L-olokawst mil-lenti ċinematografika
Il-kelma "Shoah" hija kelma Lhudija li
nsibuha fil-Bibbja u tfisser tempesta qerrieda, ħsara, ħerba. Fil-ktieb
tal-profeta Isaija nsibu miktub hekk: “Imma għad tilħqek ħsara kbira, li
ma tagħrafx tegħlibha bi sħarijietek, taqa' fuqek qerda li ma jkollokx
ħila tbiegħed, tilħqek ħesrem ħerba li qatt ma tkun bsart.” (Is. 47,11).
Din il-kelma trid tindika l-qerda tal-poplu Lhudi u llum saret tintuża għall-olokawst,
għal dak li seħħ fil-kampijiet ta' konċentrament taħt in-Nażisti matul it-tieni
gwerra dinjija.
Kull nhar is-27 ta' Jannar id-dinja tfakkar din
il-ġrajja kerha li wasslet fit-tmiemhom
madwar sitt miljun Lhudi. Minkejja li hawn min jiċħad li sar dan l-isterminju,
minkejja li hawn min jgħid li l-olokawst hija biss invenzjoni fittizja,
l-istorja tgħidilna mod iehor. Kienu bosta dawk li kitbu kotba dwar dak li
seħħ, f' Auschwitz, f' Dachau, f' Sobibór, f' Chełmno u f'bosta
kampijiet ta' sterminju oħrajn bejn l-1939 u l-1945. Biex dak li ġara ma
jintesa qatt, inħadmu bosta films dwar dawk is-snin koroh u dak li ġara fihom
wara l-ħitan u l-barbed wire ta' dawn
il-kampjiet. Fost ħafna dawn huma xi wħud mill-aktar popolari.
Schindler's list
Fost l-aktar films popolari li
bħala tema għandhom ix-Shoah, insibu l-kapolovur ta' Stephen Spielberg,
"Schindler's list". Maħdum fl-1993 fil-post fejn kien il-getto
tal-Lhud fi Krakovja, l-Polonja, rebbieħ tal-premju Oscar għall-aħjar storja u għall-aħjar
direzzjoni, jrrakkonta l-istorja ta' Oskar Schindler, Ġermaniż, negozjant li
kien iħaddem miegħu mijiet ta' Lhud u bis-saħħa ta' hekk inħelsu mill-kampijiet
ta' konċentrament li susegwentament kienu jwasslu għall-mewt.
The diary of Anne Frank

The pianist
The pianist huwa film ieħor
sabiħ li bħala tema għandu l-martirju tal-poplu Lhudi fit-tieni gwerra dinjija.
Inħadem fl-2002 taħt id-direzzjoni ta' Roman Polanski. Dik is-sena stess
il-film rebaħ il-premju Palma tad-deheb fil-festival ta' Cannes. Il-film
jirrakkonta l-istorja ta' Wladyslaw Szpilman, pjanista Lhudi, li jgħix ġewwa
Varsavja, l-Polonja, u kif inbidlet ħajtu mal-invażjoni ta' dan il-pajjż min-Nażisti. Naraw il-ħolqien
tal-getto. Naraw il-poplu jgħix wiċċ imb' wiċċ mal-mewt. Il-ġlied, il-ħarbiet mill-getto,
il-qtil... Sakemm wasal il-ħelsien mill-armata
Russa. Il-film jintemm fuq nota ta' qsim il-qalb, għax wara li l-pjanist,
metaforikament, ikun qasam il-baħar kollu, jegħreq fix-xatt.
The boy in the striped pyjamas

La vita è bella

Hemm bosta u bosta films oħra li bħala tema għandhom l-olokawst. Kollha sbieħ u kollha jirrakkontaw xi storja, vera jew fittizja, ta' parti minn dak li seħħ
fit-tieni gwerra dinjija. Dan iż-żmien bosta jagħmlu bħali u jerġgħu jaraw xi
film jew tnejn minn dawn, minkejja li nkunu rajnihom qabel. Dawn ikomplu ta' kull
sena jfakkruna fix-Shoah, dak li għada minnu l-poplu Lhudi f' dawk is-snin
koroh tat-tieni gwerra dinjija.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 30 ta' Jannar 2016