sabato 31 agosto 2024

l-Għajn

Ma nafx kif weħlet f’moħħi il-kelma “Għajn”, kelma polivalenti, kelma b’aktar minn tifsira waħda. Qallibt il-paġni ta’ “Il-Miklem Malti” u sibt li Erin Serracino Inglott juża aktar minn 3 paġni meta jasal f’din il-kelma (Vol 3 paġni 146 – 149). Jien mhux ser ngħid kif fisser din il-kelma Serracino Inglott imma se naqsam magħkom il-ħsibijiet tiegħi.

Organu fil-ġisem

L-għajn hija l-organu li bih il-bniedem jara. Huwa organu ikkumplikat ħafna li trid tagħmel sforz biex tifhmu aħseb u ara biex tispjega kif jaħdem. Insomma, kulħadd jaf x’inhija l-għajn, dik li fil-plural tiġi għajnejn. L-għajn insemmuha spiss fil-qwiel u l-idjomi tagħna l-Maltin. Bogħod mill-għajn, bogħod mil-qalb. Għajn le tara, qalb le tuġa’. Imbagħad hemm qawl ieħor li jista’ jkun kontroversjali llum. Dan jgħid hekk: Il-mara li ma tifhimx b'daqqa t'għajn ma tifhimx b'daqqa ta' ponn. U ieħor xi ftit jew wisq rari: Għall-bejjiegħ għajn waħda u għax-xerrej mitt għajn. Fejn jidħlul- idjomi l-għajn għandha postha wkoll. Mar għal għajnu, għandu bokka t’għajn, qalagħlu għajnu, kisirlu għajnu, tefa’ għajnejh fuq xi ħaġa jew xi ħadd, għajnu marret bih, għokritu għajnu, mar għal għajn xi ħadd, jagħti fil-għajn, għalaq għajn waħda u xi oħrajn ukoll. Jekk xi ħaġa tagħti fastidju lil xi ħadd malajr ngħidu li tagħtu f’għajnu. Meta wieħed ikun fis-sakra tisma’ min jgħidlek “Għajnu ħamra t-tonn!” Fuq kollox tinsa qatt li l-ajru għandu għajnu u l-ħajt għandu widintu!

Fuq id-dgħajjes tas-sajd spiss naraw impinġija xi għajn. Din tissejjaħ l-Għajn ta’ Osiris. Din id-drawwa hija antika ferm u aktarx li ġejja mill-Feniċi fejn kienu jemmnu li din l-għajn tipproteġi lis-sajjieda meta joħorġu jistadu bid-dgħajjes tagħhom.

Għajn tal-ilma

Għajn tfisser ukoll nixxiegħa ta’ ilma ġieri. L-ilma dejjem kien element importanti għall-bniedem u billi f’pajjiżna ma għandniex xmajjar, missirijietna dejjem fittxew l-għejjun għall-ilma. Xi għejjun taw isem lir-raħal jew lix-xaqliba li jinsabu fihom. Insemmu Wied il-Għajn u Għajnsielem kif ukoll Għajn Dwieli u Għajn Tuffieħa. L-Imsida hija magħrufa għall-għajn tal-ħasselin. Fix-Xemxija nsibu Għajn Rażul, ir-Rabat Għawdex insibu Għajn Qatet, f’Kerċem għandna lil Għajn Tuta u fiż-Żebbuġ Għawdex qabel ninżlu għall-Qbajjar ngħaddu minn Għajn Mhelhel. Insibu għadd ta’ żoni oħra marbuta ma’ xi għajn, bħal Għajn Kajjet u Għajn Tejtes fir-Rabat Malta u Ħal Qormi hemm akwata li x-xjuħ tagħna kienu jirreferu għaliha bħala “fejn l-għajn tal-bhejjem” u bosta oħrajn. U l-għajn tal-ilma daħlet ukoll fil-qwiel Maltin. Ngħidu biex ma ddardarx l-għajn li tixrob minnha!

Konsonanti

L-għajn hija wkoll ittra fl-alfabett Malti. Billi llum tilfet il-ħoss tagħha saret problema għal xi wħud huma u jiktbu. Ħafna jħalluha barra u jispiċċaw jiktbu Malti ħażin. Idejjaqni ħafna kliem “Nerġgħu niltaqgħu” meta narah miktub “nerħaw niltaqaw” minflok. In-nies tal-Kottonera għandhom vantaġġ fuq il-kumplament tal-Maltin għax billi l-vokali I u U wara l-għajn jibdlu ħosshom u din il-ħaġa tħawwad lil ħafna, huma jħossu l-I u l-U ta’ wara l-għajn daqslikieku ma hemmx għajn! Biex wieħed jirbaħ dan l-ostakolu irid jaqra kotba bil-Malti kemm jista’ jkun, biss wara l-istħarriġ li sar dan l-aħħar dwar il-qari fost il-Maltin, ma tanx nara possibiltà li l-affarijiet jitjiebu! Interessanti li fl-Għarb Għawdex għad hemm min iħossha l-għajn u jippronunzjaha bħala Ħ.

Xorti ħażina

L-għajn tidħol ukoll fis-superstizzjoni. Hawn min jgħidlek li jemmen fl-għajn ħażina, hawn min meta jitkellem jew jara lil xi ħadd jagħmel il-pala ta’ idu f’forma ta’ qrun biex ibiegħed minnu l-għajn ħażina. Dan it-twemmin jinstab f'ħafna kulturi fir-reġjun tal-Mediterran, fil-Balkani, fl-Ewropa tal-Lvant, fil-Lvant Nofsani, fl-Asja Ċentrali, fl-Asja t'Isfel, fl-Afrika, fil-Karibew u fl-Amerika Latina. F’dawn il-kulturi hemm it-twemmin li jekk tintlaqat minn xi għajn ħażina tmissek sfortuna jew xi korriment. It-twemmin fl-għajn fost il-bnedmin ilu jeżisti mill-preistorja. Tant hu hekk li nstabu amuleti biex jipproteġu kontriha li jmorru lura għal madwar 5,000 sena ilu, jiġifieri mill-Eġittu tal-qedem.

Il-Knisja Kattolika ma temminx bl-għajn imma tammetti li jeżistu ċerti persuni li għandhom ċerti qawwiet straordinarji. Meta staqsew lili jekk nemminx bl-għajn jew le, ippreferejt ma nweġibx u meta staqsewni għalfejn il-Knisja ma temminx bl-għajn għidtilhom li sinjal li għadhom ma għajnux lill-Papa. Hi x’inhi, ħadd ma għandu jmur għand xi persuna oħra biex titneħħielu l-għajn li jaħseb li jkunu laqtuh biha.

L-aħħar għajn

Għajn oħra li lili ġieli tinnervjani hija l-għajn tal-labra tal-ħjata. Dik it-toqba li minnha tgħaddi l-ħajta tissejjaħ għajn ukoll. Kultant ikolli nuża labra u ħajta jien ukoll, f’emerġenza bħal tinqata’ xi buttuna tal-qmis li tkun ser toħroġ biha. U hemm l-għajn tal-labra turik l-għajn (l-organu) fiex inhi.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 31 ta' Awwissu 2024



venerdì 23 agosto 2024

Marsalforn

Marsalforn 1940
Waħda mill-aktar bajjiet popolari ma’ dawk li jżuru Għawdex hija l-Bajja ta’ Marsalforn. Illum Marsalforn huwa l-aktar post turistiku fil-gżira tat-tliet għoljiet u fih wieħed isib lukandi u ħwienet tal-ikel, barijiet u x’naf jien.

Isem

Marsalforn hija kelma komposta. "Marsa" hija kelma Għarbija li tfisser 'port' jew 'bajja'. Hemm nuqqas ta' qbil dwar l-oriġini tat-tieni parti tal-kelma - "forn". Forn ifisser "forn" bil- Malti u l-Għarbi , iżda huwa improbabbli ħafna li dan ikollu x'jaqsam ma' Marsalforn, għax ma tanx kien jagħmel sens li jinbena forn f'żona b'popolazzjoni żgħira. Hemm min jgħid l-kelma “forn” ġejja minn xi tip ta’ dgħajsa billi sakemm  fis-seklu XVII beda jintuża l-port tal-Imġarr, hawn kien il-port prinċipali tal-gżira Għawdxija. Oħrajn isostnu li l-kelma “forn” tirreferi għal daħla, forma ta’ għar jew arkata li jitħaffru bil-kurrent tal-ilma baħar, u biex ngħidu d-dritt f’din ix-xaqliba ta’ Għawdex insibu ħafna minn dawn id-daħliet, fosthom l-aktar magħrufa kienet Għar Qawqla, li llum ma għadhiex teżisti, mhux minħabba l-iżvilupp tal-bniedem imma minħabba n-natura. Dawn it-tip ta’ għerien jew arkati, jew twieqi, kienu jissejħu “forna” u għalhekk għandu mnejn Marsalforn ħa ismu minnhom u jfisser il-bajja tal-għerien!

X’hemm speċjali?

F’Marsalforn hemm wied fertili mdawwar b’diversi għoljiet u kien magħruf bħala l-“kenn tal-għoljiet”. L-aktar famuża minn dawn hija l-Għolja tas-Salvatur li xi wħud isejħulha l-Għolja tal-Merzuq. Ma’ din insemmu l-Għolja tal-Qolla s-Safra u l-Għolja tal-Qolla l-Bajda; tliet għoljiet li kienu jidhru meta xi ħadd kien ikun riesaq lejn Għawdex bil-baħar. Ma ninsewx li kif għidna hawn kien il-port prinċipali tal-gżira. Din hija waħda mit-teoriji għaliex Għawdex jissejjaħ il-Gżira tat-Tliet Għoljiet. L-Għolja tal-Merżuq hija famuża għall-istatwa ta’ Kristu Salvatur li naraw fil-quċċata tagħha. Din tixbah l-istatwa ta’ Kristu fuq il-muntajna Corcovado f’Rio de Janeiro, il-Brażil, iżda fil-qies tagħha, din ta’ Għawdex hija ferm iżgħar. L-istatwa li naraw illum hija t-tielet waħda li kien hemm f’dan il-post. Fil-bidu tas-seklu XX kien twaqqaf salib f’dan il-post. Fis-sena 1904, l-Isqof Giovanni Marija Camilleri, ikkonsagra lill-gżira ta' Għawdex lil Ġesù Redentur u bħala tifkira ta' din il-konsaggrazzjoni saret statwa ta' Kristu Salvatur minflok is-salib kbir tal-injam. It-tieni statwa sabet postha fl-1960 u kienet xogħol ta’ Wistin Camilleri. Dik li nsibu llum saret fis-snin sebgħin minn studenti tal-Iskola tas-Snajja ta’ Għawdex.

Fl-imgħoddi, ħafna Għawdxin, u forsi anke xi Maltin, kienu jirreferu għall-Għolja tal-merżuq  bħala 'il-vulkan' Iżda din l-għoljiet qatt ma kienet u qatt ma se tkun vulkan, u dan ġie kkonfermat mix-xjenza ġeoloġika. Madankollu, in-nuqqas ta’ għarfien kien ta lok għal ħafna leġġendi u ipoteżi, fosthom li ġieli joħroġ id-duħħan tal-vulkan minn fuq l-għoljiet. Din l-idea kienet imxerrda sew mal-poplu Għawdxi sal-punt li ġieli kienet tissejjaħ L-Għolja tal-Munġbell. Munġbell kienet il-kelma Semitika għal vulkan. F’Marsalforn wieħed għadu jista’ jsib triq bl-isem ta’ Triq il-Munġbell.

Knisja ta’ San Pawl

Il-knisja li nsibu f’Marsalforn illum għandha storja twila ħafna u aktarx li hija it-tielet jew ir-raba’ waħda mibnija fil-post. Hija ddedikata lil San Pawl Apposltu għax hawn il-ħsieb li San Pawl meta telaq minn Malta, għadda Għawdex biex jipprietka lill-Għawdxin qabel baqa’ sejjer Ruma. U jekk mar Għawdex bilfors kellu jidħol Marsalforn għax dak kien il-port tal-gżira. Minħabba din it-tradizzjoni, ma nafux meta twaqqfet l-ewwel kappella. Il-knisja llum tinsab f’qagħda mill-aħjar u fiha għadu jsir il-quddies. Il-kwadru titualri tagħha juri lil San pawl ifarfar il-lifgħa fin-nar. Huwa xogħol tal-pittur Giuseppe Bonnici. Fil-knisja nsibu wkoll statwa ta’ San Pawl li saret minn Wistin Camillerifl-1925. Ta’ kull sena f’din il-knisja ssir il-festa tan-Nawfraġju ta’ San Pawl.

Leġġenda

Qabel ma nbniet il-fortizza li nsibu fil-bajja, Marsalforn kien psot li spiss kien ikollu xi żjara mill-furbani. Hemm leġġenda li tgħid li darba bil-lejl daħal xini tal-furbani fil-port u xi wħud minn dawn il-furbani niżlu l-art ifittxu ikel u ilma. Jingħad li daħlu f’fron fejn kien hemm għadd ta’ xebbiet iħejju l-ħobż għall-għada. Dawn meta raw il-furbani twerwru u ħabtu ser jaħarbu mill-bieb ta’ wara tal-forn, iżda waħda minnhom qabdet biċċa għaġina mill-għaġna li kienet qed tagħmel u waddbitha għal wiċċ wieħed mill-furbani. It-tfajliet l-oħra għamlu bħalha u qam storbju sħiħ tant li qamu ħafna ġirien li dlonk ingħaqdu u keċċew lill-furnani lura lejn ix-xini tagħhom.

Illum Marsalforn kiber u żviluppa. Sar l-iktar post popolari tas-sajf f’Għawdex. Madanakollu dan il-psot għadu l-post tas-sajjieda u għalhekk anke l-ekonomija tista’ tgħid li tibbaża fuq is-sajd kif ukoll fuq it-turiżmu. Dan huwa Marsalforn!

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -24 ta' Awwissu 2024




sabato 17 agosto 2024

Il-Hot Dog

 

Fi ċkunitna waħda mill-akbar stennija fil-jiem tal-festa tar-raħal kienet li jarmaw il-gabbani u mmorru nixtu hot dog, bezzun imsaħħan fil-fwar b’zalzetta fih u bi ftit fażola biz-zalza fuqu. Għalina kienet tkun xi ħaġa speċjali għax dan it-tip ta’ ikel konna nsibuh biss fil-jiem tal-festa minkejja li huwa xi ħaġa ħafifa ħafna biex tippreparah id-dar. Insomma għalina t-tfal ta’ dawk is-snin kienet tkun l-aqwa ikla li konna nistennewha b’ħerqa minn festa għal oħra, minn sena għal sena. Din ma hijiex xi ħaġa li oriġinat Malta, imma addottajnieha u addattajna r-riċetta tagħha għalina.

Iz-zalzetta u l-bezzun

Il-kelma hot dog tista’ tirreferi għaż-zalzett biss. Iz-zalzett li oriġinarjament kien ikun użat għall-hot dog huwa msejjaħ Wiener, jiġifieri zalzett ta' Vjenna jew inkella Frankfurter jew Frankfurter Würstchen, imsejjaħ ukoll Frank. L-ismijiet ta’ dan iz-zalzett bosta drabi jirreferu għad-dixx magħmul minnhom. Il-preparazzjoni u l-kondimenti tal-hot dog ivarja madwar id-dinja. Kondimenti tipiċi jinkludu mustarda, ketchup, basal fiz-zalza tat-tadam u zalza tal-ġobon. F’xi postijiet il-hot dog ikun jinkludi basal imqatta’  jalapeños, ġobon maħkuk, coleslaw jew bacon. Dawn it-tipi ta’ zalzett kienu jkunu importati fl-Istati Uniti mill-Ġermanja u saru popolari ħafna fil-pajjiżi kollha. Il-hot dog kien sar l-ikel tat-triq tal-klassi tal-ħaddiema fl-Istati Uniti u kien ikun mibjugħ minn gabbani u karettuni armati apposta b’dan l-ikel. Forsi ftit jafu li l-hot dog sar assoċjat mill-qrib mal-baseball u minħabba l-popolarità ta’ dan l-isport, daħal ħelu ħelu fil-kultura Amerikana.

Jekk insemmu l-bezzun nistgħu ngħidu li dan ikun magħmul minn ħobż artab, li fost il-furnara kien magħruf bħala ħobż tal-Franċiż. Dan il-ħobż huwa differenti mill-ħobż Malti u fost l-ingredjenti tiegħu nsibu x-xaħam jew il-butir, ingredjent li ma ssibux fil-ħobża Maltija. Il-proċess ta’ dan it-tip ta’ ħobż huwa wkoll differenti minn dak tal-Malti għax dan għandu bżonn is-sħana u l-fwar qabel ma jiddaħħal fil-forn. Jekk il-ħobża Maltija tinħabeż, jiġifieri tiddaħħal fil-forn biex tissajjar, fuq il-qiegħa tal-forn, il-bezzun tal-ħobż tal-Franċiż jissajjar fi pjanċa.

Frankfurter u Wiener

Il-kelma “Frankfurter” ġejja minn Frankfurt, il-Ġermanja, fejn oriġina z-zalzett tal-majjal simili għal dak li jintuża fil-hot dogs. Dan iz-zalzett, li jissejjaħ ukoll Frankfurter Würstchen, kien magħruf sa mis-seklu 13 u sar aktar popolari meta beda jitqassam lill-poplu fil-festi tal-inkurunazzjonijiet imperjali. Din id-drawwa bdiet fl-inkurunazzjoni ta' Massimiljanu II, Imperatur tas-Sagru Imperu Ruman fl-1564. Il-kelma "Wiener" tirreferi għal Vjenna, il-belt kapitali tal-Awstrija, li bil-Ġermaniż tissejjaħ Wien. Hemm kien hemm ħanut tal-laħam li beda jagħmel zalzett magħmul minn taħlita ta’ majjal u ċanga waqt li z-zalzett ta’ Frankfurt kien ikun fih laħam tal-majjal biss. Johann Georg Lahner, biċċier li għex bejn l-aħħar tas-seklu 18 u l-bidu tas-seklu 19 mill-belt ta’ Coburg, jingħad li ġab il-Frankfurter Würstchen fi Vjenna, fejn żied iċ-ċanga mat-taħlita u sempliċement sejħilha Frankfurter. Illum il-ġurnata, fil-pajjiżi li jitkellmu bil-Ġermaniż, ħlief l-Awstrija, iz-zalzett tal-hot dog jissejjaħ Wiener jew Wiener Würstchen.

Iz-zalzetta fil-bezzun

Mhux magħruf sewwa min beda l-prattika li jservi ż-zalzett fil-bezzun. Waħda mill-iktar stejjer kredibbli tgħid li Harry M. Stevens, li kien ibigħ l-ikel imsajjar, waqt li kien qed jaħdem fin-New York Polo Grounds fl-1901, ġiet f’moħħu l-idea li juża bziezen tal-ħobż Franċiż biex iżomm iz-zalzett minħabba li kienet spiċċat il-karta strazza li kienu qed jużaw biex iservi z-zalzett. Storja oħra tgħid li wieħed imigrant Ġermaniż jismu Anton Ludwig Feuchtwanger, minn Frankfurt, kien pijunier fil-ħolqien tal-hot dog li nafu llum. Huwa kien ibigħ iz-zalzett fuq karettun fit-toroq. Billi dan iz-zalzett kien ikun jaħraq, huwa kien jipprovdi ngwanta lil min kien jixtri zalzatta, biss ħafna drabi ix-xerrej kien jibqa’ sejjer bl-ingwanta u kif ngħidu bil-Malti lil dan Feuchtwanger kienet tiġih iz-zalza ogħla mill-ħuta jew biex nibqgħu fl-istess argument kienet tiġih l-ingwanta ogħla miz-zalzetta. Għalhekk martu jingħad li ssuġerietlu li z-zalzett jibda jbigħu f’bezzun tal-ħobż Franċiż. Xi wħud jgħidu li dan Feuchtwanger introduċa z-zalzett fil-bezzun  fl-1904 waqt il-Louisiana Purchase Exposition.

Illum

Il-hot dog tal-lum ma għadux dak li konna nsibu nixtru mill-gabbani tal-festi nofs seklu ilu. Illum inbidel fid-dehra u sirt issibu servut anke fi ħwienet tal-ikel, speċjalment f’menu għat-tfal. Biss ma rridux naħsbu li dan huwa ikel għat-tfal biss. Fl-Amerika, fejn wara kollox oriġina l-hot dog, isiru kompetizzjonijiet tal-hot dogs fosthom Nathan's Hot Dog Eating Contest li jsir kull nhar l-4 ta’ Lulju fi Brooklyn, New York, kompetizzjoni li ilha ssir mill-1972 u li għaliha jkunu l-adulti li jieħdu sehem. Is-sena l-oħra rebaħ din il-kompetizzjoni raġel li kiel 62 hot dog.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 17 ta' Awwissu 2024



sabato 10 agosto 2024

Santa Marija

 

Nistgħu ngħidu li l-istaġun tal-festa tas-sajf Malti jilħaq l-aqwa tiegħu fil-15 ta’ Awwissu bil-festa ta’ Santa Marija jew, biex ngħidu t-titlu uffiċjali: il-festa tal-Assunta tal-Madonna. F’dan il-jum, f’Malta u Għawdex, din il-festa tiġi ċċelebrata f’mhux inqas minn seba’ postijiet: l-Imqabba, il-Qrendi, il-Mosta, Ħ’Attard, il-Gudja, Ħal Għaxaq, u r-Rabat f’Għawdex. Hemm parroċċi oħra li wkoll jiċċelebraw din il-festa iżda mhux f’dan il-jum bħalma huma Ħad-Dingli, l-Imġarr Malta, Birkirkara u ż-Żebbuġ Għawdex.

Din mhijiex biss festa reliġjuża iżda wkoll festa pubblika li nistgħu ngħidu timmarka n-nofs tas-sajf twil u sħun tagħna, fejn ukoll ħafna negozji jagħlqu l-ħanut biex jagħtu nifs lill-impjegati tagħhom.

Festa kbira

Għad-dilettanti tal-festi, Santa Marija hija r-reġina tal-festi tal-istaġun. Id-dilettant ikollu xalata ta’postijiet xi jżuru u d-dilettant tal-arti tan-nar jikkonfondi fejn jaqbad imur għax ikun hawn veru spettaklu tal-logħob tan-nar spettakolari u kreattiv. F’xi rħula, iċ-ċelebrazzjonijiet jibdew ġimgħatejn qabel il-jum il-kbir, u jilħqu l-qofol tagħhom b’wirjiet ta’ logħob tan-nar spettakolari fl-14 u l-15 ta’ Awwissu.

Eluf ta’ Maltin jerħulha lejn Għawdex għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa ta’ Santa Marija fir-Rabat, sewwasew fil-katidral ta’ din id-djoċesi. Il-festa fir-Rabat Għawdex tinkludi spettaklu agrikolu u ta’ artiġjanat f’Villa Rundle u tiġrijiet taż-żwiemel tul Triq ir-Repubblika, żewġ karatteristiċi li jixbhu l-festa ta’ San Pietru u San Pawlu, l-Imnarja, li ssir f’Malta f’Ġunju. It-tradizzjoni li hawnhekk isiru tiġrijiet taż-żwiemel tmur lura għal meta n-nies kienu jinġabru fiċ-ċittadella, jirkbu ż-żwiemel, il-bgħula u l-ħmir, u jorganizzaw tiġrijiet spontanji b’dawn il-bhejjem tax-xogħol.

Pellegrinaġġi

Tradizzjoni antika marbuta ma’ Santa Marija li kienet għadha popolari sal-ewwel deċennji tas-seklu 20 kienu pellegrinaġġ f’ġieħ il-Madonna mtellgħa s-Sema. Il-pellegrini kienu jżuru seba' parroċċi li jiċċelebraw il-festa tal-Assunta, u minn hawn twieled l-isem tal-pellegrinaġġ, “is-seba' Santa Marijiet.” Il-pellegrinaġġ kien isir bil-lejl biex tiġi evitata s-sħana tal-ġurnata, u jintemm bid-dawl tal-jum. Il-​pellegrini kienu jmorru bil-​mixi. Iżda bl-introduzzjoni tal-karozzi tal-linja, il-pellegrinaġġ tilef ħafna mis-sinifikat tiegħu u llum spiċċa għal kollox.

Operation Pedestal

Dan il-jum huwa wkoll marbut ma’ paġni koroh tal-istorja ta’ Malta. Qed nirreferi għal żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. Malta kienet l-aktar pajjiż bbumbardjat matul it-Tieni Gwerra Dinjija, peress li kienet bażi navali kruċjali għall-Imperu Brittaniku. Flotta ta’ 15-il bastiment merkantili flimkien ma’ skorta navali kbira Ngliża, daħlet fil-Mediterran fil-lejl tal-10 ta’ Awwissu 1942, biex iġibu ikel u ħtiġijiet oħra tant neqsin minn Malta li kienet assedjata mill-għadu tant li kienet waslet biex iċċedi. Ħamsa biss mill-vapuri merkantili b’xi mod ħelsuha mill-attakk tal-għadu. Wieħed mill-vapuri merkantili, li ġab provvedimenti tant meħtieġa lejn Malta, kien it-tanker Ohio. Daħal donnu b’miraklu fil-Port il-Kbir fl-14 ta’ Awwissu 1942. Il-Maltin qiesu dan il-konvoj bħala s-salvatur tagħhom fis-siegħa estrema tal-bżonn u dlonk laqqmuh “il-konvoj ta’ Santa Marija.”

Mhux parroċċi biss

Minbarra s-seba’ parroċċi li jiċċelebraw il-festa tal-Assunta fil-15 ta’ Awwissu u l-erba’ parroċċi l-oħra li jiċċelebraw il-festa ta’ Santa Marija f’xi jum ieħor, insibu għadd kbir ta’ knejjes jew kappelli oħra mxerdin mal-gżejjer Maltin li huma ddedikati lit-Tlugħ ta’ Marija fis-Sema. Insibu xejn anqas minn 29 kappella bl-akbar numru f’Ħal Qormi fejn insibu tliet kappelli taħt dan it-titlu: Santa Marija tal-Ħlas, Santa Marija tal-Qrejċa u Santa Marija ta’ fuq tal-Blat. F’Ħaż-Żebbuġ, fil-Għargħur, fin-Naxxar, fir-Rabat ta’ Malta, fis-Siġġiewi, fiż-Żejtun u f’Ħaż-Żabbar insibu żewġ kappelli ddedikati lill-Assunta. F’bosta minn dawn il-kappelli għadha tigi organizzata festa ċkejkna lil Santa Marija bħal ngħidu aħna fil-Ħamrun, fil-Knisja tal-Madonna ta’ Atoċja, f’Ħal Qormi, fil-Knisja ta’ Santa Marija tal-Ħlas u f’Ħaz-Żebbuġ fejn issir il-festa ta’ Santa Marija fil-kappella ta’ Ħal-Muxi.

Nazzjonali

Ma nistgħux nitkellmu dwar Santa Marija u ma nsemmux is-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu fl-Għarb Għawdex, li minkejja li nsejħulha Ta’ Pinu, hija knisja wkoll iddediakta lill-Madonna mtellgħa s-sema. Is-Santwarju li naraw illum ħa ismu minn kappella ċkejkna li fl-antik kienet tinsab f’nofs l-għelieqi. Din il-kappella kienet issemmiet fiż-żjara pastorali tal-Isqof Fra Domenico Cubelles fl-1545. Huwa kiteb li din ma kinitx ilha wisq li reġgħet inbniet. Dan ifisser li kien hemm tal-anqas kappella oħra qabel din. Il-kappella oriġinali kienet inbniet mill-familja Gentile u għalhekk kienet magħrufa bħala ‘Tal-Ġentili’. Il-bini tas-Santwarju l-ġdid inbeda fit-30 ta’ Mejju, 1920 fuq il-pjanta tal-perit Andrea Vassallo. Fit-13 ta’ Diċembru tal-1931, Mons. Mikiel Gonzi, dak iż-żmien Isqof ta’ Ghawdex, ikkonsagrah. Disa’ xhur biss wara, l-Isqof Gonzi ġab it-titlu ta’ Bażilika lis-Santwarju Ta’ Pinu. Ma nkunx qed neseġera jekk ngħid li dan huwa wieħed mill-postijiet l-akar għeżież għall-Insara Maltin.

Mhux ta’ b’xejn li Santa Marija hija miżmuma b’tant għożża minna l-Maltin.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 10 ta' Awwissu 2024