venerdì 11 novembre 2016

Riħ ta’ siegħa

Aħna l-Maltin għandna l-qawl “Riħ ta’ siegħa jnaddaf qiegħa” jiġifieri kultant dak li tkun ilek biex tagħmel tiġi f’ sitwazzjoni li jkollok tagħmlu bla dewmien u forsi wkoll bla ma tkun pjanat li tagħmlu. Fid-dinja kultant jiġuna sitwazzjonijiet li jibdlulna r-rotta li nkunu qbadna, sitwazzjonijiet li jiġu fuqna bħal leqqa ta’ berqa u forsi bla ma nkunu nixtiquhom. Imma dik hi d-dinja, mhux dejjem jiġi dak li nkunu nixtiequ aħna. Kultant fatt ta’ siegħa jibdlilna ħajjitna u ġieli l-ħin ikun wisq iqsar minn hekk, jista’ jkun ftit sekondi bħal fil-każ tat-terremoti li ġraw f’ dawn il-jiem fil-pajjiż ġar tagħna l-Italja.
Solidarjetà
Meta ġewwa l-Italja seħħew l-ewwel terremoti f’ Awwissu li għadda, saret ġabra mingħand il-Maltin fil-knejjes kollha tagħna. Waqt l-omelija ta’ dak il-Ħadd li fih saret il-ġabra kont għidt lin-nies miġbura quddiemi li fi ftit sekondi kien hemm min minngħani ftaqar, kien hemm min sar orfni, kien hemm min spiċċa b’ xi bżonn speċjali għall-kumplament ta’ ħajtu. U dan kollu fi ftit ħin, ħin li lanqas tilħaq tħgid Sliema u Qaddisa. Mhux riħ ta’ siegħa biddel il-qiegħa ta’ dawk l-isfortunati li kienu b’ xi mod jew ieħor vittmi tat-terrimot ta’ Awwissu. Anke fit-terrimoti ta’ Ottubru kienu bosta dawk li riħ ta’ ftit sekondi biddlilhom il-qiegħa tagħhom għal ħajjithom kollha.
Terremoti
Il-Katidal tal-Imdina
 mibni wara t-terremot tal-1693
It-terremoti huma fenomini naturali li ftit li xejn il-bniedem jista’ jagħmel biex jipprevedihom. Terremoti seħħew dejjem għax id-dinja għandha qoxra maqsuma u l-biċċiet ta’ din il-qoxra ġieli jiċċaqalqu. Nafu li fl-1693 fi Sqallija kien sar terremot kbir li waqqa’ ħafna bini. Dan it-terremot kien inħass sewwa f’ Malta u kienet saret xi ħsara wkoll fosthom fil-katidral tal-Imdina. Parti minnu kienet waqgħet u l-kumplament kellu jitwaqqa’ biex fil-post inbena l-katidral barokk li għandna llum.
Fl-1972 f’ Malta nħass terremot ieħor. Din id-darba kien bil-lejl u bosta nies ħallew darhom u sabu xi post fil-wisa’ biex jaħarbu mill-periklu. Jien kont għand in-nanna u ma niftakar xejn għajr li filgħodu kien hemm xi nisa quddiem il-bieb tan-nanna, kollha jgħidu tagħhom dwar dak li ħassew dak il-lejl.
Theżiżiet oħra ġieli kellna. Xi għaxar snin ilu jew ftit aktar, f’ Lulju, kont Għawdex u ħin minnhom l-art theżżet. Ħsibt li kien għadda xi trakk kbir minn quddiem id-dar iżda ma kien xejn minn dan. Kien terremot. Issa fit-terremot ta’ Ottubru li għadda inzertajt Ruma. Kont mindud fuq is-sodda fil-kamra tal-lukanda li kont fiha. Ħassejtni qisni qiegħed f’ benniena, daqs li kieku xi ħadd qed ibandalli s-sodda. Kien terremot li laqat lil Macerata u l-inħawi imma li nħass sewwa minn Ruma.
Dawn l-aħħar tlieta huma xi terremoti li niftakar jiena, żgur li l-ewwel wieħed li semmejt ħadd minna ma jiftakru!
Prossimità
Meta jiġri xi fenomeni bħal dan, l-aktar fejn ikun hemm vittmi li jitilfu ħajjithom, qalbna tingħafas. Aktar u aktar inħossu dieqa jekk dak li jiġri jseħħ f’ xi pajjiż qrib tagħna. Immaġina li kieku dawn it-terremoti li ġraw dawn l-aħħar ġimgħat u jiem ġewwa l-Italja, kellhom jiġru fiċ-Ċina. Mhux għax ma kienx jiddispjaċina, imma minħabba li l-Italja hija qrib ta’ pajjiżna u minħabba li bosta minna żaru din l-art, kif ukoll billi ħafna minna għandhom qraba jew ħbieb jgħixu hemm, l-aħbar aktar tolqotna fil-laħam il-ħaj. Din hija l-prossimità, iktar ma l-fenomenu jseħħ qrib tagħna akbar ikun in-niket li nħossu.
Telf
L-akbar telf f’ dawn il-fenomeni huma l-ħajjiet tal-vittmi. Xejn ma jista’ jġib lura ħajja li tkun spiċċat, fjamma li tkun intfiet, xejn u qatt ma jista’ jerġa jġib lura lil dik il-persuna li sabet it-tmiem tagħha ħabta u sabta, mhux f’ riħ ta’ siegħa imma fi ftit sekondi.
Il-knisja ta' San Benedettu Norcia
Imwaqqa' bit-terremot tat-30 ta' Ottubru 2016
It-telf tal-patrimonju, minkejja li ma huwiex akbar mit-telf tal-ħajjiet, ukoll ibikkina. Knejjes antiki u ta’ ċerta importanza storika spiċċaw f’ borġ ġebel. Illum fadal biss munżell ġebel u trab f’ dak il-post li tant kien jiġbed nies lejh, jew biex iżuruh bħala turisti jew bħala fidili. Illum is-saqaf ta’ dawn il-lokali huwa biss is-sema. Kemm telfiet. Taħt dak it-terrapien min jaf kemm indifnu opri tal-arti, pitturi, skulturi, mużajċi, dokumenti u min jaf kemm aktar. Il-knejjes kienu dawk li l-aktar sofrew ħsara għaliex huma l-aktar bini għoli u anke l-aktar antik.
Riħ ta’ siegħa kien inaddaf il-qiegħa fi żmien meta l-qamħ kien jindires b’ mod naturali u mhux bil-makni tal-lum. Illum ċaqlieqa ta’ ftit sekondi biddlet il-ħajja ta’ bosta nies, tellfet tant patrimonju lid-dinja kollha.

Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 12 ta' Novembru 2016




Nessun commento:

Posta un commento