Min jaf kemm
hawn minna li dalgħodu qalu: "Ejja, fl-aħħar wasal il-Ħadd." Bir-raġun għax għal ħafna il-jum tal-lum huwa l-jum tal-mistrieħ. Xieraq li wara gimgħa xogħol dak li jkun
jieqaf biex jistrieh ftit. Madanakollu mhux kulhadd jista’ jgħid l-istess ħaġa għax hawn min għalih il-jum tal-Ħadd jista’ jkun jum aktar impenjattiv mill-jiem l-oħra tal-ġimgħa.
Bil-ħerqa
Bologna |
Qed jigini f’moħħi ż-żmien meta kont għadni nistudja l-Italja. Il-jum tal-Ħadd kont nistennieh b’ħerqa liema bħalha. Meta kont ngħix Napli il-Ħadd waranofsinhar kont ħafna drabi mmur saċ-ċentru, Via San Gregorio Armeno u Via San Biagio dei Librai;
żewġ toroq li minħabba li huma magħrufin mad-dinja kollha
għall-presepji, hekk kif kien jasal nofs Novembru kienu jimtlew bit-turisti.
Għalhekk f’dawk il-Ħdud kont nevita li mmur fihom.
Matul is-snin li kont ngħix Bologna l-istorja
inbidlet xi ftit. Hawnhekk il-Ħadd kien ikun impenjattiv. Filgħodu fil-parrocca mal-grupp
tal-iscouts, niehu sehem fil-quddiesa tal-10.30 u xhin tispiċċa lura lejn il-kunvent, ikla, siesta u ħarġa fil-belt stess. F’din il-belt hemm vantaġġ. Hija belt mimlija b’loġoġ u għalhekk kemm jekk tkun ix-xemx kif ukoll jekk tkun xita, dak li jkun
jista’ joħroġ għax la ser iddejqu x-xemx u lanqas ser jixxarrab.
Mixja taħt dawn il-loġoġ kienet tkun il-ħarġa tiegħi, u billi Bologna fiha aktar minn 30 kilometru ta’ loġoġ, kull nhar ta’ Ħadd kont nagħżel triq differenti u bis-saħħa ta’ hekk nista’ ngħid li mxejt it-toroq kollha taċ-ċentru ta’ Bologna.
Meta kont Ruma, il-Ħadd waranofsinhar kont inħobb indur xi wħud mill-mijiet ta’ knejjes li fiha l-Belt Eterna. Il-knejjes
ta’ din il-belt huma meravilja, fihom tista’ tara wħud mill-aqwa opri tal-arti li jeżistu
fid-dinja. Kieku tkun tgħix Ruma u ma żżurhomx ikun dnub mejjet.
Malta
Fi tfuliti l-ħarġa tal-Ħadd waranofsinhar kienet drawwa tal-familja. Dik kienet id-drawwa ta’
kważi l-familji Maltin kollha. Jien din id-drawwa ma għadnix inżommha u għandi
l-impressjoni li mhux jien biss, naħseb li ħafna Maltin ma għadhomx jagħmlu din il-ħarġa.
Illum ix-xogħol nhar ta’ Ħadd żdied, ħafna ħwienet jiftħu llum ukoll u għalhekk il-ħaddiema tagħhom ma jistgħux iqisu l-Ħadd bħala l-jum tal-ħarġa jew tal-mistrieħ.
Dari kienu jkunu l-pulizija, l-infermiera u xi xogħolijiet
importanti oħra li kien ikollhom jidħlu xogħol il-Ħadd. Illum lanqas timmaġina kemm hawn min jaħdem bħal-lum. Illum mhux ilkoll nistgħu ngħidu "Għall-erwieh illum il-Ħadd", illum mhux kulhadd jista’ jgawdi din il-ġurnata bħala l-jum tal-ħarġa wara l-ikla ta’
nofsinhar.
Kultura
Ħaġa li ninnota meta nkun imsiefer hija li nhar ta’ Ħadd
bosta mużewijiet jiftħu u għalhekk huma bosta dawk li jżuruhom fil-jum li fih
ikunuliberu. F’pajjiżna minkejja li hawn mużewijiet li jkunu miftuħin bħal-lum,
ftit li xejn huma dawk il-Maltin li jżuruhom. Għalkemm biex ngħid id-dritt,
għandi d-dubju kemm fi-DNA tagħna l-Maltin hemm l-imħabba lejn il-mużewijiet!
Jista’ mhux jiftaħ il-Ħadd! Ħasra li ġieli dak li tant turisti jiġu biex jaraw
f’pajjiżna, aħna jew qatt ma nkunu rajnieh jew inkunu ilna li żornieh minn meta
kienu ħaduna l-għalleima tal-primarja. Min jaf għadx jasal żmien li ngħidu
“Għall-ewrieħ illum il-Ħadd, rajt xi ħaġa ġdida, tgħallimt xi ħaġa oħra!”
Fr Reno Muscat