venerdì 30 marzo 2018

Bejn mewt u ħajja


Sibt il-Għid huwa jum li minn dejjem affaxxinani għax inħoss sentiment li mhux faċli nfissru bil-kliem aħseb u ara bil-kitba! Ma nafx jekk tħossux l-istess sentiment bħali. Ovvajment qed nirreferi għal dawk li jħaddnu l-istess twemmin reliġjuż tiegħi għax għal min ma jemminx bħali dan huwa jum bħall-kumplament tas-sena.

Għall-Insara
Għall-Insara Sibt il-Għid huwa l-jum li ra l-akbar ġrajja sseħħ, bniedem mejjet jerġa’ jieħu l-ħajja, bniedem ikkundannat għall-mewt mal-agħar kriminali, jirxoxta mill-mewt u jibqa’ mfakkar eluf ta’ snin wara. Sibt il-Għid huwa jum speċjali għax jagħti anke tifsira lill-mewt, jgħaddi bħal passaġġ mill-mewt qerrieda għall-ħajja rebbieħa, mill-firda għall-għaqda, mid-disperazzjoni għall-hena, mid-dlam għad-dawl.

Il-mewt
Għalina l-bnedmin il-mewt tidher bħala tmiem, telfa, disperazzjoni, firda u dak kollu li ma nixtiequx. Narawha hekk għax il-bniedem maħluq biex jgħix u mhux biex imut, imma liema ħajja tassew aħna maħluqin għaliha? Il-fidi tagħna tgħallimna li aħna ma konniex maħluqin biex nibqgħu ngħixu f’din id-dinja imma biex kif tintemm il-ħajja fuq din l-art tibda oħra differenti, ħajja li l-moħħ tagħna ma jistax jifhem kif tista’ tkun.

Dejjem laqtitni l-frażi: “Life is a journey not a destiantion” Il-ħajja ma hijiex post li fih għandna naslu u nibqgħu imma hija vjaġġ li twassalna f’punt li rridu jew ma rridux ilkoll irridu naslu fih fejn ninħallu minn kull rabta li jista’ jkollna ma’ din id-dinja. Jekk toqgħod taħseb ftit tinduna li anke tarbija tat-twelid xi darba trid tkun katavru! Kemm qbadt argument ikrah illum, imma dan għamiltu biex wara li ngħaddu mid-dlam tal-mewt, napprezzaw aktar id-dawl li jġib miegħu Sibt il-Għid.

Dawl
Il-liturġija tal-Knisja Kattolika fil-lejl tal-Għid toffri mumenti tassew interessanti. Il-funzjoni fil-knisja tibda fid-dlam. Waqt li l-knisja tkun mudlama isir it-tberik tan-nar. In-nar jagħtina d-dawl, u mhux biss, in-nar huwa ta’ għajnuna kbira għalina l-bnedmin. L-annimali jibżgħu min-nar u jaħarbu minnu iżda l-bniedem jużah biex idawwal daru, isajjar l-ikel tiegħu u jsaħħan il-postijiet fejn jgħix. Din hija waħda mid-differenzi li hemm bejn l-annimal bla raġuni u l-bniedem, din hija waħda mill-provi li l-bniedem huwa superjuri għal kull speċi ta’ annimal ieħor. Fil-funzjoni ta’ Sibt il-Għid anke d-dawl tal-knisja jinxtegħel bil-mod u minn knisja mudlama ftit ftit tiġi mixgħula kollha biex tħabbar il-ferħ ta’ dan il-lejl hekk speċjali, id-dawl juri li mill-mewt għaddejna għall-ħajja.

Illum il-ġurnata biddilna anke r-rutina tal-ħajja tagħna għax għandna d-dawl elettriku. Sa mitt sena ilu ħadd ma kien jgħaddilu minn moħħu li jaħdem bil-lejl, l-ebda student ma kien jibqa’ sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu jikteb u jistudja għax id-dawl kien skars. Bid-dawl elettriku biddilna ħajjitna u llum sirna nistgħu nagħmlu li rridu matul il-lejl għax għandna l-kumdità tad-dawl.

Żarmar u armar
Fl-għodwa tal-lum ikun hemm ħafna attività fil-knejjes tagħna, speċjalment f’dawk li bħall-bieraħ jorganizzaw il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. Filgħodu kollox irid isib postu, statwi, ilbies u aċċessorji oħra, u dak kollu li jinvolvu dawn l-attivitajiet. Il-knisja trid titnaddaf u tintrama għall-Għid. Min għandu l-istatwa ta’ Kristu Rxoxt irid jarmaha għax għada trid toħroġ iddur fit-toroq tal-belt jew raħal.

Hawn tajjeb nuru l-apprezzament tagħna lil dawk il-bosta persuni li jaħdmu b’mod volontarju biex l-attivitajiet li jsiru fil-knejjes tagħna f’dawn il-jiem ikunu jistgħu jsiru. Żgur li mingħajr l-għajnuna ta’ dawn id-dilettanti l-attivitajiet li jkollna f’dawn il-festi jkunu bil-wisq inqas. Kif tista’ torganizza dak kollu mingħajr id-daqqa ta’ id tal-volontier? Nassigurakom li kieku kellna nħallsu lil dawk li jmiddu idejhom għax-xogħol f’dawn il-jiem, kieku ma naslux biex nagħmlu kwart ta’ dak li nagħmlu, imma grazzi għad-delizzju u l-imħabba lejn il-kultura tagħna, dawn l-attivitajiet jibqgħu jsiru minn sena għal oħra. Pubblikamnet ngħid grazzi lil dawk kollha li jgħinu. Mingħajr l-għajuna tagħkom inbatu ħafna u nitilfu dak li writna mingħand missirijietna. Mingħajr il-ħeġġa tagħkom minflok ngħaddu mill-mewt għall-ħajja nispiċċaw immorru mill-ħajja għall-mewt.

Kemm ħsibijiet f’dan il-jum partikolari. Sibt il-Għid fejn minkejja li għal xi wħud huwa jum bħall-oħrajn, għal min jemmen dan huwa jum speċjali, jum li biddel ix-xorti tal-bniedem. Għal min hu dilettant tal-kultura u d-drawwiet ta’ pajjiżna huwa jum ta’ ħidma li jisbaħ fid-dlam imma li jsib it-tmiem tiegħu mdawwal b’dawl kbir.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 31 ta' Marzu 2018



venerdì 23 marzo 2018

Il-mixja


Niskanta kif aħna l-Maltin ninterpretaw dak li nisimgħu jew naqraw kif jidher jew jaqbel lilna. Jekk tikteb li qegħdin il-ġenna malajr jgħidulek li qed tgħid hekk għax tissimpatizza mal-gvern tal-ġurnata, jekk tgħid li mhux qegħdin il-ġenna ssib min jgħidlek li bi kliemek qed tappoġġja l-partit fl-oppożizzjoni. F’kelma waħda tagħmel kif tagħmel taqlagħha fuq rasek żgur b’xi mod jew ieħor. Aħna l-Maltin donna ma għandniex fiex nehdew għajr fil-politika u r-reliġjon. Ikteb xi ħaġa jew għid kelma li jkunu b’xi mod relatati mat-twemmin, mal-Knisja jew ma’ xi deciżjoni politika u tara l-maltemp riesaq. U x’tip ta’ maltemp ukoll: Tsunami.


Nostalġija u korrezzjoni
Jiena bniedem li nuża ħafna l-mezzi tal-media soċjali għax naf li llum huma l-aħjar mezzi li juruk kif qed iħabbat il-polz tad-dinja. Hawnhekk, f’dawn il-mezzi nsibu l-akbar kamp tal-battalja għalina l-Maltin. Wieħed jikteb abjad, l-ieħor jgħidlu iswed, waħda tgħid fuq, seħbitha tgħid li isfel u nsomma….. Hawn ukoll insibu ’l dawk li kull ma jaqraw, jarawh jew minn lenti ta’ partit politiku jew mil-lenti klerikali jew aktarx dik antiklerikali.

Kont qed inqaleb xi files u ġew f’idejja xi paġni ta’ gazzetti antiki li kont użajt għat-teżi tiegħi. Irrealizzajt kemm il-mastheads, (il-mod u l-forma ta’ kif jiġi ppreżentat l-isem) tal-ġurnali nbiddlu kollha u għalhekk tfajt il-mastheads tal-Orizzont u tan-Nazzjon (flimkien ma’ tal-Ġens, Leħen is-Sewwa u xi oħrajn) fuq paġna Facebook li ġġib ritatti antiki ta’ Malta biex tnissel nostalġija u dawn it-tifkiriet ma jintilfux għal dejjem. Persuna dlonk kitbet li mhux sewwa ndaħħal il-politika fuq dik il-paġna. L-amministratur wieġeb li jien kont tfajt ritratti ta’ gazzetti minn kull xaqliba politika. Imma dak it-tali baqa’ jinsisti li għamilt hekk b’mod politiku. Ovvjament ir-ritratti tal-mastheads hemm baqgħu!

Darba minnhom rajt poster ta’ attività tal-Ġimgħa l-Kbira u kelli suspett li kelma fih kienet miktuba ħażin u għalhekk tfajt dan il-poster f’paġna fejn jiġi diskuss il-Malti miktub tajjeb. Kien hemm minn qalli li hemmhekk mhux post li nitfa’ poster ta’ attività reliġjuża. Mela jien tfajtu hemm biex tiġi l-attività? Tfajtu hemm biex tgħidli jekk hemmx xi żball grammatikali fih! Imma billi kienet attività reliġjuża kien hemm lil min tah fastisju.

Il-mixja ta’ Ħamis ix-Xirka
Bħalissa għandna kontroversja, battibekk, ma nafx x’naqbad insejjaħlu aktar, dwar il-mixja li għal dawn l-aħħar snin bdiet issir bejn Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa l-Kbira biex jinġabru fondi għall-għaqda filantropika Puttinu Cares. L-għan huwa nobbli u min jinnega dan il-fatt ikun qed jiżbalja. Interessanti li din il-mixja ma tkunx organizzata mill-għaqda Puttinu imma minn individwi oħrajn li jieħdu l-inizjattiva biex din l-għaqda li tant tagħmel ġid tkun mgħejjuna finanzjarment.

Il-problema mhux il-mixja, il-problema mhux il-flus, il-problema mhux l-Għadqa filantropika imma l-lejl magħżul.

Dan il-punt reġa’ kien wieħed li nissel bosta diskursati fuq l-internet, fuq Facebook. Min jgħid abjad u min jgħid iswed. Imma l-griż ma jeżistix? Possibbli ma hemmx soluzzjoni għaliha din il-problema.
Ikollna nammettu li biex timxi mill-Mellieħa sal-Isla trid tistrieħ qabel u min jgħid li l-ewwel imur jagħmel il-visti u wara jmur jagħmel il-mixja jien ngħidlu: “Alla jbierkek u rodd ħajr lil Alla!” Anke hawn għandna nuqqas ta’ qbil. L-organizzaturi tal-mixja qed jgħidu li dan huwa l-aktar jum konvenjenti għal din l-attività. Mill-banda l-oħra l-organizzaturi tal-wirjiet tal-Ġimgħa l-Kbira u l-knejjes ma jistgħux ibiddlu d-data tal-attivitajiet li jsiru f’dan il-lejl, ħaġa li għalkemm mhux faċli, tista’ ssir mill-grupp tal-mixja. Dan huwa s-sewwa magħruf u żgur li wara dan l-artiklu se jkun hawn min jittimbrani bħalma ttimbrawni fil-każ tal-mastheads u f’tal-poster. Din sikkina taqta’ minn żewġt ixfar. Hemm min jagħmel il-mixja mill-Mellieħa sal-Isla bħala penitenza u lil dawn nammirahom, imma mill-ġdid penitenza tista’ ssir kuljum mhux f’dak il-lejl biss. Nifhem lill-organizzaturi u nagħmilha ċara li aktar faċli tgħid milli tagħmel dak li tkun qed tgħid. Mhux dejjem possibbli tibdel minħabba għadd ta’ problemi tekniċi. Mill-banda l-oħra dawk li huma dilettanti tal-Ġimgħa l-Kbira u aħna s-saċerdoti ma nkunux nistgħu nattendu għal din il-mixja. Personalment nixtieq li xi darba nagħmilha, imma ovvjament, dak il-lejl ma jkunx possibbli għalija. Kemm-il darba d-data tinbidel inħeġġeġ lil sħabi li nkun preżenti għal din il-mixja bi skop tant nobbli.

Nispera li b’dan li ktibt illum nitfa’ xi ftit ilma fuq il-ħuġġiega u mhux inkun  qed nitfa’ l-melħ fuq il-ferita, għax aħna l-Maltin għandna ħabta nieħdu fastiju jew noffendu ruħna meta xi proxxmu juri l-idea tiegħu.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  24 ta' Marzu 2018






venerdì 16 marzo 2018

San Vivaldo

Jekk wieħed ikun fit-Toscana f’dawn il-jiem tar-Randan, nissuġġerilu li jara kif jagħmel u jmur iżur post tassew sabiħ li bħalissa jieħu tifsira akbar minn żmien ieħor tas-sena. Qiegħed ngħid għal San Vivaldo, jew aħjar l-hekk imsejjaħ Sacro Monte di San Vivaldo. Qiegħed ngħid hekk għaliex fil-post wieħed isib tmintax-il kappella li jirrapreżentaw xi siltiet mill-ħajja u l-passjoni ta’ Kristu.

San Vivaldo jinstab qalb l-għoljiet ħadranija tal-kampanja Toskana, madwar 450 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar. Dan il-post jagħmel parti mill-comune ta’ Montaione, provinċja ta’ Firenze. Mhux diffiċli tasal sal-post kemm-il darba jkollok karozza. Jekk le Taxi tista’ twasslek u tistenniek biex tieħdok lura.

Illum dan il-post huwa meqjus bħala monument nazzjonali u miżmum bħala post mill-aktar imfittex għall-kult.

Oriġini
 Fl-1325 f’dan il-post inbniet kappella lil ċertu terzjarju Franġiskan li kien miet ftit qabel u li kien għażel dan il-post biex jgħix ta’ eremita fih. Dan l-eremita ma kien ħadd ħlief Vivaldo, li ma damx wisq ma beda jissejjaħ San Vivaldo minħabba l-fama ta’ qdusija li miet fiha. Il-post fejn kien jgħix dan il-qaddis inbidel f’monasteru għaliex bosta oħrajn bdew jimitaw l-għemil ta’ dan il-qaddis u marru jgħixu hemmhekk. Ftit snin wara nbniet knisja kbira.

Fl-1500 il-post għadda f’idejn il-Franġiskani Minuri, kif għadu sal-lum. Dawn ġiethom l-idea li fil-post jibnu s-Sacro Monte. Il-Franġiskani Minuri minn dejjem kellhom rabta speċjali mal-art imqaddsa u għalhekk dejjem xerrdu d-devozzjoni lejha, imma f’dawk iż-żminijiet ma kienx faċli li wieħed jasal Ġerusalemm u l-inħawi tal-Palestina minħabba għadd ta’ raġunijiet bħalma huma l-bogħod, in-nuqqas ta’ mezzi ta’ trasport, l-ispejjeż tal-vjaġġ u l-perikli kemm matul il-vjaġġ kif ukoll fil-post stess.

Dawn il-patrijiet ħasbu biex jibnu speċi ta’ riproduzzjoni ta’ Ġerusalemm u għalhekk il-post beda jissejjaħ “Ġerusalemm tat-Toscana”.  Inbnew għadd ta’ kappelli li kull waħda minnhom kienet tirrapreżenta xi post għażiż għall-Insara. B’hekk min xtaq jagħmel pellegrinaġġ fl-Art Imqaddsa imma minnabba xi raġuni li diġà semmejna ma setax, kien jista’ jaqta’ din id-devozzjon i u xewqa tiegħu billi jmur ġewwa s-Sacro Monte ta’ San Vivaldo.

Illum ma fadalx il-kappelli kollha. Oriġinalment kienu aktar minn tletin waħda, illum insibu tmintax. Fihom insibu statwi tal-fuħħar maħdumin minn bosta artisti famjużi. Dawn jinsabu f’kundizzjoni tajba grazzi għar-restawr li sar fis-snin sebgħin u l-kura bla waqfien li jagħtu lil dan il-post il-Franġiskani u l-volontiera tal-post.

Qabel l-oriġini

Imma nistaħajjilkom tgħidu u tistaqsu minn kien dan San Vivlado.

Vivaldo Stricchi twieled fit-Toscana, sewwasew f’San Gimignano fl-1260 ġewwa familja tat-tajjeb. Fl-1285 huwa mar jgħix ġewwa Siena ma għadd ta’ ħbieb. Hemmhekk kien jgħix ħajja ta’ lussu u tbaħrid, imma tieħu bla trodd is-swar itħott u l-flus spiċċaw, il-ħbieb telqu u Vivaldo spiċċa lampa stampa. Huwa sab l-għajnuna ta’ Patri Bartolo mill-belt ta’ Picchiena u hemmhekk għex ta’ Nisrani veru sakemm dan Bartolo miet fl-1300. Vivaldo telaq minn dal-post u mar għal xi żmien jgħix fl-eremitaġġ  ta’ Santa Marija ġewwa Camporena, bejn San Gimignano u Montaione. Hemmhekk, qalb dawk is-siġar tal-qastan, għadda l-kumplament tal-ħajja tiegħu. Kien bena daqsxejn ta’ għarix u għadda l-bqija ta’ ħajtu fil-penitenza u t-talb. Huwa miet fil-post fl-1 ta’ Mejju 1320 meta kellu 60 sena. Billi kellu fama ta’ qdusija, il-ġisem bla ħajja ta’ dan l-eremit ittieħed Monataine biex jindifen taħt l-artal tal-knisja tagħhom. Illum San Vivaldo huwa l-patrun ta’ Montaine u ssirlu festa kbira kull sena. Huwa wkoll ta l-isem lil din iż-żona fejn hemm Ġerusalemm tat-Toscana.

Attent
 Issa li għandi mnejn ħajjartek iżżur dan il-post, tajjeb ngħidlek li aħjar toqgħod attent meta u x’ħin tmur. Dan il-post ma jkunx miftuħ għaż-żjajjar il-ħin kollu. Tassew li jekk wieħed imur xejn ma jżommu milli jdur madwar il-kappelli imma ma jkunx jista’ jidħol fihom. Għalhekk wieħed għadnu jsegwi l-ħinijiet li fihom isib il-kappelli miftuħa. Bejn Novembru u Marzu wieħed jista’ jmur bejn is-sagħtejn u l-ħamsa ta’ waranfosinhar. Ma hemmx għalfejn wieħed jixtri l-biljett qabel sakemm ma jkunx xi grupp kbir.

Dan huwa post fejn it-turiżmu reliġjuż huwa kbir. Min im ur hemmhekk imur biss biex jara dawn il-kappelli u xejn aktar, għax fil-verità ma hemm xejn aktar x’jara. Ħsibt li nwasslilkom dan it-tagħrif għax naf kemm illum hawn min iżur l-Italja u fuq kollox it-Toscana. Dan il-post ma tanx huwa popolari magħna l-Maltin, minkejja li ħafna minna jżuru San Gimignano. Għalhekk jekk tkun ’l hemm f’dawn il-jiem, approfitta ruħek u mur żuru! Niggarantilek li ma jiddispjaċikx!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 17 ta' Marzu 2018


lunedì 12 marzo 2018

San Pawl tal-Belt

Aħna l-Maltin inqisu lil San Pawl bħala l-Missier tagħna fil-fidi; ovvjament dawk li jħaddnu l-fidi Nisranija għaliex l-oħrajn ma jgħidux hekk. Lil dan il-qaddis huma ddedikati bosta knejjes imferrxin ma’ Malta kollha u fost dawn insibu wkoll erba’ parroċċi: ir-Rabat ta’ Malta, Ħal Safi, il-Munxar Għawdex u dik fil-Belt Kapitali. Illum se nagħti ħarsa lejn dik tal-Belt Valletta.

Oriġini
San Pawl tal-Belt
L-art fejn hemm mibnija l-knisja ta’ San Pawl fil-Belt Valletta ma ġietx mogħtija mill-Kavallieri bħalma sar f’każi ta’ knejjes oħra fil-Belt iżda nxtrat ftit snin wara l-bidu tal-bini tal-Belt mill-kapitlu tal-Katidral tal-Imdina. Dawn indunaw li l-belt il-ġdida sejra tkun il-qalba tal-gżira kollha u għalhekk ħasbu li jkollhom post fiha għaliex il-katirdral tal-Imdina kien imbiegħed mill-Belt Valletta. Dan il-pass fantas lil xi nobbli mill-Imdina li ħasbu li issa l-katidral kien sejjer jiġi trasferit mill-Imdina għall-Belt li kienet qed tinbena. Ħaġa bħal din kienet tnaqqas ħafna mid-dinjità tal-Belt tal-Imdina li sa dak iż-żmien kienet għadha l-kapitali għad li t-tmexxija tal-gżira kienet issir mill-Birgu.

Il-pjanti tal-knisja saru mill-Arkitett Malti Ġlormu Cassar, bħal bosta bini prominenti ieħor fil-Belt Valletta. Il-ħlas tal-bini tal-knisja sar mill-kapitlu tal-katidral tal-Imdina. Dan ma jfissirx li dik il-knisja li ħallas għaliha l-kapitlu tal-katidral hija l-istess waħda li nsibu llum, dik li għandna llum bdiet tinbena lejn nofs is-seklu XVII fuq pjanta ta Bartilmew Garagoza.

Knisja tal-Isqof
Meta l-Belt Valletta bdiet taqdi sewwa l-funzjoni tagħha ta’ belt kapitali, meta l-Ordni ta’ San Ġwann telaq mill-Birgu u stabilixxa ruħu fil-belt li ġġib l-isem tal-Gran Mastru La Valette, il-Knisja lokali wkoll ħasset il-ħtieġa li jkollha post fejn jitmexxew il-funzjonijiet reliġjużi fil-festi l-kbar. Il-knisja ta’ San Pawl għalhekk bdiet isservi wkoll bħala l-knisja tal-isqof billi dak li llum nafuh bħala l-konkatidral kien il-knisja konventwali tal-kavallieri u kien iservi għall-funzjonijiet reliġjużi tal-Ordni tal-Kavallieri. Kien għalhekk li kien hemm żmien li din il-knisja kienet tissejjaħ bħala knisja katidrali ta’ San Pawl Nawfragu tal-Belt Valletta. Din il-knisja saret kolleġġjata fl-1733 u sal-lum l-isqof tad-djoċesi għad għandu s-sedja tiegħu fil-kor tal-knisja.

Arti
Kulħadd jgħidlek li San Pawl tal-Belt hija knisja magħrufa għall-fided li fiha, imma l-arti li fiha ma tillimitax ruħha biss għall-fidda. L-ewwel ħaġa li tolqot l-għajn u li tista’ titgawda s-sena kollha hija l-pittura li naraw fiha. F’din il-knisja nsibu xogħol mill-aqwa tal-artist Ruman Attilo Palombi. Artist ieħor li sebbaħ dan it-tempju bil-pittura tiegħu huwa Giuseppe Valasco, artist minn Sqallija ta’ importanza kbira fil-linja tan-neoklassiċiżmu. Il-kwadru titulari huwa dak oriġinali li kien tpitter għall-ewwel knisja u li kien tħallas mill-kapitlu tal-katidral, xogħol il-pittur Matteo Perez d’Aleccio.
Fil-knisja nsibu bosta opri artistiċi oħra imma famuża ħafna hija r-relikwija tal-kolonna ta’ qtugħ ir-ras ta’ San Pawl. Relikwija oħra għażiża hija dik tad-driegħ tal-qaddis li nsibuha f’reliwarju tal-fidda. Dawn huma biss ftit mir-rikkezzi artistiċi li bihom hija mogħnija din il-knisja.

San Pawl tal-Gafà
Santa Caterina  a Magnanapoli
Xi snin ilu kont qiegħed Ruma u rajt knisja miftuħa. Qatt ma kont rajtha miftuħa qabel u għalhekk waħħalt f’moħħi li nidħol biex naraha. Kienet qed issir quddiesa, żewġ qassis iqaddsu u persuna waħda tisma’ l-quddiesa! Din il-knisja tissejjaħ Santa Caterina  a Magnanapoli, mhux wisq bogħod minn Pjazza Venezja. Hekk kif dħalt nilmaħ kartellun li fuqu kien hemm ritratt tal-istatwa ta’ San Pawl tal-Belt. Ma domtx wisq biex indunajt li fil-knisja kien hemm xogħol importanti tal-artist Malti Melchiorre Gafà, l-estasi ta’ Santa Katerina. Fuq il-kartellun kien hemm xi tagħrif dwar dan l-artist u allura kien hemm ukoll l-istatwa ta’ San Pawl tal-Belt Valletta.

Jingħad li l-istatwa titulari ta’ San Pawl tnaqqxet ġewwa Ruma minn dan l-artist Malti fuq kummissjoni tal-familja Testaferrata. Din l-istatwa inġiebet Malta u kienet tinżamm fid-dar ta’ dan il-familja nobbli iżda kull sena kienet tittieħed fil-knisja sabiex issir il-festa. Dan baqa’ jsir għal bosta snin sakemm il-werrieta tal-familja Testaferrata iddeċidew li jirregalaw din l-istatwa lill-parroċċa biex hekk tkun tista’ tibqa’ fil-knisja u titgawda s-sena kollha. Illum din l-istatwa għadna narawha f’din il-knisja u ta’ kull sena narawha wkoll tinġarr f’purċissjoni nhar il-festa tan-nawfraġju ta’ San Pawl, fl-10 ta’ Frar, meta t-temp jippermetti jew meta dak il-jum ma jaħbatx mar-Randan jew xi festa marbuta miegħu.

Din hija waħda mill-knejjes maestużi tal-belt kapitali tagħna li tajjeb li nżuruha u nammiraw sewwa l-opri li fiha. Minkejja li fil-festa jkollha l-isbaħ libsa mxiddha fuqha, xorta waħda matul is-sena hemm bosta x’wieħed jara fiha.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 10 ta' Marzu 2018





venerdì 2 marzo 2018

Għana u faqar

Żgur li jekk naqbdu argument dwar l-għana u l-faqar ma nispiċċaw qatt għax huwa suġġett li kulħadd jarah skont kif jolqot lilu. Mhux is-soltu tiegħi nikteb artikli li joħolqu polemiċi imma llum ma nistax inħalli dan il-ħsieb li qed itaqqalni għaddej bla ma naqsmu magħkom.

Benessere
Qiegħed nuża l-kelma Taljana Benessere biex nibda l-argument tiegħi. Il-benessere li qed nirreferi għalih hawnhekk ma għandux x’jaqsam mas-saħħa, mal-fatt li wieħed ikun b’saħtu fiżikament, minkejja li din il-kelma tfisser hekk ukoll, irrid nifhem biha dak li bl-Ingliż jissejjaħ welfare,  għalkemm anke din il-kelma hija marbuta mal-istat tas-saħħa tal-bniedem. Li rrid nirreferi għalih jien huwa l-istat finanzjarju ta’ dak li jkun.

Pajjiżna ilu għexieren ta’ snin sejjer il quddiem. Illum lanqas tarafha lil Malta minn dik ta’ erbgħin jew ħamsin sena ilu. Fi ċkunitna d-dinja kienet mod ieħor, djarna, triqatna, pajjiżna kienu kollha differenti minn kif insibuhom illum. Ejjew nagħti ħarsa lejn dar tipika ta’ erbgħin sena ilu biex naraw xi differenzi. Fid-dar komuni ma kontx issib telefon u min kien ikollu bżonn jagħmel telefonata jew kien imur l-għassa tal-Pulizija jew il-pjazza jinqeda mill-kabina tat-telefon pubbliku. Il-kamra tal-banju ma kinitx dik li nafuha llum. Il-ħasil tal-persuni kien isir fil-banju taż-żingu u fix-xitwa l-ilma jissaħħan fuq tal-istim. Illum mhux talli għandna l-banju jew id-doċċa komda, imma għandna l-misħun lest kemm niftħu vit. U llum mhux kamra tal-banju waħda sar ikollna fid-dar, illum dħalet il-moda tal-en suite. Mhux talli ma kellhomx en suite in-nanniet tagħna imma aktarx kienu jridu joħorħu fil-bitħa biex imorru sal-kamra l-baxxa! U xi ngħidu għat-teknoloġija. Mhux tablets u laptops ma kellhomx il-ġenituri tagħna, imma min kellu magna tal-ħasil kien meqjus sinjur. Televiżjoni abjad u iswed min kien jista’ jixtri wieħed kien ikun akwista xi ħaġa kbira. Illum il-magna tal-ħasil taħsillek u tagħsarlek il-ħwejjeġ waħdeha. Tonxorhomlok jonqosha! Televiżjoni għal wieħed, tnejn, tlieta ġewwa djarna biex b’hekk l-omm tara l-films, il-missier jara l-futbol u l-ulied jaraw il-programmi tagħhom bla ma ħadd itellef lil ħadd. X’differenza! U xi ngħidu għall-ħruġ? Ir-ristoranti, il-ftit li kien hawn, kienu għal ftit eluf ta’ turisti, l-aktar Ingliżi, li kienu jiġu jżuru pajjiżna. Il-Malti kien imur fihom f’xi okkażjoni rari, f’tieġ, il-Milied u min jaf meta aktar, jekk ikun hemm aktar! Illum l-ikel barra sar appuntament ta’ kull ġimgħa. Ma nistgħux inħallu barra s-safar. Għall-Malti s-safar kien ifisser jew xogħol jew rarament xi ħtieġa ta’ kura medika. Illum le, illum insiefru darba, tnejn jekk mhux ukoll tliet darbiet fis-sena. Dari ġurnata Għawdex kienet xi ħaġa speċjali u ġita mqar sa Sqallija kienet biss ħolma li xi wħud ġieli għamluha realtà. Illum kollox differenti – għall-grazzja ta’ Alla!

 Ikollna nammettu li għandna anke ċertu lussu żejjed li mingħajru xorta ngħaddu, imma tant drajna bih li kważi kważi sirna nqisuh bżonn.

Faqar
Dan l-aħħar xhur, qiegħed ninnota li fuq il-bieb tal-kunvent fejn ngħix qed jiġu bosta nies jittalbu. Mhux nies anzjani imma żgħażagħ. Jiġu jittalbu ewro jew tnejn bl-iskuża li ma għandhomx għal tal-linja. Tkun tixtieq tgħin lil kulħadd, imma lanqas jekk ikollok bir ewro ma jservuk għax il-problema ma’ dawn it-talin hija li wieħed jgħid lil ieħor u tispiċċa b’xi għoxrin ruħ kuljum. Kieku jkollok tagħti żewġ ewro lil kulħadd tispiċċa li lanqas paga ta’ xahar ma sservik aħseb u ara d-daqsxejn pocket money li nirċievu aħna l-patrijiet!

Dawn li jiġu jittalbu ma humiex kollha Maltin; jiġu jħabbtu l-bieb jew iwaqqfuk fit-triq anke persuni ta’ nazzjonalità barranija, ikellmuk bl-Ingliż. Dawn jaħasra jkunu telqu pajjiżhom biex illum sabu rwieħom fl-istess qagħda li kienu jew forsi agħar. Għalija dan huwa kollu faqar li bilfors irrid nirrifletti ftit fuqu. Possibbli li llum meta għandha welfare daqsant tajjeb f’pajjiżna, hawn min iħabbat il-bieb ta’ kunvent tal-patrijiet biex jittallab biċċa ħobż x’jiekol? Nemmen li hemm xi ħaġa ħażina, anzi ħażina ħafna. Nissuspetta li dawn huma vittmi ta’ xibka mħabbla sewwa. Għandu menjn dawn huma persuni li sabu ruħhom f’labrint li ma jistgħux joħorġu minnu minkejja l-għajnuna kollha li l-pajjiż kif ukoll il-Knisja joffru f’każi bħal dawn. Bil-fors li hemm xi ħaġa mgħawġa, hemm xi ħaġa mhux sewwa f’dawn il-każi!

Għana u faqar li jimxu ħdejn xulxin, fl-istess triq, fuq l-istess banikna. Għana u faqar li ssibhom fl-istess dar, taħt l-sitess saqaf, forsi fl-istess familja, forsi bejn l-aħwa. Hemm bżonn inqumu, irridu nistembħu mir-raqda. Din hija realtà li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed tikber. Hemm bżonn ma ħalluhiex tilħaq livell li ma jkollneix kontroll fuqha.


Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 3 ta' Marzu 2018