
Il-każ Barilla
Guido Barilla
huwa industrijalist Taljan magħruf sew fil-qasam tal-produzzjoni tal-għaġin u
gallettini. Huwa kien mistieden fuq stazzjon tar-radju u waqt l-intervista kien
mistoqsi jekk jikkunsidrax li jagħmel reklam tal-prodotti tiegħu b’familja
omosesswali. Ir-reklami tal-prodotti ta’ dan l-industrijalist kbir dejjem juru
familja bin-nanniet u l-omm u l-missier flimkien mal-ulied. Huwa dlonk qal li
huma għandhom kunċett ta’ familja differenti minn dak li kien qiegħed isemmi
il-ġurnalist li kien qiegħed jintervistah u ma jagħmel qatt reklam b’ familja
differenti minn dik tradizzjonali.

Gaffe
Gaffe hija kelma
ġejja mill-Franċiż li tfisser kelma jew frażi li tintqal f’kuntest jew f’mument
ħażin. Din ta’ Guido Barilla hija gaffe per eċċellenza. Ftit ġimgħat qabel
l-Amerikani ibbojkottjaw il-vodka Russa minħabba l-liġijiet kontra nies
b’tendenzi omosesswali fir-Russja. Possibbli li dan l-industrijalist ma kienx
jaf b’dan? Barilla seta’ kien aktar attent fi kliemu għax il-gruppi ta’
pressjoni favur dawn in-nies saru b’saħħithom aktar minn qatt qabel. Ftit
ġimgħat wara dan il-każ Barilla kellu jitlob skuża ta’ kliemu. Li wieħed jitlob skuża meta jkun żbalja ma
fihiex minn xiex wieħed jistħi, imma li titlob skuża minħabba ideal li jkollok
ma nifhimiex. Naħseb li l-iskuża f’ dan il-każ intalbet għal skopijiet
ekonomiċi.
Fl-istess żmien
li beda l-bojkott fuq il-prodotti ta’ Guido Barilla, kumpanija li tipproduċi
l-istess prodotti ħarġet bl-islogan li fid-dar tagħha hemm post għal kulħadd.
Kumpanija tal-karozzi qagħdet iktar attenta u ħarġet bir-riklam li jgħid li hi
x’inhi l-idea tiegħek ta’ familja, huma għandhom il-karozza ideali
għall-familja tiegħek. Għandu mnejn kieku ma seħħx il-każ Barilla ma kienx
ikollhom sens dawn iż-żewġ reklami
l-oħra
.
Kunċett familja
Ikollna nammettu
li l-idea ta’ familja ma għadux dak li kien sa ftit snin ilu. Għandna familji
differenti minn dawk li trabbejna fihom bosta minna. B’ daqshekk ma jfissirx li
ma għandniex nirrispettaw lil dawn it-talin, imma wieħed għandu wkoll jistenna
rispett mingħandhom. Għandu jkun hemm ir-reċiproċità. Din il-ħaġa jien nistħajjilha
bħal triq li minnha l-karozzi jgħaddu lejn iż-żewġ direzzjonijiet, kulħadd
għandu jirrispetta lil dawk l-oħra li hemm fit-triq u min-naħa tagħhom l-oħrajn
għandhom ukoll juru rispett. Imma din l-istess bħat-triq hemm każi fejn karozza
għandha d-dritta fuq karozzi oħra.
Fr Reno Muscat OP
Artikli li deher f' In-Nazzjon 30 ta' Novembru 2013