venerdì 29 luglio 2016

San Pawl il-Baħar

Fi ċkuniti, fix-xhur sħan tas-sajf aktarx konna niġbdu lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Malta sabiex immorru ngħumu fis-sajf jew sempliċiment għal xi mixja fil-kampanja fix-xitwa. L-aktar post popolari mal-familja tiegħi dejjem kien San Pawl il-Baħar. Dan il-post illum sar wieħed mill-akbar lokalitajiet f’ pajjiżna u jingħad li fis-sajf in-numru ta’ residenti fih, bejn Maltin li jmorru villeġġjatura u bejn turisti, jitrippla u jaqbeż is-sittin elf ruħ. B’ hekk din il-medda ta’ art li tiġbor fiha l-Mistra, ix-Xemxija, il-Pwales, San Pawl, il-Wardija, Buġibba, l-Qawra, San Martin, parti minn Għajn Riħana u Burmarrad bħalissa hija l-akbar raħal f’ Malta. Jien ma niftakrux hekk, niftakar art mogħxa kważi kullimkien, u dawk ta’ qabli jiftakru aktar minni għax jien qed insemmi s-snin tal-bidu tal-iżvilupp ta’ Buġibba, madwar 40 sena ilu. Snin meta ma kellniex mobile u jekk kien ikollna bżonn nagħmlu xi telefonata konna rridu mmorru nfittxu xi lukanda li kienu bdew jinfetħu dak iż-żmien, u ninqdew minn hemm. Kemm jinbidlu ż-żmijijiet!

Il-menqa madwar 90 sena ilu
Minn żmien il-qedem
Minkejja li llum San Pawl il-Baħar sar fih postijiet ta’ divertiment u attrazzjonijiet turisiċi moderni, dan ma jfissirx li hija żona abitata f’ dawn l-aħħar ftit deċenji ta’ snin. Xejn minn dan! Jixhdu dan li qed ngħid is-sejbiet arkeoloġiċi li nstabu fl-inħawi. Oqbra preistoriċi u oħrajn puniċi, tempji neolitiċi, raddiet tar-roti u fdalijiet rumani. Dan kollu juri l-importanza ta’ din ix-xaqliba tal-gżira fi żmien il-qedem. Forsi l-aktar ġrajja li nassoċjaw ma’ dan il-post hija l-miġja ta’ San Pawl fostna għall-ħabta tas-sena 60. Ir-Rumani kienu ilhom f’ pajjiżna aktar minn żewġ sekli u nofs imma aktarx li hawnhekk kien iservi biss bħala port biex jitgħabbew il-ħtiġijiet fuq ix-xwieni li jkunu qed jaqsmu mill-Afrika ta’ fuq lejn l-Ewropa ta’ isfel jew bil-maqlub. Il-fatt li l-Maltin ma kienux jitkellmu l-Latin, l-ilsien tal-Imperu Ruman, jixhed li pajjiżna ftit li xejn kellu importanza, biss mill-fatt tal-miġja ta’ San Pawl fostna nistgħu naslu għall-konklużjoni li San Pawl il-Baħar kien port importanti fit-tramuntana tal-gżira. Fl-Atti tal-Appostli nsibu miktub li l-prinċep tal-gżira, li kien jismu Publiju kellu l-oqsma tiegħu fil-qrib. It-tradizzjoni żżomm li dawn l-oqsma llum jinstabu f’ Burmarrad, fejn hemm il-kappella ta’ San Pawl Milqi. Ladarba l-mexxej ta’ gżiritna kien joqgħod hemmhekk, nassumu li din ix-xaqliba kellha ċerta importanza.

It-torri ta’ Wignacourt u ta’ Lascaris
It-torri ta’ Wignacourt
Dawn iż-żewġ torrijiet m’humiex l-uniċi binjiet tal-kavallieri f’ dan il-lokal. Illum it-torri ta’ Wignacourt għandu preġju kbir, dan kien mibni fl-1610 minn dan il-Gran Mastru Franċiż li mexxa lil Malta bejn l-1601 u l-1622, kien l-ewwel minn sitt torrijiet tal-għassa li nbnew biex iħarsu lil xtutna mill-attakki tal-għadu. Dan allura huwa l-eqdem torri tal-għassa f’ pajjiżna.  Fil-Qawra nsibu torri tal-għassa ieħor mibni fl-1638 mill-Gran Mastru Taljan Giovanni Paolo Lascaris li kien jikmanda l-Ordni u lil Malta bejn l-1636 u l-1657. L-ewwel torri insibuh sewwasew wara l-knisja parrokkjali ta’ San Pawl il-Baħar, it-tieni wieħed jinsab fil-ponta tal-Qawra, magħruf bħala t-Torri ta’ Fra Ben.

Il-Pwales
Parti oħra min dan il-lokal huwa l-wied tal-Pwales, il ġewwa mill-bajja tax-Xemxija. Ta’ hawn għandi wkoll bosta memorji u tifkiriet sbieħ. Kemm konna nistennew bil-ħerqa li jgħaddi San Gejtanu biex l-għada nibdew il-kamp ta’ ħmistax mal-Iscouts. Bla kumdità ta’ xejn, norqdu fl-art, ninħaslu fil-baħar imbagħad nitlaħalħu fuq fuq bl-ilma bir-razjon, nieklu dak li jagħtuna bla ma noqgħodu nordnaw. Illum il-post fejn konna mmorru nikkampjaw ma għdux aċċessibbli għan-nies. Ħasra! Minflok l-Iscouts qed imorru jikkampjaw aktar qrib tat-triq prinċipali. Il-Pwales huwa dinja għalih.

Id-Duluri
Iż-żona li tkellimna fuqha llum fiha tliet parroċċi; Burmarrad, iddedikata lil Qalb ta’ Marija, imwaqqfa bħala parroċċa fl-1971, il-Qawra, iddedikata lil San Franġisk ta’ Assisi, imwaqqfa fis-sena 2004 u dik l-aktar antika ta’ San Pawl il-Baħar, iddedikata lil Marija omm tad-Duluri. Din saret parroċċa fl-1905. Ħafna jistaqsu kif issir festa lid-Duluri? Tabilħaqq li f’ San Pawl il-Baħar issir festa lill-Madonna taħt it-titlu tal-Addolorata. Hemm min isibha bi tqila biex jifhem din il-ħaġa; festa bil-baned, bl-armar, bil-logħob tan-nar u b’ dak kollu li jagħmel il-festa Maltija. Jingħad li kien hemm tentattiv biex tibda ssir festa lil San Pawl minflok iżda l-idea ma tantx niżlet tajjeb man-nies tal-post u għalhekk baqa’ kollox kif inhu. Festi lil qaddisin martri isiru bosta, allura għaliex le lis-Sultana tal-Martri?

Turiżmu u villeġġjatura
San Pawl il-Baħar huwa post ta’ kuntrast kbir. Fih issib il-mekka tat-turiżmu ta’ pajjiżna u fih issib ukoll bosta djar fejn il-Maltin iqattgħu s-sajf fil-kwiet u l-mistrieħ. Iva dan huwa raħal li fih nistgħu ngħidu ssib min kollox, issib fejn tistriħ u ssib fejn tgħejja, tista tmur biex toroq u tirrilassa u tista’ tmur fih biex tgħaddi lejl bla ma tagħlaq għajn m’ għajn.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon,  30 ta' Lulju 2016






sabato 23 luglio 2016

Btala tas-sajf

Huma bosta dawk li jistennew ix-xhur tas-sajf biex jieħdu btala. Ħalli ngħiduha kif inhi, btala fix-xhur sħan tas-sajf Malti tkun qiegħed tistenniha daqx xarba ilma kiesah fid-deżert. Hemm bosta tipi ta’ btajjel li wieħed jista’ jieħu fis-sajf.

Villeġġjatura

Barra- Napli, fil-bidu tas-seklu XX kien għadu post ta' villeġġjatura

Meta kont ngħix l-Italja, meta xi ħbieb kienu jsemmu l-btajjel u l-villeġġjatura kont nimmaġina li jmorru ħdejn il-baħar, biss ma domtx ma ntbaħt li għalihom villeġġjatura mhux bilfors tkun dar ħdejn il-baħar, tista’ tkun fuq muntanja, fil-bosk jew f’ xi belt jew raħal ċkejken. L-iskop tal-villeġġjatura hu li tibdel l-ambjent li tkun ilek tgħix fih madwar sena. Aħna l-Maltin illum lanqas nimmaġinaw li mmorru xi jiem ta’ villeġatura bogħod minn xatt il-baħar, iżda ma kienx dejjem hekk. Kont qed nitkellem ma’ persuna minn Ħaż-Żebbuġ dwar is-sbuħija arkitettonika ta’ ċerti djar li nsibu f’ dak ir-raħal. Dan il-ħabib qalli li fil-qedem ħafna min-nobbli tal-Imdina kien ikollhom id-dar tal-villeġatura tagħhom f’ xi raħal barra s-swar iżda mhux wisq bogħod mill-belt.  Ħaż-Żebbuġ kien raħal ideali għal dan l-iskop u għalhekk insibu bosta djar sbieħ fih għax xi darba kienu djar tal-villeġġjatura. Issa Ħaż-Żebbuġ ma hemmx baħar. Dan il-fatt fakkarni f’ Napli. Kont ngħix fi kwartier li qabel ukoll kien post ta’ villeġġjatura għas-sinjuri ta’ Napli. Fil-fatt hemmhekk ukoll hemm għadd ta’ vilel sbieħ fl-arkitettura tagħhom. Lanqas fil-kwariter li kont ngħix fih Napli ma hemm baħar. Inċidentalment il-baħar minn hemmehkk imbiegħed xi daqs kemm hu mbiegħed minn Ħaż-Żebbuġ. Illum la Ħaż-Żebbuġ u lanqas Barra (għax hekk jismu l-kwartier Naplitan) ma għadhom postijiet ta’ villeġġjatura iżda saru bliet residenzjali.

Safar
Btala sabiħa hija meta mmorru barra minn artna u nżuru xi art barranija. Kien hemm żmien li s-safar kien xi ħaġa immaġinarja, xi ħaġa li mhux kulħadd jista’ jagħmilha. Illum il-folja nqalbet u ftit għad hawn Maltin li qatt ma siefru. Niftakar wieħed xiħ kien qalli li qatt ma siefer għax kien jibża’ mill-ajru jew mill-baħar. Kien jgħid li l-arju għat-tajr u l-baħar għall-ħut. U allura dan it-tali lanqas sa Għawdex qatt ma’ mar. Għalih id-dinja kienet tispiċċa l-Marfa jew iċ-Ċirkewwa. Min jaf dak il-bniedem kif kien jimmaġina d-dinja lil hinn minn din l-art li twieled fiha?

Minbarra li huwa mezz ta’ mistrieħ, is-safar huwa wkoll mezz ta’ edukazzjoni. Li żżur palazzi, mużewijiet, pjazez u toroq li forsi jkunu ssemmew fl-istorja iġiegħel lil dak li jkun jistħarreġ xi ftit fuq dak il-post u għalhekk ikabbar l-għerf tiegħu. Tabilħaqq li hawn min isiefer biex jara l-vertini tal-ħwienet biss u jimla l-bagalji tiegħu b’ dak li jkun xtara. U llum jaħasra f’ pajjiżna ssib kollox u forsi anke bi prezz orħos! Imma mur fiehem lill-Malti!

Hawn min jippreferi jsiefer għal rasu, jippjana safra, jikri karozza jew jippjana vjaġġi bil-ferrovija, jaħseb għal-lukandi u joħloq programm hu stess. Iż-żgħażagħ jippreferu dan it-tip ta’ safar. Dawk li huma akbar fl-età aktarx li jippreferu tour. F’ tour ikollok kollox lest u inti ma jkollok għalfejn tinkwieta għal xejn għax hemm il-mexxej jaħseb għal kollox hu.

Il-Cruise
Snin ilu li tmur cruise kienet ukoll ħaġa kbira. L-ewwel ħaġa kien hemm l-iskariġġ tal-vjaġġ qabel tibda l-cruise. Qabel il-cruise liners ma kienux jidħlu f’ pajjiżna u min kien jagħżel li jmur btala fuq vapur kien ikollu l-ewwel jaqbad ajruplan u jasal fil-port tat-tluq tal-cruise liner. Ilum anke din il-problema spiċċat għaliex għandna għadd ta’ cruise liners li jidħlu fil-port tagħna. Dawn it-tipi ta’ btajjel saru popolari magħna l-Maltin u hemm min imur kull sena. Ħaġa li timpressjonani hi li meta tistaqsi kif marru fil-cruise,  ħafna min dawk li jkunu marru l-ewwel li jgħidulek tkun:  “UUU kemm kilna!” U s-santa mqattgħa, dortu l-Mediterran u tiġi ssemmili l-ikel! Lanqas li qegħdin f’ xi art tat-tielet dinja fejn hawn il-ġuħ ma’ kullimkien!

Btala ta’ bilfors
Li tmur btala barra minn xtutna hija dejjem xi ħaġa mixtieqa u sabiħa. Hawn faxex ta’ nies li bilfors iridu jieħdu btala barra l-pajjiż għaliex inkella ma jieqfux minn xogħolhom. Il-politiku, bil-mobile dejjem idoqq, it-tabib li lejl u nhar jissejjaħ biex jassisti lil xi marid, is-saċedot li la għandu Ħdud la festi u xejn. Dawn kollha huma kostretti li jsiefru biex jieħdu btala. Ma jistgħux imorru btala f’ Malta stess għax tispiċċa ma tkun btala xejn. Ġieli kont btala Għawdex ma’ persuni minn dawn . Nassigurakom li għalihom din ma tkunx btala imma jiem ta’ xogħol bogħod mill-ambjent tas-sotu għaliex in-nies iċemplulhom, in-nies jarawhom u jkunu jridu jkellmuhom dwar xi problema u għalhekk jispiċċaw bla btala.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 23 ta' Lulju 2016



sabato 16 luglio 2016

Marċi tat-tgħajjir

Meta qegħdin fil-qalba tal-istaġun tal-festi Maltin nixtieq naqsam magħkom dan il-ħsieb. Minkejja li l-festi parrokkjali tagħna  huma prinċipalment festi reliġjużi, fihom ukoll il-laqta soċjali u kulturali tagħhom, anzi nissogra ngħid li llum dawn il-festi aktar saru festi kulturali milli reliġjużi għaliex ifittxuhom anke turisti li ma jħaddnux l-istess twemmin ta’ min jorganizza l-festa.

Il-festa parrokkjali Maltija hija maqsuma bejn il-festi ta’ ġewwa l-knisja u l-festi ta’ barra, fit-toroq. Jekk fuq ġewwa naraw armar, mużika u funzjonijiet, xejn inqas fuq barra. Element importanti tal-festa ta’ barra huwa l-marċ. Hemm marċ u marċ! X’ jiġifieri? Hemm il-marċ ‘tal-puliti’, fejn tal-kumitat tal-banda jilbsu l-ġlekk u l-ingravata u ma jkunx fih briju u hemm il-marċ ‘ta’ filgħodu’ fejn tal-kumitat jilbsu shorts u t shirt u jkun hemm briju kbir. F’ xi festi Maltin insibu dawn iż-żewġ tipi ta’ marċi, f’ xi oħrajn il-marċ pulit ma jsirx.

Marċi brijużi
Ladarba wieħed imur marċ ma jistenna xejn inqas milli jisma’ l-marċi. Illum f’ pajjiżna għandna għażla kbira ta’ marċi brijużi miktubin minn surmastrijiet Maltin bħalna li jpaxxu lil min jisma’. Nistgħu ngħidu b’ wiċċna minn quddiem li pajjiżna ta surmastrijiet verament kapaċi għall-kitba ta’ dan il-ġeneru ta’ mużika u għadu jagħti għax illum ukoll għadna nsibu kittieba tal-mużika li jafu jagħtuna marċi mill-isbaħ. Ma rridx insemmi ismijiet għax jekk nibda żgur li l-lista tkun tant twila li nimla din il-paġna li nispiċċa ma ngħidx dak li għadni ngħid.

Marċi bil-kliem
Jien minn dejjem niftakar li ma’ xi marċi jitkanta xi kliem imqabbel, poeżija forsi li xi darba ħarġet spontanja u li tindara minn sena għal oħra u għalhekk tibqa’ titkanta. Kien hawn marċi, li sal-lum għadhom jindaqqu, li l-poplu ma jafx x’ jisimhom imma jafhom bil-kliem tat-taqbil li jitkanta magħhom. Ippermettuli nsemmi marċ wieħed biss minn dawn: il-marċ tal-Maġġur Anthony Aquilina li jġib l-isem “The Stripes” ħafna jafuh bil-kliem tat-taqbil li jsir miegħu. Dan mhux fil-marċi tal-festa biss, imma anke fl-istadium jitkanta! Naħseb li aktar hawn min jafu b’ “Ram u Ħadid” milli bl-isem veru tiegħu. U dan marċ antik, biss biss il-Maġġur ilu aktar minn 30 sena mejjet!

Illum tista’ tgħid li kull banda għandha s-sett tal-marċi li fihom il-kliem għal magħhom. Il-ħaġa li ma tantx hija kompatibbli mal-festi li fihom jindaqqu dawn il-marċi huwa l-għażla tal-kliem li jsir. Għal mal-marċi ġieli jinkiteb kliem inġurjuż, pastas, li jweġġa lil dawk ta’ kontra. Ġieli jinbidel il-kliem waqt li jkun għaddej il-marċ u minkejja li l-verżjoni oriġinali tal-kliem tal-marċ ikun xieraq, xi gruppi fil-marċ jibdlu xi partijiet minnu biex jizzikaw lill-kompetituri tal-każin tagħhom. Meta jiġri hekk id-diriġenti tal-banda ftit li xejn jistgħu jagħmlu, għax minn se jżommha l-folla? B’ hekk minn marċi brijuiżi nispiċċaw ikollna marċi tat-tgħajjir.

L-istess marċi
Illum insibu Cds b’ marċi bil-kliem. Hawn min qed jagħmel karriera (sic) jkanta l-marċi u jirrekordjahom! Sfortunatament dawn id-diski ħafna drabi jkollhom kliem dispreġġjattiv u tgħajjir lejn xi banda oħra jew lejn xi parroċċa oħra. Hemm każ fejn l-istess marċ jindaqq minn żewġ baned li jikkompetu ma’ xulxin ...... rivali, ippermettuli nuża din il-kelma biex jifhem kulħadd. L-istess kantant ikanta dan il-marċ, darba jgħajjar banda u darba jgħajjar lill-banda l-oħra. Imma d-diriġenti tal-każini possibbli ma jindunawx b’ħaġa bħal din jew jindunaw u jippermettuha? F’ każi bħal dan ħadd ma jista’ jxejjirha l-palma tar-rebħa!

Politika u politika
Hawnhekk bil-kelma politika ma rridx nirreferi għal politics imma għal policy. Hemm żewġ tipi ta’ politika biex nuri x’ naf, biex nuri kemm jien tajjeb, biex nuri kemm jiena kbir. L-ewwel tip huwa li nagħmel minn kollox biex nuri x’ naf, nuri kemm jiena kapaċi biex nagħti impressjoni tajba tiegħi nnifsi u l-poplu jibda jammirani għax tassew inkun kbir. It-tieni każ ta’ politika huwa fejn nuri kemm l-ieħor huwa ħażin, kemm hu żgħir, kemm ma għandu xejn. L-ewwel tip jintuża minn min verament huwa kbir, min ma joħlomx bil-kulur, minn min ma jgħidx li l-għeneb qares għax ma jkunx laħqu. It-tieni tip sfortunatemnet huwa aktar popolari għax jiċċekken ir-rivali tagħna u allura nħossuna akbar aħna. Fil-verità jekk nużaw dan it-tip ta’ politika niċċekknu aktar aħna!

Ħafna jikkritikaw il-Knisja fuq dawn il-fatti għaliex fl-aħħar mill-aħħar dawn huma marċi li jsiru f’ festi reliġjużi. Jiżbalja min jaħseb li l-Knisja tħalli kollox għaddej qisu ma ġara xejn f’ każi bħal dawn. Naf li l-kurja hija attenta ħafna għal dawn it-tipi ta’ marċi tat-tgħajjir u naf li tintervjeni mill-ewwel fejn ikun hemm każi ta’ tgħajjir minn xi soċjetà lejn soċjetà oħra. Biss lanqas huwa sew li fis-sena 2016, aħna poplu matur, ċiviliżżat u edukat, għadna nehdew bit-tgħajjir lil ħaddieħor biex nieħdu gost aħna. Meta se nikbru? Meta se nikbru?



Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon fis-16 ta' Lulju 2016




venerdì 8 luglio 2016

Il-pulizija

Persunaġġ li nistgħu ngħidu niltaqgħu miegħu ta’ kuljum huwa l-pulizija. Qiegħed ngħid persunaġġ għax ma rridx ninftiehem li ser nikteb dwar xi bniedem partikolari. Il-pulizija huwa dak li narawh fit-toroq tagħna jmexxi t-taffiku, iva, minkejja li dan ir-rwol naqas, xorta għad fadal postijiet f’ pajjiżna fejn it-traffiku jitmexxa kuljum minn membru tal-korp tal-pulizija. Il-pulizija huwa dak li jkun ħdejn l-iskola biex jara li ma jkunx hemm periklu għat-tfal huma u deħlin u huma u ħerġin. Il-pulizija għandu dmir li jara li tiġi mħarsa l-liġi. Għand il-pulizija nirrikorru biex nirrapurtaw xi ksur ta’ liġi, lejh induru f’ każi ta’ emergenza. Il-pulizija huma wkoll dawk il-persuni li jagħmlu l-għassa kif ukoll isebbħu t-toroq b’ ilbieshom u bil-pass preċiż tagħhom waqt xi parata. Qed taraw kif mal-pulizija niltaqgħu kuljum?

L-isem tal-pulizija
Il-kelma pulizija ġejja mill-kelma Griega πολιτεία  (politeía). Kelma Griega oħra, qrib din il-kelma hija πόλις (pólis). Minkejja li dawn iż-żewġ kelmiet jixxiebħu ma jfissrx li huma l-istess. L-ewwel waħda tfisser gvern, mexxej ċivili filwaqt li t-tieni kelma tfisser belt-stat. Billi ma humiex l-istess ħaġa xorta hemm rabta bejn il-mexxej u l-belt għax huwa l-persuna li jmexxi l-ordni fil-belt jew il-pajjiż. Minn din il-kelma Griega ħarġet il-kelma Latina politia, li bejn wieħed u ieħor għandha l-istess tifsira u maż-żmien nibtet il-kelma pulizija, police bl-Ingliz, polizia bit-Taljan, police bil-Franċiż, polizei bil-Ġermaniż, policía bl-Ispanjol u nistgħu nibqgħu sejrin hekk. Tista’ tgħid li l-ilsna kollha ħadu terminu għal dak il-mestier li qegħdin nitkellmu dwaru mill-kelma Griega.

Bidu tal-korpi
Fi żmien il-pólis Griega kien hemm forma ta’ kontrolluri tal-ordni biss l-organizzazzjoni istituzzjonali tal-korp tal-pulizija f’ sens modern kif nafuh illum nistgħu ngħidu li beda ġewwa l-Gran Brittanja. Hemmhekk sa mill-1285 jingħad li kienu jeżistu għaqdiet organizzati ta’ ċittadini biex iħarsu l-ordni. L-ewwel korp tal-pulizija organizzat fuq skala kbira kien dak li waqqaf ir-Re Lwiġi XIV fl-1667 ġewwa l-belt ta’ Pariġi. Fl-1797, max-xatt tax-xmara Thames ġewwa Londra, twaqqaf korp tal-pulizija bħal dak ta’ Pariġi sabiex iżomm l-ordni u jħares mis-serq tal-merkanzija li kienet tasal hemmhekk. Fl-istess pajjiż, fl-1821 twaqqfu l-kwartieri tal-pulizija li fl-1829 bdew jissejħu Scotland Yard. Fl-Italja l-amministrazzjoni tas-sigurtà pubblika bdiet fir-renju ta’ Sardegna taħt ir-Re Karlu Albertu ta’ Savoia fl-1848 biss it-twaqqif uffiċjali tal-korp kien fl-1852. Ma rridux ninsew li sa dak iż-żmien l-Italja kienet għadha ma hijiex magħquda kif inhi llum. L-unità tal-Italja saret fl-1861 u ma’ din l-għaqda infirex mal-pajjiz kollu ir-rwol tal-pulizija.

F’ Malta
Billi Malta kienet kolonja tal-Gran Brittanja, xi ħaġa li kienet tinbet Londra dlonk kienet tasal f’ pajjiżna. Dan kien vantaġġ għalina.  Id-data uffiċjali tat-twaqqif tal-Korp tal-Pulizija f’ Malta hija t-12 ta’ Lulju 1814. Ix-xogħol tal-pulizija huwa li żżomm l-ordni u l-paċi pubblika, tipprevedi, tinvestiga, tiffitex u tiġbor provi u evidenzi kif ukoll tressaq lill-akkużat quddiem il-ġustizzja.

F’ Malta għandha proverbju li jgħid li ħadd ma jrid il-pulizija wara biebu. Dan il-qawl ġej mill-fatt illi l-pulizija hija aktarx assoċjata mal-inkwiet, fejn ikun hemm l-inkwiet issib il-pulizija biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni. Niftakar li snin ilu l-ommijiet kienu jbeżżgħu lill-uliedhom bil-pulizija u kont nisma’ bosta garr dwar din il-ħaġa għaliex il-pulizija mhux tbeżża’ bih għandek iżda tgħallem lil uliedek li dak huwa persuna li għandek iddur lejh f’ kull ħtieġa ta’ għajnuna.

Nissimpatizza
Inzertajt għandi ħbieb pulizija. Verament li fid-dinja ssib minn kollox u anke f’ Malta ġieli smajna b’ xi każi ta’ membri tal-korp li la jagħmlu ġieħ lill-korp u lanqas lilhom infsuhom, biss fil-maġġoranza huma nies ta’ rispett u li jafu x’ inhu xogħolhom u jippruvaw jagħmluh sewwa. Naf kemm pulizija rġiel kif ukoll nisa u nista’ ngħid li huma ħbieb tajbin anke meta jkunu bl-uniformi.

Ħaġa li tweġġa’ lili u lil bosta hija n-nuqqas ta’ support li ġieli jsibu dawn it-talin. Bla ma nidħol fil-mertu u l-legalità tal-każ, insemmi l-fatt li tifel inqabad mill-pulizija jikser il-liġi aktar minn darba u billi huwa taħt l-età ma jistgħu jagħmlu xejn, anzi kien hemm lok li jittieħdu passi kontra l-pulizija stess. Dawn x’ affarijiet huma? Aħna aħna jew m’ aħniex? Dan każ wieħed biss, min jaf kemm hemm oħrajn.

Nies bħalna
Billi l-pulizija narawh liebes l-uniformi, aktarx naqgħu fit-tentazzjoni u naħsbu li huwa differenti minna, narawh daqs li kieku huwa xi robot jew xi aljen. Xejn minn dan, taħt dik l-uniformi hemm persuna tad-demm u l-laħam bħalna, bil-familja tiegħu, persuna li jixraqilha rispett, persuna bil-problemi tal-ħajja, li jgħejja, li jaqbdu l-għatx li jifjakka wkoll. U la qed insemmi l-bniedem li jifjakka, minn hawn insellem pulizija ħabib tiegħi li nzerta huwa l-kok tal-kummissarju. Sliem Pawlu!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 9 ta' Lulju 2016





sabato 2 luglio 2016

Pittura f’enigma

Waħda mill-aktar opri artisitċi famużi madwar id-dinja hija bla dubju ta’ xejn il-pittura ta’ Leonardo da Vinci li turi lil Lisa Gherardini, mart  Francesco Bartolomeo del Giocondo. Wara li qrajt l-artiklu ta’ Fr Norbert Ellul Vincenti (In-Nazzjon 25 ta’ Ġunju 2016) dwar din il-pittura, xtajt jien ukoll ngħid xi ħaġa dwarha bla ma nirrepeti dak li diġà ntaqal. 

Din il-pittura hawn min isejħilha Mona Lisa jew inkella La Gioconda billi hija l-mara ta’ Giocondo. Din hija l-aktar opra ċelebri ta’ da Vinci li saret bejn l-1503 u l-1505. Hemm min jaħseb li dan l-artist kien warrab għal xi snin din il-pittura u kompliha fl-1517. Din hija waħda mill-ftit pitturi ta’ dan il-pittur ġenju li qatt ma kien hemm dubju dwar l-artist tagħha. Fil-fatt insibu żewġ dokumenti li jgħidulna li din il-pittura saret minn Leonardo da Vinci, wieħed tas-sena 1517 u l-ieħor nsibuh fil-ktieb ta’ Giorgio Vasari li jġib l-isem ta’ Le vite de' più eccellenti pittori, scultori e architettori  li ħareġ l-ewwel darba fl-1550. Hemm bosta kurżitajiet dwar din il-pittura li min hu kurjuż jieħu gost ikun jafhom. Kulħadd jaqbel li din hija pittura f’ enigma.

Fiġura misterjuża
Mona Lisa
Ħafna jistaqsu min hija dik il-figura li tidher fuq dan il-kwadru li juri mara bi tbissima enigmatika. Kif għidna qabel, l-aktar ipotesi popolari hija li din il-pittura turi lil Lisa Gherardini . Biss wara l-kitba ta’ Vasari bdew jinbtu xi dubji. Vasari fil-ktieb tiegħu meta jsemmi din il-pittura jsemmi s-suf ta’ għajnejn il-mara u jgħid li huma impittrin sbieħ ħafna. Fil-verità fil-pittura ta’ da Vinci ma jeżitix dan il-partikular. Ħaġa oħra li jsemmi Vasari huma t-toqob fuq ħaddejn il-mara meta din titbissem, partikular ieħor li ma jidhirx fil-Mona Lisa. Jekk infittxu fl-istorja ta’ dan il-kwadru nistgħu naslu biex nifhmu dan in-nuqqas ta’ qbil bejn dak li jgħid vasari u dak li naraw illum fil-kwadru. Leonardo da Vinci baqa’ jbiddel xi dettalji fil-pittura sakemm miet. Tajjeb ngħidu li dan l-artist telaq minn Firenze u mar jgħix ġewwa Franza fejn għada l-aħħar snin ta’ ħajtu. Huwa kien ġarr miegħu din il-pittura u propju għalhekk tinsab ġewwa Franza u mhux fl-Italja. Jista’ jkun li Vasari kiteb dwar din il-pittura minn dak li kien jiftakar qabel ma l-pittura ttieħdet Franza u jista’ jkun ukoll li waqt li l-artist kien jgħix Franza  biddel xi ħaġa minnha. Wara li dan l-aħħar snin sar studju u ttiħdu ritratti tal-kwadu bl-x ray, sirna nafu li hemm tliet verżjonijiet tal-Mona Lisa moħbijin taħt dik li naraw illum.

Fuq wara tal-Giaconda
Il-pont Burian
L-isfond tal-pittura juri xena immaġinarja iżda qrib Arezzo hemm tradizzjoni li tgħid li l-pont li jidher sewwasew wara spallet ix-xellugija tal-figura huwa l-pont li jġib l-isem Buriano u li jinsab f’ dik il-belt u li jaqsam ix-xmara Arno li tgħaddi mill-istess belt. Dan il-pont huwa tal-ġebel u nbena fl-1277. Fih seba’ arkati u llum huwa waħda mill-attrazzjonijiet prinċipali tal-belt. Jekk tkun f’ din il-belt u titkellem ma’ xi ħadd minn hemm dlonk jgħidlek li f’ belthom jinstab il-belt tal-Mona Lisa. Ngħid għalija il-fatt li wara spallet il-Giaconda hemm pont sirt nafhu biss meta żort Arezzo.

Għandna mnejn nistaqsu kif spiċċa mpitter hemmhekk dan il-pont. Billi l-artist kien mill-belt ta’ Vinci, madwar mitt kilometru bogħod minn Arezzo, kien midħla tal-post u fil-fatt f’ mappa li huwa għamel u li llum tinsab ġewwa Windsor l-Ingilterra, tidher il-belt ta’ Arezzo. Il-kumplament tal-isfond tal-pittura jixbaħ l-ambjent li nsibu max-xmara Arno, ambjent wisq għal qalb l-artist.

Mona Lisa misruqha
Ġurnal Franċiż iħabbar is-serqa tal-pittura
Nhar it-Tnejn, 21 ta’ Awwissu 1911 l-artist Franċis Luois Louis Béroud mar ġewwa l-mużew ta’ Louvre biex jabbozza pittura li turi l-pittura ta’ da Vinci fil-Louvre. Kif daħal fis-sala Carre, fejn il-Mona Lisa kienet ilha esposta għal ħames snin, kull ma sab kienu erba’ granpuni li magħhom kienet titwaħħal il-pittura. Mar jistaqsi lill-membri tas-sigurtà u dawn ħasbu li l-pittura kienet ittieħdet f’ xi post ieħor biex jittieħdulha xi ritratti. Aktar tard il-kuratur tal-mużew ikkonferma li din il-pittura kienet insterqet. Din kienet l-ewwel darba li pittura ta’ valur daqstant kbir insterqet minn Mużew.
Il-ħalliel tal-pittura kien ċertu wieħed Vincenzo Perrugia li kien jaħdem fil-mużew stess. Huwa staħba fil-mużew u meta dan kien magħluq, qala’ l-kwadru minn postu u ħareġ bih moħbi taħt il-kapott bla nkwiet ta’ xejn. Il-ħalliel kien jemmen li din il-pittura mhix postha fi Franza imma fl-Italja. Kieku kulħadd jirraġuna bħalu! Fl-1956 saru żewġ atti vandali fuq il-pittura, darba twaddbilha l-aċidu u darba oħra twaddbet ġebla lejn it-tila.

Hemm ħafna aktar x’ wieħed iżid ma’ dan li għidna għaliex din hija pittura magħrufa tista’ tgħid minn kulħadd, biss forsi ftit huma dawk li jafu dawn il-kurżitajiet dwarha.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 2 ta' Lulju 2016