venerdì 30 settembre 2016

L-għajta

Kont qiegħed naqra kiteb fil-gallarija x’ ħin leħen il-bejjiegħa tal-ħut waqqafni mill-qari. Dak il-ħin moħħi ġera bija u l-għajta ħaditli ħsiebi minn Ħal Qormi għal Oslo fin-Norveġja. Dwar l-għajjat aħna ngħidu li dan huwa nofs il-bejgħ, iżda l-għajta li ftakart fiha llum ma hijiex għajta li tista’ tisma’, anzi hija għajta muta, bla leħen. Qiegħed nirreferi għall-pittura ta’ Edvard Munch li hija magħrufa b’ dan l-isem.

Il-pittur

Edvard Munch
Edvard Munch kien pittur Norveġiż li għex bejn l-1863 u l-1944. Fl-istudji tiegħu huwa brilla fil-matematika, il-fiżika u l-kimika. Madanakollu, kontra x-xewqa ta’ missieru, huwa ħalla l-kulleġġ fejn kien qed jistudja biex imur jistudja l-arti u jsir pittur. Tal-istess idea bħal missieru kienu bosta ħbieb u familjari ta’ Munch iżda hu kien determinat li jsir pittur. Fid-djarju tiegħu huwa kien kiteb hekk: Fl-arti tiegħi nipprova nesprimi l-ħajja u dak li tfisser għalija.

Għal xi żmien huwa kien jgħix ġewwa Pariġi kif ukoll Berlin iżda reġa’ lura lejn Oslo fejn baqa’ jgħix il-kumplament ta’ ħajtu. L-arti tiegħu hija differenti minn l-arti li aħna drajna naraw, din l-arti trid il-ħsieb biex tifhimha sewwa. Meta dan l-artist miet ix-xogħol artistiku tiegħu ħallieh lill-belt ta’ Oslo. Dan il-wirt jikkonsisti f’ 1,100 pittura, 4,500 disinn u 18,000 print. Fl-1963 infetaħ mużew ġewwa l-istess belt fejn hemm esebiti dawn il-bċejjeċ kollha.

L-Għajta
Der Schrei der Natur
Waħda mill-aktar pitturi famużi ta’ dan l-artist tissejjaħ “Skrik”, dik li jiena qed insejħilha bħala “L-Għajta”. Ma nafx għandix insejħilha hekk jew inkella “It-Twerżieqa” għaliex bl-Ingliż din il-pitura tissejjaħ “The Scream”, bit-Taljan tissejjaħ “L-Urlo” u bil-Franċiż  “Le Cri”, imma aħna ejjew insejħulha “L-Għajta”. L-isem li Munch ta lil din il-pittura huwa bil-Ġermaniż: Der Schrei der Natur – L-Għajta tan-Natura.

Munch pitter erba’ verżjonijiet ta’ din il-pittura bejn l-1893 u l-1910. Din turi figura b’ espressjoni donnha agonizzata, imbeżżgħa, mitlufa b’ idejha t-tnejn ma’ ħaddejha. L-isfond tal-pittura huwa ħamrani u sewdieni.  Jekk wieħed jifli sew, jara li fuq wara tal-figura, li la nafu hijiex raġel jew mara, jidhru figuri ta’ żewġ persuni oħra filwaqt li fl-isfond nistgħu naraw ukoll żewġ xwieni. Billi l-pittura ta’ Munch hija simbolista u espressjonista, wieħed irid iħares sew u juża wkoll ftit tal-immaġinazzjoni.

Skont l-awtur u l-kontributur ta’ The New York Times, Arthur Lubow, din il-pittura hija ikona tal-arti moderna u tista’ titqies bħala l-Mona Lisa ta’ dawn iż-żminijiet.

Mid-djarju ta’ Munch
Dwar din il-pittura, Munch kiteb fid-djaru tiegħu dan il-kliem: Lejla minnhom x’ ħin kont għaddej mal-ġenb, bil-belt fuq naħa u l-fjord taħti, ħassejtni għajjien u debboli. Waqaft u ħarist lejn il-fjord – ix-xemx kienet nieżla u l-isħab kien qiegħed jinbidel f’ lewn ħamrani bħad-demm. Ħassejt bħal għajta għaddejja min-natura. Donni smajt l-għajta. Pittirt dal-kwadru, pittirt l-isħab daqs li kieku kien demm. Il-kulur werżaq. Din saret l-Għajta.

Minn dan il-ftit kliem miktub mill-artist stess nistgħu nintebħu x’ ried iffisser bil-pittura tiegħu. Jekk ma naqrawx dak li kien kiteb għandna mnejn ma nifhmux x’ hemm moħbi wara dik il-pittura.

Patrimonju
Il-erba’ verżjonijiet ta’ din il-pittura llum huma ta’ valur kbir. Waħda minn dawn il-pitturi, dik tal-1893 insibuha fil-Mużew Nazzjonali ta’ Oslo, filwaqt li waħda mpittra bil-pastellina fl-1893 wkoll u oħra mpittra fl-1910 insibuhom fil-mużew tal-Artist Munch f’ Oslo ukoll. Ir-raba’ kopja, li kienet impittra fl-1895, inbiegħet waqt irkant tal-arti fl-2012. Il-prezz imħallas għal din il-pittura kien ta’ $119,922,600, iva sewwa qed taqra, ftit inqas minn mija u għoxrin miljun dollaru Amerikan! Din illum tinsab ġewwa l-Amerika għand kollezzjonista tal-arti. Meta tara dawn iċ-ċifri dlonk tinduna li biċċa xogħol ta’ dan l-artist, bħal ovvjament l-artisti kbar kollha, hija xejn anqas minn patrimonjun kbir.

Serq
Il-Mużew ta' Munch
Fit-12 ta’ Frar 1994 il-pittura li nsibu fil-Mużew Nazzjonali  ta’ Oslo insterqet. Min seraq din il-pittura ħalla nota miktubna li kienet tgħid hekk “Ħajr għas-sigurtà fqira li hawn”.  Intalab rahan ta’ miljun dollaru għaliha iżda l-mużew ma aċċettax. Il-pittura instabet bla ebda ħsara fis-7 ta’ Mejju tal-istess sena.

Fit-22 ta’ Awwissu 2004 insterqet il-pittura tas-sena 1910 li nsibu fil-Mużew Munch. Flimkien ma’ din il-pittura, dawk li serqu ħadu magħhom ukoll pittura oħra ta’ Munch, bl-isem ta’ “Madonna”.  Kienet ġriet ix-xnieha li l-pitturi kienu nħarqu mill-ħallelin sabiex ineħħu kull traċċa tas-serqa. Il-kunsill ta’ Oslo kien offra żewġ miljun Kroner (€231.000) lil min jagħti xi informazzjoni li twassal biex dawn il-pitturi jinstabu. Fil-31 ta’ Awwissu, tas-sena 2006 il-pulizija kienet ħabbret li ż-żewġ pitturi kienu misjuba u kienu f’ kundizzjoni tajba ħafna, aħjar milli stennew li jsibuhom.
Fuq fuq din hija l-istorja ta’ pittura famuża li ftakart fiha għax smajt lil tal-ħut tgħajjat taħt il-gallarija tiegħi! Storja li xtaqt naqsam magħkom.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 1 ta' Ottubru 2016





venerdì 23 settembre 2016

Logħob u tagħlim

Forsi hawn min jaħseb li dawn iż-żewġ kelmiet huma l-kuntrarji għal xulxin, li waħda tmur kontra l-oħra li jew tilgħab jew tistudja, jew tkanta jew terfa’ s-salib. Illum il-ġurnata kemm il-logħob kif ukoll it-tagħlim inbidel minn kif kienu fi tfulitna, biss xorta t-tfal għadhom jilgħabu u xorta waħda t-tfal għadhom jitgħallmu.

Logħob antik
Bniet jaqbżu l-lasktu
Fi tfuliti l-logħob tagħna kien maqsum bejn logħob tas-subien, logħob tal-bniet u logħob ta’ kulħadd. Is-subien jilgħabu bil-karozzi, bir-rota, bl-iscooter, jilgħabu l-boċċi, filwaqt li l-bniet kienu jaqbżu l-lasktu, jilgħabu bil-pupa u l-pram jew jilgħabu ż-żibeġ. Logħob komuni li fih konna nilgħabu bniet u subien kien in-noli, cat jew ħarba. Biex tilgħab dan il-logħob trid l-ispażju, trid in-nuqqas ta’ tfixkil fit-triq. Erbgħin sena ilu qrib id-dar tagħna kellna wesgħa emormi fejn konna nistgħu niġru, nilgħabu u nistaħbew. Illum din il-fetħa kbira saret main road! Fejn tridhom jilgħabu t-tfal tat-triq illum? U biex ngħid id-dritt, illum bilkemm fadal tfal fit-triq, fejn qabel konna nkunu għexieren illum saru waħdiet.

Tagħlim
It-tagħlim tat-tfal ukoll inbidel. Illum żdied it-tagħlim u nbidlet is-sistema li biha jiġu mgħallmin it-tfal. Nemmen li fi ċkunitna t-tagħlim kien għall-ħajja u mhux għaċ-ċertifikati. Niftakar is-Sur Cardona jgħallimna minn kollox, iniżżilna l-knisja tar-raħal biex ifehmna dak li jkun hemm, joħdona xi mawra sal-Belt jew l-Imdina u jispjegalna dak kollu li nistaqsuh. L-għalliema tal-iskola primarja ta’ żmieni kienu  jgħallmuna għall-ħajja kollha. Kif inġibu ruħna quddiem persuna akbar minna, kif nużaw il-pożati fuq il-mejda, kif nimxu fit-triq meta niltagħu ma’ xi ħadd akbar minna, kif insellmu, meta nitkellmu u meta nibqgħu b’ ħalqna magħluq. Illum it-tagħlim skont il-fehma tiegħi sar biss għall-eżami, ġib il-marka, għaddi u barra bid-daqq, u sa siegħa wara l-eżami tkun insejt kollox. Dan qed ngħidu għaliex jiena kont ghadni nistudja sa ftit snin ilu u rajt id-differenza bejn l-iskola tagħna u l-iskola tal-lum.

Logħob u  tagħlim flimkien
Minkejja kollox, aħna tgħallimna wkoll. Konna nilgħabu fl-għelieqi, fil-wied, fiċ-ċimiterju u ma nafx fejn aktar. Illum it-tfal mgħobbijin wisq bl-istudju u l-logħob tagħhom sar isir dejjem taħt is-saqaf. Il-ġugarelli tat-tfal tal-lum ma għadhomx il-karozza tal-landa jew tal-plastik, il-pupa jew il-pram, lanqas għadhom il-boċċi jew iż-żibeġ imma saru t-tablet jew il-laptop. Logħob tal-informatika. Kulant meta naħseb fuq id-differenza li hemm fil-ħajja tagħna u dik ta’ uliedna, nibda nipprova nimmaġina kif sejra tkun il-ħajja ta’ ulied uliedna, nimmaġina li jibdew jgħixu f’ dinja li aħna lanqas biss nagħrfuha!

Il-logħob tagħna kien rikreattiv aktar milli edukattiv, illum it-tfal għandhom logħob edukattiv ukoll. Dan ma jfissrx li fi żmiena kollox kien bla edukazzjoni, xejn minn dan: logħba drafts jew chess trid il-ħsieb għaliha u trid tħabbel moħħok biex tilgħab u tirbaħ. Iżda llum il-logħob edukattiv huwa aktar komuni. Nara tfal żgħar bit-tablet jilgħabu logħob bi stampi u kliem. Ħaġa verament tajba għax it-tfal ikunu qegħdin jehdew u fl-istess ħin jitgħallmu kliem ġodda u b’ hekk ikabbru t-tagħrif tagħhom.

Għax mhux bil-Malti wkoll?
Il-logħba Letris
Waħda mil-logħbiet li anke jien sirt kultant nilgħab fuq it-tablet jismiha Letris. Rajt tfal jilgħabuha u tħajjart nara x’ inhi. Din hija logħba fejn ikollok għadd ta’ kaxxi b’ ittri differenti fihom.  Xogħlok huwa li tgħaqqad kliem b’ dawk l-ittri li jkun hemm fil-kaxxi, il-kaxxi jibqgħu jiżdiedu u jekk inti jirnexxielek tgħaqqad ċertu numru ta’ kliem tirbaħ, jekk ma ssibx kliem biżżejjed il-kaxxi bl-ittri jibqgħu niżlin u tispiċċa titlef il-logħba. Ħaġa interessanti f’ din il-logħba hija li tista’ tibdel il-lingwa li biha tifforma l-kliem. Tista’ ssib kliem bl-Ingliż jew bit-Taljan jew bil-Ġermaniż jew bil-Franċiż. Ovvjament ma stennejtx li nsib il-Malti mal-lista tal-għażla, biss ġieni ħsieb f’ moħħi. Kieku din il-logħba ssir verżjoni tagħha bil-Malti ma tkunx ta’ għajnuna għall-istudent Malti li llum bilkemm jaf jikteb b’ ilsien art twelidu?

Naf li aktar fażli tgħid milli tagħmel, imma ma nemminx li din hija xi ħaġa impossibbli li ssir. Pajjiżna jista’ jiftaħar li għandu persuni professjonali fil-qasam tal-informatika u għalhekk kull ma jrid isir huwa sponsor mill-gvern jew minn xi entità oħra biex proġett bħal dan iseħħ. Jekk isir software ta’ logħob bħal din bil-Malti jkun żgur ta’ għajnuna għall-istudent għaliex jekk jikteb xi kelma żbaljata din ma tkunx aċċettata mil-logħba u  għalhekk irid ifittex li jikteb kliem bla żbalji.

Forsi din hija ħolma tiegħi, ħsieb li għadda minn moħħi waqt logħba Letris. Biss ma naħsibx li hija ħolma li ma tistax issir realtà. Dan huwa każ fejn bi sfors nistgħu nilgħabu u nitgħallmu fl-istess waqt.



Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 24 ta' Settembru 2016



venerdì 16 settembre 2016

Fil-pjazza tar-raħal

Illum ftit li xejn għadna nisimgħu diski Maltin ġodda, biss madwar 40 sena ilu ma kienx hekk. Waħda mid-diski popolari ta’ dak iż-żmien, miktuba minn Enzo Gusman fl-1975 u kantata minnu stess kienet iġib l-isem “Fil-pjazza tar-raħal”. Illum wara dawn is-snin kollha din id-diska għadha popolari, forsi mhux daqs kemm kienet qabel, imma hija sinonima ma’ dan il-kantant.

Gusman jgħid li kien kiteb dan il-kanzunetta meta kien jaħdem ma’ bank li kellu fergħa fil-pjazza ta’ quddiem il-knisja l-qadima ta’ San Bastjan ġewwa Ħal Qormi. Il-kantawtur kien josserva l-ħajja tal-pjazza u jirrakkonta dak li kien jara ta’ kuljum; tlett irġiel xjuħ fuq it-taraġ taz-zuntier, jirrrakkunataw il-passat ta’ ħajjithom u dak li għaddew minnu.

Iċ-ċentru tar-raħal
Tassew li din il-kanzunetta kienet imnebbħa minn dak li jiġri fil-pjazza ta’ San Bastjan fil-belt Pinto, iżda hija storja li tista’ tiġi applikata għal kull raħal ieħor għaliex il-pjazza minn dejjem kienet iċ-ċentru ta’ kull raħal. Aħna l-Maltin għandna isem ieħor għall-pjazza: misraħ, nom mimmat ġej minn serraħ, għaliex il-pjazza sservi wkoll bħala l-post fejn wieħed jgħaddi ftit ħin jistriħ fuq xi bank u jgħid kelmtejn. Il-pjazza hija l-qalb tar-raħal, hija ċ-ċentru tar-raħal. Fil-każ ta’ Ħal Qormi hemm aktar minn pjazza waħda li sservi ta’ ċentru tar-raħal. Minbarra dik ta’ San Bastjan li kienet ta’ ispirazzjoni għad-diska li semmejt fil-bidu, hemm pjazez oħrajn, bħal dik ta’ San Franġisk, jew quddiem il-knisja ta’ San Ġorġ, kif ukoll quddiem l-iskola, li wkoll huma ċentri li fihom jiltaqgħu n-nies.

Ħaż-Żebbuġ
Il-pjazza ta' Ħaż-Żebbug
Pjazza tipika li personalment naraha bħala ċ-ċentru jew aħjar il-fus tar-raħal hija dik ta’ Ħaż-Żebbuġ. Hemmhekk issib kollox: il-knisja parrokkjali, il-każini tal-banda, il-każini tal-partiti politiċi, il-każini sportivi, il-ħwienet tat-te, il-pompa tal-petrol, tal-pastizzi,  il-ħanut tal-gazzetti, ħwienet tal-ħwejjeġ, ħwienet taż-żraben, ristoranti jew pizzerija, ħwienet tal-merċa, jintrama’ suq aktar minn darba fil-ġimgħa kif ukoll hemm l-iskola u fil-qrib hemm ukoll iċ-ċimiterju. Il-pjazza ta’ Ħaż-Żebbuġ timmeraviljani għax hija tabilħaqq ħajja nistgħu ngħidu 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa. Din il-pjazza hija wkoll il-post fejn il-festi tal-parroċċa jitgawdew l-aktar, u fejn l-aktar ikun hemm attività fil-ġimgħat tal-festi tal-parroċċa. Fiha jsiru l-programmi tal-baned, fiha jsir il-logħob tan-nar tal-art, fiha tista’ tgħid isiru l-aktar attivitajiet importanti ta’ dawk il-ġimgħat.

Hemm xi rħula oħra Maltin li wkoll il-pjazza prinċipali tagħhom hija ċ-ċentru tal-ħajja. Iż-Żurrieq, iż-Żejtun, is-Siġġiewi, imma bħall-pjazza ta’ Ħaż-Żebbuġ donnu ma hawn imkien.

Mhux Malta biss
Pjazza f' Napli (Barra)
Sa issa tkellimna biss fuq pjazez Maltin, biss il-ħajja li nsibu fil-pjazza Maltija insibuha wkoll f’ xi pjazez barranin ukoll. Niftakar meta kont ngħix Napli, ftit metri bogħod minn fejn kont noqgħod kien hemm il-pjazza ewlenija tal-kwartier. Din ma kinietx l-unika pjazza imma kienet l-aktar waħda attiva. Hemmhekk kienu jsiru l-kunċerti mużikali, hemmhekk hemm il-ħwienet. B’ differenza minn Malta, ġewwa l-Italja is-sigaretti ma jinbiegħux mill-ħwienet tax-xorb iżda minn ħwienet li jbiegħu prodotti tat-tabakk. Fil-pjazza li qed insemmi kien hemm dan il-ħanut ukoll. Niftakar sidu kien jismu Gennaro. Mhux faċli tinsa ismu meta tiftakar f’ Napli! F’ din il-pjazza kien hemm (u forsi għad hemm sal-lum ukoll) il-ħajjat u l-iskarpar. F din il-pjazza ma jintramax is-suq għaliex dan jintarama fi triq qrib, iżda fiha xorta wieħed jista’ jsib jixtri kollox. Fuq kollox f’ din il-pjazza jiltaqgħu xi anzjani, jlabalbu u jpejpu; xena bħalma kien jara Gusman ġewwa Malta.

Xena simili bħal din kont naraha f’ raħal ċkejken qrib Avellino. Kull meta mort hemmhekk dejjem rajt għadd ta’ nies fil-pjazza ewlenija ta’ dan ir-raħal li ma fihx aktar minn 3,000 persuna. Il-pjazza hija l-post fejn dak li jkun jgħaddi jieħu l-caffettino u jgħid kelma mal-ħbieb qabel ikompli sejjer fuq xogħolu.

In-naħa ta’ fuq tal-Italja l-istorja tinbidel. Aktarx li minflok il-pjazza l-anzjani ifittxu xi ċentru jew każin għalihom. Dan aktarx għall-fatt li t-temp ftit li xejn jipperemtti li dak li jkun joqgħod bilqegħda fi pjazza għal ħin twil.

L-akbar pjazza
Fosos tal-Furjana
L-akbar pjazza f’ pajjiżna insibuha fil-Furjana, magħrufa bħala l-fosos tal-Furjana. Din il-pjazza minn dejjem serviet għal attivitajiet kbar li minn żmien għall-ieħor kienu u għadhom ikunu organizzati. Attivitajiet politiċi kbar, attivitajiet reliġjużi, kunċerti mużikali nazzjonali kif ukoll internazzjonali. Il-karattru ta’ din il-pjazza hija differenti minn dik ta’ pjazez oħrajn. Ma fihiex l-elementi li fihom pjazzez oħrajn. Dan forsi għall-fatt li l-Furjaniżi ma għandhomx bżonn il-fosos biex imorru jgħaddu siegħa żmien għaliex għandhom bosta ġonna fis-subborg tagħhom. Xorta waħda ta’ kull filgħaxija jkun hemm xi wħud li jgħaddi siegħa żmien fuq il-fosos.

Kemm isiru attivitajiet fil-pjazza tar-raħal. Kemm bnedmin jgħaddu minnha. Kemm negozju, kemm kummerċ. Madwar il-pjazza iddur il-ħajja tal-belt jew raħal. U kemm ħsibijiet jistgħu jiġuk waqt li tkun fil-pjazza. Perezempju dan il-ħsieb li nikteb dwar il-pjazza tar-raħal ġieni waqt li kont qed nieħu cappuccino f’ ħanut ġewwa pjazza Maltija.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 17 ta' Settembru 2016




sabato 10 settembre 2016

Sistema Edukattiva Ġdida

Hekk kif jgħaddi Awwissu u jibda Settembru bosta jibdew jaħsbu għal sena skolastika ġdida. Il-ġenituri jaħsbu għal uliedhom ċkejknin u l-istudenti l-kbar jaħsbu għal rashom. Settembru jista’ jkun bidu ġdid, jista’ jkun tkomplija jew jista’ jkun ripetizzjoni, skont fejn inkunu ħallejna f’ Ġunju. Settembru jerġa’ jibda jara t-tħabbil tal-moħħ, ġiri, privatijiet, studju u elf ħaġa oħra.

Dari u llum
Inħoss li s-sistema edukattiva tal-lum, minkejja li qegħda tħalli aktar persuni b’ ammont ta’ ittri wara isimhom milli kienet tħalli s-sistema li tgħallimna fiha aħna li xellifna n-nofs seklu, ma hijiex sistema li  tħejji lil dak li jkun għall-ħajja. Hija sistema li twasslek għal ċertifikat..... imma biċ-ċertifikati biss x’ ser nagħmlu?

Nafu li dawk li jħaddmu, ħafna drabi jitolbu li dak li jkun ikollu xi esperejnza tax-xogħol li fih ikun sejjer jibda l-ħidma tiegħu. Imma mill-banda l-oħra jekk l-esperejnza ma joħodiex mingħand min ser jibda jħaddem lil dak li sal-bieraħ kien student, dan il-povru minn fejn se jġibha l-esperjenza, minkejja l-ħemel ċertifikati li jkollu?

Ħaġa oħra li nara  differenti hija l-komportament bejn l-għalliema u l-istudenti. Fi żmienna l-għalliema kellhom lill-ġenituri tagħna warajhom. Jekk kien ikun ħaqqna kastig konna noħduh u l-ebda ġenitur ma kien imur għas-sodisfazzjon għand l-għalliem. Illum l-istorja nbidlet u allura ma nagħti l-ebda tort lill-għalliema li ma għadhomx jistgħu jżommu d-dixxiplina li kellna aħna fil-klassijiet. Illum bid-drittijiet tat-tfal intilfu d-drittijiet tal-kbar.

Play school – Primarja – Sekondarja eċċetra
Aħna l-Maltin immasmati bit-tagħlim tal-ulied. Kieku nistgħu lanqas nagħtuhom ċans jilgħabu. Il-play school għalina hija l-ewwel pass lejn l-università. Il-logħob narawh ħela ta’ ħin u għalhekk insibu li tfal ta’ età tenera li digà bdew jitgħallmu l-alfabett, jitgħallmu jiktbu u jaqraw, meta suppost ikunu qed jilgħabu. U xi ngħidu għall-primarja u s-sekondarja? Donnhom li s-snin tat-tagħlim aktar ma jmur aktar qegħdin isiru snin tqal f’ kull sens, tqal bil-piż tal-kotba u tqal fit-tagħlim. Povri tfal!

Is-sistema tal-Finlandja
Madwar 40 sena ilu l-Finlandja biddlet is-sistema edukattiva tagħha, marret kontra l-kurrent, marret kontra l-kumplament tad-dinja u llum nistgħu naraw ir-riżultati tajbin ta’ din is-sistema.

F’ dan il-pajjiż it-tfal ma jmorrux skola qabel l-età ta’ 7 snin, qabel jattendu ċentri li fihom isir biss logħob u ikel – xejn tagħlim. Fl-iskejjel primarji la jsiru eżamijiet u lanqas jingħataw home work u wara kull tliet kwarti ta’ tagħlim it-tfal jinħarġu kwarta rikreazzjoni. Fl-ewwel sitt snin ta’ skola it-tfal ma jiġux mistħarrġa dwar dak li tgħallmu imma jitħallew għaddejjin ’il quddiem. L-ewwel eżami li jagħmlu t-tfal Finlandiżi jkollhom madwar 16-il sena. Dan l-eżami jrid isir bilfors.

It-tfal ma jiġux mifrudin skont il-kapaċitajiet tagħhom, imma jitgħallmu lkoll flimkien, sewwwa min hu bravu kif ukoll dak li ma tantx għandu moħħu jagħtih u għalhekk fi klassi waħda għandek issib taħlita ta’ studenti, min hu kapaċi għal ħaġa u min hu kapaċi għal ħaġa oħra. B’ din is-sistema l-Finlandja tonfoq 30% inqas mill-Istati Uniti fejn tidħol l-edukazzjoni. Il-Finlandja għandha l-istess numru ta’ għalliema daqs kemm hemm fil-belt ta’ New York, fejn hemm ħafna inqas studenti.

Dan ma jfissrix li kollox huwa ħallata ballata. Xejn minn dan, l-istudenti jkunu qegħdin taħt għajnejn l-għalliema u dawk li jkollhom bżonn għajnuna diretta tingħatalhom. Fil-fatt terz mill-istudenti jirċievu għajnuna diretta. Il-klassijiet huma żgħar u għalhekk l-attenzjoni tkun akbar kemm fuq l-istudent kif ukoll mill-istudent lejn l-għalliem. Kull għalliem ma jagħmilx aktar minn 4 sigħat konsekuttivi fi klassi u kull ġimgħa jkollu sagħtejn tal-hekk imsejjaħ “Żvilupp professjonali”.

93% jispiċċaw b’ suċċess l-iskola sekondarja u b’ din is-sistema, 66% tal-istudenti jaslu sal-università u jigradwaw u jkomplu għall-masters. L-istudenti Finlandiżi huma fuq quddiem nett meta jkunu mqabblin ma’ studenti ta’ nazzjonijiet oħrajn l-aktar fil-qasam tax-xejnza, l-qari u l-matematika.

Is-sigriet ta’ kollox
Ġewwa l-Finlandja l-għalliema huma fl-istess grad tat-tobba u l-avukati. L-istudenti li jkunu afdati lilhom jitħallew kompletament f’ idejhom, huwa dmir u unur tagħhom li dawn l-istudenti jagħmlu suċċess. Taħsbux li dan it-tagħrif li wassaltilkom illum ivvintajtu minn żniedi, xejn minn dan, dan qaltuli waħda mill-pajjiż u fittixtu fuq l-internet. Araw is-sit  Smithsonian.com u  ssibu aktar tagħrif flimkien ma’ stejjer ta’ suċċess li għamlet sistema edukattiva li ma baqgħetx imwaħħla ma’ dak li jagħmel ħaddieħor, ma dak li trid id-dinja imma sistema ġdida għal kollox, sistema li hija suċċess kbir għal min ivvintaha, għall-pajjiż li jsegwiha u għall-istudenti li jitgħallmu fiha.

U aħna se nibqgħu mwaħħlin mas-sistma ta’ ċertifikati, ittri u numri bla sens?


Fr Reno Muscat

Dan l-Artiklu deher f' In-Nazzjon 10 ta' Settembru 2016




sabato 3 settembre 2016

Caput Mundi

Ħsibijiet dwar il-belt ta’ Ruma

Minkejja li ma hijiex l-eqreb belt kapitali ta’ pajjiż ġar tagħna, Ruma hija meqjusa għalina l-Maltin bħala l-għatba tagħna għad-dinja. Fil-verità hija Tripli fil-Libja l-eqreb kapitali barranija għalina, imbegħda ftit aktar minn 350 kilometru u warajha hemm il-kapitali tat-Tuneżija, imbegħda madwar 400 kilometru. Ruma hija mbegħda minn Malta ftit anqas minn 700 kilometru, madanakollu aħna l-Maltin aktar inħossuna familjari ma’ din il-belt milli ma’ bliet kapitali oħra li huma eqreb minnha.

It-twaqqif ta’ Ruma
Il-lupa: Simbolu ta' Ruma
It-twaqqif ta’ din il-belt, skont l-istoriku Marco Terenzio Varrone li mexa fuq il-kalkoli tal-astrologo Lucio Taruzio Firmano sar fil-21 ta’ April tas-sena 723 qabel Kristu. Hemm xi kalkoli oħrajn li ma jaqblux ma’ din id-data, iżda llum dan il-jum huwa meqjus bħala t-Twelid ta’ Ruma. Il-leġġenda tgħidilna li it-tewmin Romolus u Remus fi twelidhom kienu meħudin mingħand ommhom u mitluqin fix-xatt tax-xmara Tevere sabiex imutu iżda kienu salvati b’ mod mirakoluż. Kien hemm lupa li kienet treddagħhom sakemm sabuhom koppja bdiewa u ħaduhom u rabbewhom huma sakemm kibru. Meta kibru, it-tewmin riedu jwaqqfu belt. Remus ried jibniha fuq l-għolja msejħa Aventino filwaqt li Romolus riedha fuq l-għolja Palatina. L-aħwa tlewmu u tqatlu u Remus ġie maqtul u għalhekk Romolus bena l-belt fejn ried hu u semmiha għalih: Ruma.

Din hija biss leġġenda, iżda leġġenda li r-Rumani huma kburin biha.

Kapitali ta’ Imperu
Il-Kolossew
Minn din il-belt kien jitmexxa l-Imperu Ruman li taħt il-ħakma tiegħu kellu parti kbira tad-dinja ta’ dak iż-żmien. Bejn is-sena 100 q.K. u s-sena 400 w.K. Ruma kienet l-akbar belt fid-dinja. Dan l-imperu kien tant jokkupa art li llum insibu 55 nazzjon f’ dik iż-żona li xi dabra kienet tagħmel parti minnu, fosthom pajjiżna. Minn hawn ħareġ l-isem “Caput Mundi” ir-ras tad-dinja li riedet tfisser il-belt kapitali tad-dinja kollha.

Bħala belt kapitali għal tant snin, ma jistax jonqos li tkun għanja fl-arkitettura tagħha. Illum għadna nistgħu ngawdu xi bini li ġie skavat kif ukoll binjiet oħra li qatt ma kienu ntradmu. Fil-Foro Ruman u fil-qrib hemm eżempji ta’ dawn iż-żewġ każi, djar u palazzi skavati u bini li ilu wieqaf madwar elfejn sena, fosthom il-Kolossew.

Kapitali tal-Italja
Fis-17 ta’ Marzu 1861 saret l-unifikazzjoni tal-Italja. L-ewwel belt kapitali ta’ dan ir-renju ġdid kienet il-belt ta’ Turin. Madanakollu Ruma kienet meqjusa bħala l-belt morali. F’ dak iż-żmien Ruma kienet għadha ma tagħmilx parti mill-Italja magħquda iżda kienet tifforma parti mill-Istat Pontifiċju. Fl-1865 il-kapitali Taljana saret il-belt ta’ Firenze. Fl-1870 sewwasew fl-20 ta’ Settembru, seħħet dik li tissejjaħ Breccia di Porta Pia, fejn Ruma ttieħdet minn idejn l-istat tal-Knisja u għaddiet mal-kumplament tar-renju tal-Italja. Dan il-pass xellef bi kbir ir-relazzjoni bejn l-istat Taljan u s-Santa Sede, kwistjoni li ssolviet bil-patti tal-Lateran li kienu ffirmati fil-11 ta’ Frar, 1929. Intant, fl-1 ta’ Lulju tas-sena 1871 Ruma saret il-belt Kapitali tar-renju tal-Italja immexxi mill-Familja Savoia.

Altare della Patria
Minn dak iż-żmien Ruma baqgħet il-kapitali Taljana għajr għal xi perjodi qosra matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Bejn Settembru 1943 u Frar 1944, wara l-armistizju mal-alleati, meta r-Re Vittorio Emanuele III u l-familja ħallew Ruma u sabu kenn ġewwa Brindisi, din il-belt  ġewwa l-Puglia saret kapitali tar-renju. Bejn Frar u Ġunju tas-sena 1944, billi l-familja Rjali marret tgħix Salerno, kienet iddikjarata din il-belt fir-reġjun ta’ Campania bħala kapitali. Wara l-gwerra Ruma reġgħet saret il-belt kapitali.

Tajjeb iżda nkunu nafu li minkejja dawn is-snin kollha li Ruma serviet bħala l-omm tal-bliet Taljani kollha, kien biss fis-sena 2001 li kisbet ir-rikonoxximent kostituzzjonali bħala l-belt kapitali Taljana.

Il-Belt Eterna
Il-vatikan
Ruma hija wkoll magħrufa bħala l-belt eterna. Sa mill-ewwel żmien tal-Kristjaneżmu, is-segwaċi tan-Nazzarenu fittxew li jmorru Ruma. Kien Pietru l-ewwel isqof ta’ hemmhekk, dak l-istess Pietru li kien maħtur minn Kristu stess bħala l-ewwel mexxej tal-Knisja. Pietru miet Ruma, miet u ndifen hemm ukoll. Pawlu, li nistgħu ngħidu kien dak li xandar it-tagħlim tal-fidi l-ġdida, wkoll mar Ruma, u hemm sab it-tmiem tiegħu wkoll. Minn Ruma titmexxa l-Knisja Kattolika. Ruma hija l-belt tal-Papiet. Kien hemm żminijiet fejn il-Papa ma kienx jgħix Ruma, fosthom madwar 70 sena li kien ġewwa Avignon fi Franza, biss billi l-Papa huwa wkoll l-isqof ta’ Ruma, ma hijiex ħaġa prattika li mexxej imexxi d-djoċesi tiegħu mill-bogħod.

F’ Ruma insibu l-iżgħar stat fid-dinja, l-Istat tal-Vatikan, imwaqqaf bil-patti tal-Lateran li semmejt aktar qabel.  Ruma hija l-belt li fiha numru kbir ħafna ta’ knejjes, Ruma hija l-belt fejn bosta ordnijiet reliġjużi għandhom il-kurja ġenerali tagħhom. Ruma hija l-qalb tal-fidi Nisranija. Għalhekk tissejjaħ il-Belt Eterna.

Ruma hija dik il-belt li lilna l-Maltin tiftħilna t-triq għad-dinja u għalhekk kważi nħossuna obbligati li tal-inqas darba f’ ħajjitna inżuruha.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 3 ta' Settembru 2016