sabato 24 febbraio 2024

Ħela jew ħtieġa

 

Spiss nisimgħu bl-għoli tal-ħajja, kemm familji jissieltu biex ilaħħqu mal-ħajja u biex jaraw li uliedhom ma jkun jonqoshom xejn. Spiss naqraw li prodott għola mil-lum għal għada u ħafna drabi nsibu ruħna aħna stess f’qagħda bħal din. Immorru nixtru u nindunaw li dak li konna nixtri sena ilu llum irridu nħallsu għalih aktar. Mhux qed ngħid li dawn l-argumenti huma gideb jew esegerati, imma ejjew inkunu sinċiera magħna nfusna, bosta minna jeħlu u l-ħela minbarra li hija serq lil min ma għandux, għandha wkoll prezz x’jitħallas. Biss imbagħad illum sar għandna ħtiġijiet li forsi sa ftit snin ilu konna narawhom ħela jew lussu żejjed.

Ħela?

Tant drajna ngħixu fil-kumdità li spiss lanqas nindunaw li nkunu qed neħlu. M’ilux kont għaddej minn triq u fit-tarf ta’ din it-triq kien hemm miġbur l-iskart biex jinġabar aktar tard. Fost dan l-iskart rajt żewġ ħobżiet sħaħ mormijin. Ngħidilkom id-dritt dak il-ħin qabadni bħal swied il-qalb. Billi jiena ġej minn familja ta’ furnara, ftakart kemm xogħol fiha l-ħobża Maltija. Ftakart fin-nanniet, iz-zijiet, il-ġenituri u fija stess li lkoll ħdimna b’xi mod jew ieħor f’forn tal-ħobż. Ftakart kemm tul ta’ ħin trid ħobża biex minn xkora dqiq issir dik li qabel konna nsejħu “l-barka ta’ Alla!” Fi tfuliti, u mhux fi tfuliti biss, il-ħobż xott ma kienx jintrema. Kien jinxtewa, kien isir pudina, kien jingħata lill-annimali. Illum mhux hekk, illum armi u ixtri l-frisk. Tassew li dari f’kull dar kont tista’ tgħid issib gallinar b’xi botom fniek jew xi nofs tużżana tiġieġ u għalhekk il-ħobż xott kienu jiekluh huma, imma llum id-dar tal-familja Maltija saret iżgħar mill-gallinar li kien ikun hemm fid-djar ta’ tfuliti, allura f’dawn id-djar ftit akbar minn “dar tal-pupa”, mhux talli ma hemmx post għall-fniek, it-tiġieġ u l-ħamiem, imma bilkemm hemm spazju biżżejjed biex tgħix il-familja!

Dan kien eżempju wieħed biss ta’ ħela, imma jekk noqgħodu naħsbu ftit ma ndumux wisq ma nindunaw kemm naħlu. Kemm-il darba nħallu dawl mixgħul f’kamra bla nies fiha? Kemm il-televixin jibqa’ jagħti meta quddiemu ma jkun hemm ħadd? Kemm nużaw il-karozza għal vjaġġ li jista’ jsir bil-mixi? Nista’ nibqa’ sejjer bl-eżempji, imma aħjar nieqaf hawn. Kulħadd għandu moħħ u kulħadd jista’ jaħseb hu stess kemm jaħli.

Riklamar

Ninsabu f’dinja li timexxa mir-reklami. Kull fejn iddawwa wiċċek tara xi reklam: fuq il-mezzi tal-media soċjali, fuq it-televixin, fit-toroq tagħna, fil-gazzetti u l-magazines li naqraw. Kullimkien. Issa l-iskop tar-reklam huwa li inti tħossok fil-bżonn ta’ dik il-ħaġa li qed tiġi rreklamata meta fil-verità mhux veru jkollok bżonnha. Dan huwa l-bażi tar-reklamar. Aktar ma jirnexxielek tikkonvinċi nies li għandhom bżonn l-oġġett li qed tirreklama, aktar ikun reklam tajjeb u li jirrendi.

Aħseb ftit kemm inti wkoll xi darba jew oħra spiċċajt xtrajt xi ħaġa għax rajt rekalm tagħha u mbagħad ftit wara ndunajt li dik il-ħaġa ma kellekx ħtieġa għaliha. Ikollna nammettu li xi darba jew oħra lkoll kemm aħna waqajna fin-nassa tar-reklamar, min f’oġġett żgħir u min f’oġġett kbir. Illum li jsir ħafna xiri minn fuq l-internet, aktar faċli taqa’ għar-reklam. Imma dik hija l-ħajja tal-bniedem tat-tielet millenju, ixtri, ixtri, ixtri u warrab dak li għandek. Ibdel għax inkella tibqa’ lura, akkwista biex ma tkunx inqas minn ħaddieħor!

Ħtiġijiet

Bħalma semmejt fil-bidu, illum għandna ċerti bżonnijiet li qabel jew ma kinux jeżistu jew kienu lussu. Illum mhix ħela li f’dar ikollok computer u dan għandu bżonn l-internet. It-telefon ċellulari ħa post it-telefon tad-dar u għalhekk ma jitqiesx bħala lussu jew ħela. Is-sistema tal-arja kkondizzjonata ma għadhiex xi ħaġa “tas-sinjuri” – illum anke l-karozzi tal-linja għandhom din is-sistema aħseb u ara djarna. Li familja jkollha karozza kienet normali sa ftit snin ilu, imma llum kull membru tal-familja għandu l-karozza tiegħu, imma dan lussu żejjed? U nistgħu nibqgħu nsemmu numru ta’ ħtiġijiet li qabel kienu żejda. Kull bżonn għandu l-prezz tiegħu ukoll u kollox irid jitnaqqas mill-paga.

Wieħed irid ikun bil-għaqal biex jagħraf jixtri l-meħtieġ bla ma jeħli. Il-ħela hija dejjem ħażina. Ma jfissirx li xi kultant wieħed ma għandux jagħmel xi kapriċċ. Kapriċċ ta’ kultant huwa ħtieġa biex il-ħajja ma ssirx monotona imma jekk il-kapriċċ isir ħaġa ta’ kuljum allura hawn huwa fejn tidħol il-ħela. L-għaqal huwa ċ-ċavetta ta’ kollox.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 24 ta' Frar 2024



sabato 17 febbraio 2024

San Paolo Fuori le Mura

 

Illum nixtieq naqsam magħkom xi ftit tagħrif dwar waħda mill-Bażiliċi Maġġuri li nsibu fil-belt ta’ Ruma. Qed nirreferi għal San Paolo fuori le Mura. Din hija it-tieni l-akbar Bażilika Papali wara dik ta’ San Pietru fil-Vatikan. Din tinsab fuq Via Ostiense, fuq ix-xatt tax-xmara Tevere, madwar żewġ kilometri bogħod mis-swar li l-Imperatur Awreljanu kien bena madwar il-belt ta’ Ruma bejn is-snin 270 u 275 sabiex iħarsu l-belt mill-attakki tal-Barbari. Minn hawn ħadet isimha din il-Bażilika, fuori le mura li tfisser barra mis-swar tal-belt.  Hawnhekk tradizzjonalment huwa l-post fejn kien jinstab il-qabar tal-Appostlu San Pawl. Fil-fatt din il-knisja tinstab madwar tliet kilometri bogħod mill-kumpless ta’ knejjes imsejjaħ Tre Fontane, il-post fejn il-qaddis kien sofra l-martirju. Il-qabar tal-Appostlu jinsab sewwasew taħt l-altar  Papali fil-Bażilika. Għal din ir-raġuni, matul is-sekli, hawn dejjem kien post ta’ pellegrinaġġ. Sa mis-seklu VII il-liturġija u l-lampa votiva li hemm tixgħel fuq il-qabar tal-Appostlu kienu fdati lill-patrijiet Benedittini tal-Abbazija li tmiss mal-Bażilika ta’ San Pawl.  

Storja

Qabel ma nbniet l-ewwel knisja, f’dan il-post konna nsibu ċimiterju li kien jintuża bejn l-ewwel u t-tielet seklu wara Kristu. Fiċ-ċimiterju kienu jinsabu bosta oqbra u mawsolej. Bħalma ġara fil-każ tal-Appostlu Pietru hekk ġara fuq il-qabar ta’ Pawlu. Hawn ukoll dlonk wara l-martirju sar post ta’ devozzjoni kbira mill-ewwel Insara ta’ Ruma. Fuq il-qabar inbena monument żgħir. l-istoriku Eusebio ta’ Ċesarea (265 – ċ 340) fil-kitba tiegħu Historia Ecclesiastica jsemmi parti minn ittra li l-presbiteru Gaju kien kiteb lill-Papa Żeferinu (198 – 217/ 218). Il-presbiteru jsemmi żewġ kolonni li huwa jsejjaħ trofej, li kienu twaqqfu fuq l-oqbra tal-appostli, waħda fuq l-għolja tal-Vatikan u l-oħra f’Via Ostiense. Fil-Liber Pontificales tal-Imperatur Kostantinu  (274 – 337) nsibu li l-post fejn indifen Pawlu kien sar wieħed devozzjonali ħafna u għalhekk kienet inbniet minnu daqxejn ta’ knisja, jew aħjar Bażilika. Il-Bażilika ta’ Kostantinu kienet ikkonsagrata fis-sena 324.

Il-Bażilika li kien bena Kostantinu biż-żmien saret ċkejkna wisq biex taqdi l-ħtiġijiet tal-pellegrini li bdew iżuru dan il-post. Għalhekk dik twaqqgħet u fis-sena 390 minflokha bdiet tinbena oħra. Biż-żmien din il-knisja kompliet tissebbaħ. Il-Papa Ljun il-Kbir (440 – 461) beda d-drawwa li fil-Bażilika jsiru xbiehat tal-Papiet maħdumin fil-mużajk. Dawk kienu jitpoġġew fuq in-navi tal-kursija ċentrali. Fis-seklu IX il-Papa Ġwanni VIII (898 – 900) kien bena swar b’għadd ta’ torrijiet madwar il-Bażilika sabiex iħarsuha.  Fis-seklu XI inbena l-kampnar tal-Bażilika. Fl-1285 il-bażilika kompliet tissebbaħ billi saritilha it-tribuna mill-iskultur Arnolfo di Cambio (1240 ċ – 1310 ċ). Dik is-sena wkoll kien iżżanżan il-gandlier tal-irħam li jżomm il-blandun fi żmien il-Għid. Dik is-sena wkoll inbena il-kjostru tal-knisja. Fl-1600 il-Papa Klement VIII (1592 – 1605) bena l-altar maġġur u fl-1724 il-Papa Benedettu XIII (1724 – 1730) bena l-kappella tal-Kurċifiss, illum imsejħa l-kappella tas-Sagrament.

Matul il-lejl tal-15 ta’ Lulju tas-sena 1823 nar kbir ħakem lill-Bażilika. Dan in-nar  qered tista’ tgħid din il-knisja għal kollox. Kien ħtija ta’ ħaddiem li kien qiegħed isewwi s-saqaf tal-knisja li seħħet din id-diżgrazzja. Huwa kien nesa n-nar li kien kebbes biex jaħdem, telaq lejn daru bla ma tfiegħ u seħħ dak li seħħ. F’dak il-lejl kien hemm ragħaj li ra n-nar u mar malajr javża lill-patrijiet tal-abbazija ta’ ħdejn il-Bażilika. Fi żmien li la kien hemm il-mezzi ta’ komunikazzjoni u lanqas il-mezzi tat-trasport li għandna llum, minn x’ħin ir-ragħaj intebaħ bin-nar sakemm waslu l-pumpieri tat-tifi tan-nar kienu laħqu għaddew madwar sagħtejn. Bosta opri inqerdu, imma fortunatament it-tribuna, il-gandlier tal-blandun u l-apside ħelsuha ħafif.

Bini mill-ġdid

Fl-1825 il-Papa Ljun XII (1823 – 1829) kiteb l-enċiklika Ad plurimas u fiha ħeġġeġ lill-isqfijiet sabiex jagħmlu ġabra mingħand il-fidili bl-iskop li tinbena mill-ġdid il-Bażilika ta’ San Pawl. L-appell tal-Papa ntlaqa’ tajjeb ħafna u bdew jaslu flus kbar mingħand l-Insara tad-dinja kollha. Fost id-dinjitarji li taw sehemhom għall-bini mill-ġdid ta’ din il-knisja nsibu r-Re Karlu Feliċ ta’ Sardenja, ir-Re Karlu X ta’ Franza, ir-Re l-ġdid, Franġisku I tar-Renju ta’ Napli u Sqallija kif ukoll iż-Żar Nikola I tar-Russja u Ibraħim Pascia Viċire tal-Eġittu.

Is-sena ta’ wara inbeda ix-xogħol tal-bini mill-ġdid tal-Bażilika. Fl-1840 il-Papa Gregorju XVI (1831 – 1846) ikkonsagra l-altar tal-Bażilika imma kellu jkun il-Beatu Papa Piju IX (1846 – 1878) biex nhar l-10 ta’ Settembru, 1854 ikkonsagra il-Bażilika. Madankollu ix-xogħol fil-Bażilika baqa’ sejjer sal-1874. Fl-1928 tlesta il-kjostru meraviljuż li hemm quddiem il-knisja. Fl-2006 sar xogħol biex il-qabar tal-Appostlu Pawlu jkun jista’ jidher minn dawk li jżuru l-Bażilika.

Opri

Il-Bażilika minn ġewwa fiha ħames navati u għandha forma ta’ salib Latin. In-navati huma mifrudin minn kolonni kbar tal-granit. Fil-faxxa ta’ fuq il-kolonni nsibu l-kwadri tal-papiet kollha maħduma fil-mużajk. Dawn il-kwadri jduru mal-knisja kollha. Fil-korsija tan-nofs bejn it-twieqi insibu 36 pittura li tirrapreżenta siltiet mill-ħajja ta’ San Pawl. L-ewwel pittura fuq in-naħa tal-lemin tal-altar papali turi l-miraklu tal-lifgħa li l-Appostlu wettaq f’pajjiżna.  F’din il-Bażilika indifnu żewġ papiet, il-Papa San Feliċ III (483 -492) u l-Papa Ġwanni XIII (965 – 972).

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 17 ta' Frar 2024



sabato 10 febbraio 2024

Inħossni eżawrit!

 

Kemm-il darba wara li jkun għadda l-jum, inħarsu lura lejn dak li nkunu għamilna dakinhar u nħossu li ma għamilniex dak kollu li kellna f’moħħna li nagħmlu u madanakollu nħossuna għajjenin. Kemm-il darba noqgħodu naħsbu u ngħidu kemm qabel konna nagħmlu aktar xogħol milli qed nagħmlu llum. Kemm-il darba nħossuna għajjenin mentalment waqt li fiżikament inkunu għadna nħossuna tajjeb. Ħafna drabi dan kollu jiġrilna għax inkun mgħobbijin bix-xogħol. Dan ma jfissirx li nkunu dħalna f’dippressjoni imma aktarx li nkunu dħalna f’eżawriment, għejja mentali. Dippressjoni u eżawriment huma żewġ kondizzjonijiet differenti għal kollox u jridu trattament differenti. L-istess sitwazzjoni tista’ ma taffettwax lil persuna filwaqt li twassal għal eżawriment lil persuna oħra.

Burnout

Il-psikoloġi jgħidulna li dak li jissejjaħ burnout huwa sintomu marbut ma' stress relatat max-xogħol, li jwassal lill-individwu għall-eżawriment tar-riżorsi psikoloġiċi jew fiżiċi tiegħu u jistgħu jwasslu għal manifestazzjoni ta' sintomi psikoloġiċi negattivi bħal ngħidu aħna apatija f’dak li dak li jkun qabel kien jagħmel b’entużjażmu kbir, nervożiżmu għal kull ħaġa ta’ xejn, anzjetà f’sitwazzjonijiet li normalment dak li jkun jibqa’ kalm, demoralizzazzjoni u nuqqas ta’ ħeġġa fix-xogħol li qabel kien isir mill-qalb. Dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jwasslu għal problemi fiżiċi bħalma huma wġigħ ta’ ras, disturbi fl-irqad, disturbi fl-ikel u oħrajn. Waħda mill-aktar riċerkaturi awtorevoli dwar dan is-suġġett, Christina Maslach, tiddefinixxi l-burnout  bħala "sindromu psikoloġiku li joħroġ bħala rispons fit-tul għal stress interpersonali fuq il-post tax-xogħol." Biss hawn tajjeb ngħidu li din il-kondizzjoni ma hijiex marda. Kif tissuġġerixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), il-burnout huwa stat ta’ stress kroniku relatat max-xogħol ikkaratterizzat mis-sensazzjoni ta' eżawriment sħiħ tal-enerġija fiżika u mentali.

Tliet aspetti

Hemm tliet aspetti ewlenin li jikkaratterizzaw is-sindromu tal-burnout: Nies fil-burnout iħossuhom emozzjonalment eżawriti, li ma jistgħux ilaħħqu mat-talbiet tax-xogħol, għajjien u qalbhom maqtugħa, u jħossu li m'għandhomx biżżejjed enerġija. Dawn in-nies iħossuhom batuti u ma jistgħux jerġgħu jiksbu l-enerġija biex jibdew proġetti ġodda ta’ xogħol. Nies li qed jesperjenzaw burnout jaraw ix-xogħol tagħhom bħala dejjem aktar stressanti u frustranti. Jistgħu jibdew ikunu ċiniċi lejn il-kollegi jew lejn ir-riċevituri tax-xogħol tagħhom. Fl-istess ħin, jibdew jitbiegħdu emozzjonalment u juru nuqqas fl-impenn għax-xogħol. Il-burnout inaqqas il-prestazzjoni tax-xogħol u jnaqqas il-motivazzjoni, il-konċentrazzjoni u l-kreattività. Hekk kif il-prestazzjoni tax-xogħol tonqos, in-nies iħossuhom dejjem aktar megħlub minn talbiet għal xogħolhom u jħossu li ma jistgħux jirrispondu b'mod adegwat għal dak li jitlob ix-xogħol tagħhom. Il-persuna titlef il-fiduċja fil-kapaċitajiet tagħha.

Fl-akbar riskju

Min jinsab fl-akbar riskju ta’ burnout? Mistoqsija tajba!

Dawk kollha li jwettqu xi tip ta’ professjoni huma potenzjalment f'riskju ta' burnout anke jekk dawk li għandhom l-akbar riskji huma dawk li jaħdmu fl-hekk imsejħa "helping professions", bħal ngħidu aħna tobba, infermiera, psikologi, ħaddiema soċjali, saċerdoti u oħrajn. Fil-fatt, skont ħafna riċerkaturi, li tkun kontinwament f'kuntatt mal-ħtiġijiet u t-talbiet ta’ ħaddieħor huwa fattur stressanti li jekk  dak li jkun ma jkollux is-support adegwat jista' faċilment iwassal għal bidu ta’ burnout.

Fost il-fatturi li jwasslu għal din is-sitwazzjoni nsibu piż ta' xogħol eċċessiv u twil, sens baxx ta’ appartenenza għall-organizzazzjoni, tensjonijiet bejn il-kollegi u klima ta’ tensjoni fuq il-post tax-xogħol, Insigurtà tax-xogħol jew nuqqas ta' rikonoxximent għax-xogħol ta’ dak li jkun, xogħol monotonu, ripetittiv jew xogħol mingħajr sfidi u għanijiet, ambjent tax-xogħol kaotiku jew pressjoni ta' xogħol eċċessiva u oħrajn.

Il-każ taż-Żurrieq

Ftit ilu Malta xegħlet bil-każ fejn saċerdot ġibed l-attenzjoni dwar xi nuqqasijiet li kien qed iħoss li qed isiru waqt il-quddies. Huwa qal li meta jqaddes hu jkun qed jippresiedi – u għandu raġun għax tabilħaqq  huwa hekk. Kien hemm min daħaq, kien hemm min lagħabha tad-dejjaq u skandalizza ruħu imma ħafna oħrajn urew simpatija u solidarjetà ma’ dan is-saċerdot. Jista’ jkun dan kien każ ta’ burnout? Għandu mnejn kemm-il darba dan is-saċerdot twajjeb ġibed l-attenzjoni u kliemu waqa’ fuq widnejn torox? Ma rridx nidħol fil-każ imma rrid inġib eżempju. Jiena bħala saċerdot ġieli ħassejtni bħalu, noħroġ inqaddes u nħossni qisni mhux jien qed immexxi, inħossni qisni abbati aktar milli saċerdot, allura nifhem sew x’sentiment ħass dak is-saċerdot Żurrieqi biex tkellem kif tkellem.

F’kull qasam ta’ xogħol hemm ir-riskju ta’ burnout, ta’ eżawriment li ħafna drabi jwassal għal atti mhux mixtieq. Għahekk tajjeb nieħdu ħsieb xulxin.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 10 ta' Frar 2024



sabato 3 febbraio 2024

Monte Cassino

 

Madwar 130 kilometru bogħod minn Ruma nsibu l-belt ta’ Cassino. Ma’ din il-belt insibu għolja li fuqha hemm mibni monasteru li għandu storja twila. Il-monasteru jew l-abbazija jissejjaħ Monte Cassino. Dan il-monasteru kien l-ewwel dar tal-irħieb, jew patrijiet Benedittini. Kien San Benedittu ta’ Norcia stess li waqqaf dan il-monasteru għall-ħabta tas-sena 529. Skont San Girgor il-Kbir, il-monasteru nbena fuq sit pagan antik li kien tempju ta’ alla Apollo li kien jinkuruna l-għolja. Kien hawn li Benedittu kiteb ir-regola tal-ordni tiegħu u hawn għadna nsibu l-fdalijiet tiegħu u ta’ oħtu Santa Skolastika. Il-membri tal-ordni ta’ San Benedittu propjament huma rħieb u mhux patrijiet, speċi ta’ patrijiet tal-klawsura.


Ftit storja

L-ewwel monasteru li kien hemm f’dan il-post kien attakkat mill-qawwiet Lombardi u l-irħieb kollhom iħallu darhom fis-sena 570. It-tieni monasteru twaqqaf minn Petronax ta’ Brescia madwar is-sena 718, fuq suġġeriment tal-Papa Girgor II u bl-appoġġ tad-Duka Lombard Romuald II ta’ Benevento. Fis-sena 883, il-monasteru ġie attakkat mill-ġdid din id-darba mis-Saraċini u reġa’ ġie abbandunat. Il-komunità tal-irħieb kienet tgħix l-ewwel f’Teano u mbagħad mis-sena 914 f’Capua qabel ma nbena mill-ġdid il-monasteru fl-949. Is-sekli XI u XII kienu l-età tad-deheb tal-abbazija. Hija akkwistat territorju kbir madwar Monte Cassino, l-hekk imsejħa Terra Sancti Benedicti "L-Art ta' San Benedittu", art li kienet tinħadem mill-irħieb. Il-binjiet tal-monasteru nqerdu minn terremot fl-1349 u fl-1369 il-Papa Urbanu V talab kontribuzzjoni mill-monasteri Benedittini kollha biex jiffinanzja l-bini mill-ġdid ta’ din l-abbazija. Fl-1799, il-membri tal-monasteru ta’ Monte Cassino reġgħu ġew mkeċċin mit-truppi Franċiżi matul il-Gwerer Rivoluzzjonarji Franċiżi. Aktar tard l-abbazija ġiet magħluqa mill-gvern Taljan fl-1866. Il-bini sar monument nazzjonali bil-patrijiet tagħha jkunu bħala kustodji tat-teżori tagħha. Fl-1944 matul it-Tieni Gwerra Dinjija, dan il-monasteru kien il-post tal- Battalja ta' Monte Cassino u l-bini nqered mill-bumbardamenti tal-Alleati. L-abbazija nbniet mill-ġdid wara l-gwerra. Fi ftit kliem din l-abbazija għandha storja tassew interessanti u twila, imżewqa bi żmien sabiħ u żminijiet inqas sbieħ.

Il-battalja

Il-Battalja ta' Monte Cassino, magħrufa wkoll bħala l-Battalja għal Ruma, kienet sensiela ta' erba' attakki militari mill-Alleati kontra l-forzi Ġermaniżi fl- Italja matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Attakki ripetuti tal-Ġermaniżi fuq it-truppi alleati wasslu biex il-mexxejja tagħhom jikkonkludu b'mod żbaljat li l-abbazija kienet qed tintuża mill-Ġermaniżi bħala post ta' osservazzjoni. Għalhekk seħħew dawn l-attakki. Fil-15 ta’ Frar 1944, l-Alleati tefgħu 1,400 tunnellata ta’ bombi fuq il-monasteru. Dawn ikkawżaw ħsarat kbar fil-bini tal-abbazija. Madankollu, matul il-bumbardament l-ebda truppi Ġermaniżi ma kienu preżenti fl-abbazija. Investigazzjonijiet li saru wara sabu li l-uniċi nies li nqatlu fil-monasteru mill-bumbardament kienu 230 ċivili Taljan li kienu qed ifittxu kenn hemmhekk.

L-abbazija reġgħet inbniet wara l-gwerra. Fil-bidu tas-snin 50, il-President tar-Repubblika Taljan Luigi Einaudi ta l-appoġġ tiegħu għall-bini mill-ġdid tal-monasteru u l-Papa Pawlu VI kkonsagra l-Bażilika mibnija mill-ġdid fl-24 ta’ Ottubru 1964.

Ġmiel

Meta wieħed iżur din l-abbazija, l-ewwel ħaġa li jinnota huwa s-skiet u l-paċi li hemm. Fil-binja hemm ħames kjostri li minnhom wieħed jista’ jittawwal u jara xenarju “tal-kartolini.” Biss l-isbaħ post li wieħed jista’ jżur hija l-bażilika. Mużajk sabiħ, affreski, u rħam interzjat iżejnu lil din il-knisja. Interessanti wkoll il-kor skulturat wara l-artal maġġur. Taħt il-knisja hemm il-kripta tas-seklu XVI, imżejna b'mod għani bil-mużajk, bil-qabar tal-Qaddisin Benedittu u Skolastika. Wieħed jista’ wkoll iżur il-mużew tal-abbazija. Ġewwa l-mużew, dak li jkun jista’ jagħti ħarsa tajba lejn l-istorja tal-abbazija kif ukoll isib informazzjoni dwar il-ħajja monastika. L-oġġetti li hemm għall-wiri fil-mużew imorru lura sas-VI seklu qabel Kristu u nsibu wkoll oġġetti tas-seklu XX. Għall-wiri hemm biċċiet tal-abbazija l-qadima, antikitajiet misjuba waqt l-iskavi ħdejn il-monasteru, manuskritti antiki, stampi, ilbies reliġjuż u pitturi medjevali. Ma jistax jonqs li jkun hemm sezzjoni dwar it-Tieni Gwerra Dinjija.

Ora et Labora

L-irħieb Benedittini għandhom il-motto “Ora et Labora”, jiġifieri Talb u Xogħol. Il-membri ta’ dan il-monasteru għadhom sal-lum jimxu ma’ dan il-motto u jipproduċu xi xorb kif ukoll xi ħelu li mbagħad jinbiegħu minn ħanut li hemm f’wieħed mill-kjostri. Flimkien ma’ dawn il-prodotti wieħed isib jixtri xi tifkira tal-monasteru kif ukoll kotba u ikoni, xi wħud minnhom magħmulin mill-irħieb tal-abbazija stess. Dan il-ħanut jgħin biex tkun tista’ tibqa’ miexja l-komunità ta’ Monte Cassino, komunità li darba kienet tiġbor fiha mijiet ta’ rħieb iżda llum hija ta’ ftit aktar minn għaxar membri.

Illum ħadtkom f’post mill-isbaħ li mhux faċli tiddeskrivi l-ġmiel tiegħu bil-kitba. Trid tara biex temmen, biss jiena ppruvajt nagħtikom ħjiel ċkejken ta’ dak li hemm f’dan il-post mimli storja, arti u sliem!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 3 ta' Frar 2024