mercoledì 9 novembre 2016

Rabtiet Franġiskani fil-parroċċa ta’ San Ġorġ Ħal Qormi

It-tieni parti

Fil-ħarġa tax-xahar l-ieħor tajna ħarsa dwar it-Terz’ Ordni Franġiskan, l-istatwa u kwadru antik ta’ San Franġisk li konna jew għadna nsibu fil-parroċċa ta’ San Ġorġ. Illum sejrin inkomplu naraw xi rabtiet oħrajn.

Sottokwadru ġdid
Il-kwadru ta’ San Franġisk xogħol Emvin Cremona
Meta twaqqfu l-fratellanzi ta’ din il-parroċċa, dawn bdew jieħdu ħsieb xi artal laterali u ddedikawh lill-qaddis jew qaddisa patrun jew patruna tal-fratellanza. It-Terz’ Ordni Franġiskan ma kien eċċezzjoni iżda fejn il-fratellanzi l-oħra kellhom artal iddedikat lill-patrun jew patruna, għajr tas-Sagrament li kellu l-artal tal-Gandlora bi kwadrett fuqu li juri lis-sagrament, it-Terz’ Ordni kellu taħt il-ħarsien tiegħu l-artal tal-Kunċizzjoni li jinstab fil-kappellun tal-Gandlora. Dan l-Ordni kien jieħu ħsieb id-devozzjoni u l-festa tal-Kunċizzjoni fil-parroċċa u kien ordna statwa tal-Immakultata għand l-istatwarju Karlu Darmanin, imħallsa minn Marinton Bonavia għall-ħabta tas-sena 1890.

Taħt il-kwadru tal-artal tal-Kunċizzjoni kien hemm sottokwadru tal-familja mqaddsa. Dan il-kwadru tneħħa fis-sena 1960 biex floku sar ieħor ta’ San Franġisk ta’ Assisi. Dan huwa xogħol ta’ Emvin Cremona u juri lill-qaddis b’ ħamiema bajda f’idu. Taħt dan l-artal insibu wkoll l-arma tal-Ordni Franġiskan maħduma fil-mużajk. Ħasra li l-Ordni spiċċa ftit snin wara li sar dan il-kwadru. Ma’ tmiem tat-terzjarji, l-artal u l-festa tal-Kunċizzjoni bdiet tieħu ħsiebhom il-fratellanza ta’ San Ġużepp.

Barra mill-knisja
Niċċa fi Triq Alosio
Niċċa fi Triq il-Kbira
kantuniera ma’ Triq Anici
Ħal Qormi huwa magħruf għan-numru kbir ta’ niċċeċ li fih fit-toroq u l-pjazez tiegħu. Fost dawn in-niċeċ insibu tnejn li fihom xbieha ta’ San Franġisk. Dawn iż-żewġ niċeċ jinsabu fil-konfini tal-parroċċa ta’ San Ġorġ. Waħda minnhom tinsab fi Triq Aloisio. Din ma hijiex xi niċċa elaborata iżda waħda sempliċi għall-aħħar. Il-qaddis jidher liebes iċ-ċoqqa u idu l-leminija tidher fuq qalbu filwaqt li l-oħra hija mniżżla ’l isfel. L-istatwa hija miżbugħa bil-kulur. Il-pedestall tal-istatwa fih l-arma tal-Ordni Franġiskan filwaqt li taħt l-istatwa hemm ras ta’ mewt.

Fil-kantuniera ta’ Triq il-Kbira ma’ Triq Anici nsibu t-tieni statwa li fiha statwa tal-qaddis fqajjar. In-niċċa fiha xogħol mill-isbaħ fil-ġebla Maltija. Il-qaddis jidher liebes iċ-ċoqqa u f’ idu l-leminija qiegħed iżomm kurċifiss filwaqt li x-xellugija qegħda fuq qalbu. L-istatwa hija miżbugħa lewn abjad filwaqt li l-kumplament tan-niċċa hija fuq il-ġebla.

Ulied San Franġisk
Dar Madre Margherita tas-sorijiet Franġiskani
Ħal Qormi minkejja li huwa raħal antik ħafna, huwa nieqes minn preżenza ta’ reliġjużi maskili. Madanakollu hemm żewġ komunitajiet ta’ sorijiet fosthom waħda Franġiskana. Fl-1950 is-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù, imwaqqfin f’Għawdex fl-1880 fetħu dar f’ Ħal Qormi, mhux wisq bogħod mill-knsija ta’ San Ġorġ. Din kien jisimha Casa Santa Marija Goretti. F’ Marzu tal-1961 żdiedet dar oħra ma’ din id-dar biex b’ hekk tkabbret mhux ħażin. Dawn is-sorijiet fetħu wkoll skola għat-tfal iż-żgħar. Din kienet l-ewwel esperjenza ta’ skola għal bosta tfal Qriema. Sa dak iż-żmien l-istat ma kienx joffri servizz ta’ kindergarten u għalhekk din l-iskola kienet ta’ għajnuna kbira għall-Qormin, għad li s-Sorijiet Agostinjani li nsibu f’ Ħal Qormi kellhom skola għat-tfal ukoll.

Fit-tieni nofs tas-snin tmenin inħass li din id-dar kellha titwaqqa’ u tinbena mill-ġdid mhux aktar bħala skola iżda bħala dar tal-anzjani. Illum minflok l-iskola, li min jaf kemm ġrejna u werżaqna fil-bitħa tagħha, insibu d-Dar Madre Margherita, li fetħet fl-10 ta’ Diċembru 1994 u llum tilqa’ fiha 18-il anzjana flimkien mal-komunità tas-sorijiet Franġiskani.

Artal mejda
Tajjeb hawnhekk insemmu ħaġa li forsi ftit jafuha u jekk ma tinkitbx għandha mnejn tintilef darba għal dejjem. Meta kienet qegħda titwaqqa’ d-dar u l-iskola tas-sorijiet Franġiskani, xi ħadd mar sab lill-Kanonku Mikiel Zammit u qallu kemm kien hemm travi kbar fil-post fejn kienu qed iwaqqgħu s-sorijiet. Dun Mikiel telaq beix jara b’ għajnejh, mar lura d-dar u ħa miegħu ċana tal-injam u reġa’ lura fil-post, ftit għexieren ta’ metri bogħod. Kif kixef ftit minn wieħed mit-travi sab li dawn kienu tal-ġewż. Hu talab li dawn minflok ma jintremew jittieħdu fiċ-ċimiterju l-antik ta’ ħdejn il-knisja parrokkjali. Hekk sar u xi żmien wara dawn it-travi ttieħdu ġewwa t-tarzna ta’ Malta sabiex jitqattgħu u jsiru twavel. Mit-twavel li ħarġu mit-travi sar l-artal mejda li llum insibu fil-parroċċa ta’ San Ġorġ. Dan il-fatt kien irrakkuntahuli Dun Mikiel Zammit stess u nħoss li tajjeb li jkun miktub xi mkien!

Għeluq
Ħal Qormi u San Franġisk! Mhux faċli tassoċjahom flimkien, iżda jekk toqgħod tifli u taħseb issib li hemm xi rabtiet bejniethom. Dawn li semmejna f’ dawn iż-żewġ ħarġiet huma xi wħud minnhom.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fir-rivista DF Dawl Franġiskan. Novembru 2016


Ħajr: Is-Sur George Borg, Sr. Marion Debrincat, Is-sur Clayton Grech, Is-Sur Michael Debono, Knisja San Ġorġ Qormi









Nessun commento:

Posta un commento