13 gennaio 2024

KARLU DARMANIN

Din is-sena il-Patrijiet Teatini, patrijiet li ma għandniex minnhom f’pajjiżna, qegħdin jiċċelebraw il-500 sena mit-twaqqif tagħhom. Wieħed mill-fundaturi ta’ dan l-Ordni Reliġjuż kien San Gejtanu ta’ Thiene, li lilu hija ddedikata l-knisja arċipretali tal-Ħamrun. Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ dan l-anniversarju, l-istatwa titulari ta’ San Gejtanu, mill-Ħamrun sejra tittieħed fil-belt ta’ Ruma fix-xahar ta’ Settembru. Hija ħaġa sabiħa li nkunu nafu xi ħaġa dwar l-artist li ħoloq din l-istatwa. Dan ma kien ħadd għajr Karlu Darmanin.

Il-familja Darmanin

Karlu Darmanin twieled l-Isla nhar it-30 ta’Awwissu 1825. Missieru kien jismu Ġużeppi u ommu Marija imwielda Cumbo. Ħutu kienu Filippu, Marija Karmela, Maddalena u Ġanni. Ġanni kien skultur u flimkien ma’ Karlu  kienu jaħdmu ma’ missierhom fid-ditta bl-isem “Giuseppe Darmanin e Figli” li kienet timporta l-irħam u l-granit u taħdem xogħol ta’ monumenti, statwi, oqbra, kolonni, balavostri u pavimentar, għal knejjes jew djar privati.  Kien hawn li Karlu tħarreġ sewwa fl-arti.  Fil-bidu tal-karriera tiegħu kien beda jagħmel xi skulturi fl-irħam imma wara beda jaħdem fil-kartapesta. Karlu żżewweġ lil Annetta Ready, Maltija bint ġenituri Skoċċiżi, fis-7 ta’ Frar 1848. Huma kellhom familja numeruża ħafna. Huwa kellu l-ħanut tax-xogħol tiegħu ġewwa l-Ħamrun.

Darmanin l-istatwarju

Darmanin sar statwarju magħruf sew fi żmienu u xhieda ta’ dan hu l-fatt li huwa ħoloq il-vari titulari tas-Salvatur għal Ħal Lija maħduma fl-1864,  il-vara ta’ San Gejtanu għall-Ħamrun li tlestiet fl-1882 u dik ta’ San Ġiljan għall-parroċċa li ġġib l-istess isem, li tlestiet fl-1893. Xi vari titualri oħra kienu ta’ Darmanin imbagħad inbidlu. Dawn kienu dik ta’ Santa Venera, tar-raħal li jġib isem il-qaddisa, Santa Margerita ta’ Sannat Għawdex u dik ta’ San Leonardo ta’ Ħal Kirkop. Fil-Qrendi nsibu l-vara tal-Madonna ta’ Lourdes li hija xogħol ta’ dan l-istatwarju, li tlestiet fl-1878. Il-fatt li huwa kien fdat b’tant statwi titulari juri l-ħila li kellu.

Vari

Karlu Darmanin jibqa’  magħruf ħafna għal bosta vari tal-Ġimgħa l-Kbira li ħadem. Kien l-istatwarju li seraq ix-xena fit-tieni nofs tas-seklu dsatax u ta sehem kbir fl-izvilupp u l-bidla ikonografika f'Malta. Minn sett ta’ disa’ vari tal-Ġimgha l-Kbira li jinsabu fil-knisja tal-Mosta, Karlu Darmanin ħadem sebgħa minnhom: Kristu fl-ort, Kristu marbut mal-kolonna, l-Ecce Homo, ir-Redentur, il-Veronika, il-vara l-kbira u l-istatwa tad-Duluri. Bħala karatteristiċi ġodda, dan l-istatwarju ntorduċa xi figuri ġodda bħat-tifla ħdejn il-Veronika tal-Mosta, vara li saret fl-1869 u l-vara ta’ Kristu fl-ort b’żewġ anġli minflok anġlu wieħed għal Bormla, fl-1878. L-aktar vara li turi l-bidla ikonografika hija l-vara tat-tradiment ta’ Ġuda li Darmanin ħadem fl-1908 għal Ħal Qormi. Din hija l-ewwel vara f'Malta li turi l-bewsa ta’ Ġuda u li baqgħet unika sal-1961. B’ hekk Karlu Darmanin kiser it-tradizzjoni tas-sett tat-tmien vari. Statwi oħra li Darmanin ħadem għall-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-kbira huma: Kristu fl-ort tan-Naxxar, ta’ Ħal Għargħur u Ħal Qormi, Il-Marbut fl-Isla u ta’ Ħal Għargħur, Ir-Redentur tal-Belt Valletta, tal-Birgu, ta’ Ħal Qormi u taż-Żejtun, Il-Veronika tar-Rabat (Malta), tal-Isla, ta’ Ħal Qormi  u taż-Żejtun (attribwita), Il-Madalena fil-vara l-kbira tal-Isla u l-persunaġġi tal-vara l-kbira ta’ Bormla għajr Kristu, Il-Madonna u San Ġwann fil-vara l-kbira ta’ Ħal Qormi, wiċċ San Ġwann tal-vara l-kbira ta’ San Ġorġ Għawdex,  l-anġli tal-monument tal-Belt Valletta u ta’ Ħal Luqa, Kristu mejjet ta’ Ħal Għargħur, id-Duluri tar-Rabat (Malta), ta’ Bormla, ta’ Ħal Għargħur, ta’ Ħal Għaxaq u tal-Qala.

Statwi oħra

Fost statwi oħra li wkoll huma xogħol dan l-istatwarju nsemmu l-Madonna tar-Rużarju tal-Mellieħa, tan-Naxxar, ta’ Ħal Qormi San Ġorġ u taż-Żurrieq kif ukoll dik tal-Madonna tal-Qalb ta' Ġesù ta' H' Attard. Ħadem għadd bla qies ta’ statwi għal toroq u pjazez li jiġu armati fil-festi f’għadd ta’ bliet u rħula tagħna. Illum min għandu xi statwa ta’ dan l-istatwarju jqisha bħala patrimonju imprezzabbli għax Darmanin huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa statwarji li qatt ta pajjiżna. Dan l-iskultur ta kontribut kbir fl-iżvilupp tal-arti reliġjuża popolari f’pajjiżna u permezz tiegħu l-arti tal-kartapesta ħadet apprezzament ġdid f’Malta.

Darmanin miet fis-26 ta’ Novembru 1909 fl-età ta’ 84 sena, fid-dar tiegħu fi Strada Rjali l-Ħamrun, fejn kellu wkoll il-ħanut tax-xogħol tiegħu. Huwa ndifen fiċ-ċimiterju tal-Addolorata fil-qabar tal-Fratellanza tat-Trinità Qaddisa tal-Belt Sengleana, billi huwa kien membru ta’ dik il-fratellanza. Il-ħidma ta’ Darmanin tkompliet mill-istudenti tiegħu Karmenu Mallia magħruf bħala “il-Lhudi” u Ġużeppi Cilia magħruf bħala “il-Bellettu”, li t-tnejn baqgħu jużaw l-istil u l-forom tiegħu fix-xogħol tagħhom, fil-bidu tas-seklu għoxrin.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 13 ta' Jananr 2024



venerdì 5 gennaio 2024

Sant’ Andrea della Valle

 

Fil-qalba tal-belt ta’ Ruma, f’Corso Vittorio Emanuele nsibu knisja mill-isbaħ iddedikata lill-Appostlu Sant Andrija, li kien ħu San Pietru. Dan l-aħħar f’din il-knisja kien hemm għall-wiri 26 presepju Malti u aktar tard din is-sena ser tittieħed ġewwa fiha l-istatwa ta’ San Gejtanu tal-Ħamrun. Għalhekk xtaqt naqsam magħkom xi tagħrif dwar din il-knisja, anzi bażilika.

Tagħrif xi ftit dettaljat

Il-bażilika tal-qaddis Appostlu Andrija magħrufa bit-titlu della Valle tinstab f’Corso Vittorio Emanuele kantuniera ma’ Piazza Vidoni. Il-bini ta’ din il-knisja sar bejn l-1590 u l-1650 fuq pjanti ta’ Giacomo Della Porta (1532 – 1602), Francesco Grimaldi (1543 –1613) u Carlo Maderno (1556 –1629). Il-Kardinal Alessandro Peretti di Montalto (1571 –1623), li kien jiġi n-neputi tal-Papa Sistu V (1585 – 1590) ħallas għall-bini tal-knisja. L-isem della Valle ittieħed mill-palazz Della Valle tal-qrib. Fl-1608 Carlo Maderno kien imqabbad biex ikompli l-bini tal-knisja u biex jiddisinja l-koppla. Il-faċċata barokka li naraw inbniet bejn l-1655 u l-1663 fuq disinn ta’ Carlo Rainaldi (1611 – 1691) li immodifika u kompla jsebbaħ il-pjanta oriġinali li kien għamel Maderno.

Il-faċċata

Fl-ewwel ordni tal-faċċata nsibu erba’ niċeċ, tnejn fuq kull naħa tal-bieb waħdieni li hemm fil-faċċata. Fin-niċeċ insibu l-istatwi ta’ Sant’ Andrija Appostlu u ta’ Sant’ Andrija ta’ Avellino – qaddis Naplitan li miet fl-1608, xogħol ta’ Ercole Ferrata (1610 – 1686) u l-istatwi ta’ San Gejtanu u ta’ San Bastjan, xogħol ta’ Domenico Guidi (1625 –  1701). Ta’ Guidi nsibu wkoll l-anġlu bil-lanza f’idu fuq il-pont ta’ quddiem il-kastell Sant Anġlu f’Ruma wkoll. Fuq kull niċċa nsibu skudett b’simbolu tal-qaddis ta’ ġon-niċċa. Bejn in-niċeċ u bejn il-bieb insibu set ta’ kolonni fuq stil korint. Fuq il-friż tal-bieb insibu żewġ statwi ta’ żewġ nisa. Dawn huma skultura ta’ Cosimo Fancelli (1618 – 1688). Ta’ dan l-artist insibu l-anġlu li qiegħed iżomm il-maktur tal-Veronika fuq il pont ta’ Sant Anġlu.  Fit-tieni ordni tal-faċċata naraw tieqa kbira fin-nofs u żewġ niċeċ vojta ħdejha. Fuq naħa tal-faċċata nsibu statwa ta’ anġlu ta’ Ercole Ferrata imma fuq in-naħa tal-lemin ma nsibu xejn. Ta’ min jgħid li ta’ dan l-artist insibu wkoll l-anġlu li qiegħed iżomm is-salib fuq il-pont quddiem il-Kastell Sant Anġlu.  Fuq insibu fontispizju triangulari.

Fuq ġewwa

Il-knisja minn ġewwa fiha forma ta’ salib Latin, b’korsija wiesgħa u bi tmien kappelli fil-ġnub. Fost dawn il-kappelli nsibu dik ta’ Ginnetti Lancellotti, xogħol ta’ Carlo Fontana(1638 –1714), il-kappella Strozzi, xogħol ta’ Giacomo Della Porta (1532 – 1602) fuq disinn ta’ Michelangelo (1475 – 1564), il-kappella Barberini ta’ Matteo Castelli (ċ 1555 –  1632). F’dawn il-kappelli nsibu, fost bosta opri oħra, l-istatwa tal-bronz li hija kopja tal-Pietà ta’ Michelangelo. Din saret fl-1616 minn Matteo Gregorio de Rossi (1570-1637). Insibu wkoll l-istatwa ta’ San Ġwann Battista ta’ Pietru Bernini (1562 – 1629), xogħol tal-1615 u l-istatwa ta’ Santa Marta, xogħol tas-sena 1621 li ħarġet minn idejn Francesco Mochi (1580 –  1654). Iż- żewġ kappelluni  huma ddedikati lil San Gejtanu, fundatur tal-patrijiet Teatini li f’idejhom tinsab din il-bażilika. In-naħa tal-abside nsibu żewġ kappelli oħra. Dawn fihom affreski li juru l-martirju, it-tislib u d-difna ta’ Sant Andrija, xogħol tal-Kalabriż Mattia Preti (1613 – 1699). Dawn l-affreski saru bejn l-1650 u l-1651. Il-koppla fiha pittura li turi l-glorja tas-sema, pittura ta’ Giovanni Lanfranco (1582 – 1647). Il-pittura saret fl-1625. Fil-lunetti tal-koppla nsibu l-pittura tal-Evanġelisti, xogħol ta’ Domenico Zampieri magħruf bħala Domenichino minħabba l-istatura ċkejkna tiegħu (1581 - 1641). F’ din il-knisja nsibu midfun lill-Papa Piju II (1458 – 1464).

Kwadru titulari

Hekk kif tidħol f’din il-bażilika bla ma trid ħarstek tmur fuq il-kwadru titulari li juri l-martirju ta’ Sant Andrija. Dan il-kwadru u ż-żewġ pitturi l-oħra li jinsabu fuq kull naħa tiegħu ġew impittra minn Mattia Preti, kollha juru l-martirju u d-difna tal-appostlu. Dawn il-pitturi waħedhom jagħmlu l-waqfa f’din il-knisja waħda li ma tintesa qatt.

Kurżità

Marbuta ma’ din il-knisja nsibu l-Opra Mużikali ta’ Giacomo Puccini (1858 – 1924) Tosca. L-ewwel att ta’ din l-opra huwa ambjentat fil-kappella Barberini ta’ din il-knisja. Din il-bażilika tista’ titqies bħala l-ewwel eżempju ta’ arkittettura barokka f’Ruma  minħabba l-kuluri tal-affreski tal-koppla u tal-arzella, il-kappelluni wiesgħin mimlijin skultura u opri tal-arti kull fejn iddawwar wiċċek.

Teatini

Tajjeb ngħidu xi ħaġa żgħira dwar dawk li f’idejhom tinsab din il-bażilika. Il-kjeriċi regolari Teatini huma istitut reliġjuż maskili li twaqqfet f’Ruma fl-14 ta’ Settembru 1524 minn San Gejtanu Thiene, Gian Pietro Carafa li wara sar il-Papa Pawlu IV,  Bonifacio de' Colli u Paolo Consiglieri, ilkoll membri tal- Oratorju tal-Imħabba Divina f'Ruma, bil-għan li jirriformaw il-kleru u jirrestawraw ir-regola primittiva ta' ħajja appostolika.

Din hija waħda mill-knejjes sbieħ ta’ Ruma li din is-sena żgur li bosta Maltin sejrin iżuru.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 6 ta' Jannar 2024