giovedì 31 gennaio 2013

Homo Sapiens u Homo Videns


Il-bniedem li jaħseb u l-bniedem li jara


 

L-immaġinazzjoni tal-bniedem hija hekk kbira li mhux biss jista’ jpinġi f’ moħħu dak li jkun qiegħed jisma’ imma wkoll joħloq sitwazzjonijiet jew kundizzjonijiet li ma humiex reali, sitwazzjonijiet jew xbiehat tal-fantażija. Aħna lkoll nistgħu nagħmlu din il-ħaġa għax għandna moħħ li jaħseb. Il-bniedem huwa annimal li jaħseb – Homo Sapiens u l-immaġinazzjoni għandha pożizzjoni għolja fil-moħħ ta’ dan l-annimal ħassiebi. L-immaġinazzjoni u l-fantażija wasslu biex il-bniedem jivvinta għodda li jgħinuh f’ xogħolu u jiddevertuh fil-ħin ħieles tiegħu. Aħna lkoll għandna immaġinazzjoni u fantażija.


Ejjew nagħmlu eżempju flimkien. X’ħin indawwar wiċċi u nħares il barra mit-tieqa ta’ kamarti nilmaħ triq li fiha s-siġar fuq iż-żewġ naħat, imħawlin fuq il-bankini u bejn is-siġar hemm il-karozzi pparkjati. Bejn il-karozzi hemm għadd ta’ muturi pparkjati wkoll. Fil-bidu tat-triq hemm spiżerija li għadha tabella forma ta’ salib aħdar fuq barra, f’ nofs it-triq hemm lukanda li fuq il-bieb prinċipali għandha għadd ta’ bnadar żgħar u fit-tarf tat-triq tidher il-pjazza imdawra bis-siġar. Mal-ħajt l-ieħor ma hemm xejn partikolari ħlief djar. Fil-pjazza jidhru l-karozzi tal-linja għaddejjin waħda wara l-oħra u għadd ta’ karozzi oħrajn ma jaqtgħu xejn. Kultant tgħaddi xi ambulanza jew xi karozza tal-puluzija tiġri u tvenven is-sirena tagħha. Jidhru wkoll għadd ta’ taxis jistennew lil min jikrihom.


Minn dawn il-ftit kliem li għidt hawn fuq żgur li irnexxielek timmaġina dak li nara jien mit-tieqa ta’ kamarti, imma dak li immaġinajt ma jfissirx li huwa bil-fors eżatt dak li tassew nara. Ma tafx x’ tip ta’ siġar nara, humiex żgħar jew kbar. Ma tafx l-isem tal-ispiżerija jew tal-lukanda li semmejt. Ma tafx il-bnadar li hemm fuq il-bieb tal-lukanda ta’ liema pajjiżi huma. Ma tafx il-pjazza li tidher fit-tarf tat-triq hijiex kbira jew żgħira, hemmx bankijiet fejn ipoġġu n-nies, hemmx fejn wieħed jistkemm waqt li jistenna l-karozza tal-linja, hemmx ħwienet. Madanakollu irnexxielek tagħmel,bejn wieħed u ieħor, xbieha f’ moħħok ta’ dak li qiegħed nara jien bħalissa. Dan kollu stajt tagħmlu għax għandek moħħ li huwa mogħti l-fakoltà tal-immaġinazzjoni u l-fantażija.

Bil-wasla tal-istamperiji, bosta kotba bdew ikunu stampati u jaslu f’ idejn faxxa ikbar ta’ nies bi prezz ħafna irħas minn dak tal-manuskritti. Grazzi għall-qari tal-kotba l-moħħ tal-bniedem sar aktar immaġinattiv, aktar produttiv. Meta l-qari jkun akkumpanjat mill-immaġinazzjoni u l-fantażija isir ħaġa fenominali. Maż-żmien inħoloq ukoll ir-radju u issa iktar u iktar l-immaġinazzjoni bdiet taħdem għax biex wieħed jaqra u jifhem jrid ikun tgħallem jaqra imma biex jisma’ u jifhem biżżejjed wieħed jiskot u jisma’. Niftakarni tifel żgħir widnejja mwaħħla mar-radju biex nisma’ lil Charles Arrigo jew lil Twanni Scarpello jaqraw ir-rumanz bil-malti fuq l-istazzjonijiet tar-radju Maltin. Moħħi kien ipinġi kull sitwazzjoni, kull każ, kull persuna li tissemma’

Bit-tkabbir tat-teknoloġija, l-aktar dik viżiva, warrabna l-qari u s-smiegħ tar-radju. B’ konsegwenza ta’ dan moħħna sar ibati biex jimmaġina xi ħaġa jekk ma jarahiex. Illum l-istazzjonijiet televiżivai jxandru 24 siegħa kuljum u nsibu wkoll varjetà sħiħa ta’ stazzjonijiet li jilħqu l-gosti ta’ kulħadd. Insomma supermarket ta’ stazzjonijiet. Illum wisq probabbli nixgħelu t-televiżjoni minflok niftħu r-radju fil-għodu malli nqumu. Wara t-televiżjoni waslilna l-internet. Illum bniedem li twieled f’ dinja teknoloġika lanqas jimmaġina kif kienet id-dinja bla televiżjoni u bla internet. Illum jekk tgħid lil xi student jikteb fuq xi ħaġa jew jagħmel riċerka, mhux sejjer iqalleb il-volumi tal-enċiklopedija kif konna nagħmlu aħna, imma jmur dritt fuq il-WWW. It-tort ma huwiex tal-istudent imma tas-sistema li sa minn twelidu bidlitu minn Homo Sapiens għal Homo Videns. Illum anke aħna l-kbar tkaxkarna minn din it-tendenza. Aħbar fuq it-televiżjoni li ma jkolliex filmat ma tixxandarx. Jekk din l-aħbar tkun tant importanti li ma tistax ma tixxandarx imma li ma jkolliex xbiehat jew filmati għal magħha, allura jitfgħulna ritratt jew filmat ta’ xi ħaġa oħra – l-aqwa li naraw xi ħaġa.

Din hija realtà li ninsabu għaddejjin minnha lkoll kemm aħna. Minn Homo Spaiens, bniedem li jaħseb qegħdin insiru Homo Videns, irridu naraw biex nifhmu, qed ngħażnu lill-moħħna, qegħdin intuh kollox lest u mhux inħalluh iħaddem il-fakultà tal-immaġinazzjoni u l-fantażija.

Fr Reno Muscat OP
In-Nazzjon 31 ta' Jannar 2013
 

venerdì 25 gennaio 2013

DAK L-IMBIEREK TABLET

(Dan huwa artiklu li kont lestejt biex jidher imma dak inhar li bgħattu il-partiti politiċi ħarġu jgħidu li se jqassmu t-tablets huma, allura ma ħassejtx li kelli nippubblikah imma se nżidu fil-blog)


Tekonoloġija moderna

Nużaw l-għodda skont iż-żmien


Niftakarni tifel żgħir sejjer lejn l-iskola id f’id ma’ ommi, iżommli l-basket bil-pitazzi u xi żewġ jew tliet kotba fih flimkien mal-ħobż. Oħti ikbar minni kienet timxi ma’ sħabha ftit passi quddiemna, iġġorr il-basket tal-iskola tagħha. Din il-ħaġa kienet isseħħ kuljum sakemm forsi kelli tmienja jew disa’ snin. Wara bdejt jien ukoll immur l-iskola waħdi u fit-triq niltaqa’ ma’ sħabi. Meta spiċċajt is-snin tal-iskola primarja u bdejt immur is-sekondarja l-istorja nbidlet. Issa ma bqajtx nattendi skola fir-raħal tiegħi stess imma ta’ kull filgħodu kont immur nistenna l-karozza li kienet twassalna sal-iskola. Mhux din il-ħaġa biss inbidlet, imma inbidel ukoll il-piż tal-basket. Issa bdejt nieħu mhux ftit pitazzi u xi ktieb jew tnejn imma kien ikolli basket mimli karti u kotba. Il-piż tal-basket kien ikun verament tqil.

Kbirt u ma bqajtx immur skola u nsejt dwar il-piż tal-basket tal-iskola, sakemm kibru n-neputijiet u erġajt bdejt nara l-basktijiet mimlijin kotba u pitazzi. Il-forma tal-basktijiet inbidlet imma l-piż baqa’ l-istess, anzi għandi l-impressjoni li żdied. In-neputija kienet tiġi kultant wara l-iskola, imma n-neputi tista’ tgħid kuljum kien jiġi “għand in-nanna” biex imur għall-futbol – passjoni li nissel fih in-nannu. F’dak iż-żmien bdew jidhru wkoll xi ittri fuq il-gazzetti dwar dan il-punt u kien hemm xi skejjel li ppruvaw jagħmlu li jistgħu biex itaffu din il-problema. Kien hemm skejjel li offrew postijiet biex il-kotba jitħallew l-iskola bla ma joqgħodu jinġarru lejn id-dar ta’ kuljum. Imma l-kotba huma l-għodda tal-istudent u għalhekk ikollu bżonnhom kemm l-iskola kif ukoll id-dar. B’hekk nistgħu ngħidu li l-problema baqgħet dejjem ma’ saqajna.

It-teknoloġija llum tant kibret li nistgħu ngħidu ma nistgħux ngħaddu mingħajrha. Il-komputer illum iservina għal kollox. Nisimgħu l-mużika bih, naqraw il-gazzetta bih, niktbu ittra bih, nagħmlu telefonata bih, naraw film bih. Sar l-għodda li l-aktar nużaw. Jekk għall-bidu il-kompjuter kien kbir, goff, jieħu ħafna spazu u jiswa somom kbar ta’ flus, illum b’xorti tajba il-folja nqalbet. Komputer jista’ joqgħod fuq il-pala ta’ id, kompjuter jista’ joqgħod f’ ħoġorna, komputer jista’ jinġarr bl-inqas sforz u komputer jista’ jinxtara bi prezz raġonevoli.
Jeżistu wkoll dawk li nsejħulhom e-book readers. L-e-book huwa wkoll komputer imma l-iskop tiegħu huwa l-qari kif juri sewwa ismu. Dan l-apparat fih bosta vantaġġi fuq il-ktieb stampat. Ma jużax karta allura jagħmel inqas ħsara lill-ambjent, jiżen dejjem l-istess piż, sew jekk ikollu ktieb wieħed fih kif ukoll jekk ikollu mija, wieħed jista’ jkabbar il-kliem tal-ktieb kemm irid hu, wieħed jista’ jikteb noti personali fil-ktieb (insomma dil-ħaġa anke fi ktieb stampat tista’ ssir), wieħed jista’ jdawwal dak li jkun qiegħed jaqra u bosta vantaġġi oħra. Żgur li l-e-book reader jista’ jaqdina aħjar minn ktieb stampat meta niġu biex infittxu xi ħaġa partikolari fil-ktieb. Fi ktieb stampat triq toqgħod tqalleb u ddawwar il-paġni, f’ e-book tiktiblu l-kelma li trid u jsibha hu. Madanakollu l-e-book ma jista’ jieħu qatt il-prestiġju tal-ktieb stampat. Il-Bibbja ssibuha f’ forma ta’ e-book f’ kull ilsien, imma dan ma jfissirx li mhux ser tibqa’ tiġi stampata għax il-preġju tal-ktieb stampat ma jmut qatt. Jien niżżilt il-kapolavur ta’ Dante “La Divina Commedia” fuq l-e-book tiegħi, imma xorta ngħożż il-ktieb stampat li għandi tal-istess opra!

Kieku l-iskejjel illum jaħsbu bis-serjetà biex il-kotba tal-iskola kollha jkollhom format elettroniku nkunu nistgħu ngħidu li solvejna għadd ta’ problemi. Kieku kull student ikollu e-book reader (spiża ta’ darba li tkun inqas mill-ispiża tal-kotba tas-snin kollha) u kull skola tinvesti fil-kotba elettroniċi, l-istudent iġorr biss l-e-book reader. Żgur li jista’ jinstab mod kif jiġi iffinanzjat proġett ambizzjuż bħal dan. Il-bidu jkun tqil, imma meta taħseb li ktieb biex jasal fuq l-iskrivanija tal-istudent irid jgħaddi minn bosta fażijiet, kitba, stampar, trasport, bejgħ eċċetra, l-ispejjeż għal qalba bħal din għandhom ikunu l-istess. Irridu jew ma rridux ikollna nammettu li qegħdin ngħixu fi żmien fejn it-tekonoloġija hija kollox. L-għodda tal-lum hija teknoloġika, ejjew nużawha, ejjew inkunu fl-avangwardja.

Fr Reno Muscat OP

Suppost kellu jidher f' In-Nazzjon 31 ta' Jannar 2013

giovedì 24 gennaio 2013

Tislima lill-ġurnalisti


Fil-festa ta’ San Franġisk de Sales



X’hemm isbaħ milli tqum filgħodu, tmur fil-kċina, tagħmel tazza kafè, tixwi biċċa ħobż u tiftaħ il-gazzetta jew  tixgħel ir-radju jew it-televiżjoni u waqt li taqra jew tisma’ l-aħbarijiet tigdem gidma ħobż mixwija u tixrob belgħa kafè? Ngħid għalija dan huwa l-isbaħ mod kif nibda l-ġurnata.


Imma biex nibda l-ġurnata hekk irrid l-għajuna ta’ bosta nies. Jekk il-bidwi ma jiżrax qamħ, jekk it-taħħan ma jitħanx dqiq jekk il-furnar ma jaħmiex , il-ħobż ma nkunx nista’ nsibu fuq il-mejda tal-kċina tiegħi. Jekk il-kafè ma jinżerax, ma jinħasadx, ma jkunx proċessat u mibjugħ, ma nkunx nista’ ngawdih kull filgħodu. Kollox għandu proċess li jinvolvi għadd ta’ nies. U l-istess bħall-ħobż u l-kafè huma l-aħbarijiet li naqra fil-ġurnal jew li nisma’ fuq ir-radju jew fuq it-televiżjoni. Dawn jasluli għax hemm bosta nies li jaħdmu biex ikollna dan is-servizz.

Tassew li l-gazzetta filgħodu nixtruha mingħand tal-ħanut, u lil dan tasallu mill-istamperija,  imma kieku ma jkunux il-ġurnalisti li jaħdmu biex iwasslulna dak li qiegħed jiġri fid-dinja, il-gazzetti jibqgħu vojta, l-aħbarijiet fuq ir-radjijiet, televiżjoni jew internet ma jkunu jistgħu jwasslu xejn.

San Franġisk ta' Sales
Propju llum, 24 ta’ Jannar hija l-festa ta’ San Franġisk ta’ Sales. Dan il-qaddis Franċiż li għex bejn l-1567 u l-1622 huwa l-qaddis patrun tal-ġurnalisti u tal-awturi. Huwa kiteb għadd ta’ kitbiet u kien jikteb fuljetti u jqassamhom bil-għan li jikxef l-iżbalji tal-Kalvinisti. Kien ibbeatifikat mill-Papa Alessandru VII fl-1661 u kanonizzat mill-istess Papa fl-1665. Fl-1923 il-Papa Piju XI ipprokklamah bħala l-qaddis patrun tal-ġurnalisti, l-awturi u l-kittieba. Huwa qaddis Kattoliku imma meqjum ukoll minn xi komunitajiet Protestanti.

Nerġgħu lura għall-ġurnalisti propju fil-festa tal-qaddis patrun tagħhom. Illum aħbar taslilna ftit sekondi wara li tkun seħħet u dan grazzi għat-tekonoloġija moderna u grazzi għal dawk li jiktbu l-aħbar li tkun trid titwasslilna. Jeżistu agenziji, kemm internazzjonali kif ukoll fuq skala nazzjonali, li x-xogħol tagħhom huwa li jwasslu dak li jiġri fid-dinja jew fil-pajjiż. Dawn l-aġenziji jibgħatu l-aħbar mill-iktar fiss possibli u jibqgħu jaġġornawha minn ħin għall-ieħor. Il-ġurnalist jiktibha fi kliemu u jaġġornaha kull meta l-aġenziji tal-aħbarijiet jibgħatu aġġornament. Il-ġurnalist jagħmel ħafna xogħol li wara jkollu jinbidel sabiex l-aħbar tkun kemm jista’ jkun preċiża. Hemm ġurnalisti li jkunu korrispondenti speċjali, ġurnalisti li jgħixu fil-post u hemm ġurnalisti mibgħuta speċjali li jmorru fuq il-post meta sseħħ xi ħaġa li jkollha valur ta’ aħbar.

F’ Diċembru kont qed nisma’ taħdita minn għadd ta’ ġurnalisti internazzjonali. Kien hemm ġurnalist ta’ Rai 3, ħaddiem tal- aġenzija internazzjonali tal-aħbarijiet Associated Press, ħaddiem mal-aġenzija nazjonali Vatican News u ġurnalista Kanadiża free lancer (ġurnalista li ma hija marbuta mal-ebda stazjon jew ġurnal imma taħdem għal rasha ma’ diversi stazzjonijiet u ġurnali). Dak li l-aktar impressjonani minn din il-laqgħa kienet li dak li naraw fuq it-televiżjoni jew li naqraw fil-ġazzetti, dawn il-ġurnalisti jridu jgħixuh huma qabel iwassluh lilna. Wieħed ġurnalist minnhom irrakontalna grajjiet meta kien mibgħut l-Afganistan waqt il-gwerra u ta’ meta kien qed iwassal il ġrajjiet tal-Eġittu u l-Libja waqt l-irvellijiet ta’ sentejn ilu. Dawk li konna qegħdin nisimgħu intbaħna bil-periklu li l-ġurnalisti jpoġġu lilhom innifishom fih biex iwasslulna dak li jkun qed jiġri. Forsi aħna ftit jiġi f’ moħħna li waqt li naraw xeni ta’ gwerra, ikun hemm bniedem qiegħed jiġbed il-film jew ir-ritratti ta’ dak li jkun qiegħed iseħħ u jkun hemm oħrajn qegħdin jiktbu dak li jkunu qegħdin jaraw. Dawn it-talin bl-ebda mod ma għandhom garanzija li ma jistgħux jispiċċaw huma stess vittmi. Fil-fatt bosta drabi ġurnalisti spiċċaw tilfu ħajjithom waqt il-qadi ta’ dmirhom. Oħrajn ikunu maqtula. Skont il-Kumitat biex jipproteġi l-Ġurnalisti, is-sena li għaddiet inqatlu 103 ġurnalist waqt il-qadi ta’ dmirhom, 70 minnhom b’ motiv konfermat.  Bosta oħrajn kienu sekwestrati, misruqa u imsawta jew trattati ħażin.  (ara http://cpj.org/killed/2012/)

Iva dan kollu biex ikolli l-gazzetta fuq il-mejda filgħodu kmieni, dan kollu biex ħin niftaħ ir-radju jew nixgħel it-televiżjoni jew l-internet inkun naf x’inhu jiġri fid-dinja. Bosta drabi lanqas biss naħseb f’kemm nies taw sehemhom biex jien inkun nista’ nkun naf dan kollu. Grazzi għeżież kollegi u San Franġisk ta’ Sales iħariskom.

Fr Reno Muscat OP

In-Nazzjon
24 ta' Jannar 2013





martedì 22 gennaio 2013

Arrivederci Roma


Tislima mill-komunità Maltija ta’ Ruma lill-Isqof Scicluna


Meta nsemmu l-belt ta’ Ruma f’ moħħna bla ma rridu nġibu l-Vatikan, il-Papa, San Pietru u min jaf kemm-il ħaġa oħra li kollha nassoċċjawhom mal-Belt Eterna. Min xi darba jkun żar din il-belt sabiħa jibda jpinġi ġewwa moħħu kartolini u xbiehat ta’ dak li jkun ra meta jkun żar din il-belt. Titjira ta’ siegħa u ħames minuti u twasslek Ruma; siegħa u ħames minuti li jistgħu joħduk lura fiż-żmien tal-Imperu Ruman jew fi żmien il-bidu tal-Krisjaneżmu. Siegħa u ħames minuti li joħduk f’ belt moderna li fiha ssib kollox; siegħa u ħames minuti li joħduk fil-Belt tal-Vatikan, il-makna, il-qalb tal-fidi Nisranija. Siegħa u ħames minuti li jistgħu joħduk fejn il-Fontana diTrevi u ddur dahrek lejha u titfa’ munita fl-ilma għax skont id-drawwa tal-post jekk tagħmel hekk tkun qed tiggarantixxi li terġa’ żżur din il-belt. Hemm min jemmen u hemm min hu xettiku dwar din il-ħaġa, imma ħafna mill-miljuni li jżuru Ruma ta’ kull sena jemmnuha din il-ħaġa u tarahom jiffullaw sabiex iwaddbu munita f’ din il-funtana. Il-kanzunetta popolari Arrivederci Roma, bi djalett Ruman imma li jinftiehem sewwa, tirrakkonta sewwasew din id-drawwa: << Ce sta 'na leggenda romana legata a'ata vecchia fontana per cui se ce butti un soldino costringi il destino a fatte torna'. E mentre er soldo bacia er fontanone la tua canzone in fondo e'questa qua! Arrivederci, Roma...good bye...au revoir...>>
Fontana di Trevi

Iżda hemm xi wħud li ma jitfgħux munita f’ din il-funtana u xorta waħda jerġgħu lura lejn il-belt ta’ Ruma. Dawn huma dawk il-barranin li jew minħabba xogħol jew minħabba studju jew minħabba li għandhom il-familja hemmhekk, jgħixu fil-Kapitali Taljana. Fost dawn il-barranin, f’ Ruma nsibu wkoll komunità Maltija. Il-biċċa l-kbira tal-Maltin li jgħixu Ruma huma saċerdoti jew studenti li qegħdin jitħejjew għas-saċerdozzju kif ukoll reliġjużi rġiel u nisa. Hemm ukoll dawk li jgħixu Ruma minħabba x-xogħol u xi oħrajn li żżewġu Taljan jew Taljana u baqgħu jgħixu Ruma. Ġewwa Ruma, sewwasew fuq ix-xmara Tevere nsibu l-Ambaxxata Maltija għall-Italja, u hemmhekk insibu l-istaff Malti, dħuli u dejjem għaddej bil-ħidma taħt it-tmexxija tal-Ambaxxatur Dr. Carmel Inguanez. Ma ninsewx li din hija l-aktar ambaxxata Maltija qrib ta’ pajjiżna u nistgħu ngħidu li hija l-bieb diplomatiku ta’ pajjiżna għall-kumplament tad-dinja. Huma bosta dawk is-saċerdoti li jagħmlu ħidma f Ruma, minn parroċċi sa karigi għolja. Ma għandniex ninsew li wieħed miż-żewġ segretarji personali tal-Papa Benedettu XVI huwa Malti bħala, anzi biex inkun aktar preċiż huwa Għawdxi.  Lil dan narawh sewwasew wara l-Papa fiċ-ċelebrazzjonijiet il-kbar tiegħu. Patri Malti joffri s-servizz ta’ qrar fil-Bażilika tal-Vatikan, min jaħdem f’ xi kongregazzjoni tas-Santa Sede bħal dik tal-Propoganda Fidei u oħrajn iqarru fil-Bażiliċi Papali ta’ Ruma.Saċerdot Malti jaħdem fil-kongregazzjoni għall-Edukazzjoni Kattolika, filwaqt li bosta saċerdoti li jkunu qegħdin jistudjaw f’Ruma jagħmlu xogħol f’ diversi parroċċi. Fost dawn insibu bosta saċerdoti Għawdxin, kif ukoll xi wħud oħra Maltin, kemm djoċesani kif ukoll reliġjużi li qegħdin jispeċċjalizzaw f’ xi qasam partikolari. Hemm ukoll reliġjużi li għadhom jistudjaw sabiex jieħdu l-ordni sagri aktar il quddiem. Ma’ dawn inżidu wkoll għadd sabiħ ta’ sorijiet li jgħixu u jaħdmu fil-Belt Eterna. Kieku kellna nkejlu x-xogħol tas-saċerdot bl-istess riga li nkejlu kull xogħol ieħor ikollna ngħidu li hemm xi wħud li tabilħaqq għamlu karriera ġewwa Ruma. Bla dubju wieħed minn dawn huwa Monsinjur Charles Scicluna.

Fl-1995 huwa beda jaħdem Ruma bħala Promotur tal-Ġustizzja fit-Tribunal Suprem tas-Sinjatura Apostolika. Għaxar snin ilu Monsinjur Scicluna nħatar Promotur tal-Gustizzja fil-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi. Dan ix-xogħol wasslu biex jaħdem spalla ma’ spalla mal-Kardinal Josef Ratzinger, iktar tard il-Papa Benedettu XVI. Sabatax il-sena ta’ xogħol. Minkejja l-impenji li Monsinjur Scicluna kien ikollu, dejjem sab ħin għall-komunità Maltija li tgħix Ruma. Il bieb tiegħu dejjem kien miftuħ għal kull min ħabbatlu u hu bil-karattru ċajtier tiegħu dejjem ipprova jgħin mill-aħjar.

Appuntament ta’ kull sena għall-komunità Maltija ġewwa Ruma hija l-festa ta’ Missierna San Pawl. Din l-attività issir kull nhar l-10 ta’ Frar u dan l-aħħar fil-lista tal-organizzaturi kien hemm Monsinjur Charles Scicluna flimkien  mall-Ambaxxata Maltija f’ Ruma. Bdiet fis-snin 70 u llum saret appuntament regolari għall-Maltin u l-Għawdxin li jkunu Ruma nhar l-10 ta’ Frar. Il-festa tkun tikkonsisiti f’quddiesa ġewwa l-Bażilika ta’ San Lorenzo in Damaso, qrib il Kanċellerija tal-Vatikan, il-post fejn għal bosta snin kien id-dar ta’ Monsinjur Charles Scicluna.  Wara jsir festin bejn il-Maltin preżenti.  Forsi din hija l-aktar ġurnata li jiltaqgħu Maltin flimkien ġewwa Ruma, imma ma hijiex l-unika. Spiss tara gruppi ta’ Maltin jorganizzaw xi ikla bejniethom jew jimxu flimkien Via della Conciliazione, l-aktar meta jkun hemm xi attività ġewwa Pjazza San Pietru. Tara wkoll Maltin jimxu max-xmara. Il-Maltin ifittxu lil xulxin.

Sena wara l-wasal ta’ Monsinjur Scicluna f’Ruma huwa nħatar  Postulatur tal-kawża tal- Beatifikazzjoni u wara tal-Kanonizazzjoni ta’ San Ġorġ Preca. Ma jistax jonqos li l-jum tat- 3 ta’ Ġunju, 2007 kien l-isbaħ wieħed għalih. It-temp ikraħ u x-xita li niżlet dakinhar ma qatax qalb il-Maltin ta’ Ruma li kienu minn tal-ewwel li sabu posthom fil-pjazza sabiex isegwu dan l-avveniment uniku. Magħhom kienu ingħaqdu aktar Maltin.  Xejn inqas minn sitt elef Malti kien żar Ruma dakinhar. L-Arċisqof Cremona, l-Isqof Grech, membri parlamentari, dinjitarji oħrajn u eluf ta’ Maltin ħonqu  t-toroq ta’ Ruma. F’ dawk il-jiem Monsinjur Scicluna kien qal: “Aħna l-Maltin dejjem konna maħkumin minn ħaddieħor; illum aħna qegħdin naħkmu Ruma. Kull fejn timxi, kull fejn tmur tisma’ lil min jitkellem bil-Malti.” Kien ferħan doppjament Monsinjur Scicluna għax l-ewwel ħaġa kien imdawwar b’ għadd ta’ Maltin bħalu  u t-tieni ħaġa għax dak li ħadem għalih għal bosta snin bħala Postulatur,issa kien qiegħed jissarraf fi frott, u l-frott kien qiegħed jiġi apprezzat mill-poplu Malti, tant li bosta Maltin riedu jkunu preżenti għal din il-grajja importanti fl-istorja tal-ġens Malti, tal-Knisja Maltija! Monsinjur Scicluna bla dubju huwa devot kbir ta’ San Ġorġ Preca. Fid-9 ta’ Mejju li għadda, festa tal-qaddis Malti,  organizza quddiesa fil-Kappella ta’ San Piju V ġewwa l-palazz tas-Sant’ Uffizzju, li issa kien sar daru, li għaliha attenda wkoll is-Sur Natalino Camilleri, Superjur Ġenerali tal-Mużew.
Quddiesa għall-Maltin Viżita Ad Limina

10 ta' Frar 2012
Jum ieħor speċjali għal Monsinjur Scicluna kien bla dubju l-10  ta’ Frar li għadda. Dakinhar il-quddiesa għall-Maltin ta’ Ruma saret mill-Isqof Prospero Grech, ftit jiem wara l-ħatra episkopali tiegħu u ftit jiem qabel il-ħatra kardinalizja tiegħu. Dakinhar it-temp xejn ma kien favorevoli. Jekk fil-kanonizzazzjoni ta’ San Ġorġ kienet ix-xita, issa t-temp kien agħar! Mewġa ta’ kesħa polari kienet qegħda tolqot l-Ewropa kollha.  Ruma kienet miksija bis-silġ, imma xorta waħda bosta Maltin sfidaw l-elementi tan-natura u marru fil-Bażilika ta’ San Lawrenz sabiex jiċċelebraw il-Festa ta’ Missierna San Pawl, jiltaqgħu flimkien kif ukoll jifirħu bil-ħatra ta’ Prinċep tal-Knisja Kattolika Malti. Idur ma’ kulħadd, ikellem lil kulħadd, ilaħħaq ma’ kulħadd, dakinahr kien hemm Monsinjur Scicluna li bil-karattru ċajtier tiegħu jaf isolvi kull problema li tinqala’ għall-arrieda. Fost l-aħħar impenji ta’ Mons Scicluna lejn il-komunità Maltija ġewwa Ruma kienet waqt iż-żjara Ad Limina li l-Isqfijiet Maltin għamlu lejn tmiem ix-xahar ta’ Mejju.

Mingħajr ma nnaqqas mill-mertu tax-xogħol li l-bosta Maltin oħra jagħmlu lejn il-komunità Maltija ta’ Ruma, ikollna nammettu li Monsinjur Scicluna kien kolonna fejn tidħol organizzazzjoni. F’ isem din il-komunità nawguralek Eċċellenza, u ma ngħidulekx Addio, imma Arrivederċi, ejja żurna meta tkun tista’, nieħdu ġost niltaqgħu miegħek ġewwa l-belt Eterna – Ruma li kienet darek għal 17-il sena, il-belt li bħalissa hija darna wkoll! Eċċellenza, nispera li tfajt munita fil-Fontana di Trevi qabel inżilt Malta biex tkun ordnat Isqof!

Fr. Reno Muscat O.P.
In-Nazzjon 23-11-12


giovedì 17 gennaio 2013

Monument lill-arti


Ħsibijiet fuq it-taraġ tat-Teatru Rjal


Fi żmien il-vaganzi tal-Milied ċempilli wieħed żagħżugħ u stedinni biex niltaqgħu ftit, nagħmlu żewġ passi, nieħdu kafè u ngħidu kelmtejn. Ftehma biex l-għada niltaqgħu l-Belt f’ xi l-10 ta’ filgħodu. Ikolli nammetti li għalija niltaqgħu l-Belt Valletta jew f’ xi post ieħor ma kienx jagħmilli differenza, imma wara li iltqajna apprezzajt kemm kien ħsieb tajjeb li niltaqgħu hemmhekk.

Fis-sajf li għadda kont dħalt darbtejn sal-Belt, imma fi żmien il-Milied kont ilni ma nidħol snin twal. Forsi l-ħsieb ta’ folol ta’ nies jixtru u jduru minn ħanut għall-ieħor dejjem kien jaqtagħli qalbi, imma nsomma għal din is-sena kont sejjer nagħmel eċċezzjoni. U dħalt il-Belt u ħassejtni qisni turist. Ħassejtni donni qiegħed inżur xi belt ġdida, belt li fiha qatt ma kont mort qabel, belt li minkejja li żortha mijiet ta’ drabi, ħassejtha timmeraviljani daqs li kieku kont qiegħed niskopriha, niskopri teżor li sibt bla ma kont qiegħed infittex.

Tlajt it-taraġ tat-Teatru Rjal. Inqerr magħkom: kont xettiku għall-aħħar dwar dan il-proġett, imma x’ ħin sibt ruħi hemmhekk ħassejt il-kuxjenza tniggiżżni. Minn moħħi għadda elf ħsieb. Kemm hi kerha l-gwerra, qerda biss iġġib. Ara x’ ħallew il-bombi Ġermaniżi; borġ ġebel, ħallew selħa fil-Belt mibnija mill-ġentlomi għall-ġentlomi, ħallew toqba, ħallew vojt, ħallew il-mewt minflok il-glorja u l-maestrija li kien igawdi dan it-teatru. Bil-waqa’ ta’ dan il-bini, id-dilettanti tal-opra sfaw iltiema, sfaw vittmi, sfaw telliefa, tilfu xi ħaġa għażiża għalihom. Għal bosta u bosta snin konna bqajna bi ftit knaten fuq xulxin biex ifakkruna fil-kruha tal-gwerra. Knaten li kienu jixhdu dak li kienu jirrakkuntawlna n-nanniet u forsi l-ġenituri tagħna, ġrajjiet li aħna ma niftakrux. Knaten li baqgħu hemm biex juruna kemm hi kerha l-gwerra!

Imma inutli noqgħodu nibku. Kollu ta’ xejn noqgħodu naħsbu fuq dak li tlifna u ma nagħmlu xejn. Dan jgħodd għal kull sitwazzjoni tal-ħajja. Jekk noqgħodu b’ idejna fil-but kollox kif inhu jibqa’. Jekk noqgħodu naħsbu bla ma nieħdu azzjoni xejn ma jinbidel. Jeħtieġ li tittieħed deċizzjoni illum jew għada. U deċizzjoni kultant ma tkunx faċli. Deċizzjoni tista’ tintgħoġob ma’ xi wħud u tista’ ma tintlaqax minn oħrajn.

Fil-każ tat-teatru l-imwaqqa’ hekk ġara. Ittieħdet deċizzjoni. Kont għadni fuq it-taraġ tat-teatru meta ġewni dawn il-ħsibijiet. Teatru tal-ħadid, bla saqaf, imma li ma jmissx mal-fdal tal-bini tat-teatru l-imwaqqa’. Ħassejt li l-istruttura l-ġdida trid tisfida lill-gwerra, trid twassal messaġġ lil dawk li jaħsbu li bil-gwerra tista’ taħkem fejn trid, tikkmanda lil min trid. L-istruttura trid turi biċ-ċar li l-arti ma tispiċċax bil-gwerra, anzi fejn il-gwerra tiżra l-qerda l-arti tnibbet il-ħajja. L-arti, it-teatru, huma parti mir-ruħ tal-ġens u r-ruħ ma tmut qatt. Il-bombi li niżlu f’ dan il-post waqqgħu l-bini, ħallew ħerba, imma ma qatlux ir-ruħ. Veru każ fejn mix-xewk ħareġ il-ward.
Renzo Piano
Ħassejtni kważi nistħi minni nnifsi meta ftakart li kont xettiku dwar dan il-proġett. Issa li qiegħed fih nista’ nara l-għaqda tal-antik mal-modern. Għalija iktar minn teatru l-istruttura tal-perit Renzo Piano hija monument għall-arti. Iva l-gwerra kissret il-ġebel imma ma ġabitx fix-xejn lir-ruħ, il-qalb, ix-xewqat u l-imħabba kulturali ta’ dan il-poplu.

Ħassejtni kuntent li kont ninsab f’ post li għada pitgħada għandu jkun imniżżel mal-lista ta’ xogħolijiet magħarufa li wettaq il-perit ta’ fama internazzjonali. Fraħt meta bdejt nimmaġina li għad nara isem Malta, isem il-Belt Valletta ma’ ismijiet ta’ bliet kbar oħrajn bħal Pariġi, Londra, Milan, Genova, Turin, Napli, Ateni, Berna,  Berlin,  Amsterdam, Rotterdam, Oslo, Houston, Dallas, Atalanta, New York, Tokyo u għadd ta’ bliet oħra li lkoll għandhom xi xogħol ta’ dan l-arkitett modern.

Inżilt lura mit-taraġ li kont tlajt. Minkejja li minix belti, ħassejtni kburi bil-Belt Kapitali ta’ pajjiżi. Dort fuq dak li kont dħalt il-Belt biex niltaqa’ miegħu u fissirtlu dan kollu fi ftit kliem. Għidltu biss: “Dan mhux teatru, dan monument li juri li l-arti lanqas il-gwerra ma tirbħilha!”

Fr Reno Muscat OP

In-Nazzjon 17 ta' Jannar 2013


martedì 15 gennaio 2013

Monopoly


Qatt lgħabt xi logħba monopoly? Forsi iva u forsi le. Hi x’inhi t-tweġiba naħseb taf fiex tikkonsisti din il-logħba, u jekk ma tafx nipprova nfissirielek fi ftit kliem. L-iskop tal-logħba hija li tixtri, tbiegħ,tissellef, tinnegozja propjetà, bini u entitajiet bl-iskop li ssir l-aktar wieħed għani minn fost dawk kollha li jkunu qegħdin jilgħabu miegħek. Attent għax f’ dil-logħba tista’ tmur il-ħabs ukoll! Insomma ma hemmx għalfejn ngħidilkom min jirbaħ f’ dil-logħba. Hija logħba li tirrifletti sewwasew il-ħajja tagħna.

Il-kelma monopoly ġejja mill-Ġrieg Monos, li tfissel wieħed waħdu (bħal meta ngħidu monotonija, jew monogamija) u l-kelma Polein, li tfisser bejgħ, negozju. Flimkien jiffurmaw monopoly li bil-Malti ngħidulha monopolju, meta is-setgħa tkun f’ idejn wieħed waħdu. Issa nistgħu naraw kemm il-logħba hija bbażata fuq ir-realtà. Il-monopolju jeżisti kullimkien. Kieku ma kienx hekk, kieku hawn aktar inġustizzja fid-dinja, kieku ma kienx hawn il-monopolju tal-pajjiżi hekk imsejħa ‘żviluppati´ kieku ma hawnx il-pajjiżi ‘sottożviluppati’. Kieku ma hawnx il-monopolju tal-pajjiżi sinjuri, fid-dinja ma jeżistux pajjiżi foqra, u nistgħu nibqgħu sejrin hekk.

U meta tispiċċa l-logħba, il-biċċiet u l-karti kollha tal-monopoly jerġgħu jispiċċaw fil-kaxxa u r-rebbieħ ma jieħu xejn miegħu mill-monopolju fittizju li jkun bena waqt il-logħba. Sfortunatament fil-ħajja r-rebbieħ jibqa’ jgawdi fuq it-tellief u l-għani jkompli jistagħna filwaqt li l-fqir jibqa’ nieżel ’l isfel.

L-istess storja spiss issir fuq skala iżgħar, fil-familji, fid-djar, bejn l-aħwa. Kemm inkwiet nisimgħu bih minħabba nuqqas ta’ ftehim, minħabba wirt, minħabba l-flus! Wara kollox fl-aħħar tal-logħba tal-ħajja kollox jispiċċa merfugħ ġewwa l-kaxxa u ħadd ma jieħu xejn! Verament il-logħba tal-monopoly hija mera ta’ ħajjitna.

Allura meta naħsbu ftit fuq il-punt li fil-kaxxa ma jkollna xejn tagħna, meta nindunaw li dak li nkunu rbaħna fil-logħba ma jkun tagħna xejn, tajjeb li nippruvaw nakkwistaw dak li tassew jista’ jkun tagħna. U x’ jista’ jkun tagħna bla ma ħadd joħodulna? Jista’ jkun tagħna il-ferħ, is-sempliċità, is-sliem.

Tivoli
Iltaqjat ma’ ħabib tiegħi Ruma u morna nżuru Tivoli. Fost postijiet oħra żorna Villa Gregoriana. F’ ħin minnhom rajt lil dan il-ħabib jitbaxxa u jiġbor xi ħaġa mill-art. Tani ċagħqa żgħira f’idi u żamm waħda għalih. Qalli li dik tifkira ta’ Tivoli. Ħsibt ftit u mbagħad għidt f’ qalbi li stajna xtrajna tikfiriet kemm ridna mill-ħwienet, imma kemm tabilħaqq kienu jkunu tal-post? Kienu jkunu tifkiriet miġjubin minn xi mkien ieħor sempliċiment bl-iskop li jinbiegħu bħala rikordu. U wara dan kollu hemm il-qligħ; il-monopolju. Imma dal-ħabib ried ċagħqa ċkejkna li min jaf kemm kienet ilha tintrifes minn saqajn, imma li hija tabilħaqq tal-post. X’ sempliċità imma fl-istess waqt x’ għaqal. Nistqarr li f’ għajnejn sieħbi stajt nara sodisfazzjon aktar milli kieku xtara nofs il-belt ta’ Tivoli!

Tajjeb li niftakru li l-hena ma tinxtarax bil-flus, tajjeb inżommu f’ moħħna li l-flus huma mezz li jgħinuna naslu xi mkien imma ma humiex fihom infushom dak l-imkien li fih irridu naslu. Tajjeb ukoll inżommu quddiem għajnejna li l-post aħħari li fih ilkoll għad irridu naslu ma nistgħux nakwistawh bil-flus.

Fr. Reno Muscat OP

giovedì 10 gennaio 2013

L-oħxon u l-irqiq


Bla ma naf  għalfejn l-ewwel ħaġa li nagħmel filgħodu kif inqum mis-sodda mmur nixgħel il-kompjuter biex sakemm ninħasel u nlesti jkun laħaq xegħel u qabad mal-internet. X’ħin inpoġġi fuq l-iskrivanija nara jekk waslitx xi e mail, ħarsa lejn il-ġurnali online, anzi qabel il-ġurnali nidħol facebook u ġieli aħbar insir nafha minn hemm u wara nibda l-ġurnata. Ritwal ta’ kuljum li meta għal xi raġuni ma nagħmlux inħoss li bdejt il-ġurnata b’xi ħaġa nieqsa.

Ftit ġimgħat ilu rċivejt e mail, li naħseb ħafna minnkom irċivewha wkoll. Din l-e mail kien fiha karikatura maqsuma fi tnejn. Fl-ewwel parti kien hemm raġel quddiem it-televiżjoni u d-data 1990 u fit-tieni parti kien hemm raġel quddiem it-televiżjoni u d-data 2012. Imma minkejja li ż-żewġ kwadri kienu juru raġel quddiem it-televiżjoni, ma kienux l-istess. Fil-kwadru bid-data 1990 kien hemm raġel irqiq quddiem set ta’ televiżjoni ‘oħxon’, jew aħjar wiesa’ u fil-kwadru bid-data 2012 kien hemm televiżjoni rqiq imma r-raġel ta’ quddiemu oħxon. Ftakart fl-oħxon u l-iqieq. Dħaqt u ħassart l-e mail u komplejt nagħmel dak li kelli nagħmel. Imma din il-karikatura ġagħlitni nirrifletti fuq kemm huwa minnu l-messagg tagħha.

Meta kont għadni tfal kont nisma’ lil min jgħid li għad jiġi żmien li t-televiżjoni jkun bħal inkwatru, nistgħu ndendluh mal-ħajt. Insomma kont nisma’ wkoll li għad inkunu nistgħu mmorru dawra fl-ispazju qisna sejrin ġurnata Għawdex. Il-progammi ta’ fantaxjenza, bħal Space 1999 aktar kienu jgħinuni biex nemmen dak li kont nisma’. Li mmorru dawra fl-ispazju għadha ħaġa li ma ġietx attwata imma t-televiżjoni li jiddendel mal-ħajt bħal inkwatru ilni ftit narawh issa.

It-televiżjoni llum sar parti mill-kultura tagħna l-poplu tat-tielet millenju. Ma għadux oġġett ta’ klassi soċjali għax illum kull dar fil-pajjiżi żviluppati għandha tal-inqas set wieħed. L-istazzjonijiet televiżivi żdiedu u x-xandir ma għadux filgħaxija biss imma sar erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, sebat ijem fil-ġimgħa. Illum it-televiżjoni sar il-baby sitter tat-trabi u tat-tfal u l-assistent soċjali tal-anzjani; il-ħabib taż-żgħażagħ u l-kumpanija tal-kbar. Kull faxxa ssib xi ħaġa tgħodd għaliha f’ kull ħin tal-jum. Imma b’din il-kumdità kollha wasalna għal dak li riedet tfisser il-karikatura li rċivejt bl-e mail. Bil-ħin li qegħdin ngħaddu quddiem it-televiżjoni naqqasna l-attività fiżika. It-tfal saru jippreferu jilgħabu logħba fuq it-televiżjoni milli jmorru jilgħabu logħba futbol xi mkien. U biex meta dawn joħorġu mal-ġenituri ma jħossuhomx qishom ‘iltima mit-televiżjoni’ ivvintawlhom il-video games portable. Qiegħed insemmi t-tfal, imma l-kbar m’aħniex wisq differenti minnhom. Fil-bidu semmejt li filgħodu nqum nixgħel il-kompjuter u nidħol fuq l-internet. Illum l-intenet qiegħed fil-but, immorru fejn immorru nibqgħu f’ kuntatt il-ħin kollu permezz ta’ Facebook jew WhatsApp.


Kumdità li lanqas qatt ma konna noħolmuha, imma li għandha prezz moħbi warajha. Mhux il-prezz li tħallas biex tixtri l-apparat jew biex ikollok is-servizz, imma prezz bil-wisq ikbar. Il-bniedem sar għażżien, ma għadux joħroġ u jmur jara x’qegħdin jgħidu fil-pjazza għax it-T.V. jgħidlu kollox anzi jgħidlu iktar minn dak li jintqal fil-pjazza. It-tifel ma għadux imur il-librerija jissellef ktieb jew il-bibjoteka jagħmel ir-riċerkja għax l-intenet iwassallu kollox id-dar, it-tfajla ma għadiex iddur il-vetrini kollha tal-ħwienet biex tgħażel libsa li togħġobha imma mid-dar tista’ tgħażel dak kollu li trid minn fuq l-internet u nistgħu nibqgħu sejrin insemmu. Kemm huwa minnu l-messaġġ tal-karikatura li rċivejt. Għoxrin sena ilu konna differenti! U ma rrid nipponta subgħi lejn ħadd għax anke jien qiegħed fl-istess ilma.

© Fr. Reno Muscat OP
In-Nazzjon 10 ta' Jananr 2013