Fil-bieb ta’ wara
tal-knisja li nkun fiha meta nkun Ruma, nara żagħżugħ ismar, bilqegħda fuq bank.
Qatt ma talabni xejn, u qatt ma rajtu jitlob xejn lil ħadd. Joqgħod hemmhekk
sabiex min irid jagħtih xi ftit ċenteżmi. Isellem lil kulħadd imma lil dawk li
jdaħħlu idhom fil-but u jagħtuh xi ħaġa jsellmilhom aktar bil-qalb. Darba sibt
ftit ħin u qbadt parlata miegħu.
Staqsejtu dwar
il-familja tiegħu imma qalli biss li ġej minn familja kbira, għandu ħafna aħwa
imma ma qallix kemm. Qalli li faddal ftit flus u ttanta xortih fl-Ewropa.
Staqsejtu jekk sabx dak li kien jaħseb li se jsib u t-tweġiba tiegħu kienet
waħda negattiva. Il-fatt li huwa Nisrani ma jgħinux għax il-parti l-kbira ta’
dawk minn Sri Lanka u jgħixu Ruma huma Buddisti u l-ewwel li jgħinu huma lil
dawk tat-twemmin tagħhom stess. Ma xtaqtx indejqu bil-mistoqsijiet tiegħi imma
stajt nifhem minn xiex seta’ għadda.
Ovvjament ladarba jiżgiċċaw minn arthom
ma jmorrux f’art qrib, bħall-Indja imma jfittxu l-Ewropa. Tgħid Ruscian hekk
għamel? Minix ser insaqsih għax niftaħlu ferita żgur.
Staqsejt lil
dal-povru żagħżugħ għalfejn ma jippruvax isib xogħol fl-Italja u wara li daħaq
daħqa bil-qalb qalli li l-Italja lanqas hemm xogħol għat-Taljani aħseb u ara
għalih. Ix-xewqa tiegħu hi li jerġa lura lejn pajjiżu, imma qalli li ma jistax
issa. Min jaf għalfejn? Forsi tassew ħarab minn suldat jew pulizija u jekk
jerġa’ lura hemm kastig jistennih. Qalli li l-imigrazzjoni illegali tista’
tintrebaħ kemm-il darba l-Ewropa tinvesti fil-pajjiżi sottosviluppati u b’hekk
kulħadd ikun jista’ jibqa’ f’pajjiżu mingħajr ma jipperikola ħajtu u jkun
ta’piż fuq il-pajjiż li jsib ruħu fih. Ħsieb sempliċi kieku, imma biex jiġi
attwat jeħtieġ isir l-ewwel pass.
Din hija persuna
waħda li nafha personalment. Bħalha hemm eluf! Kemm hemm bżonn li minflok
naħsbu biss x’sejrin nagħmlu b’ dawk li jaslu fuq ix-xtut Ewropej, naħsbu f’
dawk il-miljuni li jixtiequ jħallu arthom imma ma jistħgux. Jaqbel litifassal
politika Ewropeja li tgħin lil dawn il-pajjiżi li minnhom qegħdin jaħarbu tant
eluf , mingħalihom isolvu problema imma minflok jikkawżaw bosta problemi kemm għalihom
kif ukoll għal ħaddieħor.
Fr Reno Muscat OP
In-Nazzjon 2 ta' Novembru 2013
Nessun commento:
Posta un commento