venerdì 28 luglio 2017

Daqq ta’ qniepen u murtali

Ninsabu fl-eqqel tal-istaġun tal-festi Maltin, żmien fejn id-daqq tal-qniepen u l-murtali jinstemgħu aktar minn żminijiet oħrajn tas-sena. Kull sena, anzi kull sajf, dejjem iqum l-argument jekk dawn għadhomx żmienhom, jekk f’ Malta tal-2017 għadx hawn lok għal dawn l-elementi festivi u tradizzjonali tagħna. U jien meta nisma’ dawn l-argumenti ngħid jew il-Maltin saru wisq dojoq, kollox jagħtihom fastidju jew hemm xi agenda moħbija wara dawn l-argumenti.

L-għan tal-qniepen
Il-qanpiena għandha leħen u għandha lingwa. Kont ser ngħid għandha ilsien biex nuża l-kelma tabilħaqq Maltija, imma billi parti mill-qanpiena tisssejjaħ ilsien, dik il-parti li tħabbat, naħseb li jkun aħjar jekk nuża l-kelma lingwa biex ma nħawwadx nies. Il-lingwa tal-qanpiena mhux kulħadd jifhimha bħalma mhux kulħadd jifhem it-Taljan, il-Franċiż, il-Ġermaniż jew xi lingwa oħra li ma tkunx studjajt. L-għan tad-daqq tal-qniepen kien li fi żmien meta l-arloġġ fid-djar Maltin kien lussu,  juri lin-nies il-ħin tal-ġurnata. Mas-sebħ kien idoqq il-Pater Noster biex ir-raħħala jindunaw li sebaħ jew wasal biex jisbaħ jum ġdid. Fit-tmienja ta’ filgħodu u f’ nofsinhar jindaqqu tokki biex dak li jkun jinduna x’ ħin sar. Ma’ dawn it-tokki kien hemm id-drawwa li tingħad it-talba tal-Angelus. Fi tmiem il-jum kienet tindaqq dik li tissajjaħ l-Ave Marija biex dak li jkun itemm il-jum b’ radd ta’ ħajr lill-Ħallieq u xi ħin wara kienet tindaqq l-hekk imsejħa l-Mewt. Imbagħad hemm daqq ieħor, bħal dak li jħabbar li se tibda quddiesa daqs kwara wara, daqq li jħabbar il-mewt ta’ xi persuna u kien hemm żmien fejn anke kienet tindaqqq glorja fit-twelid ta’ tarbija. Fil-mota li tħabbar mewt hemm differenza fit-tokki jekk ikunx miet raġel jew mara. Ma nafx il-liġi tal-ġeneru hijiex ser tibdel xi ħaġa rigward id-daqq tal-qniepen fil-każi tal-mewt! Waqt quddiesa solenni għadna nisimgħu d-daqq tal-Glorja u tas-Santus. Hemm ukoll id-daqq tal-qniepen waqt li tkun qed tingħata l-barka.  Nhar ta’ Ħamis filgħaxija tindaqq mota biex tfakkar fit-twaqqif tal-Ewkaristija u nhar ta’ Ġimgħa fit-tlieta ta’ waranofsinhar għad hawn fejn tindaqq il-mota biex tfakkar fil-mewt ta’ Kristu. Ma’ dan kollu llum nisimgħu wkoll id-daqq tal-arloġġi tal-knejjes. Dan id-daqq ukoll jagħmel parti mil-lingwa tal-qniepen u jekk ma tkunx taf il-lingwa tibqa’ ma tifhem xejn. Imbagħad hemm id-daqq tal-moti li joħloq tant kontroversji. Il-moti tal-festa li jibdew minn kmieni jħabbru li fir-raħal jew belt ikun sebaħ jum speċjali, jum mhux bħal tas-soltu.

Il-murtali
L-arti piroteknika Maltija daħlet fil-festi tagħna bosta snin ilu. Din id-drawwa daħlet wara li l-Maltin kienu jaraw lill-ħakkiema ta’ arthom jagħtu salut bil-bombi lil xi dinjitarju li jkun qed iżurhom. Il-Maltin xtaqu li huma wkoll isellmu lill-akbar dinjitarju fir-raħal tagħom; il-qaddis patrun! Bdew jinħarqu l-maskri (skrataċ mimlijin bil-porvli) mat-triq tal-purċissjoni u biż-żmien żviluppa n-nar tal-ajru. Kien hemm żmien fejn il-murtali kienu jkunu bil-wisq aktar qawwijin minn dawk tal-lum, u ħadd qatt ma kien igerger għandek tgħid!

Anke fejn jidħol in-nar hemm wieħed x’ jifhem u dak li ma jkunx jifhem il-lingwa tagħhom,  għalih kollox l-istess u kollha storbu. Hemm sengħa u arti fil-piroteknika. Illum aktar minn qabel għax qegħdin naraw nar sinkronizzat mal-mużika li joffri spettaklu mill-isbaħ. Il-ħaġa li daħħqitni hi li dan l-aħħar kien hemm min ġab l-iskuża li l-murtali jbeżżgħu lill-annimali. Kemm sirna qegħdin sew, l-annimal jiġi qabel il-bniedem. Jiena kontra kull moħqrija fuq l-annimali, imma f’ ġieħ is-sewwa, jekk tridu toħduha kontra din id-drawwa Maltija sibu argument ieħor!

L-esegerazzjoni f’ kollox ħażina. Bosta jgergru li l-ħsejjes idumu wisq matul il-lejl. Jien naqbel li jekk hemm liġi li tispeċifika ħin meta għandu jieqaf l-istorbju, din għandha tiġi rrispettata għax b’ hekk jinqalgħu ħafna argumenti u tgergir. Kieku l-liġi tinżamm ħadd ma jkun jista’ jgħid xejn iżda bosta drabi jkun hemm min iwaqqa’ l-balla fuq saqajh.

Jekk inżommu l-liġi
Jekk għandha tinżamm il-liġi dwar l-istorbju, din għandha tgħodd għal kulħadd u għal kull okkażjoni. Mela jekk l-istorbju għandu jintemm fil-ħdax ta’ bil-lejl, anke l-attivitajiet mhux marbutin mal-festa għandhom jintemmu f’ dak il-ħin. Ma rridx insemmi rħula, imma naf fejn matul is-sajf fi tmiem il-ġimgħa, bniedem ma jkunx jista’ jagħlaq għajn ma’ għajn bil-ħoss tal-mużika tgħajjat matul il-lejl kollu li ssir minn lokal mhux wisq bogħod. Dan eżempju wieħed. Kieku Paceville kellu jitfi d-dawl fil-ħdax x’ jiġri? Illum fil-ħadx il-ħajja f’ Paceville tkun għadha ser tibda! Mela n-nies li joqgħodu hemmhekk ma jridux jorqdu wkoll? Tgħid dan huwa każ fejn jafferma dak li qal George Orwell f’ Animal Farm li l-annimali huma kollha ndaqs, imma xi wħud mill-annimali huma ndaqs aktar mill-aħrajn?

Ilum qbadt agrument kontroversjali ħafna, naf li hawn min jaqbel mad-daqq tal-qniepen u mal-murtali u hawn min għalih huma kollha żejda. Il-pożizzjoni tiegħi mhix li dawn id-drawwiet jinqatgħu għax huma parti mill-folklor tagħna, jispiċċaw huma u tkompli tiġġarraf l-identità tagħna. Hemm fejn wieħed jikkontrolla u jnaqqas l-esegerazzjonijiet. Niftakru x’ kien jgħid San Tumas ta’ Akwinu, li l-moderazzjoni hija tajba f’ kollox!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon tad-29 ta' Lulju 2017





venerdì 21 luglio 2017

Social Street

Id-dinja li fiha ngħixu llum il-ġurnata waqqgħet kull limiti ta’ distanza grazzi għall-konnettività. Fid-dinja tal-lum id-distanza ftit li xejn għadha problema, iżda mill-banda l-oħra neħħiet il-ġost li wieħed jista’ jgawdi il-ħin veru, dak li jkun qed jiġri ħdejh, għax bosta drabi dak li jkun jaljena ruħu b’ dak li jkun qed isir xi mkien ieħor. Il-bniedem ta’ din id-dinja moderna ma għadux jiltaqa’ biex jieħu kafè mingħand il-ħanut tal-kanturniera jew mill-każin, il-ħaddiem tal-lum ma fadallux ħin biex jgħid kelmtejn fuq iz-zuntier jew fuq il-bank tal-injam li hemm fil-pjazza tar-raħal. Il-bniedem tat-tielet millenju ma għadux jaf min huma dawk it-talin li għandhom l-istess gosti tiegħu, dawk li jaħsbuha bħalu. Il-bniedem modern bilkemm jaf min huma l-ġirien tiegħu, dawk li jgħixu fl-istess żona tar-raħal tiegħu, lanqas jaf lin-nies kollha tat-triq tiegħu minkejja li tkun triq ċkejkna. M’ inix ngħaġġibha, ngħid għalija llum ma nafx in-nies kollha tat-triq li fiha twelidt u għext għal għexieren ta’ snin.

Isir l-ewwel pass
Ġewwa l-belt ta’ Bologna f’ Italja,

Federico Bastiani, ġurnalista lawrjat fl-ekonomija, induna li ibnu ma kellux ma’ min jilgħab il-ballun. Huwa ddeċieda li jgħin lil ibnu u mar fuq Facebook biex isib min jista’ jilgħab ma’ ibnu. Ovvjament, ma setax isib ħbieb għal ibnu li jkunu joqgħodu bogħod. Il-ħbieb riedu jkunu joqgħodu qrib kemm jista’ jkun. X’ għamel Bastiani? Ħoloq grupp fuq Facebbook, il-post per eċċellenza fejn jiltaqgħu l-bnedmin illum. Il-grupp kellu l-ħsieb li jkollu fih membri lil dawk li joqgħodu qrib tad-dar ta’ Bastiani. Kien Settembru 2013 meta twieled il-grupp  bl-isem Via Fondazza e Dintorni.  

Il-grupp ta’ din it-triq beda bi ftit membri iżda ma damx wisq ma kiber. Il-membri tal-grupp fl-aħħar ftehmu li jiltaqgħu u dawn il-laqgħat bdew isiru spiss. Mhux aktar laqgħat fuq il-komputer imma laqgħat f’ post komuni, f’ sala qrib it-triq tagħhom. F’ dawn il-laqgħat bdew jinqasmu l-ideat ta’ kreattività, suġġerimenti u fuq kollox laqqa’ ġirien li qatt ma kienu raw lil xulxin qabel. X’ dinja din hux? Ġirien li qatt ma jkunu raw lil xulxin minkejja li jkunu ilhom snin twal jgħixu fl-istess triq, forsi fl-istess blokk ta’ appartamenti! Iben Bastiani ma damx wisq ma sab ħbieb tamparu ma’ min jilgħab.

Idea li nxterdet
Dak li seħħ ġewwa Via Fondazza f’ Bologna ma baqax hemm biss. Hemm nibet il-ħsieb, hemm twieldet idea li nxterdet anke lil hinn mill-Italja. Fi ftit xhur fl-Italja kien hemm aktar minn 260 grupp ta’ Social Street. F’ Milan biss kien hemm aktar minn 7,000 persuna membru f’ xi grupp Social Street.

Hekk Facebbok, in-network soċjali li spiss ikun meqjuż bħala l-intrata għas-solitudni, sar il-benniena ta’ esperiment soċjali mill-aktar innovattivi, fejn minkejja li joħloq grupp virtwali, iwassal għal laqgħat soċjali verament, mhux biss virtwali imma laqgħat fejn bnedmin tad-demm u l-laħam iħallu darhom, iqumu minn fuq is-siġġu ta’ quddiem il-komputer u jiltaqgħu ma’ bnedmin tad-demm u l-laħam bħalhom. Social Street huwa x-xewa ta’ relazzjoni umana fiż-żmien il-Facebook. Social Street hija idea tassew sempliċi li ftit ftit qed isir idea rivoluzzjonarja. Social Street għandha mnejn tkun it-triq li treġġa’ lura lill-bniedem biex ikun soċjali bħalma kien qabel daħal l-internet fi djarna.

Tkompli tikber
Wara tliet snin u nofs mit-twelid tal-ewwel grupp Social Street, Federico Bastiani stqarr li fil-bidu ma kellux f’ moħħu li dan il-proġett se jkollu s-suċċess li kellu, ried jgħin lil ibnu u spiċċa biex jgħin lil bosta toroq. Bosta bliet u rħula qegħdin joħolqu gruppi Social Street li qed iħallu r-riżultat mixtieq.
M’ ilux kont f’ raħal qrib Avellino, raħal ta’ mhux aktar minn 3,500 abitant. Raħal fuq il-muntanji li minkejja li l-poplu għadu jiltaqa’ fil-pjazza u bosta mir-residenti għadhom imorru l-quddies kuljum, xorta nħass il-bżonn li jinbeda dan il-proġett. Illum ma tridx wisq risorsi biex twaqqaf grupp bħal dawn, l-għodda għandu kulħadd, li jkun jeħtieġ hija l-inizjattiva. F’ dan il-każ li qed insemmi, l-inizjattiva ħadha l-arċipriet tar-raħal. Kull triq għandha rappreżentant li joħloq grupp li fih jinkitbu l-ġirien. Bis-saħħa ta’ dawn il-gruppi, ħafna ġirien bdew isiru jafu lil xulxin aktar u bdew jgħinu lil xulxin. Jaqsmu bejniethom l-ideat u l-esperjenzi.

Ma nafx jekk Malta għandniex minn dawn il-gruppi, jista’ jkun li iva.

Meta kont għadni ngħix Bologna kont ngħaddi spiss qrib Via Fondazza. Min qatt kellu jgħidli li minn din it-triq kellha tinbet idea hekk sabiħa li tinxtered ma’ bosta partijiiet tal-Italja, u mhux biss, imma nake fl-Amerika qed jitwaqqfu gruppi bħal dawn. U f’ pajjiżna min se jieħu l-inizjattiva?


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 22 ta' Lulju 2017


lunedì 17 luglio 2017

Il-ħmar u l-karrotta

Qatt rajtu xi karikatura ta’ ħmar li jkollu  marbuta karrotta quddiemu biex dan jimxi u jipprova jilħaqha iżda billi l-karrotta tkun marbuta ma’ zokk li jkun marbut ma’ dahar il-ħmar, dal-povru annimal jimxi kemm jimxi ma jkun jista’ jilħaq qatt dik il-karrotta? Din hija karikatura iżda tirrifletti sewwa bosta sitwazzjonijiet fil-ħajja tagħna. Ħalli naraw xi ħaġa dwar il-ħmir u dwar il-karrotti imbagħad narawhom flimkien.

Il-ħmar
Illum il-ħmar huwa annimal li jinżamm għad-delizju, minkejja li naqas sewwa mit-toroq tagħna. Dan l-annimal ilu jintuża mill-bniedem fix-xogħol tiegħu għal akar minn 5,000 sena. Fil-pajjiżi sottożviluppati dan l-annimal għadu jintuża ħafna għaliex bosta drabi huwa l-mezz waħdieni ta’ trasport. Anke l-ħmir bix-xorti għax f’ pajjiż sottożviluppat ħmar aktarx jgħix bejn 12 u 15-il sena filwaqt li f’ pajjiżi oħra jgħix madwar 35 sena u għandu mnejn anke jasal san-nofs seklu.

Billi l-ħmar ġej mir-razza taż-żwiemel, dawn iż-żewġ bhejjem ġieli jitgħammru u hemm jitwieled il-bagħal. Il-ħmara tista’ titgħammar ukoll maż-żebra billi huma tal-istess razza wkoll. Bosta drabi il-bgħula jkunu sterili u jinżammu għax-xogħol aktar milli għad-delizju.

Snin ilu l-ħmar kien jidher sewwa fit-toroq ta’ pajjiżna. Minbarra li kien iwassal lil sidu fejn kien ikun irid imur, kien ukoll jaqdih waqt il-ħidma tiegħu. Tal-bigilla niftakru bil-ħmara u lil tal-ġelat l-istess. Miniex insemmi mijiet ta’ snin ilu iżda anqas minn 50 sena. Kien jiġi tal-ħaxix fit-triq tagħna bil-ħmar u ieħor ibiegħ affarijiet tad-dar bħal fliskaturi, vażuni, xkupi u ma nafx xiex aktar kien idur it-toroq bil-bagħal. Lil tal-irkotta niftakru jiġi minn Ħal Kirkop biż-żiemel imma llum il-kliem mhux fuq iż-żiemel jew il-bagħal iżda fuq il-ħmar.

Il-ħmar insibuh ukoll fil-Bibbja, bosta drabi fit-testment il-qadim u anke f’ dak ġdid fejn insibu lil Kristu riekeb felu fid-daħla tiegħu f’ Ġerusalemm. Id-drawwa tgħidilna li anke fit-twelid ta’ Kristu kien hemm ħmara fl-għar ta’ Beltem, imma ma għandna xejn ċert fuq din id-drawwa.

Il-karrotta
Din il-ħaxixa, jew aħjar għerq, aktarx oriġinat mill-Persja u aktarx li kienet titkabbar biex mill-pjanta tagħha kienu jittieħdu ż-żrieragħ.

Aħna l-aktar familjari mal-karrotta ta’ lewn orangjo iżda hawn bosta tipi ta’ karrotti bi lwien differetni, minn vjola sa abjad.  Il-karrotta ma hijiex xi pjanta delikata wisq u tikber bla ħtieġa ta’ attenzjoni żejda. Niftakar l-ewwel darba li żort l-Albanija kont bqajt impressjonat bl-ammont ta’ rgiel mal-ġenb tat-toroq li jbiegħu l-karrotti. Kienu fissruli li l-art ma tantx kienet fertili f’ ċerti nħawi imma kienet tajba biżżejjed biex jitkabbar il-karrotti fiha. Allura kulħadd kien ikabbar il-karrotti biex ibiegħhom, imma l-problema kienet li kulħadd kien ikollu l-karrotti minn tiegħu u ħadd ma kien ikollu għalfejn jixtri mingħand ħaddieħor!

Il-karrotta fiha ammont kbir ta’ ilma użda fiha wkoll xi ftit taz-zokkor, fiha ammont ta’ vitamini wkoll. Illum huma bosta dawk li jieklu l-karrotti nejjin bħala deżerta jew snack. Qatt doqtuh il-kejk tal-karrotti? Nassigurakom li huwa tajjeb ħafna u jekk idduqu lanqas tinduna li dan  ma jkunx fih zokkor iżda l-ingredent li jagħti l-ħlewwa huwa l-karrotti. Jekk xi darba doqtu naħseb li qed taqbel miegħi. Jingħad ukoll li l-karrotti huma tajbin ħafna għall-vista tal-għajnejn.

Il-ħmar u l-karrotta
Jekk il-ħmar waħdu huwa annimal li ta jew għadu jagħti għajnuna lill-bniedem u jekk il-karrotta waħdiha hija ħaxixa tajba għalina l-bnedim ukoll, meta dawn it-tnejn jitpoġġew flimkien ma tantx iħallu konnatazzjoni tajba. Bħalma għidt fil-bidu meta jpinġulek ħmar bil-karrotta quddiemu jkun ifisser li xi ħadd qed iwegħdek xi ħaġa u jibqa’ jwegħdek u inti tibqa’ timxi wara l-karrotta bla ma qatt tkun tista’ tilħaqha.

Din is-sitwazzjoni insibuha f’ bosta ambjenti fil-ħajja tagħna. Ilkoll kemm aħna xi darba jew oħra għaddejna minn xi esperjenza li wegħduna xi ħaġa u l-wegħda baqgħet fiergħa u ma twettqet qatt. Tista’ tkun wegħda mill-ħbieb, mill-familjari, mill-imgħallem tax-xogħol, mill-politku, minn xi awtorità.

Il-karrotta tista’ titpoġġa quddiem ras il-ħmar minn xi entità ta’ saħħa bħall-gvern, il-Knisja jew minn xi istituzzjoni oħra li jkollha xi ftit setgħa fuqhek. Tirrabja u tħossok trid itrritalja, imma kun af li darba biss David rebaħ lil Gulija, normalment l-istorja dejjem tkun bil-kontra.  Għalhekk l-aħjar ħaġa li tagħmel meta tinduna hu li lil dak li jkun rabatlek il-karrotta quddiem imnieħrek tibda tgħoddu ta’ li hu, iddawwar wiċċek minnu. Ftakar dejjem li m’intix l-ewwel ħmar li sibt quddiemek karrotta li qatt ma tista’ tilħaq.


Il-parir tiegħi hu li jekk tinduna li rabtulek karrotta quddiem imnieħrek, taqax għan-nassa tagħhom, timxix warajha, ħallihom isibu ħmar ieħor quddiem min idendlu l-karrotta.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 15 ta' Lulju 2017



venerdì 7 luglio 2017

Arti tal-meravilja

L'immagine può contenere: spazio all'apertoFtit ġimgħat ilu f’ artiklu tiegħi ktibt dwar drawwiet li aħna l-Maltin addottajna mill-Italja. F’ dak l-artiklu (3 ta’ Ġunju 2017) kont semmejt l-infiorata li ssir ġewwa Genzano, dak it-tapit  ta’ fjuri li jsir għall-festa ta’ Coprus. Dan l-aħħar kont b’ xogħol l-Italja u l-aħħar jum kelli ngħaddih Ruma. Inzerta li kien iż-żmien li ssir din l-infiorata u għalhekk approfittajt ruħi u mort inżurha. Kienet esperjenza tant sabiħa li nixtieq naqsamha magħkom.

Bil-ħsieb ta’ dan l-artiklu f’ moħħi bdejt nistaqsi kif u x’ fatta. Mort l-uffiċċju tal-kunsill lokali tal-post u sibt kull għajnuna.

Għal min ma qarax l-artiklu tat-3 ta’ Ġunju, forsi dakinhar kien imħabbat bl-Elezzjoni Ġenerali, ngħidlu biss li din hija attività li ssir ġewwa Genzano di Roma fejn isir bħal tapit tal-petali tal-fjuri ta’ kull lewn li jiksi triq sħiħa. Dan isir ta’ kull sena għall-festa ta’ Corpus Christi.

Minn xhur qabel
Ix-xogħol għal din l-infiorata jieħu fit-tul. Il-Comune jagħżel it-tema għal dik is-sena. Din is-sena t-tema kienet “Talb għall-Paċi – djalogu bejn Reliġjonijiet u Kulturi”. F’ Jannar, bosta gruppi jippreżentaw disinn biex jiġi kkunsidrat mill-kunsill. Ma hemm l-ebda forma ta’ kompetizzjoni, għalhekk ma hemmx il-pika. Meta jingħażlu d-disinni kollha li jkunu sejrin jiffurmaw dan it-tapit imlewwen, jiġi kkalkulat l-ammont ta’ fjuri li jkun hemm bżonn, jaraw kemm kuluri differenti jkunu sejrin jintużaw u x’ tip ta’ fjuri jkunu jinħtieġu. Wara dan ix-xogħol jiġu ordnati l-fjuri kollha, miljuni ta’ fjuri. Din is-sena l-fjuri kollha waslu mill-belt ta’ Napli.

L'immagine può contenere: spazio all'apertoL-uffiċċju tal-Kunsill Lokali ta’ Genzano di Roma għandu aċċess għall-mini li hemm taħt l-art tul ir-raħal kollu. Dawn kienu jintużaw fil-medjuevu biex f’ każ ta’ xi attakk mill-għadu dak li jkun kien ikun jista’ jaħrab. Matul it-tieni gwerra dinjija dawn intużaw bħala kenn mill-attakki tal-għadu. Illum parti minnhom tintuża biex jinżammu l-petali tal-fjuri tal-infiorata.

F’ kamra qabel tinżel għal dawn il-mini jsir il-qtugħ tal-petali. Dawn jitpoġġew f’ tilari bil-qiegħ tax-xibka biex tgħaddi l-arja u jibqgħu friski. Hemmhekk wieħed jara mijiet ta’ tilari b’ petali ta’ kull lewn. Iz-zkuk tal-fjuri jintremew, iżda xi ftit minnhom jistgħu jintużaw jekk fid-disinn ikun hemm l-aħdar skur. L-aħdar l-ieħor isir bil-weraq tal-busbies.

Via Italo Belardi
L'immagine può contenere: spazio all'aperto
It-triq li fiha ssir din il-manifestazzjoni artistika ġġib l-isem ta’ Italo Belardi. Sa 90 sena ilu din it-triq kien jisimha Via Livia. Fis-seklu XVIII, meta bdiet issir din il-manifestazzjoni din it-triq kienet l-aktar waħda wiesa’ ġewwa r-reġjun tal-Lazio. Tajjeb ngħidu li sal-1875 din l-infiorata ma kinitx issir f’ din it-triq iżda f’ waħda qribha. Din it-triq wiesa hija t-telgħa li mill-misraħ prinċipali tar-raħal twasslek sal-knijsa ta’ Santa Maria in Cima minn fejn toħroġ il-purċissjoni ta’ Corpus.
Illum l-infiorata ta’ triq Italo Belardi f’ Genzano hija appuntament annwali iżda din ma kinitx issir kull sena. Fis-seklu XIX kien hemm żewġ waqfiet ta’ dsatax-il sena kull waħda. Fis-seklu XX bdiet tkun aktar kostanti u ma saritx f’ xi snin tal-bidu tas-seklu, fl-1932, 1934, 1935 u matul it-tieni gwerra dinjija.

Ix-xogħol tal-infiorata fit-triq jibda l-Ġimgħa filgħaxija meta l-artisti li jkunu ntgħażlu jibdew jiddisinjaw il-proġett tagħhom fl-art permezz tal-ġibs abjad. Is-sibt filgħaxija jibdew jitpoġġew il-petali f’ posthom. Dan ix-xogħol jibqa’ għaddej matul il-lejl kollu u jekk ma jkunx lest jitkompla matul il-jum tas-Sibt. Kollox ikun lest sal-Ħadd filgħodu. B’ kollox isiru tlettax-il kwadru kbar, kollha maħdumin minn petali ta’ fjuri li jiffurmaw tapit wieħed tul it-triq kollha.

Artisti
Nessun testo alternativo automatico disponibile.Minkejja li din l-infiorata ma hijiex kompetizzjoni, xorta waħda bosta artisti jaspiraw li jkollhom ix-xorti li xi darba jew oħra xi disinn minn tagħhom ikun f’ din il-manifestazzjoni artistika. Waqt li kont qed indur din l-infiorata iltqajt u tkellimt ma’ Daniele Becherelli, wieħed mill-artisti li kellu x-xogħol ta’ biċċa mit-tapit tal-fjuri taħt idejh. Hemmhekk iltaqajt ukoll mal-artista Silvia D’ Onorio li qaltli li ftit ġimgħat ilu kienet Malta fuq xogħol ta’ infiorata. Staqsejtha fejn u qaltli li kienet ir-Rabat Għawdex biex taħdem fuq tapit tal-fjuri li sar fit-telgħa taċ-Ċittadella.

Fi kwadru ieħor kienet tidher mappa tal-Italja. F’ din il-mappa, maħduma kollha minn petali u weraq tal-busbies kienet tidher Malta. Ma kellix l-okkażjoni niltaqa’ mal-artisti li wettqu dan il-kwadru imma kelli nissodisfa ruħi b’ ritratt tax-xogħol.

Arti tal-meravilja, hekk hi din l-attività. Ħassejt li kelli naqsam magħkom din l-esperjenza għaliex aħna l- Maltin inħobbu nżuru Ruma imma forsi ftit li xejn  naħsbu biex immorru nżuru l-irħula tal-periferija, dawk lin jissejħu Castelli Romani, bħal Castel Gandolfo, Frascati, Nemi, Marino, Albano Laziale u r-raħal fejn issir din l-infiorata Genzano.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 8 ta' Lulju 2017




L'immagine può contenere: una o più persone e spazio all'aperto

L'immagine può contenere: spazio all'aperto

Nessun testo alternativo automatico disponibile.

Nessun testo alternativo automatico disponibile.

Nessun testo alternativo automatico disponibile.

L'immagine può contenere: spazio all'aperto
Dawn ir-ritratti huma tal-fotografu Angelo Sabanito u qed jiġu murija hawnhekk bil-permess ġentili tiegħu. 

Qaddisin bl-isem ta’ Filippu

Fir-raħal tagħna nagħmlu festa lill-patrun tal-Belt Rohan, San Filep ta’ Agira, u bosta Żebbuġin iġibu isem il-patrun tar-raħal. Biss dan ma huwiex l-uniku qaddis li jġib dan l-isem. Ha naraw ftit xi qaddisin oħra li wkoll iġibu l-isem ta’ Filippu.

San Filippu Appostlu
Displaying Filippu Appostlu.jpg

Qaddis tal-ewwel seklu. Aktarx li dan Filippu twieled ġewwa Betsaida fil-Palestina. Kien wieħed minn tal-ewwel li ssejjaħ minn Ġesù biex jimxi warajh u għażlu bħala Appostlu. Aktarx li qabel ma mexa wara l-Mulej, kien dixxiplu ta’ Ġwanni l-Battista. Minbarra dak li nsibu dwaru fl-erba’ Evanġelji, it-tradizzjoni mhux dejjem taqbel dwar xi stejjer li jingħadu dwaru. Żgur li xandar il-fidi ta’ Kristu ġewwa l-Friġja taħt l-Imperatur Domizjanu. Aktarx li kien fil-Friġja stess li Filippu ħa l-martirju billi sallbuh rasu ’l isfel. Il-knisja tiċċelebra l-festa ta’ dan l-Appostlu nhar it-3 ta’ Mejju flimkien mal-Appostlu Ġakbu ż-żgħir.



San Filippu Benizi
Displaying Filippu Benizi.jpgDan il-qaddis twieled ġewwa Firenze l-Italja fis-sena 1233. Wara li studja l-mediċina u l-filosofija ħass is-sejħa li jingħaqad mal-Ordni tas-Servi ta’ Marija li kien twaqqaf ftit tas-snin qabel. Ingħaqad ma’ dan l-Ordni fl-1254 fejn laħaq saċerdot u aktar tard Majjistru tal-Ordni. Aktar tard huwa kien assenjat fil-kunvent ta’ Monte Senario fejn ukoll laħaq mexxej. Bħala Pirjol Ġenerali huwa kellu ħajja mimlija attività kemm fl-Italja kif ukoll barra mill-Italja. Fi żmienu l-Ordni kien għaddej minn żmien diffiċli u Filippu tħabat sakemm akkwista ittra ta’ protezzjoni appostolika għall-Ordni mingħand il-Papa Onorju IV. L-aħħar snin ta’ ħajtu huwa għaddiehom fil-kunvent ta’ Todi, wieħed mill-ifqar kunventi li kellu l-Ordni. Miet f’ dan l-istess kunvent nhar it-22 ta’ Awwissu 1285. Kien kanonizzat mill-Papa Klement X fl-1671. Il-festa tiegħu tkun iċċelebrata nhar it-22 ta’ Awwissu.

San Filippu Neri
Displaying Filippu Neri.jpg
Filippu Neri twieled ġewwa Firenze l-Italja fis-sena 1515. Missieru kien nutar u ċ-ċkejken Filippu studja biex jilħaq hu wkoll nutar. Ġewwa Firenze, fil-kunvent Dumnikan ta’ San Marco kien hemm Fra Girolamo Savonarola li ħalla influenza kbira fuq Neri. Kien influenzat ukoll mill-patrijiet Benedittini ta’ Montecassino. Ta’ tmintax-il sena ħalla Firenze u mar jgħix Ruma għal sbatax-il sena fejn studja l-filosofija u t-teoloġija u ħadem bħala skrivan. Kien jikteb ukoll għadd ta’ poeżiji. Fl-1538 huwa beda jaħdem maż-żgħażagħ ta’ Ruma u waqqaf għaqda ta’ lajċi li kienu jiltaqgħu biex jagħmlu ħin ta’ adorazzjoni u biex jgħinu lill-pellegrini u l-morda li jkunu Ruma. Filippu kien jgħaddi ħin twil jitlob ġewwa l-katakombi ta’ San Bastjan fejn fl-1544 kellu estasi li ħallietlu marka f’ ħajtu u f’ qalbu. Fl-1551 huwa kien ordnat saċerdot u beda jgħix fid-dar ekklesjastika msejħa ta’ San Gilormu. Hemmhekk dlonk ħa fama ta’ konfessur tajjeb li kien jaf jaqra l-qlub.  Ix-xogħol maż-żgħazżagħ baqa’ jagħmlu minkejja x-xogħol l-ieħor kollu u fl-1575 waqqaf il-Kongregazzjoni tal-Oratorju. Din il-kongregazzjoni bniet knisja ġdida ġewwa Ruma li minkejja li isimha propja huwa Santa Maria in Vallicella, aktar hija magħrufa bħala Chiesa Nuova. Huwa miet fis-26 ta’ Mejju tas-sena 1595 u jinsab midfun fil-knisja magħrufa bħala Chiesa Nuova f’ Ruma. Il-festa ta’ dan il-qaddis tkun iċċelebrata fis-26 ta’ Mejju.

San Filippu ta’ Ġesù
Displaying Filippu ta’ Ġesù.jpgFelipe de Las Casas Martinez twieled ġewwa l-Messiku propju ġewwa Mexico City fl-1572. Huwa daħal mal-patrijiet Franġiskani, iżda ftit wara ħalla l-ħajja reliġjuża. Beda jaħdem u mar il-Filippini, fejn għex ħajja ta’ xalar. Aktar tard reġa’ ħass x’ jiġbdu lejn il-ħajja reliġjuża u fl-1590 daħal fl-Ordni Franġiskan ġewwa Manila. Wara xi snin is-superjuri tiegħu raw li kien jista’ jiġi ordnat saċerdot iżda billi fil-Filippini ma kienx hemm Isqof, iddeċidew li jibgħatuh il-Messiku u jkun ordnat hemmhekk. Telaq minn Manila fit-12 ta’ Lulju 1596 iżda qamet maltempata u x-xini li kien fuqu spiċċa fuq il-kosta tal-Ġapun. Il-Ġappuniżi ħatfu x-xini għax beżgħu li dan kien ser jibda xi gwerra. Il-passiġieri intefgħu l-ħabs iżda Filippu u xi patrijiet oħrajn inżammu b’ għassa fuqhom ġewwa kunvent. Fit-30 ta’ Diċembru ta’ dik is-sena mill-kunvent ittieħdu f’ ħabs. Minn hawn beda l-martirju ta’ Filippu u l-bosta reliġjużi oħra sakemm ħadu l-martirju tas-salib  ġewwa Nagasaki nhar il-5 ta’ Frar 1597.  Dawn il-martri, magħrufin bħala l-Martri tal-Ġappun ġew ikkanonizzati mill-Papa Piju IX fl-1862. Il-festa ta’ San Filippu ta’ Ġesù u l-martri l-oħra tal-Ġappun tkun iċċelebrata fis-6 ta’ Frar.

San Filippu Howard 
Displaying Filippu Howard.jpgFilippu twieled Londra l-Ingilterra fl-1557 minn familja aristokratika. Hu kien l-uniku wild ta’ Tumas, ir-raba’ Duka ta’ Norfolk. Meta fl-1559 ir-Reġina Eliżabetta I kienet inkurunata bħala sultana tal-Ingilterra u l-Irlanda, il-familja Howard abbandunat il-fidi Kattolika u ħaddnet dik Anglikana. Filippu studja l-liġi u gradwa mill-Università ta’ Cambridge fl-1576. Erba’ snin wara huwa ġie mogħti t-titlu ta’ Konti ta’ Arundel. Meta għalaq 18-il sena irranġawlu ż-żwieġ ma’ Anna Dacre, bint Lord Thomas Decre. Iż-żwieġ ma tantx kien wieħed feliċi u l-mara kienet abbandunata għal xi żmien iżda Filippu reġa’ lura lejn martu wara li sema’ taħdita minn patri Ġiżwita. Martu kienet strumentali għall-konverżjoni ta’ Filippu li seħħet fl-1584. Dak iż-żmien ma kienx faċli li l-Katoliċi jgħixu l-Ingilterra u għalhekk fl-1585 Filippu flimkien ma’ xi membri tal-familja ppruvaw jaħarbu mill-Ingilterra iżda nqabdu. Kien akkużat bi tradiment u tawh is-sentenza tal-mewt. Madanakollu s-sentenza qatt ma ġiet esegwita. Wara marda twila, huwa miet fil-ħabs fid-19 ta’ Ottubru 1595. Indifen fil-kappella tal-ħabs iżda disa’ snin wara martu u ibnu, qalgħu l-permes sbiex il-fdalijiet tiegħu jitpoġġew fil-kappella tal-kastell Arundel. Kien proklamat qaddis flimkien ma’ grupp ieħor ta’ martri mill-Ingliterra u Wales  minn Papa Pawlu VI fl-1970.

San Filippu Smaldone

Filippu twieled ġewwa Napli l-Italja fis-27 ta’ Lulju 1848. Minkejja t-taqlib u l-instabilità politika, kif ukoll l-antiklerikaliżmu li kien jirrenja f’ dawk is-snin ġewwa l-Italja, huwa għażel li jsir qassis. Minn meta kien għadu s-seminarju huwa beda ħidma biex jgħin lill-morda bil-pesta kif ukoll lill-muti u t-torox. Dak iż-żmien ma kienet teżisti l-ebda assistenza soċjali għal nies bħal dawn. Kien infettat hu stess bil-pesta u hu stess kien jgħid li kienet il-Madonna ta’ Pompei li salvatlu ħajtu.  Fl-1871 kien ordnat saċerdot f’ Napli. Hu ħalla belt twelidu u mar ġewwa Lecce fejn fl-1885, bil-għajnuna ta’ xi sorijiet  u ta’ Dun Lorenzo Aspicelia fetaħ dar għat-torox. Din id-dar aktar il quddiem kellha ssir l-ewwel dar tas-Sorijiet Sależjani tal-Qalb ta’ Ġesù, li twaqqfu minn Filippu stess.  Huwa kompla l-ħidma tiegħu ġewwa Lecce fejn ħadem ħafna mal-għomja u mal-orfni. Miet f’ Lecce stess nhar l-4 ta’ Ġunju 1923. Kien beatifikat mill-Papa San Ġwanni Pawlu II u kkanonizzat minn Papa Benedittu XVI fis-sena 2006. Il-festa tiegħu tkun iċċelebrata fl-4 ta’ Ġunju.

Hawn rajna xi wħud minn dawk il-qaddisin li jġibu l-isem tal-patrun tagħna Filippu. Hemm bosta qaddisin u beati li kellhom dan l-isem, iżda hawn tajna ħarsa ħafifa ta’xi  qaddisin tul  l-era kristjana kollha.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu dher fil-programm tal-Festa San Filep Ħaż-Żebbuġ 2017, maħruġ mill-Banda 12th May