Riflessjoni fuq il-preżent
Forsi fl-istorja
kontemporanja ta’ pajjiżna, qatt daqs dawn l-aħħar ġimgħat ma rrealizzajna x’
jiġifieri tgħix imbeżża’. Sakemm l-inkwiet kien imbiegħed ma konniex inħabblu
wisq rasna, imma ladarba dan resaq wara biebna l-istorja inbidlet għal kollox.
Bdejna naraw li ninsabu bejn in-nar u l-ilma, bejn żewġ elementi li jistgħu
jservuna jew jistgħu jxejnuna – nar u ilma. Ninsabu bejn l-Italja u l-Libja,
żewġ pajjiżi ġirien u ħbieb imma l-ġrajjiet li seħħew dan l-aħħar fil-Libja
poġġewna saqajna mal-art u ma bqajniex naraw it-terrur bħala ħaġa mbiegħda imma
ħaġa li tinsab ma’ saqajna. It-terrur huwa biża’ kbir li ma jkunx ikkontrollat.
Bosta nies bħalissa daħlu f’ dan l-istat.
Ruma
Iżda meta
titkellem mar-Rumani dlonk jgħidulek li huma mbeżżgħin. Bit-thedid
tat-terroristi li smajna dan l-aħħar ma tlumhomx. Waħda mara qaltli li jkollha
tirkeb tliet karozzi tal-linja biex tasal sal-post tax-xogħol tagħha, u allura
jkollha tilaq mid-dar kmieni. Qaltli li saret tibża’ minn xi attakk
terroristiku. Il-ħin kollha tħares biex tara tilmaħx xi persuna suspettuża u
titlob li tfittex tasal. X’ tort tagħtiha? Raġel ieħor qalli li sar jibża’
jirkeb il-metrò għax qiegħed jistenna li jiġri xi ħaġa tal-biża’ hemm isfel. Lanqas
li dan ma nagħtih tort.
Tixrid tat-terrur

Pajjiżna
Bosta Maltin huma
wkoll imħassbin bil-qagħda li fiha ninsabu. Nafu li aħna dgħajfa, irridu jew ma
rridux ikollna naċċettaw il-fatt li waħdena nbati biex niddefendu ruħna.
Soluzzjoni diplomatika tkun l-isbaħ soluzzjoni, imma kemm hija possibbli? Jien
nemmen bil-mirakli u għalhekk ma ngħidx impossibli. Kull pass li jsir irid isir
bl-akbar attenzjoni għaliex il-biċċa ma hija faċli xejn. Pajjiżna għadnu mnejn
iservi ta’ pjattaforma għal taħdidiet. Malta serviet ta’ port kenni biex intemmet
il-gwerra bierda bejn iż-żewġ superpotenzi li ddominaw id-dinja minn wara
t-tieni gwerra dinjija sa 25 sena ilu. Intenni dak li diġà stqarrejt, qiegħed
ngħid hekk għax nemmen bil-mirakli, u forsi noħlom bil-kulur ukoll!
Friski bħal ħassa
Kuntrarjament għal
dawk li jgħixu fit-terrur, hemm dawk li lanqas jafu biss x’ qiegħed jiġri. Waqt
li kont Ruma iltqajt ma’ xi wħud li għalihom qisu mhu jseħħ xejn fid-dinja.
Bil-fors, għax dawn jintefgħu quddiem it-televiżjoni jaraw xi quiz u x’ ħin
ikunu ser jibdew l-aħbarijiet jitfulu. Gazzetti ma jeżistux għalihom. Meta
tkellimt magħhom u fissirtilhom il-qagħda li jinsab fiha pajjiżhom baqgħu b’
ħalqhom miftuħ. Imberkin dawn in-nies, friski bħal ħassa!
Biss ma jistax
ikun li kulħadd ikun frisk bħal ħassa għax hemm bżonn tinstab soluzzjoni
mill-aktar fiss possibbli. Kull jum li jgħaddi huwa jum mitluf, huwa jum
mgħoddi fit-terrur, fil-biża' ta' min jaf x’ jista’ jiġri.
Fr Renò Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 28 ta' Frar 2015