venerdì 27 ottobre 2017

Tinsiex!

Problema li spiss sirna nħabbtu wiċċna magħha dawn l-aħħar għexieren ta’ snin hija dik tad-dimentia, bniedem jinsa. Mhux għax qabel ma kienx jinsa l-bniedem iżda llum billi qiegħed jgħix aktar, il-moħħ xorta jikber u jitlef in-newroni li jikkontibbwixxu għall-fakultà tal-memorja.

Professur tal-psikoloġija darba qalilna li l-moħħ donnu ferrovia, jekk tkun mimlija, iridu jinżlu n-nies biex nies ġodda li jkun hemm fi stazzjon isibu post, kemm-il darba ma jinżlux nies, dawk tal-istazzjon jibqgħu l-art. U hekk il-moħħ meta jimtela, jew jinsa l-qadim u jiftakar il-ġdid jew jinsa dak li seħħ minuta ilu u jiftakar dak li seħħ snin twal ilu. Din it-tixbiha tista’ faċilment tfehmna għaliex id-dimentia saret daqstant komuni.

Biss hemm modi oħrajn kif il-bniedem jinsa. Mhux ħaġa kbira li dak li jkun jinsa, speċjalment meta l-bniedem ikun taħt stress jew dak li jkollu jiftakar ma jkunx tant importanti. Faċli li student li jkun studja kemm felaħ, imur għall-eżami u ma jiftakar xejn minn dak li jkun ilu jaqra u jfittex dwaru min jaf kemm! Din il-ħaġa tiġri spiss. Hemm min jinsa jagħmel xi dmir li jkollu jagħmel. Dawn il-każi ma għandhom xejn x’jaqsmu mad-dimentia, huma ħaġa li jiġru lilna lkoll.

Fil-ħajja tagħna hemm ċerti waqtiet li importanti ħafna li ma ninsewhomx. Wara li tkun ħraqt idek bin-nar, importanti li tiftakar li n-nar jista’ jikkmawżalek uġigħ! Dan huwa eżempju sempliċi; hemm waqtiet aktar serji li l-bniedem ma jaqbillux jinsa.

Auchwitz
Tabella ġewwa Auchwitz
Xogħli ħadni ġewwa l-Kamp ta’ konċentrament ta’ Auchwitz aktar minn darba. Fid-daħla ta’ waħda mill-barrakki hemm tabella li dejjem saħħarni l-kliem li hemm miktub fuqha.  Fuqha hemm il-kliem ta’ George Santayana: “Dawk li ma jiftakrux l-imgħoddi huma kundannati li jerġgħu jgħixuh.”

Auchwitz għalhekk għadu miftuh biex ifakkar dak li seħħ hemmhekk u f’għadd ta’ kampijiet ta’ konċentrament oħrajn matul l-aħħar gwerra dinjina. Auschwitz jibqa’ jfakkarna u ma jħallina qatt ninsew. Il-kliem ta’ Santayana jagħmel wisq sens hawnhekk.

Insa
Għaqlin bħas-sriep u safjin bħall-ħamiem
Spiss xi membru tal-kleru jkun jipprietka u jħeġġeġ lin-nies biex tinsa. Imma xi jfisser tinsa? Ġesù anżi avżana biex ma ninsewx. Kien Kristu stess li qal: “Kunu mela għaqlin bħas-sriep u safjin bħall-ħamiem.” (Mt 10, 16) Jekk trid tkun għaqli ma tistax tinsa.  Imbagħad jiġi dan it-tali u fil-prietka tiegħu jgħidlek “Insa”.  Imma l-kelma “Insa” f’dan il-kuntest ma tfissrix li titħassar minn moħħok dik il-ħaġa li lilek tkun għamlitlek il-ħsara imma tfisser li ma għandux ikollok sens ta’ tpattija lejn min ikun wettaq miegħek xi inġustizzja jew azzjoni ħażina. Mela tinsa qatt jekk trid tkun għaqli. Tinsiex li “Dawk li ma jiftakrux l-imgħoddi huma kundannati li jerġgħu jgħixuh”.

Jista’ jkun li min ikun wettaq miegħek xi azzjoni ħażina jkun agħar minnek u jkun għamel dan frott tal-għira. Mhux bil-fors, imma probabbli! Erħilu, tpattix inti, hemm min ipattilu. Xogħlok mhux il-vendetta imma li tibqa’ żżomm lil dak il-bniedem talli hu. Iżżommx f’qalbek imma kun għaqli bħas-sriep.

Illum lanqas kompjuter ma jinsa. Minkejja li tħassar u tneħħi u tnaddaf il-memorja, xorta jibqa’ traċċa. Aħseb u ara moħħ ta’ bniedem b’saħtu!

Kif tista’ tinsa?
Bla ma trid tibda’ tistaqsi: “Kif tista’ tinsa?” Jekk il-manager tak transfer biex jakkomoda u jpaxxi lill-kollega tiegħek: kif tista’ tinsa? Jekk kollega gideb fuqek mal-imgħallem: kif tista’ tinsa? Jekk l-imgħallem minflok sama’ iż-żewġt iqniepen sama’ biss il-qanpiena tal-parti li gibdet fuqek: kif tista’ tinsa? Nistgħu nibqgħu sejrin bl-eżempji!

Il-Malti jgħid “ Min jagħmel bixkilla jagħmel qartalla”, jiġifieri min jasal jagħmel ħaġa żgħira mhux ser isibha bi kbira biex jagħmel xi ħaġa kbira. Mela għalhekk importanti li ma ninsewx għax dak li jkun jista’ jerġa’ jiftakar fina. Tinsa qatt il-kliem ta’ George Santayana għax ikollok terġa’ tgħaddi mill-istess storja ħabib! Tinsiex! Żomm f’moħħok imma mhux f’qalbek. Jekk iżżomm f’qalbek ma ssib paċi qatt.

Jekk għad jiġi misluf lilek l-għomor, għad jiġi żmien li tinsa għax xi ftit jew wisq ilkoll inbatu bid-dimentia fi xjuħitna. Min ftit u min ħafna. Imma jekk jasal dak il-waqt żomm il-memorji anke jekk ma jkunux wisq sbieħ. Dawn huma t-tarka li tipproteġik mill-attakki li jistgħu jerġgħu jseħħu fil-ġejjieni. Mela tinsiex iżda neħħi minn qalbek kull sens ta’ vendetta li jista’ jkollok. Fuq kollox tinsiex lil min għamillek il-ġid, lil min abbek, lil min waqaf miegħek matul il-waqtiet diffiċli. Tinsa qatt it-tajjeb li sar miegħek.

Le tinsiex. It-tajjeb kun grat lejh u l-ħażin tinsiehx biex ma terġax tgħaddi minnu.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 29 ta' Ottubru 2017




domenica 22 ottobre 2017

Bieb miftuħ beraħ

“Tibżgħux! Iftħu, anzi, iftħu beraħ, il-bibien għal Kristu!”

Din il-frażi li ħarġet minn fomm il-Papa li mexxa lill-Knisja Kattolika mit-tieni għat-tielet millennju, Ġwanni Pawlu II, tibqa’ sinonima miegħu. Huwa tennieha fl-omelija tal-quddiesa tal-bidu tal-pontifikat tiegħu, nhar it-22 ta’ Ottubru, 1978, u baqa’ jgħixha sa l-aħħar jum ta’ ħajtu nhar it 2 ta’ April, 2005.

Hija frażi li fiha wieħed x’jifhem u x’jixtarr! Ġwanni Pawlu semma’ l-bibien. Il-bibien għandhom użu speċifiku, dak li jsakkru u ma jħallux lil min ma rridux jidħol, jirfes mill-għatba ‘l ġewwa. Iżda huwa qalilna biex niftħu beraħ il-bibien għal Kristu. Qalilna biex għal Kristu ninsew dan l-iskop li għandhom il-bibien. Huwa argument metaforiku li fi ftit kliem ifisser Iftħu qlubkom!

Il-Papa Wojtyla, wara l-pontifikat ta’ Pawlu VI u l-pontifikat qasir ta’ Albino Luciani, minbarra isimhom, wiret ukoll sitwazzjoni xejn faċli. Wieħed irid iżomm quddiem għajnejh is-sitwazzjoni politika dinjija ta’ dak iż-żmien. L-orizzont politku u soċjali kien wieħed skur b’ żewġ blokki politiċi lesti għal xulxin, bi gwerra nukleari mdenndla b’ xagħara. F’ dik l-istess omelija il Papa qal “ Iftħu l-konfini ta’ l-istati, is-sistemi ekonomiċi u dawk politiċi, l-oqsma vasti tal-kultura, taċ-ċivilta u ta’l-iżvilupp.”

Huwa kliem mimli għerf u għaqal li meta wieħed jiġi biex jipprattikah mhux daqstant faċli. Is-sigriet huwa wieħed. Jekk il-bibien jibqgħu mbarrati ma jista’ jsir xejn, iżda jekk dawn l-istess bibien jinfetħu u jinfetħu beraħ għal Kristu, id-dinja tista’ tinbidel. Il-Papa Wojtyla nistgħu ngħidu li fetaħ il-bibien kemm tiegħu kif ukoll dawk tal-Knisja. Kien Papa miftuħ għal kulħadd. Ma kienx jistenna li l-poplu jmur ħdejh imma kien imur hu stess ħdejn il-poplu. Nemmen li ma nkunx qiegħed niżbalja jekk ngħid li kien hu li fetaħ beraħ il-bibien tal-Knisja għal dak li intqal fil-Konċilju Vatikan II iktar minn għaxar snin qabel il-bidu tal-pontifikat tiegħu. Wojtyla fetaħ il-bibien tal-Knisja beraħ għall-ekumeniżmu u d-djalogu. (Ġustament ngħidu li kienu saru passi kbar qabel f’ dan il-qasam, biżżejjed insemmu l-għajta ta’ Papa Ġwanni XXIII, “Infittxu dak li jgħaqqadna u mhux dak li jifridna”) Bil-ftuħ ta’ dan il-bieb seta’ jitnaddaf ftit mill-għanqbut u l-moffa li forsi kienu trabbew matul is-snin. Xhieda ta’ pass kbir f’dan il qasam hija t-talba li għamel ħdejn il-ħajt hekk imsejjaħ tal-bikkejja f’ Ġerusalemm waqt iż-żjara tiegħu fl-Art Imqaddsa:

O Alla ta’ missirijietna,
inti għażilt lil Abraham u lid-dixxendenza tiegħu
sabiex Ismek ikun imxandar lill-ġnus:
aħna ninsabu tabilħaqq imnikkta
għall-imġieba ta’ dawk
li matul l-istorja ġiegħlu lil dawn l-ulied isofru,
nitolbuk maħfra u rridu naħdmu
għal fraternita tassew
mal-poplu tal-patt.
Bi Kristu Sidna. Amen (26 ta’ Marzu, 2000)

Konxju mis-sentiment tal-weġgħat ta’ l-imgħoddi, il-Papa Ġwanni Pawlu II talab maħfra għal xi nuqqasijiet li setgħu saru mill-Knisja, jew aħjar minn xi membri tagħha, fis-snin l-imgħoddija. Huwa wkoll iltaqa’ ma mexxejja ta’ religjonijiet oħra u kien l-ewwel Papa li daħal f’ Moskeja. Il-bieb tiegħu nistgħu ngħidu li fetħu beraħ għal kulħadd, bla ebda distinzjoni.

Il-pontifikat tiegħu kien dominat minn nies. Nies ta’ kull ġens u stat ta’ ħajja. Kellu mod uniku kif jikkomunika. Lit-tfal kien jaf jimmeraviljhom. Fl-ittra li kitbilhom fit-13 ta’ Diċembru, 1994 qalilhom hekk:

Għeżiez tfal,

Jiena u niktbilkom qed naħseb meta ħafna snin ilu kont tifel bħalkom. Allura jien ukoll, illum ngħix l-atmosfera sabiħa tal-Milied, u meta l-istilla ta’ Betlem tibda tiddi, jien ukoll inħaffef immur lejn il-presepju sabiex ngħix mill-ġdid dak li ġara fil-Palestina 2000 sena ilu.

Minn dawn il-vrus tidher il-meravilja li tant timmpressjona lit-tfal. Hawn ergajna rajna lit-tfajjel Karol qisu jibqa’ mibluh bħal ma jiġrilhom it-tfal quddiem xi presepju sabiħ. U x’meravilja hemm ikbar minn Kristu? Bil-bieb miftuħ beraħ għal Kristu, it-tfal jistgħu jgħixu din il-meravilja tul ħajjithom kollha.

Għal tant miljuni ta’ żgħażagħ kien sar bħal idolu. Kull fejn mar kien ikun hemm għadd kbir ta’ żgħażagħ warajh. Għalihom kellu stedina sabiex jiftħu bwiebhom u ma jibżgħux. Kien jaf iresqilhom is-sabiħ, il-ferħ u l-għana tal-ħajja. U x’inhuma dawn il-ħwejjeġ jekk mhux dak li joffri Kristu? Is-sabiħ, l-hena u l-ġid mingħajr Kristu huma biss frugħa.

L-ewwel stedina li rrid nagħmel tmur għall-irġiel u n-nisa żgħażagħ tal-lum, u din l-istedina hija : Tibżgħux!  Tibżgħux miż-żgħożija tagħkom u minn dawk ix-xewqat li joffrulkom l-hena, il-verita, is-sbuħija u l-imħabba! Kultant jingħad li s-soċjeta tibża’ minn dawn ix-xewqat taż-żgħażagħ u li intom stess tibżgħu minnhom ukoll. Meta nħares lejkom iz-żgħażagħ, inħoss ġewwa fija gratitudni u tama. Il-futur, is-seklu li ġej huwa f’ idejkom. Il-futur tas-sliem jinsab f’qalbkom. Biex tibnu l-istoja kif tixtiequ u kif għandu jkun, jeħtieġ li tinħelsu mix-xewqat foloz li tinsabu mdawrin bihom.”
 (1 ta’ Jannar, 1985 – Jum dinji tal-Paċi)

Minbarra stedina, il-Papa hawn qiegħed joffri sfida. Sfida għall-ħajja. Minkejja l-mewġ kollu li jiltaqgħu miegħu ż-żgħażagħ, huwa kellu tama fihom. Urihom li kemm-il darba biebhom ikun miftuħ beraħ għal Kristu, jistgħu jmexxu d-dinja ‘l quddiem mingħajr ma jitkaxxkru mal-kurrent. Ma tantx tisma’ kliem favur iż-żgħażagħ, iżda Ġwanni Pawlu tkellem favurihom ħafna drabi għax kien jemmen fihom.

Id-dehra tiegħu, speċjalment fl-aħħar snin  ta’ ħajjtu, kienet messaġġ għall-imnikket u l-marid. Minkejja t-tbatija tiegħu huwa baqa’ sa ftit qabel mewtu qrib in-nies, ħaġa li żgur kienet ta’ kuraġġ u wens għal bosta. Kien bniedem sod. Bniedem determinat. Bniedem li fl-aħħar ta’ ħajtu kien ta’ saħħa fiżika dgħajfa imma ta’ qawwa morali kbira. Kien bneidem kbir. Is-sigriet ta’ kobor dal-bniedem kien il-bieb miftuħ beraħ għal Kristu.

Il-funeral tiegħu kien turija ta’ kemm dan  kollu huwa minnu. L-ebda fruntiera ta’ eta, sess, ġens, razza, ilsien, lewn jew twemmin ma żammet lil dik il-folla emormi milli tagħti l-aħħar tislima tagħha lil dan il-bniedem li f’ żgħożitu xtaq isir artist, imma qalbu ressqitu lejn is-seminarju sabiex ħaddan is-saċerdozju u spiċċa bit-tmun tal-Knisja ta’ Kristu f’idejh. Artist li mhux ħadem il-parti imma għexha! Wieħed mill-artisti prinċipali li l-istorja għad trid titkellem dwaru. Artist li kellu l-parti li jgħin sabiex tinbidel id-dinja. Iva, artist li ħadem il-parti tiegħu b’ mod eċċezjonali.
 
It-2 ta’ April, 2005, fid-9.37 ta’ filgħaxija. Karol mar jiltaqa’ mal-ħallieq tiegħu, ma’ Kristu, li għalih kellu l-bieb miftuħ beraħ kif ukoll ma’ Marija Santissima li tant kien iħobb, u li lilha kien offra lilu nnifsu – Totus Tuus. Mar jiltaqa’ wkoll mal-ġemgħa tal-qaddisin, fosthom l-482 qaddis u l-1,338 beatu li pproklama matul is-26 sena u nofs ta’ pontifikat tiegħu

U l-bieb miftuħ beraħ ma ngħalaqx ma’ mewtu, l-isfida tibqa’ sejra: “Tibżgħux! Iftħu, anzi, iftħu beraħ, il-bibien għal Kristu!”


Fr Reno Muscat


 Dan kien wieħed mill-ewwel artikli tiegħi f'In-Nazzjon, Marzu 2006




Daqq u mużika

Qatt innutajtu kemm il-mużika hija element li nsibuh spiss fil-ħajja tagħna? Għiduli fejn tmur u ma tismax xi tip ta’ mużika? Din il-forma ta’ arti ilha mal-bniedem miljuni ta’ snin u daħlet f’kull qasam jew ambjent tal-ħajja umana.

Gosti diversi
Bħal f’kollox, dwar il-mużika ma nistgħux niġbdu linja dritta fejn jidħlu gosti. Hawn min iħobb tip ta’ mużika u hawn min iħobb tip ieħor. Aktarx li kulħadd jara l-mużika ta’ tfulitu bħala l-isbaħ mużika. Ma rridx insemmi gruppi, imma ngħid għalija nippreferi mużika tas-snin 80/90 minn dik tal-lum. Iż-żgħażagħ nassumi li ma jaqblux miegħi.

Iżda hemm tip ta’ mużika li naħseb huma bosta li jinteressaw ruħhom fiha. Meta nkunu barra minn xtutna b’xi vaganza, spiss joffrulna xi serata ta’ mużika folkloristika ta’ dak il-pajjiż li nkunu fih. Bosta minna jmorru għaliex dan huwa ftit ħin fejn inti tabilħaqq tħoss il-polz tal-poplu li tkun qed iżżur pajjiżu għax il-mużika folk iġġorr fiha r-ruħ tal-poplu, tesprimi dak li jħoss il-poplu, titkellem l-ilsien tiegħu. Hawnhekk ikollna nħallu barra l-gosti tagħna u għal dak il-waqt nippruvaw nilbsu ż-żarbun ta’ poplu barrani li nkunu qed nisimgħu l-mużika tiegħu.


Antik ma’ modern
Il Volo mal-President tar-Repubblika waqt żjara f''Malta
Għandna mbagħad ċerta mużika li tibqa’ żagħżugħa, tibqa’ tingħoġob minn ġenerazzjoni għal oħra. Dawn huma diski li ma jmutu qatt. Ippermettuli nsemmi xi wħud minn dawn: Soldato innamorato, O sole mio, Volare, Imagine, Bohemian Rhapsody …. Dawn huma diski li jogħġbu kemm lill-kbar kif ukoll liż-żgħar – tassew li dejjem insibu xi eċċezzjoni, imma aktarx li huma diski li jinżlu tajjeb mal-gosti ta’ kulħadd. Grupp ta’ tliet żgħażagħ Taljani għaraf din il-ħaġa u sfruttaha; ingħaqdu fi grupp li beda jkanta tip ta’ mużika u jkollna nammettu li għamlu suċċess kbir. Qed nirreferi għall-grupp Il Volo, iffurmat fl-2009 minn Gianluca Ginoble baritonu flimkien ma’  Piero Barone u Ignazio Boschetto tenuri, rebbieħa tal-festival ta’ San Remo u li kisbu t-tielet post fil-Eurovision 2015. Is-suċċess ta’ dan l-esperiment mar lil hinm mix-xtut Taljani. Anke Malta gawdejna t-talent ta’ dawn it-tliet żgħażagħ għal darba darbtejn.

Dan huwa fatt fejn l-antik tħallat mal-modern u ma stonax.

Fil-knisja
Bħal-lum, il-Ħadd in-numru ta’ dawk li jattendu l-knisja jkun akbar. Aktarx li għal bosta dan ikun l-ewwel għamla ta’ mużika li jisimgħu illum. Minkejja li f’Malta ma għandniex kori parrokkjali professjonali, jiġifieri li dawk li jkantaw fih jaqilgħu l-għejxien tagħhom bil-kant, madanakollu xorta ġieli tisma’ korijiet lokali ta’ livell għoli tassew. Kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex għandna numru żgħir ta’ korijiet li jpaxxuk meta tisma’ xi kunċert tagħhom jew anke meta janimaw xi quddiesa.

Hawn min hu ffissat li quddiesa trid tkun bil-kant bil-fors. Il-kant huwa xi ħaġa optional fil-quddiesa. Tassew li Santu Wistin jgħid li min ikanta jkun qed jitlob doppjament, imma allura bl-istess argument ngħid jien: min jistona xi jkun qed jagħmel doppjament? Aħjar quddiesa bla kant milli kant li jirrendi quddiesa f’farsa.

Id-daqq u l-mużika itejbu l-palat tal-ħajja tagħna, isebbħu t-triq tal-ħajja li minnha rridu ngħaddu. Kemm jixraq li napprezzaw dan id-don li ilu tant magħna u għandna mnejn bosta drabi tant noħduh bħala ħaġa skontata, for granted kif jgħidu l-Ingliżi.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' Il-Mument - 22 ta' Ottubru 2017



venerdì 20 ottobre 2017

Graffiti

Meta nkunu barra minn Malta bosta drabi naraw ħitan sħaħ mimlijin żebgħa, disinnji u kliem li ġieli jagħmel sens u ġieli għalina ma jkunx jagħmel sens. L-aktar li naraw minn dawn il-graffiti huma f’xi stazzjon tal-ferrovija, l-aktar jekk inkunu lejn in-Nofsinhar tal-Italja. F’xi postijiet il-ħitan ma jservux u għalhekk il-vaguni tal-ferrovija jispiċċaw it-tila għal dawn l-artisti.

F’pajjiżna
F’xi knejjes antiki tagħna għadna nsibu xi graffiti. Mhux kitbiet biż-żebgħa bħalma nsibu fl-istazzjonijiet tal-farrovija. Il-graffiti antiki huma minquxin fil-ġebel. Dawn bosta drabi juru xwieni u kienu saru bħala radd ta’ ħajr lil Alla wara li xi baħrin ikunu ħelsu mill-għarqa. Dan il-grif mal-ħajt jibqa’ xhud ta’ dik il-grazzja.

Kien hemm żmien li bosta kienu jnaqqxu isimhom fuq xi ħajt jew xi zokk ta’ sigra. Dan ma huwiex arti imma vandaliżmu. Illum jidher li din il-ħaġa ma għadniex narawha daqs qabel. Forsi l-Maltin saru aktar konxji. Jalla li huwa hekk!

Xi snin ilu faċċata tal-istage tal-linja tal-Bombi, fejn jieqfu l-karozi tal-linja li jgħaddu mill-Imsida, kien hemm kitba interessanti li damet ftit hemmhekk. Din kienet tgħid hekk: The world is full of kings and queens that blind your eyes and steal your dreams. Forsi hawn min ma jafx li din ma hija xejn għajr silta mid-diska Heaven And Hell tal-grupp mużikali Black Sabbath. Din il-kitba tneħħiet iżda dehret mill-ġdid fi triq li twasslek lejn l-Università ta’ Malta. F’dan l-istess post darba kien hemm kitba li tgħid: The people get the government they deserve. Din ukoll ma hijiex sentenza ġdida għaleix kienet użata minn Alexis de Tocqueville, politiku Franċiż tas-seklu XVIII, minn Joseph de Maistre, filosofu, kittieb u avukat tal-istess seklu, kif ukoll minn għadd ta’ oħrajn.

Verità
Dawn iż-żewġ sentenzi huma veritajiet, imma biex nuru dawn il-veritajiet hemm bżonn niktbuhom fuq il-ħajt? Il-ħitan li saru fuqhom ma humiex spażji fejn isiru kitbiet fihom.

La qed insemmu l-ispażji fejn wieħed jista’ jesprimi dak li jaħseb billi jikteb jew ipinġi mal-ħajt, tajjeb wieħed isemmi li hawn Kunsilli Lokali li joffru spażju għal din il-ħaġa. Naf li f’ nofs il-Fgura hemm erba’ ħitan fejn isir fuqhom dan ix-xogħol. Nemmen li hemm regola u mhux kulħadd jista’ jaqbad u jpinġi jew jikteb li jrid. Snin ilu l-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ kien offra spażji lill-artisti tar-raħal biex dawn ikunu jistgħu juru ħilithom. Illum ma jidhirlix li fadal minn dawn l-ispażji.

Kultura tagħna
Ikollna nammettu li dawn il-kitbiet jew tpinġijiet ma humiex fil-kultura tagħna, u nistqarr li personalement narahom jistonaw mal-ambjent Malti.

F’Borgo Pio qrib il-Vatikan ġewwa Ruma, spiss jinbtu xi graffiti. Aktar min darba deher il-Papa Franġisku fihom. Ngħid id-dritt huma graffiti ħelwin imma li jitneħħew wara ftit għaliex ma jaqblux mal-ambjent tal-belt eterna!

U l-istess Malta. Bosta xhur ilu fil-Belt Valletta dehru għadd minn dawn id-disinnji li tabilħaqq kienu ħelwin. Ma damux wisq ma tneħħew għax wara kollox ma jaqblux mal-belt mibnija mill-Kavallieri. Hawn ma nistax ma ngħidx li hemm bosta aktar ħwejjeġ li ma jaqblux mal-ambjent tal-Belt Valletta li ħadd qatt ma gerger dwarhom!

Issa ftit ilu dehru xi tpinġijiet fuq il-blat fil-bajja tax-Xlendi Għawdex. Dan il-fatt ġab ir-rabja ta’ bosta Maltin. Jien nifhem ir-rabja ta’ dawn il-Maltin li ma raw xejn sabiħ f’dak li ħaddieħor għadnu mnejn jaraha opra tal-arti. De gustibus non disputandum est, hekk jgħid il-Latin, dwar il-gosti ta’ dak li jkun ma naqbdux argumenti għax ma naqblux żgur għax min iħobb ħaġa u min iħobb oħra.

Imma ejjew inħallu barra l-valur artistiku ta’ dawn il-graffiti u nistaqsu lilna nfusna: huwa sewwa li naqbdu bott żebgħa u niktbu jew inpinġu dak li rridu f’post pubbliku? Huwa sewwa li dak li għalija huwa sabiħ inpoġġih quddiem għajnejn ħaddieħor u jrid jew ma jridx ikollu jitqanna bih? Biex dan it-taħżiż, anke jekk ikun sabiħ kemm hu sabiħ, jitneħħa jinvolvi spejjeż. Imbagħad hemm fejn tkun saret ħsara bħal fil-każ tax-Xlendi. Allura hekk sewwa?

Iż-żewġ każi li semmejt, kemm tal-Belt kif ukoll tax-Xlendi, saru minn barranin. Jekk din il-forma ta’ arti ma hijiex aċċettata f’Malta dan għadnu jinkiteb fuq poster kbir ġewwa s-sala tal-wasliet fl-ajruport ta’ Malta għaliex minn hemm irid jgħaddi kulħadd, hemmhekk naraw bosta avviżi, l-aktar fejn jidħol il-mard infettiv u s-saħħa, għaliex  ma għandux isir xi ħaġa simili dwar dan il-ħaġa u b’hekk nevitaw bosta nkwiet wara?


Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 21 ta' Ottubru 2017


sabato 14 ottobre 2017

Eremitaġġ

Bil-kelma eremitaġġ nifhmu d-dar ta’ dak il-bniedem li għażel li jgħix ħajja waħdu, bogħod mid-dinja, bogħod minn kollox, f’ħajja ta’ kontemplazzjoni. L-eremitaġġ għalina huwa l-għarix tal-eremita. Imma llum ma nixtieqx naqsam magħkom ħsieb dwar dan il-post iżda nixtieq ngħid xi ħaġa dwar mużew li jġib dan l-isem.

San Pietruburgu
San Pietruburgu
Dan il-mużew li qiegħed insemmi jinstab fil-belt Russa ta’ San Pietruburgu. Din il-belt meraviljuża, li spiss tissejjaħ Venezja tat-Tramuntana.  Biex ngħidu d-dritt, hemm għadd ta’ bliet oħrajn li wkoll jingħatalhom dan it-titlu, bħal Stokkolma, l-kapitali Żvediża, Copenhagen, il-kapitali Daniża, Gdansk fil-Polonja, Amsterdam, kapitali tar-Renju tan-Netherlands u oħrajn. Imma ejjew nibqgħu San Pieruburgu. Din kienet il-belt kapitali Russa għal aktar minn mitejn sena. Fiha għexu s-slaten, Tżarijiet u Imperaturi li mexxew lir-Russja sar-rivoluzzjoni ta’ mitt sena ilu. Kien propju fl-1917 meta Nicholas II abdika u temm il-monarkija li kienet ilha tmexxi lil dan il-pajjiż għal aktar minn tliet mitt sena. Lenin sar il-mexxej ta’ dan il-pajjiż vast. Fl-1918 San Pietruburgu tneħħa minn kapitali u mill-ġdid dan ir-rwol reġa’ għadda għall-belt ta’ Moska. Vladimir Lenin, mexxej tar-Russja miet fil-21 ta’ Jannar tas-sena 1924. Ħamest ijiem wara mewt Lenin il-belt ta’ San Pietruburgu inbidlilha isimha u bdiet tissejjaħ Leningrad – il-belt ta’ Lenin. Dan l-isem dam sal-1991, meta wara l-waqa’ tal-Komuniżmu u  l-Unjoni Sovjetika, il-maġġoranza taċ-ċittadini ta’ dan il-post għażlu li belthom terġa’ tieħu l-isem oriġinali tagħha, l-isem li kien taha t-Tżar Pietru l-Kbir fl-1703.  Illum San Pietruburgu hija t-tieni l-akbar belt fir-Russja, wara Moska. Fiha jgħixu aktar minn ħames miljun ruħ.

L-Eremitaġġ
Imma ejjew nerġgħu lura minn fejn bdejna. Fuq ix-xatt tax-xmara Neva nsibu t-tieni l-akbar mużew fid-dinja. L-akbar wieħed huwa dak ta’ Louvre fi Franza. Ir-Russja aktarx hija iżolata minn ċentri artistiċi oħra, bħal Pariġi, Ruma jew Londra, imma l-mużew imsejjaħ Eremitaġġ irnexxielu jakwista kollezzjoni spettakolari ta’ aktar minn tliet miljun biċċa li jinfirxu fuq medda ta’ snin kbira, minn żmien il-ħaġar sal-bidu tas-seklu XX. Il-mużew jokkupa 66,842 metru kwadru mifruxin fuq sitt binjiet kbar.

It-taraġ tal-Eremitaġġ
L-ewwel parti tal-mużew infetħet mit-Tżarina Katarina l-Kbira fil-palazz hekk imsejjaħ tax-Xitwa, binja barokka li l-bini tagħha intemm fl-1764. Din il-mexxejja, dik is-sena stess xtrat 255 kwadru minn Berlin. Dan kien il-bidu ta’ dak li nsibu lllum. Min qatt kellu jgħidilha lil din il-mara li dak li bdiet hi kellu jsir attrazzjoni mondjali, post fejn jiġbor fih opri tal-aqwa esponenti tal-arti bħal Rembrandt, Rubens, Leonardo Da Vinci, Caravaggio, Michelangelo, Giovanni Battista Tiepolo, Goya, Van Gogh, Pablo Picasso u għadd ta’ artisti oħrajn. 

Jingħad li mhux possibbli li wieħed iżur dan il-mużew u jara kull biċċa xogħol ta’ arti li fih. Jekk wieħed jgħaddi minuta quddiem kull opra tal-mużew, dan irid aktar minn seba’ snin, lejl u nhar. U tassew għax tliet miljun minuta jagħmlu kważi dik il-medda ta’ snin!

Illum dak li jżur dan il-mużew jara l-aktar ħwejjeġ interessanti, l-aktar biċċiet popolari u famużi għaliex ħadd ma jista’ jgħaddi dawk is-snin kollha, bla ma jorqod jew jiekol, biex iżur mużew wieħed biss. Ta’ min jgħid li minkejja li huwa t-tieni l-akbar mużew tad-dinja, madanakollu fil-lista tal-viżitaturi jitlef postu u jiġi t-tmien wieħed. Fl-ewwel post jibqa’ l-Louvre, warajh insibu l- Metropolitan Museum of Art ta’ New York, imbagħad il-British Museum segwit min-National Gallery ta’ Londra wkoll. Fil-ħames post insibu l-Mużew tal-Vatikan u nerġgħu Londra għall-gallarija Tate Modern. In- National Gallery of Art ta’ Washington jiġi sewwasew qabel l-Eremitaġġ ta’ San Pietruburgu. Minkejja li huwa s-seba’ fil-lista, aktar minn erba’ miljun ruħ iżuruh ta’ kull sena.

Għaliex Eremitaġġ
It-Tżarina Katarina l-Kbira
Huwa isem tabilħaqq kurjuż dak li għandu dan il-mużew. Għandna nkunu nafu li għall-bidu dan il-mużew kien biss kollezzjoni ta’ arti privata, personali tat-Tżarina Katarina l-Kbira. Ftit li xejn kienu dawk li kienu jistgħu jidħlu jaraw l-opri ta’ din il-kollezzjoni. Kien propju minn dan il-fatt li ħa dan l-isem dan il-post. Bħalma f’eremitaġġ mhux possibbli li dak li jkun jaqbad u jmur meta jfettillu, qisu sejjer f’xi ħanut tat-te, hekk ukoll ma kienx possibbli li dak li jkun imur fil-Palazz tax-Xitwa max-xatt tax-xmara Neva. Maż-żmien infetaħ għall-pubbliku iżda l-isem baqa’ mwaħħal miegħu, ma nbidilx, mhux bħalma kien inbidel tal-belt li fiha jinstab.


Fr Reno Muscat

Artiklu li deher f'In-Nazzjon 14 ta' Ottubru 2017




sabato 7 ottobre 2017

Reġgħet bdiet l-iskola – reġa’ beda traffiku


Ma rridx nagħti tort lill-iskola li mal-ftuħ mill-ġdid tal-bibien tagħha it-toroq Maltin jerġgħu jsiru Babilonja sħiħa, imma ma tistax ma tindunax biż-żieda kbira ta’ karozzi li sibna ma’ wiċċna minn meta bdiet din is-sena skolastika. Bla ma rridu nibdew nistaqsu: meta se naqbdu l-barri minn qrunu u din il-problema nibdew narawha bħala priorità li ma tistax tibqa’ tiġi injorata?

Beda jsir xi ħaġa?
Biex ngħid id-dritt kollu nemmen li qed isir xogħol biex it-traffiku jonqos kemm jista’ jkun. Ix-xogħol ta’ kostruzzjoni ta’ żewġ pontijiet kbar f’żewġ arterji traffikużi huwa l-ewwel sinjal. Ix-xogħol biex għadd ta’ roundabouts jiċċekknu biex b’hekk ma jkunx hemm karozzi li jieqfu magħhom bil-konsegwenza li tinħoloq xmara ta’ karozzi wieqfa huwa sinjal pożittiv ukoll.

F’dawn l-artikli ktibt kemm-il darba fuq din il-problema u llum nista’ ngħid li xi suġġerimenti tiegħi ma’ waqgħux għal kollox fuq widnejn torox. Pereżempju kont ngħid li l-laneċ minn tas-Sliema u mill-Kottonera għall-Belt għandhom ikollhom aċċess bl-istess biljett li nużaw għal tal-linja. Dan l-aħħar qrajt li sar xi pass għalkemm xorta għad hemm diskrepanza bejn in-noll tal-lanċa u dak tal-karozza.

Mini taħt l-art
Mappa tal-Metrò ta' Moska
Bosta drabi ktibt ukoll li hemm bżonn li f’pajjiżna jitħaffru mini biex iħaffu t-traffiku, bħal bejn il-Belt u l-Manuel Island u l-Belt u l-Kalkara. Ilni snin ngħid li hemm bżonn nibdew sistema ta’ Metrò. Dejjem tkellimt fuq il-Metrò ta’ Ruma għax dak l-aktar li kont midħla tiegħu,  imma dan is-sajf kelli nuża l-Metrò ta’ Moska u rajt id-differenza u rajt kemm hu importanti dan il-mezz ta’ trasport f’belt ħajja. Kieku fil-kapitali Russa ma hemmx din ix-xibka ta’ mini u ferroviji taħt l-art, b’erbatax-il linja u aktar minn mitejn stazzjon, kieku n-nies tispiċċa tgħaffeġ fuq xulxin. Malta fiha d-daqs ta’ belt Ewropeja żgħira, imma l-ammont ta’ nies huwa wisq kbir għad-daqs tagħha. Meta sejrin nibdew naħsbu bis-serjetà dwar il-Metrò ta’ Malta? Jiena ser nibqa’ ntambar dwar dan is-suġġett biex forsi xi darba jibda dan il-proġett.

Sens komun
Bi ftit sens komun tista’ titnaqqas xi ftit il-problema tat-traffiku f’pajjiżna. Ma rridx inkun wieħed minn dawk li jgorru bla ma qatt jipproponu soluzzjoni, għalhekk qed inressaq xi ħsibijiet tiegħi dwar kif tista’ tittaffa xi ftit din il-probelma.

Jinbidel il-ħin
Ċertu xogħol li jsir matul il-jum faċli jsir matul il-lejl. Vettura li ġieli toħloq inkonvenjent u traffiku huwa t-trakk li jiġbor l-iskart. Ħadd ma jista’ jagħti tort lis-sewwieqa ta’ dawn it-trakkijiet li jieqfu kull minuta għaliex biex l-iskart jinġabar sewwa ma tistax ma tieqafx. Iżda dan ix-xogħol jista’ jsir matul il-lejl. Jekk il-ħaddiema jkunu mgħallma jagħmlu xogħolhom bla storbju, żgur li ħadd ma jgorr u jitnaqqsu ammont ta’ trakkijiet mit-toroq tagħna fil-ħin tal-jum meta jkunu mimlijin bil-karozzi.
Anke l-Knisja tista’ tgħin biex tittaffa din il-problema. Ħaġa li toħloq serbut ta’ karozzi u li ttellef lit-traffiku milli jimxi sewwa huma l-funerali. Tistennewx li funeral jgħaddi gas down għax lanqas hija ħaġa xierqa, imma s-suġġeriment tiegħi huwa li dawn isiru f’ħin li ma jkunx hemm it-tfal sejrin lejn l-iskola. Il-mejjet għandu l-eternità tistennieh u siegħa jew sagħtejn oħra magħna ma jibdlulu xejn. Għalfejn funeral għandu jsir fit-tmienja ta’ filgħodu meta jista’ jsir fil-ħdax jew kmieni waranofsinhar? Hemm bżonn ftit tar-rieda tajba. Mhux qed ngħid għas-sajf meta x-xemx tkun tiżeġ, f’dak iż-żmien jistgħu jsiru fit-tmienja għax l-iskejjel ikunu magħluqin u t-traffiku fit-toroq ma jkunx qawwi bħalma huwa bħalissa.

Ħaġa oħra li nipproponi hija li tal-linja fil-faxxa li nsejħu Rush hour, isiru b’xejn għal kulħadd. Ngħidu aħna mis-6.30 ta’ filgħodu sad-9.00 u mill-4.00 sal-5.30 ta’ waranofsinhar min jirkeb ma jħallas xejn. Dan huwa inċentiv biex dak li jkun iħalli l-karozza fil-garage u jmur ix-xogħol b’tal-linja. Iżda hawn il-kumpanija għandha tassigura li jkun hemm numru biżżejjed ta’ karozzi li jkunu jistgħu jlaħħqu mad-domanda għaliex jekk il-passiġġier jibqa’ l-art ħadd ma jagħtih tort li ma jagħmilx użu mis-servizz pubbliku.

Dawn huma ftit ħsibijiet tiegħi dwar kif il-problema kbira li ma’ kull bidu ta’ sena skolastika terga’ terfa’ rasha, tista’ tittaffa xi ftit. Mhux tort tal-istudenti, mhux tort tal-għalliema kif lanqas huwa tort tas-sewwieqa li ta’ kull filgħodu jużaw il-karozza privata biex imorru għall-ħidma tagħhom.

“Reġgħet bdiet l-iskola – reġa’ beda traffiku”, dan huwa kliem li dari la qatt smajnieh u lanqas qatt għidnieh, imma issa ejjew ninsew il-passat, ir-realtà hija dik li hi. Ejjew nużaw ftit sens komun u nippruvaw naħdmu biex sakemm tinstab solouzzjoni (jekk qatt għad tinstab!) intaffu ftit il-problema.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  7 ta' Ottubru 2017