venerdì 18 novembre 2016

Memorji u nostalġija

Kultant minn moħħna jgħaddulna ħsibijiet dwar l-imgħaddi tagħna u nibdew niftakru minn xiex inkunu għaddejna, fejn konna morna, ma min inkunu iltqajna. Hekk ġrali m’ilux u minn moħħi beda għaddej ħsieb dwar il-bejjiegħa li kienu jiġu jbiegħu fit-triq tagħna kważi nofs seklu ilu. Memorji, tifkiriet u ħafna nostalġija għal dak iż-żnmien li ma jerġa jiġi qatt lura!

Tal-pitrolju
Ġudej tal-pitrolju jiġi fit-triq bi trakk żgħir bit-tank tal-pitrolju fuq wara. Jieqaf, idoqq il-ħorn u n-nies toħroġ bil-laned biex tixtri l-pitrolju. In-nies jiddubbaw xi landa taż-żejt tal-karozzi u joħduha għand xi landier biex jagħmlilhom żennuna fiha. In-nanna Żarena darba ħaditni magħha biex iġġib żewġ landi minn dawn mingħand wieħed landier armat ħdejn il-kappella ta’ Santa Katerina, Ħal Qormi stess. Tal-pitrolju għandu l-ġarar tal-landa bħala qies, nofs gallun jew gallun. L-ewwel jimla dawn dawn il-ġarar imbagħad ibattal il-pitrolju fil-landa tiegħek permezz ta’ lembut, tal-landa wkoll. Il-pitrolju jintuża ħafna; jekk se ssajjar trid timla l-ispiritiera ta’ bi tlieta jew il-valor bil-pitrolju, jekk se tgħalli l-ħwejjeġ bojod trid timla l-ispiritiera tal-isteem bil-pitrolju wkoll, wara li tkun saħħantilha l-ġewża bl-ispirtu. Fix-xitwa d-dar tissaħħan bil-heater tal-pitrolju wkoll.  Tal-pitrolju jbiegħ ukoll l-ispirtu tal-ispiritiera. Dan ikun lewn vjola u jista’ jintuża wkoll biex inixxef il-feriti. In-nanna minnu tuża imma ommi tixtri spirtu trasparenti mingħand Karmenu l-ispiżjar. Għand tal-pitrolju n-nisa jieħdu magħhom xi flixkun tal-whiskey vojt u jimlewh bl-ispirtu. Ġudej ikollu wkoll purfum u flett għal bejgħ. Il-purfum jintuża għall-ħasil tal-art filwaqt li l-flett jintefa f’ pompa apposta u jiġi ippumpjat biex jinqatel id-dubbien u n-nemus. Jiġi wkoll Ġeriku bil-pitrolju. Dan għandu trakk ikbar minn dak ta’ Ġudej. In-nies daqqa tixtri mingħand wieħed u daqqa mingħand l-ieħor. Kull ma jmur l-ispiritieri qed jonqsu u kulħadd qed jixtri cooker tal-pitrolju jew tal-gas. Ommi tibża’ mill-gas allura għandna cooker tal-pitrolju. Għal dawk li għandhom cooker tal-gas, jiġi trakk biċ-ċilindri tal-gas. Min ikollu bżonn il-gas iħalli ċ-ċilindru vojt fuq l-għatba tad-dar u tal-gas iħabbattlu biex jitħallas u jekk ikun hemm bżonn idaħħal iċ-ċilindru wkoll fil-kċina għax ċilindru gas tqil mhux bħal gallun pitrolju. Imma fit-triq tagħna ftit huma dawk li jixtru gas, tista’ tgħid li kulħadd bil-pitrolju jsajjar. Tal-pitrolju jgħajjat “Trolju” imma tal-gas ma jgħajjat xejn, iħabbat biss lil dawk li jkollhom ċilindru vojt barra d-dar.

Ikel
Spiss tiġi ddur bil-ħut ċerta waħda jisimha Lourdes. Din mara mill-Qrendi. Pram antik tat-tfal inbidel f’ karru għall-kavetti tal-ħut li ġġib magħha Lourdes  mill-pixkerija. “Ara ħajjin!” jew “tal-aljotta!” hekk hi l-għajta ta’ Lourdes tal-ħut.

Ta’ kuljum qisu bl-appuntament jiġi Fanu tal-pastizzi. Iwaqqaf il-van Morris, jiftaħ il-bibien ta’ wara fejn ikollu l-kaxxa bil-pjanċi tal-pastizzi u jarma jgħajjat: “Jaħarqu hiiijjj”. U nies toħroġ u tixtri l-pastizzi tal-irkotta jew tal-piżelli. Kemm huma tajbin dawk il-pastizzi l-aktar f’ xi jum xitwi!

Kultant jgħaddi wieħed bil-ħmara jbiegħ il-bigilla. Dan ħabib tan-nannu Bastjan. Raġel mill-Marsa li jdur bosta postijiet bil-ħmara. Ma nafx sewwa meta jmissu jiġi Ħal Qormi, imma  meta jiġi ġieli noħroġ nixtri xi tliet soldi. B’ magħrfa ftit kbira jaqbad minn dik it-taħlita tal-ful mgħaffeġ u jimla biċċa karta strazza. Isaqsik jekk tridx ħall bil-bżar aħmar fuqha. L-għajta tiegħu hija “Tajba u tagħli!”
Bil-ħmara wkoll kultant jgħaddi n-Najju jbiegħ il-ħaxix. Kultant jiġi Joe t-tifel tiegħu. Propjament in-Najju jbiegħ il-ħaxix il-Belt u l-Ħamrun, imma kultant jiġi sa ħdejna wkoll. Hemmhekk magħruf bħala Galluwa. Iva mela dan jiġi minna wkoll, il-bużnanna tiegħi, Anni, tiġi zitu.

B’ ġewlaq kbir tiġi mara tbiegħ il-ġbejniet friski. Tgħajjat jew aħjar tkarkar għajta: “Tajbin għar-ravjul!” Jiġi wkoll wieħed raġel minn Ħal Kirkop ibiegħ l-irkotta lil Ninu ta’ Feliċ. Jiġi biż-żiemel, jieqaf quddiem il-ħanut ta’ Ninu u jniżżillu kemm-il qaleb jitolbu. Dan ma joqgħodx ibiegħ lin-nies tad-dar iżda lil tal-ħanut biss.

Fi żminijiet partikolari
Fix-xahar ta’ Mejju tiġi mara tbiegħ il-fjuri. Bħal tal-ħut, din dawret pram antik f’ karru għall-fjuri tagħha. Tgħajjat għajta rqieqa: “Kemm għandi ward ifuħ!” u n-nies toħroġ tixtri xi bukkett biex tqegħdu quddiem ix-xbieha tal-Madonna li ssib f’ kull dar.

Fil-ġimgħa tal-festa ta’ San Ġorġ jiġi raġel minn  Ħaż-Żebbuġ ibiegħ il-qubbajd. Jinżel minn fejn tal-Ħlas bil-karettun tal-idejn mgħobbi bil-qubbajd. Kull ftit passi jgħajjat “Iż-Żebbuġi hawn!” u min jiggosta dak il-ħelu joħroġ jixtri xi biċċa. Tgħaddi l-festa u dan it-tali jibqa’ jdur ir-raħal għal ġimgħa oħra, dejjem bil-karettun u b’ dik l-għajta tiegħu.


X’ differenza mil-lum, kemm inbidlu ż-żminijeit, illum ftit li xejn għadek tara bejjiegħa bħal dawn fit-toroq, għax fil-verità anke n-nies lanqas għadha tkun id-dar matul il-jum, għax illum kulħadd jaħdem. Allura x’ jiġu jaħgmlu l-bejjigħa għad-djar vojta? Aħna li niftakruhom jibqgħu ġewwa moħħna sempliċiment biex ikabbru fina n-nostalġija.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon- 19 ta' Novembru 2016


Nessun commento:

Posta un commento