Dan l-aħħar bdejna nisimgħu kelma li ma tantx konna
mdorrija nisimgħuha. Din hija l-kelma: vilifikazzjoni. Xi tfisser sewwasew din
il-kelma? Jien qallibt fit-Thresaurus
u fittixt u taħt il-kelma “Vilification”
u fost oħrajn sibt dawn is-sinonimi:
kalunja, difamazjoni, gidba, skandlu, tradiment, tfigħ ta’ tajn. F’ dizzjunarju
sibt li din il-kelma tfisser li tattakka ir-reputazzjoni ta’ persuna jew oġġett
b’ mod qawwi jew abbużiv. Hija sinonimu tal-ħażen. Issa f’ Malta qegħdin nisimgħu li l-liġi dwar
il-vilifikazzjoni tar-reliġjon sejra titneħħa b’ riħet il-libertà
tal-espressjoni.
X’ inhi l-libertà?
F’ pajjiż modern
kulħadd għandu jkollu għadd ta’ libertajiet. Libertà tal-għixien, libertà
tal-espressjoni, libertà tat-twemmin, libertà tal-moviment, li wieħed ikun
jista’ jmur fejn irid bla problemi ta’ xejn, libertà tal-ħsieb, libertà li
jissieħeb fi trade union u
libertajiet oħrajn li lanqas ninduanw
bihom sakemm ma niġux imnaqqsa jew imċaħħdin minnhom. Iżda rridu noqgħodu
attenti, il-libertà tiegħi għandha tkun tali li ma tkunx ta’ nuqqas ta’ libertà
tiegħek, f’ dak il-każ dik ma tkunx libetà imma abbuż. Libertà ma jfissirx li
kulħadd jagħmel li jrid għax dik il-ħaġa tkun libertinaġġ, il-liġi tal-ġungla.
Libertà hija ħelsien mill-oppressjoni. Libertà tfisser nuqqas ta’ xkiel żejjed.
Id-dagħa fuq fomm il-Malti
Bit-tneħħija ta’
din il-liġi, id-dagħa mhux ser jibqa’ reat. Id-dagħa huwa sfortunatament wirt
għalina l-Maltin. Dan ma huwiex vizzju tagħna biss imma nsibuh fil-pajjiżi
Mediterranji kważi kollha. Biss ejjew niffukaw fuq il-Maltin. Kuġina tiegħi li
tgħix barra minn Malta u li titkellem il-Malti daqsna minkejja li ma twielditx
hawn, l-ewwel darba li ġiet Malta baqgħet iċċassata meta fl-ajruport, hekk kif
waslet, lemħet raġel b’ kurċifiss tad-deheb, jiżen kilo, imdendel ma’ għonqu u
semgħetu jidgħi. Illum aktar minn qabel id-dagħa donnu sar soċjalment aċċettat,
minkejja li kulħadd jaf li d-dagħa jbaxxik u jumiljak quddiem il-bnedmin u
quddiem il-ħallieq, minkejja li kulħadd jaf li bid-dagħa l-ebda argument ma
tirbaħ, anzi juri li tkun fuq in-naħa t- telliefa u għax ma jkollokx argumenti
sodi biex tiddefendi ruħek tibda tidgħi.
F’ Malta għandna
l-liġi kontra d-dagħa, imma għandi kurżità kbira meta kienet l-aħħar persuna li
ttellgħet il-qorti jew li weħlet tal-inqas ċitazzjoni għax dagħat. Jekk dan il-każ
ilu ħafna, ma jfissirx li nqata’ d-dagħa, imma jfisser li sirna nagħlqu widnejna
għal kollox.
Bla ma jkunu jafu

Nememn li bosta
jgħidu kliem bħal dan mhux għax verament ikunu vvizjati jidgħu imma għax illum
daħlu dawn l-idjomi jew espressjonijiet fid-diskors tagħna u mingħajr ma
nintebħu nużawhom. Biss xorta ma humiex espressjonijiet sbieħ.
Vilifikazzjoni u ċ-Charlie Hebdo
L-attakki fuq il-kwartieri tal-ġurnal Charlie
Hebdo f’ Pariġi fis- 7 ta’ Jannar tal-2015 kien każ fejn il-vilifikazzjoni
tar-reliġjon ma ġietx aċċettata. Nafu li ftit jiem qabel l-attakki dehret
karikatura tal-Profeta Muhammed fuq quddiem ta’ dan il-ġurnal u xi segwaċi
tal-Profeta ħassewhom inġurjati b’ dik il-karikatura. Mhux qiegħed ngħid li
l-attakk fuq il-kwartieri tal-Hebdo
kien ġust, xejn affattu, imma qed ngħid li hemm min lest anke jasal fl-estrem
jekk joffendulu s-sentimenti tiegħu. Tajjeb ngħidu wkoll li dan l-istess ġurnal
kemm-il darba ġab karikaturi ta’ Kristu, tal-Papa jew ta’ xi persunaġġ għażiż
għall-fidi Nisranija. Din hija l-vilifikazzjoni.

Personalment ma nafx għalfejn f’ Malta għandna l-ħtieġa li nneħħu l-liġi
tal-vilifikazzjoni. Nixtieq nistaqsi: liema libertà qegħda toħnoq din il-liġi? Naħseb
li bosta minnha, fil-qalba ta’ qalbhom għadhom jgħożżu t-twemmin li wirtu
mingħand missirijiethom u li twaqqa’ għaż-żuffjet dan it-twemmin sejjer iweġġa’
lil ħafna. Niftakru fil-qawl Malti: kelb
rieqed ma nqajmux! Li kien għalija nħalli kollox kif inhu. Il-libertà ta’ min tnaqqset
billi hemm il-liġi? Dagħa nisimgħuh kullimkien, smajnieh fit-teatru u issa
saħansitra fuq it-televiżjoni. Qrajnih fil-kotba wkoll. Mela għalfejn se
nċaqilqu d-dinja? Ma nafx.