Dan l-aħħar ftit li xejn
għadna nitkellmu jew naħsbu dwar xi safra li nkunu qed nippjanaw. Il-pandemija
li għaddejjin minnha bħalissa ftit li xejn ħalliet fina ħajra biex nitilqu ’l
barra minn pajjiżna minkejja li l-port u l-ajruport huma miftuħin.
Ir-restrizzjonijet iżommuna, iżda żgur ma jistgħux iwaqqfuna milli nimmaġinaw,
milli naħsbu u milli nippjanaw għal xi safra ladarba l-imxija tal-Covid19 tkun
ħaġa tal-imgħoddi.
Il-katidral u l-palazz papali |
Ftit storja
Viterbo hija belt antika ħafna. Isimha aktarx ġej mil-Latin, Vetus Urbs
li tifsser belt qadima. Fil-fatt din il-belt tista’ tiftaħar li fiha traċċi
taż-żmien neolitiku. Fi żmien l-Etruski aktarx li kienet bażi mill-aktar qawwija
ta’ dan il-poplu. Ir-Rumani wkoll ħadu din il-belt f’idejhom u hemmhekk waqqfu
bażi militari bl-isem Castrum Herculis. Dan l-isem ingħata għall-fatt li
fil-qrib kien hemm tempju ddedikat lil alla Ercole. Sal-lum fuq l-arma ta’
Viterbo għadna naraw iljun. Dan is-simbolu ilu ġej minn dawk iż-żminijiet.
Billi Ercole kien jingħad li kellu saħħa kbira, jew aħjar saħħa ta’ ljun, din
il-belt żammet dan l-annimmal b’saħħtu fuq l-arma tagħha.
Fil-bidu tat-tieni millenju Viterbo kienet imdawra bis-swar u għalhekk fiha
bdew jinbnew palazzi u djar ta’ bosta nies nobbli. Il-preżenza ta’ dawn
il-familji nobbli wasslu wkoll għal bosta tilwim, biex ma nsejħulhomx battalji
jew gwerer. Għal madwar 24 sena din il-belt kienet il-belt li fiha jgħix il-Papa.
Matul dawn is-snin il-belt laħqet l-isplendur massimu tagħha. Ma jistax jonqos
ladarba l-kap tal-Knisja Kattolika kien jgħix hemmhekk, il-belt kienet tilqa’
fiha dinjitarji diversi u għalhekk kien meħtieġ ikollha postijiet adattati għal
dawn l-iskop.
Mat-tmien tar-residenza papali, Viterbo bdiet titlef mill-importanza tagħha
imma mhux minn sbuħitha. Il-Franċiżi attakkaw u ħakmu din il-belt iżda nħelset
mir-Re Ferdinanadu IV ta’ Napli meta dan ħa taħt idejh Ruma. Rat bosta taqlib
fi żmien l-unifikazzjoni tal-Italja. Fit-tieni gwerra dinjija Viterbo kienet
maħkuma mill-Ġermaniżi fl-1943.
Papa f’Viterbo
Diġà semmejt li Viterbo kienet tospita lill-papa għal kważi 24 sena. Kienu tmien papiet li mexxew il-Knisja minn din il-Belt. Kien il-Papa Alessandu IV li mar jgħix fil-palazz papali ta’ Viterbo. Dan il-papa miet fl-1261. Dik is-sena stess intgħażel biex imexxi d-dgħajsa ta’ Pietru Urbanu IV. Il-kurja Rumana ħalliet għal ftit Viterbo u reġgħet bdiet taħdem minn Ruma, iżda ftit xhur wara kulħadd reġa’ lura lejn Viterbio. Fis-sena 1265 beda jmexxi l-Knisja l-Papa Klement IV. Kien dan il-papa li ħa ħsieb li jinbena l-palazz papali ta’ Viterbo li għadna naraw illum. Dan il-papa miet fl-1268. Bħalma jsir wara kull mewt ta’ papa, inġabru l-kardinali biex jeleġġu suċċessur. Hawn beda dak li baqa’ magħruf bħala l-itwal konklavi fl-istorja tal-Knisja Kattolika. Il-konklavi kien beda fit-28 ta’ Novembru 1268 u ntemm fis-27 ta’ Marzu tas-sena 1272. Tul dawn is-snin ta’ konklavi kien hemm xi kardinali li mietu waqt li kien għaddej. Intant fl-aħħar intgħażel il-Papa Gregorju X. Il-papi li baqgħu jmexxu minn Viterbo kienu Innoċenz V li mexxa għal madwar sitt xhur fl-1276, Adrijanu V li mexxa għal ftit aktar minn xahar fis-sena 1276 ukoll, Ġwanni XXI, kien papa għal tmien xhur. Il-Papa Nikol III kien elett fil-konklavi li sar f’Viterbo fl-1277 u kien il-Papa li temm it-tmexxija tal-papa minn din il-belt.
Ta’ min iżur
Bħalma tistgħu taħsbu din hija belt b’rabta diretta mat-tmexxija tal-Knisja
u għalhekk wieħed isib bosta postijiet li jista’ jżur. Bla dubju wieħed ma
għandux jitlef li jżur il-palazz papali, li jinsab sewwasew ħdejn il-katidral
tal-belt, iddedikat lil San Lawrenz. Waħda mill-eqdem knejjes fil-belt hija dik
li tissejjaħ Santa Maria Nuova. F’din il-knisja wieħed jista’ jara għadd ta’
pitturi fosthom trittiku antik ħafna. Il-knisja ta’ San Silvestru wkoll hija
antika ħafna u tissemma minn Dante fid-Divina Commedia. Wieħed jimxi u jitpaxxa
bil-ġmiel u bl-istorja.
Ladarba tkun hemm u l-istonku jibda jurik li wasal il-ħin biex timlih,
tista’ żżur wieħed mir-ristoranti li joffru paltti tipiċi bħal soppa msejħa Acquacotta
jew il-Coregone, kif ukoll idduq il-ħobż bnin li jagħmlu l-furnara tal-belt.
Viterbo tinsab qrib Ruma imma għandha
ruħ u qalb differenti għal kollox.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 31 ta' Ottubru 2020