venerdì 31 agosto 2018

Marsilja


Ma nafx kemm-il darba żortha il-belt ta’ Marsilja fin-Nofsinhar ta’ Franza u jekk ikolli nerġa’ nżurha ma niddejjaqx. Din hija t-tieni l-akbar belt Franċiża, wara Pariġi, il-kapitali tal-pajjiż. Fiha l-akbar port Franċiż fil-Mediterran. Kienet il-belt Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2013. U nsomma ħafna u ħafna aktar!

Storja
Marsilja hija waħda mill-eqdem bliet li nsibu fi Franza. Kienet imwaqqfa mill-Griegi madwar sitt mitt sena qabel Kristu. Kienet tissejjaħ Massalja minn fejn ġej l-isem li għadna nsejħu lil din il-belt illum. Fis-sena 49qK sar l-assedju ta’ Massalja fejn spiċċat tilfet l-indipendenza tagħha. Fl-ewwel seklu wara Kristu f’Marsilja twaqqfet l-ewwel djoċesi Kattolika Rumana. Fis-sena 470wK l-belt ittieħdet mill-Viżgoti. Aktar tard  l-Għarab għamlu ħerba minnha. Fl-1481 issieħbet mar-reġjun ta’ Province kif għadha sal-lum u fl-1486 saret parti minn Franza. Matul ir-Revoluzzjoni Franċiża din il-belt kellha l-importanza tagħha u kellha l-Kumitat tal-Ġakobini tagħha wkoll. Fl-1793 Marsilja opponiet il-gvern Revoluzzjonarju li kien qed imexxi lill-pajjiż. Minn hawn ukoll nibet l-innu nazzjonali Franċiż li jismu proprju La Marseillaise, jiġifieri Il-Marsiliż. Matul it-tieni gwerra dinjija sofriet minn bosta attakki tal-għadu.

Matul l-aħħar ftit mijiet ta’ snin Marsilja mxiet il quddiem kemm fejn jidħol negozju, għax billi hija belt port ma jistax jonqos il-kummerċ, kif ukoll fil-qasam turistiku u edukattiv.

Notre Dame de la Garde
Notre Dame de la Garde
L-aktar bini magħruf mal-belt ta’ Marsilja huwa l-Bażilika tal-Madonna tal-Għassa: Notre Dame de la Garde. Illum bosta vapuri bit-truisti jidħlu fil-port ta’ Marsilja. Hekk kif tkun dieħel lejn l-art l-ewwel ma tara hija din il-knisja li tinsab sewwasew fuq għolja fuq il-port li hija madwar 150 metru ’l fuq mill-baħar. Billi dan huwa post fil-għoli. Fil-qedem kien hemm fortizza biex tħares lill-belt minn xi attakk. Din il-knisja nbniet fuq il-fdalijiet ta’ din il-fortizza. L-ewwel knisja fil-post inbniet fl-1214 iżda l-knisja li nsibu llum bdiet tinbena fl-1852 minflok l-oħra. Din, jew aħjar dawn il-knejjes għax fil-verità nsibu tnejn fuq xulxin, ħadu 21 sena biex tlestew. Fuq nett tal-kampnar li jddomina l-faċċata hemm statwa tal-Madonna indurata bid-deheb. Din l-istatwa hija għolja ftit aktar minn 11-il metru. Bilfors trid tkun kbira biex tidher fuq kampnar ta’ 41 metru. Dan il-post huwa wisq għal qalb l-Insara ta’ Marsilja u kull nhar il-15 ta’ Awwissu eluf ta’ nies jitilgħu f’pellegrinaġġ lejn dan il-post. Hemmhekk wieħed minbarra li jista’ jgawdi l-Bażilika sabiħa fuq stil Romanesk, ikun jista’ jara veduta mill-isbaħ tal-port bil-gżejjer li fih u l-kumplament tal-belt ta’ Marsilja.



Tank tal-gwerra
It-tank tal-gwerra
Inti u tiela’ lejn il-Bażilika ta’ Notre Dame tara tank tal-gwerra f’nofs ta’ triq. Dan it-tank iġib l-isem ta’ Santa Ġovanna d’Arco u llum għadu f’dan il-post bħala monument tal-ħelsien ta’ din ix-xaqliba ta’ Marsilja minn taħt idejn il-Ġermaniżi. F’Awwissu tas-sena 1944 din il-parti kienet f’idejn in-Nazisti u l-Franċiżi riedu joħduha bla ma jaħbtu għaliha mill-ajru jew jużaw armamenti kbar ħafna. Kienu jafu li setgħu jagħmlu ħsara fil-bini tal-knisja jekk jattakkaw mill-ajru jew jużaw bombi qawwijin ħafna. Fit-28 ta’ Awwissu 1944 Marsilja inħelset mill-għadu u t-tank tal-gwerra tħalla fil-post bħala sinjal ta’ din l-istorja.
Chateau d’if
Aktar il fuq semmejt il-gżejjer fil-port ta’ Marsilja. Hemm erba’ gżejjer żgħar; Pomègues, Ratonneau, Îlot Tiboulen u If. Flimkien jiffurmaw l-arċipelagu Frioul. Ta’ interess partikolari hija If għaliex fuqha hemm fortizza li serviet ukoll ta’ ħabs. Fil-ktieb tiegħu “Il-Konti ta’ Montekristo”, il-kittieb Alexandre Dumas jibni parti mill-istorja tiegħu fuq din il-gżira ċkejkna. Dan ir-rakkont inħadem film bosta drabi. L-aħħar li nħadem kien f’pajjiżna.

Wieħed jista’ jmur iżur dawn il-gżejjer billi jaqbad lanċa mill-port ta’ Marsilja.

Max-xatt
Il-katidral ta' Marsilja fil-port
Illum il-port ta’ Marsilja, il-Vieux-Port, il-port il-qadim ma għadux biss għall-kummerċ imma ssebbaħ u sar attrazzjoni turistika. Fil qrib wieħd jista’ jżur il-katidral ta’ Marsilja u ma jagħmilx ħażin jekk iżur l-abatija ta’ San Vitor. Ma’ xatt il-baħar wieħed isib bini modern li fih hemm il-Mużew tal-Kultura Mediterranja. Mużew li wieħed għadnu jżuru għax hemm x’tara! Mix-xatt tista’ titla’ lejn il-belt fejn issib tixtri min kolox. Illum il-multikulturaliżmu qabad l-għeruq sewwa fi Franza u f’Marsilja xi ħaġa speċjali.

Jitkellmu bil-Malti
Fil-bidu ktibt li mort kemm-il darba Marsilja imma ma għidx għalfejn żort l-istess belt bosta drabi. Mort u nerġa’ mmur għaliex hemmhekk għandi xi qraba jgħixu. Bosta Maltin li kienu emegraw lejn l-Alġerija jew it-Tuneżija, mal-indipendenza ta’ dawn il-pajjiżi kellhom għażla li jmorru Franza. Qrabati li kienu Tuneż għażlu li jmorru Marsilja. U hemm għad hemm uliedhom u wlied uliedhom. Ħaġa interesanti hija li dawn minkejja li ma twieldux Malta jitkellmu bil-Malti daqsna u bejneithom meta jiltaqgħu għadhom sal-lum jitkellmu bil-Malti. Din il-komunità llum qed tikber fiż-żmien u tonqos fin-numru.

Kemm hi belt interessanti Marsilja!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  1 ta' Settembru 2018




mercoledì 29 agosto 2018

Natuzza Evolo


Il-mistiċi, jiġifieri dawk il-persuni li jkollhom esperjenza mistika, li tfisser li bniedem ikun qrib Alla b’tali mod li fih jew bih iseħħu għeġubijiet, ma humiex nies li għexu eluf jew mijiet ta’ snin ilu. Sal-lum għadna nsibu minn dawn in-nies iżda minħabba l-ħajja mgħaġġla li ngħixu fiha u minħabba l-ħafna aljenazzjonijiet li għandha, għandna mnejn lanqas nindunaw bihom jew ma nagħtux każ meta jkun hemm xi ħaġa miktuba dwarhom.

Fil-Calabria
Fin-Nofsinhar tal-Italja, sewwasew fir-reġjun tal-Calabria sa ftit snin ilu kienet tgħix waħda mara mistika li kull ma jmur aktar qegħdin nisimgħu dwarha u dwar xi kwalitajiet jew qawwiet li kellha. Din il-mara kien jisimha Fortunata Evolo imma kulħadd kien jafha bħala Natuzza. Hija twieldet qrib Mileto, sewwasew f’ Paravati nhar it-23 ta’ Awwissu 1924 u mietet fir-raħal li twieldet fih fl-1 ta’Novembru tas-sena 2009.

Twieldet f’familja fqira ħafna fejn il-missier kien telaq lejn l-Arġentina u ħalla lil martu u lil uliedu bħall-Erbgħa fost il-ġimgħa bla ebda sold. It-tfulija ta’ Natuzza xejn ma kienet waħda feliċi, anzi nistgħu ngħidu li kienet waħda ta’ tbatija kemm materjalment minħabba l-faqar kif ukoll emozzjonalment. Omm Natuzza, Maria Anġla, minkejja li żewġha kien telaq, xorta baqgħet twelled it-tfal u din il-ħaġa kienet fuq fomm ir-raħħala kollha. Uliedha kienu meqjusin bħala frott id-dnub u għalhekk kellhom ibatu minn ċkunithom minħabba lsien in-nies.

Esperjenzi mistiċi
Natuzza Evolo
Jingħad li Natuzza rat lill-Madonna l-ewwel darba meta kellha madwar 5 snin imma ma ndunatx li kienet Hi. Evolo stess tgħid: “Lanqas kont naf min kienet il-Madonna, imbagħad bdejt naraha spiss meta kelli tmien snin. Tfajla sabiħa, tifla ħelwa.” Il-Verġni mqaddsa kienet tidhrilha bħala tfajla ta’ bejn il-15 u s-16-il sena, liebsa l-abjad, ftit il fuq mill-art, b’karnaġġjon skur, għajnejn kbar ta’ lewn skur bħal xagħarha.

Waqt li ommha kienet tara kif ser taqla’ xi ħaġa biex titma’ lil uliedha, Natuzza, li kienet għadha daqxejn ta’ tifla, kienet tieħu ħsieb ħutha. Kienet iddur il-fran forsi tiddobba ħobża minkejja li kienet spiss tiġi mgħajra. Aktar ma kienu jkunu koroh jiemha, aktar kien ikollha dehriet minn dik it-tfajla samra. Xi kultant dik is-“Sinjorina” kienet tieħu l-ħajja u tersaq lejn is-sodda ta’ Natuzza u tħares lejha b’dik il-ħlewwa ta’ omm, ħarsa li forsi Marija Anġla qatt ma setgħet tħarsilha.

Ħjiel minn  ħajjitha
Natuzza, fl-14 ta’ Awwissu, 1943, iżżewġet lill-mastrudaxxa Baskal Nicolace, sena akbar minnha, bil-prokura, għax iż-żagħżugħ kien inġabar bil-lieva fl-armata minħabba t-tieni gwerra dinjija u kien jinsab fuq il-front tal-battalja. Minn dan iż-żwieġ twieldu ħamest itfal.

Id-dar ta’ Natuzza laqgħet fiha eluf ta’ nies li fittxew il-mistrieħ tal-qalb u tar-ruħ. Imma dan ma kienx biżżejjed. Hija qalet li x-xewqa tal-Madonna hija li fil-qrib tinfetaħ dar kbira biex min ikollu bżonn isib ftit serħan il-qalb. Fil-fatt twaqqfet għaqda biex tieħu ħsieb twettaq din ix-xewqa.

Tul ħajitha Natuzza kellha ssofri ħafna. Kienu infetħulha l-pjagi u kien hemm bosta manifestazzjonijet sopranaturali oħrajn li seħħew ma’ din il-mara mill-Calabria.

Kienu l-5.15 sewwa, l-1 ta’ Novembru 2009 meta Natuzza Evolo, wara lejl impressjonanti u ta’ tbatija straordinarja, ħadet l-aħħar nifs. Hemm ħafna x’wieħed iżid ma’ dan  li ktibt jien, Dan huwa biss farka.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' Il-Mument -  26 ta' Awwissu 2018

sabato 25 agosto 2018

Sħana u frisk


Ninsabu fl-eqqel tas-sajf, fl-eqqel tas-sħana. Kulħadd jonfoħ kulħadd irewwaħ, kulħadd ifittex id-dell, kulħadd ifittex il-frisk. Imma l-frisk mhux dejjem issibu. Kultant niskantaw kif kienu jgħaddu qabel, meta missirijietna ma kellhomx l-apparat elettroniku li għandna llum biex niffriskaw l-ambjent tal-kamra li nkunu fiha. Tgħidulix kif imma b’xi mod jew ieħor kienu jgħaddu u bilfors kellhom jgħaddu ladarba ma kellhomx mod ieħor x’jagħmlu.

Żvilupp
Illum il-ġurnata lanqas nimmaġinawna ngħixu f’dinja mingħajr apparat tal-arja kkondizzjonata, imma ma rridux ninsew li dan l-apparat li llum huwa komuni ħafna ma kienx jeżisti minn dejjem.

Sa minn żmien il-qedem il-bniedem fittex li jtaffi s-sħana tas-sajf billi jivvinta xi apparat. Mhux biss is-slaten u l-għonja kien ikollhom l-imrewħa biex toħolqilhom ftit riħ li jkeċċi s-sħana. Il-fargħun fl-Eġittu kien ikollu tnejn minn nies irewħulu mriewaħ magħmulin minn rix ta’ tajr kbir. FL-Indja kienu jwaħħlu strixxi tal-bamboo flimkien biex jiffurmaw speċi ta’ mrewħa li nafu aħna llum. Iċ-Ċiniżi vvintaw apparat li jitfa’ r-riħ wara li tkun dawwart l-imratt tal-apparat.

l-imrewħa tal-idejn dejjem kienet popolari u daħlet anke fil-folklor ta’ żewġ pajjiżi ibegħdin minn xulxin kemm geografikament kif ukoll kulturalment. Il-kostum tradizzjonali Ġappuniż iġib mara bl-imrewħa f’idha. L-istess jagħmel il-kostum tradizzjonali Spanjol. Dan jurina kemm is-sħana ddejjaq lil kulħadd u kemm kulħadd ifittex li jsib mezz kif jeħles minnha.



Bid-dawl elettriku
Bejn l-1882 u l-1886 l-Inġinier Amerikan Schuyler Wheeler ħoloq l-ewwel apparat li jitfa’ r-riħ li jaħdem bid-dawl elettriku. Dan l-apparat issejjaħ imrewħa li bl-ilsien Ingliż tiġi Fan. Aħna l-Maltin ħadna l-isem Ingliż għal dan l-apparat u għadna sal-lum insejħu fan dak l-apparat li itfa l-riħ u mrewħa dik li żżomm il-mara f’idha, dik li tieħu magħha l-knisja biex toqgħod trewwaħ waqt li l-qassis ikun mitluf itawwal l-omelija tiegħu! 

Hawn nixtieq naqsam magħkom osservazzjoni żgħira li minn dejjem għamilt f’qalbi. Anke fejn jidħol it-trewwieħ hemm il-ġeneru. Il-mara trewwaħ bl-imrewħa u r-raġel irewwaħ bil-palju. Wisq nibża li hemm bosta żgħażagħ li lanqas jafu x’inhu palju għax illum donnu għeb għal kollox minn pajjiżna. Jingħad li qabel kienu jġibu dawn il-paljijiet minn Tunes u jbigħuhom Malta. Ġieli smajt min jgħid li kienu jduru bihom fit-toroq. Jien aħħar li rajt għall-bejgħ kien fuq il-monti Għawdex!

Intant l-invenzjoni ta’ Wheeler kellha suċċess kbir u l-fannijiet bdew jinbiegħu bħall-pastizzi. Ovvjament kien jeħtieġ li min jixtri fan ikollu d-dawl elettriku fid-dar għax mingħajru ma jaħdimx. Meta d-dawl elettriku nfirex fl-Ewropa kollha, il-fannijiet bdew ukoll isibu rwieħom fid-djar tagħna. Qed ngħid tagħna bħala Ewropej mhux bħala Maltin. Id-dawl elettriku f’pajjiżna kien introdott fl-1882, fl-istess sena li beda jaħdem fuq il-fan l-Inġinier Wheeler imma dam ftit mhux ħażin biex inxtered ma’ Malta kollha.

Il-fan kellu suċċes enormi iżda biż-żmien kollox ikollu jwarrab u jagħmel wisa’ għal ta’ warajh. Hekk gralu l-fan meta l-bniedem beda jagħżel li f’daru jkollu l-arja kkondizzjonata. Fis-snin sittin tas-seklu li għadda l-produzzjoni tal-fannijiet ħadet daqqa ’l isfel. Mhux li ma baqgħux jiġu manifatturati imma t-talba għalihom naqset sewwa.
Bil-gass
Fl-1820 ix-xjenzat Inġliż Michael Faraday sab li jekk issir taħlita ta’ Idroġenu u Nitroġenu, dik li tissejjaħ Ammonja, tissaħħan sakemm tevapora, din tkessaħ l-arja ta’ qrib il-kontenitur tagħha. Din l-iskoperta kbira wasslet biex jibda jiġi prodott is-silġ b’mod artifiċjali. Sa dak iż-żmien kienet in-natura biss li l-ilma tibdlu f’silġ.

Minn din l-iskoperta gawdejna bil-kbir. Issa bdejna niffriżaw l-ikel u beda jkollna l-kaxxa tas-silġ id-dar. Il-fridge hija apparat li llum insibuh f’kull dar, imma minn din l-istess skoperta ġawdejna l-benefiċċju tal-apparat tal-arja kkondizzjonata.

Willis Carrier

Forsi hawn min jgħid: dan min hu? U naħseb li jkollu raġun jistaqsi għax huwa l-bniedem li vvinta l-apparat tal-arja kkondizzjonata u forsi ftit li xejn nisimgħu dwaru. L-ewwel apparat minn dan beda jaħdem fis-17 ta’ Lulju 1902. Carrier ħadem dan l-apparat għal stamperija biex tissolva problema li kienet qed toħloq is-sħana fil-proċess tal-istampar. Kien sewwasew fi New York li ntuża l-ewwel apparat bħal dan. Dan ma kienx jikkontrolla biss it-temperatura tal-post iżda jikkontrolla l-umdit
à wkoll, żewġ punti importanti fil-qasam tal-istampar.
L-invenzjoni ta’ dan Carrier tant kienet brillanti li nxterdet mad-dinja kollha, mhux biss fil-qasam industrijali imma wkoll f’dak domestiku. Aktarx li l-ewwel dar fid-dinja li kellha air conditioner kienet ta’ ċertu Charles Gilbert Gates f’Minneapolis l-Istati uniti. Dan kien installat f’din id-dar fl-1914. Ħasra li Gates kien miet is-sena ta’ qabel u kienu l-werrieta li gawdew minn din l-invenzjoni.
Illum dan l-apparat insibu mhux biss fi djarna imma fil-ħwienet, fl-uffiċċji, fil-karozzi, fil-karozzi tal-linja u fil-knisja wkoll.

Imnalla kienu dawn it-talin kollha biex aħna nistgħu ntaffu ftit mis-sħana, li qed tagħmel.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 25 ta' Awwissu 2018


sabato 18 agosto 2018

Anġli


Fi żmien il-festi tal-bliet u l-irħula tagħna spiss naraw statwi ta’ anġli fuq xi pedestall isebbħu t-toroq tagħna u jagħtu bixra festiva lill-ambjent Malti. Imdorijin bl-anġli tal-festa, imma kemm nafu fuqhom sewwasew?

F’bosta tradizzjonijiet reliġjużi, l-anġlu huwa ħolqien spiritwali li xogħlu huwa li jaqdi lil Alla jew lill-allat kif ukoll jista’ jkun għas-servizz tal-bniedem tul il-mixja spiritwali tiegħu f’din id-dinja. Ir-reliġjonijiet kbar kollha, dawk li jemmnu f’Alla wieħed, jemmnu fl-eżistenża ta’ dawn l-ispirti. Għalhekk insibuhom fit-tradizzjoni Lhudija, Nisranija, kemm kattolika, Ortodossa kif ukoll Protestanta u jemmnu fihom ukoll il-Musulmani. Ladarba dawn jemmnu f’dawn l-ispirti qaddisa li qegħdin hemm biex jaqdu lill-ħallieq, jeżisti wkoll it-twemmin dwar dawk l-anġli li rribellaw u spiċċaw imkeċċijin mis-saltna u qegħdin taħt it-tmexxija ta’ Satana.

Anġeloloġija
L-istudju dwar l-anġli jissejjaħ anġeloloġija. F’dan l-istudju nsibu li kull anġlu huwa keatura spiritwali ta’ razza unika. Jiġifieri kull anġlu huwa razza għalih u b’hekk ma jistax jimmultiplika – sewwasew kif qattus u kelb ma jistgħux jipproduċu flimkien għax huma żewġ razez differenti minkejja li t-tnejn li huma jaqgħu taħt il-klassi ta’ annimali. San Tumas ta’ Akwinu fis-Summa Teoloġika jagħtina l-ġerarkija ta’ dawn l-anġli. Fuq nett insibu s-Serafini, il-Kerubini u t-Troni. Warajhom insibu lill-Ħakmiet li San Tumas isejjaħ: Dominazzjoni, Virtù u Setgħat li l-istess qaddis jaħti l-isem ta’ Potestà. Fl-aħħar faxxa nsibu l-Prinċipati, l-Arkanġli u l-Anġli.
Fuq l-istess linja nsibu l-istudju ta’ dawk l-anġli ribelli li tkeċċew mill-ġenna. Dan l-istudju jissejjaħ Demonoloġija. Dan l-istudju nsibuh sew fost l-Insara kif ukoll fost dawk ta’ fidi Lhudija. Min jistudja dan il-qasam ma jfissirx li jkun imsieħeb max-xitan, anzi huwa studju importanti għal-linji gwida tal-Knisja.

Arkanġli
Mal-gradi ta’ fuq nett ftit li xejn għandna familjarità aħna l-bnedmin. Nafu b’xi każi fejn dehru xi serafini, bħal meta San Franġisk irċieva l-pjaġi ġewwa La Verna meta Kristu deherlu bħala serafin, iżda l-aktar li aħna familjai magħhom huma l-Arkanġli. It-tradizzjoni tgħidilna li dawn huma seba’: Mikiel, Gabrijel, Rafel, Urjel, Barakiel, Jeħudjel u Sealtjel. Minn dawn ukoll hemm l-aħħar erba’ li ftit li xejn nafu dwarhom. L-ewwel tlieta nafuhom aktar. 

Mikiel li ismu jfisser: Min hu bħal Alla, insibuh imsemmi b’ismu fl-Ittra ta’ Ġuda [Ġud:1:9]. Huwa dak li ħadha kontra l-anġli ribelli u rebħilhom. Gabrijel ifisser Il-qawwa ta’ Alla. Lil dan l-Arkanġlu nsibuh fil-ktieb tat-Testment il-Qadim ta’ Danjel [Dan:8:16]. Rafel ifisser Alla jfejjaq. Fil-ktieb ta’ Tobit niltaqgħu ma’ dan l-arkanġlu bosta drabi, għalkemm huwa msejjaħ biss anġlu u mhux arkanġlu.

Il-kostodju
It-twemmin tagħna wkoll jgħallimna li kull wieħed u waħda minna għandu Anġlu kustodju, anġlu li Alla jagħti lil kull bniedem biex jigwidah, jieħu ħsiebu u jbegħdu mill-perikli. Dwar dawn l-anġli l-Insara Protestanti ma tantx jaqblu minkejja li ma jinnegawhomx. Santa Ġemma Galgani, il-qaddisa mistika minn Capannori fit-Toscana, tgħid li kienet titkellem mal-anġlu kustodju tagħha. Qaddisin oħra kellhom kuntatt mal-anġlu kustodju tagħhom b’xi mod jew ieħor. Fost dawn hemm San Pietru, San Tumas ta’ Akwinu, San Franġisk ta’ Assisi, San Franġisk ta’ Sales, Santa Franġiska Romana u San Piju ta’ Pietralcina.

Hemm bosta aktar x’wieħed iżid dwar dawn il-ħlejjaq spiritwali, imma hawn tajna ħarsa ħafifa dwarhom.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 19 ta' Awwissu 2018




venerdì 17 agosto 2018

Puerta del Sol


Is-safar huwa mezz li jiftaħlek moħħok għax permezz tiegħu tista’ tiltaqa’ ma’ kulturi ġodda, nies ġodda, tara drawwiet differenti minn dawk li tkun imdorri bihom. Illum is-safar sar faċli ħafna. illum biex issiefer sar aktar faċli milli kien fi żmien il-bużnanna biex tmur sal-Belt!
Bis-saħħa tal-Unjoni Ewropea u aktar tard biż-żona Shengen, l-ivjaġġar f’parti kbira tal-ewropa sar qisu dak li jkun sejjer minn belt għal oħra. Dan ma jfissirx li s-safar tagħna huwa limitat għal din iż-żona biss jew għall-pajjiżi Ewropej biss. Tiskanta kemm hawn min iżur pajjiżi li lanqas qatt ma tkun ħlomt bihom biex ma ngħidx qatt ma tkun smajt bihom. Imma l-aktar popolari magħna l-Maltin jibqgħu l-pajjiżi Ewropej.

Waħda mill-ibliet li saret poplari magħna dawn l-aħħar snin hija Madrid, il-kapitali ta’ Spanja. Sewwasew fil-qalba ta’ din il-belt meraviljuża wieħed isib il-pjazza bl-isem Puerta del Sol. Tajjjeb ngħidu xi ħaġa dwarha għall-benefiċċju ta’ dawk  li xi darba jżuruha u għall-informazzjoni ġenerali ta’ dawk l-oħrajn li ma għandhomx ħajra jmorru sa Spanja.

Pjazza li tissejjaħ bieb?
Puerta del Sol
Puerta del Sol ma tfisser xejn għajr Bieb ix-xemx. Allura għandna mnejn nistaqsu kif il-pjazza tissejjaħ hekk. Isem il-pjazza ġej mill-bieb antik li kien l-ewwel bini ta’ din il-pjazza. Qegħdin nitkellmu fis-seklu XII mhux ilbieraħ! Meta Madrid saret il-belt kapitali Spanjola minflok Toledo fis-seklu XV qrib dan il-bieb bdew telgħin bosta binjiet li kienu jservu għall-amministrazzjoni tal-pajjiż. Billi f’dawn il-binjiet kien hemm dak kollu li l-poplu tal-qrib kien ikollu bżonn, ma damx wisq biex dan il-post sar il-fus tal-ħajja ta’ Madrid. F’din il-pjazza beda jiltaqa’ l-poplu ta’ din il-belt għal kull manifestazzjoni, f’din il-pjazza l-poplu ta’ Madrid beda jsib il-mistrieħ tiegħu u f’din il-pjazza bosta namrati kienu jwegħdu mħabbithom lil xulxin. Fi ftit kliem din il-pjazza saret il-qalba, iċ-ċentru tal-belt kollha.

Aktar tard bdew jinbnew binjiet oħrajn bħalma huwa dak li llum iservi bħala uffiċċju tal-Kunsill li oriġinarjament kien l-uffiċċju tal-posta.

Ħajja
Illum Puerta del Sol hija ċentru ħaj li fih issib minn kollox. It-turisti kollha li jżuru Madrid b’xi mod jew ieħor iżuru din il-pjazza, jew tal-inqas jippruvaw jgħaddu minnha mqar bil-karozza. Meta wieħed jieqaf fiha jsib bosta ħwienet, isib jixtri minn kollox, u meta ngħid minn kollox wieħed irid jifhem li kollox ifisser kollox!! Matul il-lejl hawnhekk isir ċentru ta’ divertiment. Bosta lokali ta’ divertiment huma mifruxin mad-dawra tal-pjazza u fil-qrib tagħha, lokali li jattiraw kull tip ta’ ġenerazzjoni, minn dik żagħżugħa sa dik anzjana. F’Puerta del Sol kulħadd isib fejn jiddeverti. Puerta del Sol huwa l-post l-aktar attiv anke bil-lejl.

L-Ors
L-arma ta' Madrid
Bejn Calle de Alcalá u Carrera de San Jerónim, żewġ toroq li jwasslu għal Porta del Sol, insibu statwa ta’ ors wieqaf ma’ siġra. Bosta jistaqsu x’inhu dan l-ors. L-arma tal-belt ta’ Madrid turi sewwasew ors wieqaf ma’ siġra u dan il-monument juri dak li turi l-arma tal-post. Minkejja li l-pjazza hija waħda antika sewwa, din l-iskultura hija relattivament ġdida. Kienet inawgurata fl-1967 wara li nħadmet mill-artist Spanjol  Antonio Navarro Santafé (1906-1983). Biex ngħidu d-dritt, il-post li fih qegħda llum mhux dak oriġinali minkejja li kienet fl-istess pjazza. Din tpoġġiet fil-post tal-lum fl-1986.

F’din il-pjazza nsibu wkoll il-famuż Kilometru Żero. Minn dan il-post f’din il-pjazza jitkejlu d-distanzi fi Spanja. Meta jgħidu li minn  Madrid sa xi belt oħra Spanjola hemm daqshekk jew daqshell kilometri jkunu bdew jitkejlu minn hawnhekk.

L-aħħar tas-sena
F’din il-pjazza jinġabar il-poplu ta’ Madrid u t-turisti li jkun hemm fil-belt nhar l-aħħar ta’ kull sena. Hawn isiru l-festaġġjamenti biex jagħlqu s-sena li tkun spiċċat u jagħtu merħba lis-sena l-ġdida. Hija drawwa li ftit qabel idoqq nofsillejl jindaqqu tnax-il tokk ta’ qanpiena mill-palazz tal-Kunsill Lokali. Bejn kull tokk ikun hemm bejn wieħed u ieħor tliet sekondi. Hemm drawwa li ma’ kull tokk dawk li jkunu fil-pjazza jieklu għenba. F’nofsillejl fost l-għajat u l-ferħ, max-xampanja u l-briju tinxtegħel tabella bil-kliem “Feliz” u l-annu li jkun beda.

It-tabella famuża 
La qed insemmi t-tabelli ma nistax ma nsemmix tabella famuża li nsibu f’din il-pjazza. Fuq waħda mill-binjiet naraw tabella ġganteska tax-xarba Tio Pepe. Din hija xarba, sherry, li bdiet issir fl-1844. Il-produtturi tagħha ħasbu biex jirreklamaw din ix-xarba fl-aktar parti popolari ta’ Madrid u għamlu din it-tabella fl-1936. Maż-żmien it-tabella saret Land Mark ta’ Madrid. Fl-2011 din it-tabella tneħħiet iżda wara tliet snin reġgħet sabet postha tiddomina din il-pjazza.

Din hija l-qalba ta’ Madrid, il-belt kapitali Spanjola li għandha ħafna u ħafna x’toffri lil min iżurha, imma għandha pjazza bi storja twila li meta wieħed iżur il-belt ikun qed jonqos jekk ma jżuriehx naqra.

Fr Reno Muscat




Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 18 ta' Awwissu 2018



sabato 11 agosto 2018

Wara t-tazza tad-dinja


Ħallejt il-logħob tat-tazza tad-dinja jintemm biex ktibt dak li ġie f’moħħi propju fil-ftuħ ta’ dan il-kampjonat mondjali. Forsi qed taħsbu li ġieni xi ħsieb sportiv imma mhux hekk kien. Nhar ta’ Ħadd nipprova kemm jsita’ jkun il-ktiba tiegħi nagħtiha laqta xi ftit jew wisq spiritwali għax nemmen li f’dan il-jum jixraq hekk. Għal ħsibijiet oħra għandi postijiet oħra fejn niktibhom u nxandarhom! U nistħajjilkom tgħidlu… “kemm se jdum ġej biha. Aqlagħha jekk għandek! Xi ħsieb ġiek fil-ftuħ tat-tazza tad-dinja?”

Il-kosagrazzjoni tar-Russja
Fl-1917 il-Madonna dehret lil tlett itfal rgħajja f’Cova da Iria fir-raħal ta’ Fatima fil-Portugall. F’waħda mis-sitt dehriet hija talbet li r-Russja tkun ikkonsagrata lilha. Minn dik is-sena stess seħħew bidliet u taqlibiet kbar fir-Russja. Fl-Imperu Russu bdiet ir-revoluzzjoni li temmet it-tmexxija taz-Tzar u daħlet il-ħakma Komunista. Il-belt kapitali Russa ma baqgħet San Pietru Burgu imma reġgħet saret Moska kif kienet ftit aktar minn mitejn sena qabel. Anke isem din il-belt inbidel u minflok isem ta’ qaddis ħa isem ta’ mexxej: Leningrad, il-belt ta’ Lenin, fl-1924 mal-mewt ta’ dan il-mexxej. Bdiet tinbena l-Unjoni Sovjetika, supertpotenza li kienet għadha teżisti sa ftit ilu.

Kien f’dan l-ambjent li nhar il-Ġimgħa, 13 ta’ Lulju 1917, il-Madonna talbet li dan il-pajjiż jiġi kkonsagrat lil qalb bla tebgħa tagħha. Bosta jistaqsu: Imma din il-konsagrazzjoni saret jew le?

Il-Papa Piju XII u Papa Pawlu VI
Bosta jsostnu li meta l-Papa Piju XII fil-31 ta’ Ottubru 1942, jiġifieri fl-eqqel tat-tieni gwerra dinjija, ikkonsagra d-dinja kollha lill-Qalb ta’ Marija, kien qiegħed jikkonsagra lir-Russja wkoll. Biss dan l-istess papa għaxar snin wara, proprju fis-7 ta’ Lulju 1952 ikkonsagra lir-Russja lill-Qalb bla tebgħa ta’ Marija. Fl-Ittra Appostolika tiegħu li ġġib l-isem Sacro Vergente anno, jgħid ċar u tond: “. . . bħalma xi snin ilu ikkonsagrajna l-bnedmin kollha lill-Qalb bla tebgħa tal-Verġni Marija, Omm Alla, illum qegħdin nikkonsagraw b’mod speċjali u nafdaw il-popli kollha tar-Russja lil din l-istess Qalb bla Tebgħa. . .” (Epist. apost. Sacro vergente anno paragrafu 9)
Nhar il-21 ta’ Novembru 1964, waqt sezzjoni tal-Konċilju Vatikan II il-Papa Pawlu VI mill-ġdid ikkonsagra lir-Russja lill-Qalb ta’ Marija.

Ġwanni Pawli II u Franġisku
San Ġwanni Pawlu II wkoll ikkonsagra lir-Russja lill-Qalb ta’ Marija aktar minn darba. Sewwasew sena wara l-attentat fuq ħajtu, fit-13 ta’ Mejju 1982, Papa Wojtyla żar Fatima u hemm ikkonsagra lid-dinja kollha, fosthom ir-Russja, lil Marija, iżda billi ħafna isqfijiet ma kinux irċevew l-invit fil-ħin u għalhekk ma attendewx, bosta jsostnu li l-konsagrazzjoni ma tgħoddx. Ta’ din il-fehma kienet ukoll Sor Luċija Santos, waħda li kienet rat lill-Madonna fl-1917. F’Ottubru tal-1983 Papa Ġwanni Pawlu flimkien mal-isqfijiet miġburin f’sinodu reġa’ ġedded din il-konsagazzjoni. Din id-darba anke Sor Luċija qablet li kienet twettqet xewqet il-Madonna. Din is-soru ħarġet din l-istqarrija fid-29 ta’ Awwissu 1989 u qalet li fi ftit żmien se jkun hemm avvenimenti li juru li l-konsagrazzjoni saret. Fid-9 ta’ Novembru tal-istess sena twaqqa l-ħajt ta’ Berlin u f’Diċembru 1991 intemmet l-Unjoni Sovjetika.

Wara dan kollu d-dinja kienet ikkonsagrata mill-ġdid lil Marija fl-1984 mill-Papa Pollakk u fl-2013 mill-Papa Franġisku. Madanakollu għad hawn min issostni li t-talba li għamelt Marija f’Fatima għadha ma ġietx mismugħha!

Kemm mar il bogħod moħħi waqt il-ftuħ tat-tazza tad-dinja!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' Il-Mument - 12 ta' Awwissu 2018





venerdì 10 agosto 2018

Il-ġnien ta’ Hastings


Hekk kif nidħlu mid-daħla tal-Belt u nitilgħu t-taraġ li nsibu fuq ix-xellug dlonk insibu quddiemna ġnien li jiġi fuq is-swar li jġibu l-isem ta’ San Ġwann u ta’ San Mikiel. Il-ġnien isemma Hastings. Hemm leġġenda marbuta ma’ dan il-ġnien li tgħid li dan inbena u tlesta f’erba’ sigħat biss. Iżda din aktarx hija xi ħlieqa tal-Ingliżi biex juru kemm il-Maltin huma bieżla u ladarba jaqbdu jaħdmu ma joqgħodux jitnikkru, tal-anqas hekk kienu fi żmienhom! Min imur f’dan il-ġnien ikun jista’ jgawdi veduta mill-isbaħ tal-Flurjana, l-Imsida tal-Pietà u tal-Port ta’ Marsamxett b’ tas-Sliema il-Gżira u l-Gżira Manwel. Dan kollu minbarra l-kwiet li wieħed isib hemmhekk, ħaġa li ma tantx issibha f’belt kapitali mimlija nies bħalma hija l-Belt Valletta.

Min kien Hastings
Hastings
Francis Edward Rawdon kien bniedem militari u politiku Brittaniku li twieled fl-1754. Fl-1790 huwa żied il-kunjom Hastings ma’ dak tiegħu biex b’hekk setgħet isseħħ ix-xewqa ta’ zijuh, Francis Hastings, li kien ħu ommu, li Francis Edward ikollu wkoll dan il-kunjom bħala sinjal tan-nobbiltà tal-famija li kien ġej minnha.   Huwa ħa sehem fil-Gwerra tar-Revoluzzjoni Amerikana bejn l-1775 u l-1781 u fl-1794 fit-taqbididt tar-Revoluzzjoni Franċiż. Fl-1804, sewwasew meta kellu ħamsin sena huwa żżewweġ lil Flora Campbell, kontessa ta’ Loudoun u minn dan iż-żwieġ twieldu sitt itfal. Bejn l-1813 u l-1823 Hastings serva bħala Gverantur Ġenerali tal-Indja, li bħal Malta kienet kolonja Brittanika. Matul dawn l-għaxar snin Hastings kellu suċċess kbir kemm fit-tmexxija kif ukoll fid-diplomazija. Huwa għamel riforma kbira fis-sistema edukattiva u amministrattiva tal-Indja. Wara ftit li ntemm il-mandat tiegħu mill-Indja bħala Gverantur, il-Kuruna Brittanika għoġobha taħtru Gvernatur ta’ pajjiżna. Dan kien it-tieni Gvernatur ta’ Malta. Fl-1824  beda uffiċjalment il-ħidma tiegħu fostna iżda sentejn wara huwa miet fuq il-vapur HMS Revange li kien ftit il barra mil-golf ta’ Napli. Fuq il-vapur miegħu kien hemm martu li talbet li l-vapur jerġa’ lura Malta kif fil-fatt sar. Il-ġisem bla ħajja ta’ dan il-politiku kbir indifen fil-ġnien fuq is-swar, dak il-ġnien li wara beda jġib ismu. Sal-lum għadna nsibu s-sakofagu tiegħu hemmhekk.

Is-Sette Giugno
Dan il-ġnien ra fih il-monument tal-jum storiku tas-sebgħa ta’ Ġunju 1919, il-jum li fih il-Maltin qamu għad-drittijiet tagħhom, il-jum fejn Maltin bħalna xerrdu demmhom għal Malta, il-jum tal-Martri tal-pajjiż tagħna. Il-monument huwa xogħol tal-artist Malti Anton Agius u kien sar proprju għal Misraħ San Ġorġ. Meta din il-pjazza kienet imsebbħa u restawrata, dan il-monument kien tneħħa u għal xi żmien kien impoġġi f’ maħżen. Kien hemm min garr li avveniment bħalma kien is-Sette Giugno kellu monument fil-qalba tal-Belt Valletta u tneħħa għalhekk ftit wara dan il-monument tpoġġa fil-ġnien ta’ Hastings. Imma x-xorti tiegħu ma kinitx li jibqa’ hemm għaliex mill-ġdid reġa’ tpoġġa fejn kien oriġinarjament, ħaġa li bosta ma jaqblux magħha lanqas għax isostnu li mhux il-post adatt għalih. Tagħmel kif tagħmel taqlagħha dejjem!

Monument mill-Armenja
Fl-2009 f’dan il-ġnien tpoġġa munument mhux kbir wisq imma li fih sinifikat kbir. Dan il-monument sar biex jintradd ħajr tal-għajnuna li l-komunità Armena f’Malta minn dejjem sabet. Forsi naħsbu li r-relazzjonijiet bejn Malta u l-Armenja huma xi ħaġa tal-lum iżda mhux hekk. Sa minn żmien il-Kavallieri kien hemm Armeni li ġew Malta u sabu xortihom hawnhekk. Illum ftit biss għadhom iqisuhom Armeni għaliex bosta oħrajn tant integraw fil-ħajja Maltija li saru Maltin u forsi hawn bosta dixxendenti tagħhom li lanqas biss jafu li għandhom għeruq Aremni.

Ponsonby
Ponsomby
Minkejja li mhux fil-ġnien, iżda ħdejh, tajjeb insemmu il-bażi ta’ kolonna li tfakkar lil Gvernatur ieħor ta’ Pajjiżna, Frederick Cavendish Ponsonby. Xi darba kien hemm kolonna biex tfakkar lil dan il-bniedem li bejn l-1827 u l-1835 kien ir-rappreżentant tal-kuruna f’pajjiżna. (Bejn Hastings u Ponsonby kien hemm Alexander George Woodford) Il-monument ta’ dan il-bniedem jinstab sewwasew barra l-ħitan tal-ġnien ta’ Hastings. Din il-kolonna kienet twaqqfet fl-1838, sena wara mewtu. Waqt maltempata qalila li ħakmet lil gżiritna fl-1864 din il-kolonna intlaqtet minn sajjetta u waqgħet. Fadal biss il-biċċa ta’ isfel.

Minkejja li dan ma huwiex xi ġnien enormi li wieħed irid is-sigħat biex iduru, xorta huwa sabiħ ħafna u għandu dak li forsi ġonna oħra fil-Belt Valletta ma għandhomx, fih il-kwiet. Hemmhekk wieħed jista’ jitla’ jistriħ. Hemmhekk wieħed jista’ jmur u minbarra li jkun jista’ jara parti kbira minn Malta, jkun ukoll jista’ jinsa d-dinja warajh għal ftit għax hemm tista’ ssib paċi li mhux faċli ssib xi mkien fil-Belt Valletta.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 11 ta' Awwissu 2018







venerdì 3 agosto 2018

Sudoku


Niftakar meta kont għadni nistudja Napli, filgħaxija konna niltaqgħu fis-sala tat-televiżjoni biex naraw l-aħbarijiet, jew naqraw il-gazzetta, ngħidu kelma jew nieħdu grokk flimkien. JIen u nqalleb il-gazzetti kont nara logħba li mhix tisliba jew xi ħaġa simili, kaxxa li fiha jkollha disa’ kaxxi weqfin u disa’ kaxxi mindudin jiġifieri wieħed u tmenin kaxxi u mbagħad kull disa kaxxi, tlieta wiefqa u tlieta minduna, jiffurmaw kaxxa oħra li flimkien jiffurmaw disa’ kaxxi b’disa’ kaxxi. Naqra ikkomplikata l-biċċa jekk ma tkun qatt rajt din il-logħba. Staqsejt x’inhi u ma kienx hemm wisq min jaf x’kienet, iżda wieħed student qalli: “Dik Sudoku, trid timla l-kaxxi z-zgħar bin-numri mill-1 sad-9 bla ma jkunu rripeturi, u dan mhux kollox, kull linja, wieqfa jew minduda jrid ikun fiha n-numri mill-1 sad-9 bla ma jkun hemm l-ebda numru rripetut.” Ħsibt li kienet ħaġa tqila ħafna, imma dan il-ħabib poġġa ħdejja u bdejna naħdmu din il-logħba flimkien.

Ikolli ngħid li għoġbitni, anzi nkun aktar sinċier jekk ngħid li sirt adict għaliha u ta’ kull filgħaxija kont immur fis-sala fejn sħabi, niftaħ il-gazzetta u noqgħod naħdem is-Sudolu. Tant kont sirt inħobbha din il-logħba li darba s-surmast kien ġibidli l-attenzjoni u qalli li filgħaxija qatt ma nkun magħhom. Meta għidtlu li kellu żball qalli li nkun fis-sala magħhom imma l-preżenza tiegħi tkun finta, għax inkun mitluf fis-Sudoku. Ikolli nistqarr li wara tant snin din il-logħba loġika għadha taffaxxinani u kif nara waħda quddiemi dlonk infittex lapes bies nibda naħdimha.
Il-logħba fil-ġurnal Le Siècle 

Dan l-aħħar ġietni l-kurżità dwar din il-logħba u fittixt ftit dwarha. Billi llum anke fil-ġurnali Maltin insibu s-Sudoku, nixtieq naqsam magħkom ftit tagħrif dwarha.

Oriġini
L-ewwel forma ta’ din il-logħba bdiet tidher fil-ġurnal Franċiż  Le Siècle lejn tmiem is-seklu XIX, sewwasew fid-19 ta’ Novembru 1892. Din ma kinitx is-Sudoku tal-lum, imma nistgħu ngħidu li tat bidu għaliha. Ftit snin wara, nhar is-6 ta’ Lulju 1895, gazzetta Franċiża oħra, kompetitriċi ma’ dik li għadni kemm semmejt, ħarġet b’logħba aktar raffinata. Il-logħba fil-gurnal La France kienet aktar tixbah lis-Sudoku li nilgħabu aħna llum. Dawn il-logħbiet kienu jidhru fil-gazzetti Franċiżi darba f’ġimgħa u bosta ġurnali oħrajn bdew huma wkoll jippubblikawhom, iżda bejn l-ewwel u t-tieni gwerra dinjija ma bqajniex naraw aktar minn dan il-logħob fuq il-gazzetti. Tajjeb ngħidu wkoll li dan il-logħob kien jissejjaħ Carré magique, jiġifieri kwadru maġiku.

Sudoku moderna
Sudoku f'ġurnal Malti
Il-logħba tal-lum bdiet tidher fuq ġurnal Amerikan fl-1979. Kien l-Arkitett irtitrat  Howard Garns li ta’ 74 sena beda iforni lil dan il-ġurnal b’din il-logħba. Garns miet fl-1989 mingħajr ma laħaq ra l-logħba tiegħu ssir fenominu internazzjoanli. Lanqas nafu jekk hu kienx jaf bil-ġurnali Franċiżi li madwar mitt sena qabel kienu jippubblikaw l-antenati tal-logħba tiegħu. Isem il-logħba issa kien sar Number Place.

Fl-1984 il-logħba kienet introdotta fil-Ġappun mill-ġurnal Monthly Nikolist. L-isem ġdid tagħha sar Sūji wa dokushin ni kagiru li jfisser In-numru jrid ikun wieħed biss. Iżda dan l-isem kien twil wisq u għalhekk l-editur tal-ġurnal ħa l-ewwel ittri tal-aktar kelmiet importanti fl-isem u temm bl-U minflok bl-A u hemmhekk twieldet il-kelma Sudoku. Min hawn din il-logħba ħadet isimha, isem li tafu d-dinja kollha.

Madwar id-dinja
Il-ġurnali Ingliżi minn dejjem kienu magħrufin għat-tislibiet li jkollhom fihom. Nhar it-12 ta’ Novembru 2004 The Times Ingliża bdiet tippubblika din il-logħba b’mod regolari bl-isem ta’ Su Doku. Il-logħba dlonk intgħoġbot mill-qarrejja u fi ftit ġimgħat kull ġurnal Ingliż beda jkollu s-Sudoku fih. Il-ġurnali Ingliżi jkollna nammettu li għadhom sal-lum jinfluwenzaw il-ġurnaliżmu globali u għalhekk ma setax jonqos li xi ħaġa li kisbet daqstant suċċess fl-Ingliterra ma tkunx ikkupjata mill-ġurnali tad-dinja.
Sudoku online

Kien hawn li jien sirt midħla ta’ din il-logħba, kont insibha fil-ġurnal La Repubblica. U pajjiżna mhux eċċezzjoni. Kull ġurnal Malti llum issiblu s-Sudoku, hawn minnhom li jkollhom waħda kuljum u hawn oħrajn li fihom ma ssibhiex daqshekk spiss. Minbarra dan, illum issib kotba li jkun fihom Sudoku biss, mijiet ta’ logħbiet fi ktieb wieħed. Dawn il-kotba huma adattati ħafna għal waqt xi vjaġġ fit-tul, fuq il-ferrovija jew fuq xi coach. Illum issib is-Sudoku anke fuq l-internet. Insibu wkoll varjazzjonijiet tal-logħba imma l-bażi hija dejjem l-istess.

Hawn jiġi f’moħħi Patri Ġorġ Grech, Alla jaħfirlu. Meta kont il-kunvent tal-Birgu u ta’ kull filgħodu mal-kafè kont noqgħod naħdem is-Sudoku, kuljum preċett kien jistaqsini jekk dik il-puzzle hix bil-Malti jew bl-Ingliż. Miskin kien jinsa!

X’dinja wara daqxejn ta’ logħba għandek tgħid hux?

Fr Reno Muscat

Dan l-artikluj deher f'In-Nazzjon - 4 ta' Awwissu 2018







mercoledì 1 agosto 2018

Knisja jew kappella


Kull twemmin reliġjuż għandu dak il-bini jew tal-inqas post li għalih huwa sagru, huwa l-post fejn tiġi eserċitata l-fidi. Hekk insibu li t-tempju kien l-aktar post qaddis għal-Lhud imma mbagħad kellhom, u għad għandhom is-sinagogi. Għall-Insara hemm il-knisja, imma xi drabi nitħawdu meta nsemmu ismijiet differenti għal postijiet fejn isir il-kult Nisrani; knisja, kappella, santwarju, katidral, bażilika, kolleġġjata,oratorju. Dawn huma kollha ismijiet li jirreferu għal xi post fejn fih l-Insara jinġabru biex iqimu lil Alla. Malta ma għandiex id-drawwa li nsejħu xi knisja Duomo bħalma hemm fl-Italja. Jiġri li ħafna drabi nistaqsu meta għandna nsejħu post knisja u meta tkun kappella.

Ismijiet
Minkejja li l-ilsien Malti huwa wieħed semitiku madanakollu t-terminoloġija, il-kliem li nużaw fejn tidħol il-Knisja u t-twemmin Nisrani huwa fil-parti l-kbira tiegħu Romanz, ġej mit-Taljan. Dan wieħed malajr jifhmu għaliex l-ilsna Semitiċi aktarx huma marbutin mat-twemmin Musulman filwaqt li l-ilsna Romanzi aktar huma marbutin mal-Kristjaneżmu. Biss noqgħodu attenti għax din hija t-tendenza u mhux ir-regola.

Knisja parrokkjali ta' San Pawl ir-Rabat
Il-kelma <<Knisja>> aktarx ġejja mill-Grieg Κυριακή (kyriake) li ġejja mill-kelma  κυριακός (kuriakós) li tirreferi għal xi ħaġa li hija tal-Mulej. Κυριακή tfisser ukoll il-jum tal-Ħadd, il-jum tal-Mulej. Din il-kelma inbidlet skont il-post imma ħafna jsostnu li l-għeruq tagħha huma dawk Griegi. Irridu nżommu f’moħħna wkoll li bil-kelma knisja nistgħu nifhmu dik l-għaqda li waqqaf Kristu kif ukoll l-edifiċju fejn isir il-kult. Għal-Latini l-Knisja ta’ Kristu kienet Ecclesia filwaqt li l-post fejn jiltaqgħu kien jissejjaħ Domus, li tfisser dar għax fil-verità l-ewwel Insara ma kellhomx knejjes fejn jiltaqgħu imma kienu jiltaqgħu f’xi sala ta’ dar mislufa lilhom minn xi għani. Illum niddistingwu l-Knisja ta’ Kristu mill-knisja tal-ġebel billi l-ewwel waħda niktbuha b’K kbira filwaqt li l-oħra tinkiteb b’k żgħira. Anke l-kelma latina kienet ġejja mill-Grieg εκκλησια, (eklesia). L-influwenza ta’ din il-kelma nxterdet sewwa kif inxtered ukoll it-tagħlim Nisrani. Fid-dinja Ġermanika l-kelma saret Kirika jew Kerke, illum bil-Ġermaniż kirche, bl-Olandiż kerk u bl-Ingliż church. Fid-dinja Latina l-kelma ecclesia baqgħet tiddomina u għalhekk insibu li fit-Taljan din il-kelma saret chiesa, fil-Franċiż église u fl-Ispanjol iglesia. Il-Malti nassumi li ħa l-isem mill-Grieg għalkemm fl-Għarbi il-kelma għal knisja hija  كنيسة, (kenisa). Hu x’inhu l-għeruq kollha qegħdin fl-ilsien Grieg.

Knisja wkoll hija kull bini li jservi ta’ post ta’ kult ċentrali għall-parroċċa. Kull parroċċa għandha l-knisja parrokkjali li fiha jsiru l-magħmudijiet u għalhekk ikollha l-fonti batteżimali, iż-żwiġijiet u l-funerali minbarra s-sagramenti l-oħra kollha. Magħmudijiet jistgħu jsiru barra mill-knisja parrokkjali nhar Sibt il-Għid, iżda tiġijiet jistgħu jsiru fi knejjes oħra fil-parroċċa li jkunu sagramentali, jiġifieri jkollhom pemess li fihom jiġi ċċelebrat is-sagrament taż-żwieġ. Funerali aktarx isiru fil-knejjes parrokkjali iżda ġieli jkun hemm każi fejn ma jsirx hekk. Il-Griżma tal-Isqof normalment issir fil-knisja parrokkjali iżda jista’ jkun hemm eċċezjonijiet.

Kappella
Il-kelma kappella li wkoll tintuża għal xi bini li fih issir il-liturġija ġejja mill-Franċiż chapele li fl-aħħar mill-aħħar ġejja mil-Latin cappella li tflisser kappa żgħira. Kappa żgħira jew chapele kien il-mantell ta’ San Martin ta’ Tours li qasam mal-fqajjar inċerċer li kien ra fit-triq. Hawn mhux sejrin noqghħodu nidħlu fl-istorja ta’ San Martin u x’rabta kellu mat-twelid tal-kelma chapele. Kappella oriġinarjament kienet tirreferi għal post fi knisja li fih kienu jinżammu r-relikwi tal-qaddisin. Illum għadna nsibu kappelli laterali fil-knejjes tagħna kif ukoll il-kappella tas-sagrament.

Kappella taċ-ċimiteru tal-Addolorata
Kappella aktarx tkun tagħmel parti minn xi bini ieħor. Għalhekk insejħulhom hekk il-kappella tal-isptar, il-kappella taċ-ċimiterju, il-kappella tal-ħabs, il-kappella tal-ajruport eċċetra, huma knejjes li nsibuhom f’bini akbar. Kappella wkoll tissejjaħ dik li fiha jsiru l-konklavi biex jintgħażel papa ġdid. Il-kappella Sistina fil-palazzi tal-Vatikan tagħmel parti minn bini akbar. Imma mhux l-istess meta niġu biex nirreferu għall-knejjes konventwali jew li jkunu parti minn xi kunvent tal-patrijiet. Dawn ma nsejħulhomx kappella imma knisja bħal pereżempju l-knisja ta’ San Mark ir-Rabat, il-knisja tal-Kapuċċini l-Furjana jew il-knisja ta’ San Franġisk ta’ Putrijal. Dawn huma knejjes li jagħmlu parti minn binja akbar.

La qed insemmu l-kunvneti tajjeb nagħmlu d-distinzjoni bejn kunvent u monasteru. Sa żmien San Franġisk u San Duminku, (seklu XIII) kienu jeżistu biss monasteri. Monasteru huwa l-post għall-irħieb, dawk li jgħixu ħajja axxetika u spiss f’iżolament. Monasteru ġejja minn Mono stare, toqgħod waħdek. Fil-monasteri l-irħieb kien ikollhom speċi ta’ appartament kull wieħed, b’biċċa art biex jaħdmuha u jgħixu għal rashom minkejja li jkunu f’binja waħda bħal ma kienu u għadhom xi wħud mill-Benedittini. Monasteru jissejjaħ ukoll il-post fejn joqgħodu s-sorijiet tal-klawsura. Kunventi bdejna nsibuhom mat-twaqqif tal-Franġiskani u d-Dumnikani, issa nbdiet forma ġdida ta’ ħajja flimkien, con vivere, tgħix flimkien, kliem li minnu ħarġet il-kelma <<kunvent>>. Mela l-patri joqgħod fil-kunvent, ir-raħeb joqgħod fil-monasteru imma billi hawn Malta ma għandniex irħieb lanqas għandna monasteri maskili iżda għandna monasteri ta’ sorijiet tal-klawsura bħal pereżempju ta’ Sant’ Ursula l-Belt jew  ta’ Santa Skolastika fil-Birgu.

Knejjes żgħar
Kappella ta' San Ġorġ Birżebbuġa
F’pajjiżna hawn numru kbir ta’ kappelli fil-kampanja. Minkejja li dawn ma jagħmlux parti minn xi binja akbar xorta waħda ma nsejħulhomx knisja. F’dan il-każ għandna t-tendenza li nsejħulhom kappelli minħabba d-daqs tagħhom. Ġeneralment il-kappelli fil-kampanja tagħna huma ċkejknin u kienu jservu biss biex lill-bdiewa u lir-raħħala li kienu jgħixu bogħod mill-parroċċa sabiex dawn kienu jkunu jistgħu jsibu fejn jaqdu l-ħtiġijiet spirtwali tagħhom. Illum xi wħud minn dawn il-kappelli ma għadhomx fl-imwarrab u sabu ruħhom fil-qalba tal-belt jew raħal li sekli ilu kien jidher imbiegħed.

Iżda kappelli żgħar ma jinstabux biss fil-kampanja. F’bosta rħula qodma Maltin insibu għadd ta’ knejjes żgħar fil-qalba. Araw ir-Rabat, Ħaż-Żebbuġ, Ħal Qormi jew iż-Żejtun. Kemm kappelli hemm fil-qalba ta’ dawn l-irħula antiki? Bosta minnhom inbnew bħala wegħda minn xi familja nobli.
Xi kappelli ngħidu li huma ġuspatronat. Dan iffisser li dak il-bini jkun inbena minn xi ħadd u ħallieh lill-familja tiegħu biex tieħu ħsieb hi u għalhekk il-binja ma tkunx parti mill-parroċċa. Eżempju ta’ dan insibu l-kappella tad-Duluri f’ Ħaż-Żebbug u dik ta’ San Franġisk ta’ Pawla f’ Ħal Qormi. Bħal dawn insibu bosta oħrajn.

Aktar kappelli
Jissejħu kappelli wkoll dawk il-knejjes żgħar li fihom issir adorazzjoni matul il-ġurnata kollha. Dawn jistgħu jkunu jew xi kappella antika li lum qed isservi għal dan il-għan bħal dik ta’ Sant’ Antnin u Santa Katarina f’Birkirkara u ħafna oħrajn jew binja ġdida li nbniet għal dan il-għan jew infetħet għal dan il-għan bla ma qatt kienet kappella, bħalma nsibu Tal-Pietà ħdejn il-knisja parrokkjali tal-Madonna ta’ Fatima jew Ħaż-Żebbuġ dak li huwa maghħruf bħala ċ-Ċenaklu.  Dawn ukoll jissejħu kappelli, kappelli tas-sagrament.  Kappelli jissejħu wkoll dak il-postijiet ġodda li qegħdin iservu lill-poplu li jgħix qribhom. Bħala eżempju nistgħu nsemmu dik ta’ Mlit fil-Mosta jew tas-Sagra Familja f’Ħal Qormi.

Mhux faċli tgħid eżatt id-differenza bejn kappella u knisja għax it-tnejn iservu għall-istess għan imma kif rajna hemm anke rwoli differenti.

Tafu li lanqas l-enċiklopedija ma tagħti definizzjoni eżatta tad-differenza bejn kappella u knisja!


© Fr Reno Muscat

Monasteru Santa Skolastika Birgu





















Kunvent San Duminku Rabat













Kappella Tal-Adorazzjoni B'Kara
(Sant; Antnin u Santa Katarina)