Hemm differenza bejniethom?
Spiss nisimgħu
kliem dwar reliġjon u reliġjożità imma kultant nibdew nitħalltu ħaġa ma’ oħra,
naħsbu li huma l-istess ħaġa meta fil-verità ma humiex l-istess, għalhekk
tajjeb nippruvaw nifirduhom minn xulxin biex naraw id-differenza ta’ bejniethom
Il-Fidi

Mela r-reliġjon
hija dik il-ħaġa li tressqek lejn is-sopranaturali li kull persuna jħoss ġewwa
fih li jeżisti.
Reliġjożità

Ir-reliġjożità
hija dak kollu estern li juri b’ mod ħaj xi jkun qiegħed iħoss il-bniedem.
Pietà popolari huma l-mod kif dak li jkun jesprimi il-fidi tiegħu. U hawn fejn
jinqalgħu l-problemi. Jekk bniedem iċapċap quddiem statwa ma nistgħux ngħidu li
dak ikun att ta’ twemmnin, mela ma huwiex reliġjon, imma dak ikun att li juri
l-ferħ li jkun qiegħed iħoss ġewwa qalbu x’ ħin sab ruħu quddiem dik l-istatwa,
mela dak ikun att ta’ reliġjożità.
X’ differenza hemm?
Biex naraw
id-differenza bejn reliġjon u reliġjożità sejrin inġibu eżempju sempliċi. Hawn
Maltin li jekk imorru Għawdex iridu jżuru l-bażilika tal-Madonna ta’ Pinu. Fih
innifsu dan huwa att sabiħ, imma dan ma nistgħux insejħulu reliġjon iżda huwa
att ta’ reliġjożità. Jekk immur Għawdex u ma mmurx ninvista s-santwarju Ta’ Pinu
ma nkun qed nagħmel l-ebda dnub u ma nkun qed nonqos kontra l-ebda kmandamnet u
ma nkun qed immur kontra l-ebda domma ta fidi għax żjara f’ dan il-post hija
biss espressjoni esterna tal-imħabba li dak li jkun ikollu lejn il-Madonna li
nsibu meqjuma hemmhekk.
Każi ta’
reliġjożità insibu kemm irridu, u mhux fil-fidi Kattolika biss. Il-bniedem
fin-natura tiegħu irid jesprimi b’ mod viżiv dak li jkun qiegħed iħoss u għalhekk
jorganizza festi u manifestazzjonijiet.
Hemm waħda bla oħra?

Meta
r-reliġjożità tkun mifruda mir-reliġjon din minkejja li tibqa’ tidher bħala
tali, imma tkun att superfiċċjali, att bla ebda bażi. Ta’ xejn immur kull
pelleġrinaġġ li jorganizza l-kappillan jekk ma nħossx ġo fija s-sentiment
reliġjuż. Jekk immur pelleġrinaġġ bla ma nħoss il-fidi timbuttani biex immur,
inkun mort sempliċimnet dawra, jew ġita. Jekk tiġi l-festa tar-raħal u mmur
kull marċ li jsir, immur nisma’ l-prietki tat-tridu u l-paniġierku,
sempliċiment għax hekk imdorri u biex ta’ kontra ma jgħidux li kien hemm
il-knisja vojta, inkun qed nagħmel att ta’ reliġjożità fażul, inkun qed nagħmel
teatrin, inkun qed nafferma dak jgħidu dawk li għomorhom u żmienhom jikkritikaw
il-festi.
Din hija
d-differenza bejn reliġjon u reliġjożità, waħda tinstab mistura f’ qalbi, fija
nnifsi u l-oħra hija l-espressjoni ta’ dak li hemm fil-font ta’ qalbi. Tajjeb
li qatt ma nifiruhom minn xulxin dawn iż-żewġ atti.
Fr Reno Muscat