Tiegħek, imma aktar jużah ħaddieħor milli tużah int, u minkejja li hu
tiegħek, ma kontx inti li għażiltu. L-isem huwa l-ewwel ħaġa li bniedem
jippossedi, mat-twelid, jekk mhux ukoll qabel, il-ġenituri jagħżlu isem
għall-wild għaliex l-isem huwa l-ewwel sens ta’ identità tal-bniedem. Iżda
l-isem mhux xi ħaġa marbuta biss mal-bniedem. Kull oġġett, kull annimal, kull
ħaġa maħluqa għandha isem. Id-differenza hi li l-bniedem għandu isem partikoli
tiegħu u annimal jew oġġett għandu isem komuni li jidentifika r-razza jew
in-natura tal-oġġett. Meta annimal ikun domestikat jingħata isem ukoll. Hekk
jiġri lill-klieb,lill-qtates u liż-żwiemel u lil kull annimal ieħor li jispiċċa
jgħix f’ xi dar jew f’ xi post qrib il-bniedem. Fid-dinja, anzi fl-univers,
kollox għandu isem, il-pjaneta, il-pajjiż, ir-raħal, it-triq kif ukoll id-dar u
kull ħlejqa ta’ ġewwa d-dar.
L-importanza tal-isem
Fil-Bibbja nsibu r-rakkont ta’ Mosè meta kien ordnat biex joħroġ lill-poplu
Lhudi mill-eżilju tal-Eġittu. F’ dan ir-rakkont naraw kemm Mose insista li jkun
jaf l-isem ta’ Alla. Ara sew x’ naqraw fl-Eżodu: Mosè reġa' wieġeb: “Ara, jiena
mmur għand ulied Iżrael u ngħidilhom: 'Alla ta' missirijietkom bagħatni
għandkom,' u huma jistaqsuni, 'X'jismu?' Jiena xi ngħidilhom?” [Eż:3:13] Hawnhekk
naraw kemm hu importanti l-isem. Kieku Mose mar lura quddiem il-poplu tiegħu bla
ma kien jaf isem min kellmu kienu jgħadduh b’ miġnun.
Hu għalhekk li mat-twelid jingħatalna isem għaliex l-isem, flimkien
man-numru tal-identità, jagħmluna uniċi, jagħmluna persuna u mhux sempliċiment
annimal li jirraġuna.
Il-laqam
Meta nlissmu din il-kelma aktarx li f’ moħħna dlonk nassaċjawha ma’
disprezz. Iżda dan ma hu veru xejn. Il-laqam huwa wkoll isem li xi ħadd
jintagħaraf bih. Sa ftit snin ilu kull familja kellha l-laqam tagħha u għad
hawn irħula li l-laqmijiet tal-familja għadhom użati aktar mill-kunjom. Qed
ngħid irħula, iżda anke fil-Belt Valletta l-laqam tal-familja għadu jintuża
ħafna.
F’ċerti postijiet f’ Malta, meta tibda titkellem ma’ xi ħadd għall-ewwel darba
dlonk isaqsik “Minn ta’ min int?” jew “Ta’ min jgħidulkom?” Żgur li dan ma
jsirx b’ disprezz iżda biex dak li jkun jara jekk jafx il-familja tiegħek.
Darba wieħed xiħ kien qalli li fir-raħal tiegħu kulħadd bil-laqam hu magħruf.
Jien kont staqsejtu x’ jiġri jekk familja ma jkolliex laqam. Hu dlonk weġibni
li kieku dik il-familja tibda tissejjaħ “Ta’ bla laqam!”
Kittieb Malti li f’ kitbietu dejjem uża l-laqmijiet tal-familja huwa Kilin.
Kemm joħroġ isbaħ il-karattru tal-istorja li jkun qed jikteb meta juża
l-laqmijiet. U dan żgur qatt ma għamlu b’ disprezz għax kieku ma kienx ser
jiddisprezza lilu nnifsu għax anke għalih stess ġieli rrefera bħala Kilin ta’
Anġla tal-Moqli!
In-nies tal-irħula tagħna wkoll għandhom il-laqmijiet: Tal-Faħam, Tar-Rix,
Tat-Toqba, Ta’ Baħarhom, Tal-warrani ċatt, Tar-Redus, Tal-Midjunin, Tas-Sikkina
jew Sa nofsinhar Irġiel. Hawn l-istorja tinbidel u dawn il-laqmijiet aktarx
jingħadu bi ġbid tas-saqajn.
L-aktar komuni
Intant nerġħgu lejn l-ismijiet. Skont sħarriġ li sar fl-Ingliterra, l-aktar
isem popolari fid-dinja kollha huwa Muhammed. Dam huwa l-isem ta’ madwar 150
miljun raġel madwar id-dinja. L-istess studju jgħid li l-aktar isem femminili
popolari huwa Sofia. Illum spiċċat id-drawwa li l-ulied jissemmew għan-nanniet,
iż-żijiet jew għall-qaddis jew qaddisa tar-raħal. Madanakollu jidhirli li
l-ismijiet bibliċi jew ta’ xi qaddis jew qaddisa reġgħu deħlin moda. F’ Malta
skont l-uffiċċju tal-istatistika, fl-2013 kif ukoll fl-2014, l-aktar ismijiet
li ingħataw kienu Luke u Elena, żewġ ismijiet ta’ qaddisin. Fl-istess snin, fl-Ingilterra
l-aktar popolari kienu Oliver u Amelia filwaqt li fl-Italja kienu Francesco u
Sofia.
Halli ngħidu xi ħaġa dwar xi ismijiet li jingħataw lit-tfal. Il-ġenituri
għandhom iżommu f’ moħħhom li binhom jew binthom mhux ser jibqgħu dejjem trabi,
imma l-isem li jagħtuhom sejjer jibqa’ magħhom għal dejjem, għalhekk għandhom
jaraw li jkun isem li ma jpoġġihomx f’ sitwazzjonijiet imbarazzanti meta
jikbru. Ġieli smajna b’ ismijiet mhux tas-soltu li jkunu jixirqu lil tarbija
ċkejkna iżda ma nimmaġinax raġel jew mara b’ dak l-isem.
Ismijiet ta’ artisti jew plejers ukoll
huma komuni mal-ġenituri, imma hawn ukoll wieħed irid joqgħod attent, mhux
kollox jgħodd! Min jaf ’il quddiem x’ jgħidu dawn l-individwi, ikunux kuntenti
b’isimhom? Tabilħaqq li hemm proċess
biex wieħed jibdel ismu, iżda din l-anqas hija ħaġa komuni.
Onomastiku
Meta kont ngħix l-Italja iltqajt ma’ avveniment li Malta m’aħniex imdorrija
bih. Dan huwa l-onomastiku, il-jum tal-festa tal-qaddis ta’ isem dak li jkun.
Fin-Nofsinhar tal-Italja jiċċelebrawh aktar minn jum għeluq is-snin. Ħafna
jgħidu li jippreferu l-onomastiku milli jum it-twelid għax ħadd ma jistaqsik
kemm-il sena għandek. Jien li ma kontx niċċelebra dan il-jum, għażluli t-3 ta’
Jannar biex nibda’ niċċelebrah. Ħasra li fl-Italja dak il-jum ikunu għadhom
fl-aqwa tal-festi – għax hemmhekk sas-6
ta’ Jannar jibqgħu sejrin il-festi tal-Milied! Minn fost il-barranin, bħali,
hemm min ma kellux onomastiku għaliex ismu ma setgħu jabbinawh mal-ebda qaddis,
allura kellu jibqa’ b’ xejn!
What’s in a name? jgħidu l-Ingliżi – x’ hemm f’ isem? Hemm
ħafna, hemm stejjer, hemm tifkiriet, hemm fuq kollox identità.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 29 ta' Ottubru 2016