venerdì 15 novembre 2013

L-adozjoni tal-ulied

Waqt li l-parlament Malti jiddiskuti l-introduzzjoni tal-liġi tal-unjoni ċivili, fuq l-aġenda tal-pajjiż hawn il-kwistjoni tal-adozjoni tal-ulied minn koppjin tal-istess sess. Ngħiduha kif inhi din ma hijiex kwistjoni li taqbad u tgħid iva jew le malajr. Barraminhekk din il-kwistjoni għandha bosta lati, bosta wċuħ. Tista’ titrattaha mil-lat ġuridiku jew mil-lat etiku-morali. Tista’ wkoll tħares lejha mil-lenti umana, kif sejjer nagħmel jien.

Frott tal-imħabba

Kull koppja tkun tixtieq li l-imħabba tagħha tagħti l-frott, imma tajjeb imżommu f’moħħna li t-tfal ma humiex dirtt imma huma rigal. Madanakollu kulħadd ikun jixtieq jirċievi dan ir-rigal. Sfortunatament hawn koppji li dan ir-rigal ma jirnexxielhomx jakwistawh. Hawn minn jirrassenja ruħu u hawn min iduru għas-soluzzjoni l-oħra - l-adozjoni. 
Koppji omosesswali

Bl-introduzzjoni tal-liġi tal-unjoni ċivili għandu mnejn li koppji tal-istess sess ikunu jistgħu jadottaw tfal huma wkoll. Jien mhux ser nidħol fil-kriterju psikoloġiku, morali jew ġuridiku imma kif diġa għidt se nillimita ruħi għall-parti umani. Tajjeb li l-ewwel ħaġa nżommu f’moħħna li l-omosesswalità hija xi ħaġa għal kollox differenti mill-pedofelija. Dawk li jaħsbu li koppja omosesswali tkun tixtieq tadotta tarbija bi skop li tabbuża sesswalment minnha sejrin żball. Nemmen li koppja omosesswali tkun tixtieq tarbija għall-istess raġuni li tkun tixtieqha koppja eterosesswali.

Is-sitwazzjoni attwali

Minkejja kollox, nafu li ftit huma t-tfal Maltin li jistgħu jiġu adottati. llum in-numru ta’ tfal li jgħixu fi djar apposta għalihom naqas ħafna. Bosta tfal li nsibu f’dawn id-djar huma wlied ta’ koppji bi problemi fiż-żwieġ, li l-ġenituri tagħhom ma humniex lesti li uliedhom ikunu adottati. Għalhekk f’pajjiżna xi wħud jadottaw tfal
minn barra. Dan huwa proċess twil li jinvolvi bosta flus u fih ħafna taqtiegħ il-qalb. 

Id-dritt tal-ulied

Jekk il-liġi tagħti dritt lill-ġenituri, għandha wkoll taħseb għad-dritt tal-ulied. Tfal adottati għandhom ikunu
koperti mil-liġi li jkunu jafu l-verità kollha dwarhom infushom, min huma l-ġenituri tagħhom. Il-ġenituri li jadottaw għandhom ifehmu lit-tifel jew tifla tagħhom li l-fatt li huma qegħdin jieħdu l-post tal-omm u l-missier, dan ma jfissirx li l-ġenituri naturali tagħhom ma jħobbuhomx. F’ każ ta’ adozjoni minn koppja omosesswali inħoss li l-ulied għandhom ikollhom stampa ċara tas-sitwazzjoni. Jekk dawn l-ulied ikunu murija il-verità kollha mill-ewwel jistgħu jevitaw sitwazzjonijiet imbarazzanti meta jkunu mistoqsijin xi ħaġa minn sħabhom.

Umanità

Smajna b’każi fejn ulied li kienu adottati meta kienu tfal, meta kibru xtaqu jsiru jafu min huma l-ġenituri naturali tagħhom. Kien hemm każi fejn dawn instabu imma kien hemm oħrajn li baqgħu ma nstabux. Nemmen li dan huwa dritt sagrosant tal-ulied, li minkejja li jkunu ingħataw ħajja diċenti mhux fil-familja naturali tagħhom, xorta jkunu jistgħu jsiru jafu l-oriġini tagħhom. Għalhekk ikun jixraq li koppja li tadotta, u hawn nirreferi għal kull tip ta’ koppja, sakemm ikun possibli, iżomm kuntatt mal-familja naturali tal-wild, jew tal-inqas ma xi ħadd mill-ġenituri. Dan jista’ jtaffi t-tbatija tal-ulied jekk il quddiem jiddeċiedu li jkunu jafu min huma l-ġenituri naturali tagħhom.

Naqbel jew ma naqbilx mal-adozjoni lill-koppji tal-istess sess ftit li xejn jimporta imma nemmen li l-interess tal-ulied għandu jitpoġġa qabel kollox. Ċerti drittijiet tal-ulied adottati għandhom jibqgħu dejjem, ikunu minn min ikunu adottati.

Fr. Reno Muscat OP
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 9 ta' Novembru 2013

Nessun commento:

Posta un commento