sabato 16 novembre 2013

Il-Knisja tistaqsi

Nifrekwenta università lajka ġewwa Ruma. Insib persuni li jistaqsuni dwar punti li ma jifhmux dwar il-Knisja jew it-tagħlim tagħha. Mistoqsijiet komuni hija għalfejn koppji ddivorzjati ma jistgħux jitqarbnu. Ngħidilhom li dik hija l-liġi ta’ Alla u tal-Knisja Kattolika, hemm min jaċċetta t-tweġiba imma hemm min ikun aktar intiż fis-suġġett u jkompli jistaqsi.  Persuna minn dawn wara li weġibtha qaltli: “Allura għalfejn il-Knisja Ortodossa ma timxix fuq l-istess linja? Mela l-Knisja Ortodossa mhix il-Knisja ta’ Kristu wkoll? Mela Kristu mhux Knisja waħda waqqaf?” Tiskanta kemm hawn min jirraġuna! Nipprova nfiehem li l-Knisja għandha il-maġisteru tagħha imma mhux faċli għax imbagħad nidħlu f’ qasam ikkomplikat.


Arja ġdida
Kemm ilu li ntgħażel Bergoglio bħala Papa, donnha infetħet tieqa fil-Knisja li minnha dieħla arja ġdida li qegħda tnaddaf l-għanqbut u l-moffa li trabbew f’ kull parti tal-Knisja Kattolika. Nafu li l-Arġentin kien jitħallat man-nies tal-belt daqs li kieku kien ċittadin komuni. Żgur li mistoqsijiet li jagħmluli l-kollegi tiegħi kien isib min jagħmilhomlu u għalhekk huwa jħoss il-polz tal-poplu għax mhux magħluq bejn erba’ ħitan. Sorpriżi rajna bla għadd minnu, u min jaf kemm għad irridu naraw. Sorpriża kbira hija l-kwestjonarju li ħareġ dan l-aħħar. Dan il-kwestjonarju fih 38 mistoqsija dwar bosta temi attwali, temi jaħarqu li kultant qegħdin ibegħdu lin-nies mill-Knisja ta’ Kristu. Dan l-istħarriġ sejjer isir fid-dinja Kattolika kollha u diġa intbagħat lill-konferenzi Episkopali sabiex jaraw b’liema mod jistgħu sal-aħħar ta’ Jannar li ġej jibgħatu lura dan ix-xogħol lest.

38 mistoqsija
Dan l-istħarriġ fih 38 mistoqsija dwar problemi li kuljum qegħdin jiżdiedu. L-ewwel domandi jirrigwardaw direttament ir-relazjoni tal-Knisja Kattolika mal-poplu. Imbagħad insibu mistoqsijiet dwar koppji f’ sitwazzjoni matrimonjali diffiċli u saħansitra jitratta wkoll iż-żwieġ bejn koppi tal-istess sess. Jistaqsi wkoll dwar kemm il-familji huma miftuħin għall-ħajja – il-kontraċettivi u l-abort. Dawn huma punti jaħarqu u li l-Knisja qegħda b’ għajnejha miftuħin beraħ għax taf li jeżistu u ma tistax tibqa’ titfa’ t-trab taħt it-tapit.

Maġisteru
Billi qiegħed isir dan l-istħarriġ wieħed ma għandux jaħseb li se jinqaleb kollox ta’ taħt fuq. L-ewwel ħaġa mhux dan huwa l-iskop tal-istħarriġ u t-tieni ma ninsewx li l-Knisja għandha t-tagħlim tagħha li ma tistax tibdlu. Jeżisti l-Maġisteru tal-Knsija,  l-uffiċċju li jnterpreta b’ mod awtentiku il-Kelma ta’ Alla. L-awtorità tal-maġisteru ġejja min Ġesù Kristu stess għax fl-Evanġelju nsibu “Min jisma’ lilkom ikun jisma’ lili, u min iwarrab lilkom ikun iwarrab lili; imma min iwarrab lili jkun iwarrab lil dak li bagħatni." [Lq:10:16]. Il-Maġisteru ma huwa ħadd għajr l-isqfijiet imxerdin madwar id-dinja magħqudin mal-Papa. Għalhekk l-istħarriġ intbgħat lill-isqfijiet kollha sabiex jekk jittieħdu xi deċiżjonijiet dawn jittieħdu mill-maġisteru.
Stħarriġ li l-għan tiegħu huwa li jintmiss il-polz tal-poplu ta’ Alla. Żgur li mhux possibli li kull Nisrani jgħid tiegħu għal raġunijiet ovvji, imma dan kien pass kuraġġuż li ħadet il-Knisja sabiex tkun tassewKattolika, jiġifieri universali. Ma għandniex naħsbu li se jinbidel kollox. Ma għandniex ninsew kliem Papa Franġisku stess biex ma nibqgħux marbutin mal-passat, imma lanqas nistgħu nitilqu niġru lejn il-futur (omelija 28/03/13). Għandna nsibu t-triq tan-nofs. L-istħarriġ li se jsir sejjer jgħin biex insibu din it-triq.


Fr Reno Muscat OP 

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon tas-16 ta' Novembru 2013


Nessun commento:

Posta un commento