venerdì 28 maggio 2021

Ġurnata Sqallija

 

Bosta minna ilna nistennew li nkunu f’qagħda li nagħmlu safra mqar qasira. Sqallija hija destinazzjoni qrib u interessanti ħafna jekk wieħed jagħraf jorganizza l-btala tiegħu. Wieħed jista’ anke jmur jum wieħed biss u jgawdi mis-sbuħija ta’ din il-gżira ġara tagħna. Sfortunatament għal ħafna minna l-Maltin, Sqallija hija s-suq ta’ Catania u xiri minn ċentri kummerċjali kbar. Tassew li tista’ tmur ġurnata biex tixtri imma tista’ wkoll tmur iżżur postijiet tabilħaqq meraviljużi u tkun għamilt jum vaganza mill-aqwa. Hawn ser insemmi xi postijiet li wieħed jista’ jżur fi Sqallija anke f’jum wieħed biss.

Chiaramonte Gulfi

Bosta jsejħu lil Chiaramonte Gulfi bħala il Balcone di Sicilia, il-gallarija ta’ Sqallija, minħabba l-pożizzjoni manifika tiegħu u għall-veduta li joffri. Dan il-villaġġ sabiħ, li jinsab fuq il-Muntanji Iblei, jinsab 15-il kilometru bogħod minn Ragusa u huwa famuż għall-gastronomija tiegħu, għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa u għall-ħafna mużewijiet li fih. Jekk tippreferi ma tidħolx f’mużewijiet u tibqa’ barra, tista’ tagħmel dawra mat-toroq dojoq taċ-ċentru storiku. Fittex il-knisja sabiħa ta’ Santa Maria La Nova fi Piazza Duomo, u tara l-faċċata Rinaxximentali tagħha. Fil-parti medjevali ssib il-knisja ta’ San Giovanni u l-knisja ta’ Santa Maria del Gesù li wkoll tajjeb wieħed iżurhom. Ta’ min jara wkoll il-knisja ta’ San Vito. Titlaqx minn Chiaramente Gulfi mingħajr ma tkun ħarist minn fuq il-muniċipju jew mill-belvedere għax minn dawn il-punti panoramiċi tista’ tammira l-kampanja ta’ Ragusa kif ukoll tara l-Baħar blu Mediterran. Minn hawn tara sewwa l-vulkan Etna.



Fuq il-mejda

Chiaramonte Gulfi huwa famuż għaż-żejt eċċellenti tiegħu u l-inbid li jipproduċi. Iż-żejt taż-żebbuġa pur huwa eċċellenza tal-post li ma għandekx titlef: idduqu fuq kisra ħobż moħmi d-dar. Emmnuni, il-kliem jew il-kitba ma jistgħux ifissru t-tjubija ta’ dan iż-żejt.

Meta tkun qed tiekol, staqsi għal xi flixkun inbid Nero d’Avola, Insolia jew Cerasuolo. Dawn huma l-aħjar inbejjed li toffrilna ż-żona. Fl-għoljiet tal-qrib, jitkabbar ukoll għeneb tal-mejda mill-itjeb li jekk ikun żmienu ta’ min iduqu wkoll. Il-kċina ta’ Chiaramonte toffri prodotti tipiċi fit-togħma. Il-majjal huwa l-ispeċjalità tal-post. Fir-raħal il-majjal huwa mkabbar u magħmul zalzett, kustilji mimlijin u salami. Iz-zalza tal-majjal takkumpanja r-ravjul tal-irkotta, dixx tipiku mill-itjeb, tipiku ta’ Ragusa. Billi dan huwa raħal tal-muntanji issib fih ħafna faqqiegħ u ġobon.

Noto

Bla dubju Noto, belt fil-provinċja ta’ Sirakuża, hija waħda mill-waqfiet obbligatorji fi vjaġġ lejn il-Lvant taSqallija. Huma bosta dawk li jsejħu lil din il-belt bħala “il-ġnien tal-ġebel” sewwasew kif kienet deskritta mill-kritiku tal-arti minn Siena, Cesare Brandi. Noto huwa meqjus bħala l-kapitali tal-Barokk Sqalli, il-wirt artistiku u storiku kbir li fih ġie nkluż fil-lista tal-Wirt Dinji tal-UNESCO.

Din hija belt li ġiet mibnija mill-ġdid wara t-terremot tal-1693, il-parti l-ġdida kienet mibnija fuq iċ-ċentru abitat ta’ qabel, magħruf bħala Noto tal-qedem. Ir-rikostruzzjoni ġibet l-attenzjoni ta’ artisti u periti ta’ importanza kbira, li għażlu l-istil Barokk għall-bini mill-ġdid tal-belt ta’ Noto.

Dawra f’Noto tibda b’kolazzjon f’xi wieħed mill-bosta kafejiet li hemm u wara tajjeb wieħed iżur Palazzo Nicolaci, ir-residenza antika tal-Prinċpijiet ta’ Noto b’faċċata li tiġbed l-għajn u bi swali ġewwa fih li jisirqu l-qlub. Jekk imbagħad timxi tul Via Nicolaci ssib ruħek quddiem il-knisja eleganti ta’ San Carlo bil-kampnar sabiħ tagħha, li huwa possibbli li titla’ fuqu, u minn hemm fuq tkun tista’ tara l-Katidral ta’ Noto. Ma jistax jonqos milli żżur dan il-katidral meqjus bħala s-simbolu tal-belt u magħruf mill-istudjużi bħala l-bini emblematiku tal-Barokk fl-Italja. Jekk wieħed ikollu aktar ħin tajjeb imur iżur Palazzo Ducezio, li jservi bħala uffiċju tal-kunsill lokali tal-belt. Ma għandhiex tintilef dik li tissejjaħ la sala degli specchi “is-sala tal-mirja” li, grazzi għall-illużjonijiet tidher enormi. Fl-aħħar taż-żjara, dejjem nimxu tul Corso Vittorio Emanuele sabiex nidħlu fil-Mużew Ċiviku, fejn tinżamm varjetà kbira ta’ sejbiet arkeoloġiċi, li ġejjin ukoll mill-belt ta’ Eloro. Dejjem inħarsu lejn il-lemin, lejn il-Villa Comunale, ikun possibbli li naraw mill-bogħod il-Bieb Irjali, mibni fl-okkażjoni taż-żjara fil-belt ta’ Federiku II.


X’nieklu?

Meta tiekol f’Noto jkun ifisser li dduq il-vera togħmiet tal-art u l-baħar ta’ Sqallija. Noto għandu għażla kbira u varjata ta’ platti u prodotti u huwa meqjus bħala l-ġenna tal-art għal dawk li jħobbu l-ikel tajjeb. Ir-ristoranti kollha f’Noto joffru lill-klijenti tagħhom kemm platti fuq bażi ta’ ħut kif ukoll platti bbażati fuq il-laħam imsajra bi prodotti u materja prima tal-ogħla kwalità li jiġu esklussivament mill-baħar, mill-irziezet u mir-raba’ tal-madwar.

Ġurnata Sqallija tista’ toffri waqfa qasira mir-rutina ta’ kuljum bi ftit spejjeż u fl-istess waqt tkun waqfa kulturali li fiha wieħed jiekol ikla tajba wkoll. Le Sqallija mhix biss xiri, Sqallija hija art tal-meravilji, ħasra li ninsabu daqstant qribha u ftit nafu dwarha!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 29 ta' Mejju 2021



sabato 22 maggio 2021

Is-safar illum

 

Aktar ma jersaq is-sajf aktar moħħna jibda jaħseb dwar xi destinazzjoni li nkunu nixtiequ nżuru. Ikollna nammettu li l-pandemija ħarbtet il-pjanijiet kollha li kellna. Ħafna minna ilna bix-xewqa li nagħmlu safra tajba biex nistrieħu ftit jew naqtgħu mir-rutina ta’ kuljum imma kellna nibqgħu bix-xewqa. Issa jidher li hemm xaqq ta’ dawl li bil-mod il-mod nibdew resqin lura lejn il-ħajja li konna ngħixu sa sena u nofs jew sentejn ilu. Ma nistgħux niġru għax il-virus għadu jdur u jħuf madwar id-dinja u ma nistgħu qatt nobsru x’ser ikollna ’l quddiem. Kważi kważi bilkemm nistgħu nipprogrammaw minn jum għal jum aħseb u ara għal żmien aktar imbiegħed. Biss ejjew ma naqtgħux qalbna.

Inżommu l-miżuri ta’ mitigazzjoni

Jekk niddeċiedu li dan is-sajf immorru xi vaganza barra minn Malta rridu nkunu lesti li naċċettaw bosta bidliet li qatt ma konna nobsruhom. Sa sentejn jew tlieta ilu konna naraw xi turisti Ażjatiċi, l-aktar Ċiniżi, liebsa l-maskri. Ma kinitx xi ħaġa komuni imma lanqas nistgħu ngħidu li hija ħaġa li qatt ma rajnieha. Illum ilkoll kemm aħna rridu nilbsu l-maskra. X’differenza tagħmel jekk tibqa’ Malta u tmur xi mkien barra d-dar u jekk issiefer? Il-maskra trid tinlibes dejjem sew jekk issiefer sew jekk le. Mela hawn qed naraw punt ta’ bidla li żgur qabel qatt ma ħlomna bih. Parir tajjeb huwa li minflok maskra waħda nilbsu tnejn. Nipproteġu lilna nfusna u lill-oħrajn. L-istess ngħidu għall-indafa. Illum drajna li mmorru fejn immorru rridu nġorru magħna flixkun sanitizer. Bosta minna kienu jġorru flixkun minnu anke qabel il-pandemija. Niftakar meta mort l-Indja l-flixkun tas-sanitizer kien ikun dejjem fil-basktijiet tagħna. Mela dwar dan il-punt nistgħu ngħidu li ma huwiex għal kollox ġdid, hemm min ilu jipprattika din id-drawwa. Illum trid jew ma tridx ikollok tużah. Anke jekk tmur il-knisja, minflok ilma mbierek illum issib is-sanitizer jistenniek. Rigward id-distanza soċjali rridu noqgħodu attenti. Ikollna nammettu li anke meta nkunu f’pajjiżna spiss naljenaw rasna u nersqu qrib xi persuni aktar milli qed jissuġerulna l-awtoritajiet tas-saħħa. Dwar dan il-punt tajjeb li nibqgħu b’għajnejna miftuħin u nżommu bogħod tal-anqas żewġ metri.

Fejn immorru?

Għandu mnejn ikun hawn min jistaqsi: Imma b’dawn il-miżuri kollha, fejn nistgħu morru? Tajjeb inżommu f’moħħna li l-istil ta’ safar li aħna mdorrijin bih ser ikollna nbiddluh. Attivitajiet tal-massa lanqas għandna noħolmu bihom aħseb u ara nattendu għalihom, u fuq kollox dawn mhux qed isiru sa issa, biss kemm-il darba jibdew isiru aħjar nevitawhom. Jekk ser inżuru xi mużew, tajjeb li nixtru l-biljetti online. B’din is-sistema niffrankaw li noqogħdu wara n-nies biex nixtru l-biljetti. Nistgħu nżuru xi ġonna pubbliċi li faċli nżommu l-miżuri ta’ mitigazzjoni kollha fihom. Irridu nibdew nibdlu l-atitudnijiet tagħna dwar is-safar. Dak li konna nistgħu nagħmlu sa ftit ilu jkollna ninsewh jekk irridu nerġgħu lura lejn in-normalità.

Rigward l-ikel nistgħu infittxu restaurants imma nistgħu wkoll nixtru ikel take away u niekluh f’postijiet miftuħin. Jekk irridu nieklu bit-tvalja u l-pożati tal-fidda aħjar nistennew ftit ieħor u ma nsiefru xejn għalissa. Mhux qed ngħid li ma hawnx ħwienet tal-ikel li joffru l-ogħla livell ta’ sigurtà kontra l-virus, imma jekk wieħed irid jevita aħjar joqgħod ftit lura. Jekk naraw li ħanut tal-ikel ma għandux imwejjed imbegħdin biżżejjed minn xulxin, allura nfittxu ieħor. Naraw li l-wiċċ tal-mejda jkun ġie minsuħ bis-sanitizer qabel ma npoġġu, naraw li l-waiters ikunu kollha bil-maskra u bħalhom inkunu aħna u l-oħrajn li jkun hemm fil-ħanut. Ovvjament meta naslu biex nieklu jkollna nneħħu l-maskra.

Bubble


Meta nsiefru aktarx niltaqgħu ma’ nies ġodda. Jekk tmur ma’ grupp żgur li l-organizzaturi jaraw li kulħadd ikun ħa l-vaċċin u fejn ikun hemm bżonn jintalab ċertifikat ta’ swab test li jkun sar ftit sigħat qabel it-tluq. Tajjeb li jinżamm il-grupp, jinżamm dak li qed jissejjaħ “bubble”. B’hekk jitnaqqas ħafna aktar il-periklu. Anke waqt li l-grupp ikun flimkien, xorta d-distanza soċjali, il-maskri u s-sanitizer għandhom jintużaw il-ħin kollu u ma jaqbilx nillaxkaw billi nkunu bejnietna. Kemm-il darba nsiefru waħedna, bħala familja li ngħixu taħt l-istess saqaf l-istorja tkun xorta oħra, biss hawn ukoll irridu attenzjoni kbira meta nkunu ser nersqu lejn persuni barra mill-familja tagħna. Irridu noqgħodu attenti wkoll fejn immorru. Aħna l-Maltin inħobbu s-swieq, inħobbu nixtru, safra bla xiri hawn min lanqas jimmaġinaha. Imma ser ikollna nbiddlu dan il-ħsieb ukoll. Hekk jaqbel li nagħmlu għalissa

Dan huwa mod ġdid li ser ikollna naddattaw għal meta nsiefru. Mhux tort tagħna imma ser ikollna naħsbu sewwa qabel inħallu pajjiżna biex ngħaddu ftit żmien ta’ serħan barra minn xtutna. Minkejja li s-safar tal-lum ser ikun differenti minn dak tal-bieraħ, nemmen li jekk noqgħodu attenti nistgħu ngawdu wkoll.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 22 ta' Mejju 2021





sabato 15 maggio 2021

L-għerf

 

Kultant tibda tisma’ lil xi ħadd jitkellem jew issegwi xi argument l-akar fuq il-media soċjali u tinduna li hawn min jaħseb li skopra d-dinja. Ħafna drabi argumenti bħal dawn ikunu frott ta’ għaġla u nuqqas ta’ riflessjoni. L-għaref idum jaħseb qabel jiftaħ fommu u kultant jisma’ biss u fommu jibqa’ magħluq. Xejn ma hu ġdid taħt il-kappa tax-xemx u l-għaref din il-ħaġa jafha sewwa.

Tabella

Darba kont għaddej minn Corso Vittorio Emanuele fil-Belt ta’ Ruma u f’vetrina ta’ ħanut rajt tabella li baqgħet quddiem għajnejja sal-lum. Fuq din it-tabella kien hemm miktub “A volte è meglio tacere e sembrare stupidi che aprir bocca e togliere ogni dubbio” li tfisser : kultant aħjar nisktu u nidhru qisna boloh milli niftħu ħalqna u nneħħu kull dubju. Dan il-kliem kien qalu l-poeta u drammaturgu Irlandiż Oscar Wilde.

Dan huwa kliem mimli għerf kemm-il darba wieħed jifhmu. Hawn l-awtur mhux qed jgħidilna biex ma niftħux fommna, imma fejn ma nifhmux ma niżżattux u nħallu lil min hu kompetibbli biex jitkellem għax jekk nilbsu żarbun mhux tagħna ħafna drabi nitfixklu u nitġerbu u naqgħu għaċ-ċajt. Kieku dan il-parir jieħduh ħafna minn dawk li spiss jaqbdu argumenti banali fuq il-mezzi tal-media soċjali, kieku jkollna ħafna anqas battibekki bla

Kitba

Fil-Latin hemm proverbju li jgħid: “Verba volant, scripta manent” - il-kliem itir imma l-kitba tibqa’. Dan il-kliem huwa attribwit lis-Senatiur Caius Titus indirizzat lis-Senat Ruman. Tabilħaqq li l-kliem itir mar-riħ u jsir duħħan, jitlef is-saħħa tiegħu, jintemm, iżda l-miktub jibqa’. U propju għax il-miktub jibqa’ wieħed għandu joqgħod attent x’jikteb għax ladarba jkun hemm l-iswed fuq l-abjad ħadd ma jkun jista’ jħassru. Dak li tkun ktibt ktibt! Dan huwa kliem Ponzju Pilatu meta wara li kkundanna lil Ġesù Kristu għall-mewt, kiteb li dak kien is-sultan tal-Lhud. Meta qalulu biex jibdel dik il-kitba qalilhom: “Issa li ktibt ktibt!” (Ġw 19, 22). Għandu mnejn li Pilatu bil-kitba tiegħu ried jiżżuffjetta bil-Lhud. Forsi ried jgħidilhom: “Qed tarawh lil dan il-bniedem fuq is-salib? Dan huwa s-sultan tagħkom. Taħsbu li ser tirbħu kontra l-qawwa ta’ Ruma b’sultan bħal dan?” Pilatu baqa’ ma bidilx dik il-kitba minkejja li talbuh jibdilha għax kieku għamel dak li talbuh il-Lhud kien jidher bħala bniedem dgħajjef, li l-ewwel kiteb ħaġa u fuq insistenza ta’ nies taħt il-ħakma tiegħu bidel kitbietu. Għandu mnejn kieku bidel dik il-kitba Pilatu kien jibqa’ msemmi għal dan il-pass lura li kien għamel.

Qed taraw kemm hi importanti l-kitba u kif il-miktub jibqa’ għal dejjem?

Bla kitba

Sokrate
 Filosofu kbir magħruf bħala wieħed mill-ħallieqa tal-filosofija morali kien Sokrate. Minkejja l-għerf kbir tiegħu huwa ma ħalla xejn bil-miktub. Allura nistħajjel tistaqsu: “Mela kif nafu x’għerf xandar ladarba ma kiteb xejn?” Nafu bl-għerf ta’ dan il-filosofu minn Ateni grazzi għall-kitbiet li ħallewlna d-dixxipli tiegħu fosthom Platun. Dan l-imgħallem għaref kien jgħid li l-kitba hija bħall-pittura, tħares lejha u tibqa’ statika, ma tiċċaqlaqx, tkellimha u ma twieġbekx lura. Allura huwa kien jgħallem bil-kliem biss. Sokrate għex aktar minn erba’ sekli qabel Kristu imma kien avvanzat ħafna fl-ideat tiegħu dwar il-modi tat-tagħlim. Il-lezzjonijiet tiegħu kienu jkunu forma ta’ diskussjoni fejn dak li jkun kien ikollu l-opportunità jesprimi l-opinjoni tiegħu, fejn jaqbel jew fejn ma jaqbilx. Is-suċċess tat-tagħlim ta’ Sokrate jitkellem waħdu għalih! Tassew li hu ma ktieb xejn imma dawk li tgħallmu mingħandu ħallewlna ħafna mill-għerf li tgħallmu minnu.

Kulħadd għaref

Minn meta l-bniedem jibda jħaddem il-fakultà tar-raġuni, jibda jistaqsi ħafna mistoqsijiet: Kif? Meta? Min? Għalfejn? U elf mistoqsija oħra. Mit-tweġibiet li ningħataw nibnu l-għerf tagħna. Kulħadd jista’ jkun għaref f’xi ħaġa. Bidwi li forsi lanqas jaf jikteb ismu jista’ jkun għaref u jgħidlek pass pass kif żerriegħa tinbidel f’siġra, ħaġa li professur tal-università għandu mnejn ma jkunx jafha. Għax kulħadd jista’ jkun għaref f’xogħlu sakemm dan jagħmlu tajjeb u minn qalbu. L-għerf ta’ kulħadd idawwar id-dinja. Ma jistax ikun li kulħadd ikun ħaddiem tal-id u lanqas ma jista’ jkun kulħadd ħaddiem tal-pinna. L-għerf taż-żewġ partijiet huma meħtieġa ndaqs. Għalhekk nikkonkludi li kulħadd jista’ jkun għaref sakemm ma joħroġx il barra minn triqtu, mill-ambitu tiegħu għax propju hemmhekk jbda l-għawġ meta bniedem ma jżommx postu u jibda jara kbir.

L-għerf ma huwa xejn għajr il-ħila li taħseb u taġixxi mill-frott tal-esperjenza li tkun ksibt fil-ħajja. L-għerf iwassal lill-bniedem biex jiġġudika sewwa bla ma jxaqleb lejn l-ebda naħa. L-għerf huwa virtù li jinkiseb biż-żmien u bis-sabar.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 15 ta' Mejju 2021




venerdì 7 maggio 2021

Ħabaq

 

M’ilux wisq mort nixtri minn stabbiliment u max-xirja li għamilt tfajt pjanta tal-ħabaq. Waqt li kont qed nibdel il-qasrija li kienet fiha u npoġġieha ġo waħda akbar ġietni  kurżità kbira dwar din il-pjanta u ma bqajtx bi kwieti sakemm fittixt li naqta’ din il-kurżità. U dak li sirt naf nixtieq naqsmu magħkom ukoll.

L-isem

L-ewwel kurżità li kelli hija dwar l-isem ta’ din il-ħaxixa aromatika. Naf li l-isem li tajnieha aħna l-Maltin ġej mill-Għarbi għax bl-Inġliż din ix-xitla tissejjaħ Basil u bit-Taljan Basilico. FL-Għarbi il-kelma “Ħabaka” (حبق) tingħad għal meta jkun hemm tibdil fir-riħa tal-arja tal-post, tibdil li jista’ ma jkunx paċevoli. Din il-kelma kienet tintuża wkoll għal diversi ħwawar li meta wieħed jogħrok il-weraq tagħhom ibiddlu r-riħa tal-arja. Interessanti mbagħad il-fatt illi fl-Għarbi il-pjanta tal-Ħabaq tissejjaħ Rajħan (ريحان).

L-isem tal-pjanta f’diversi ilsna Romanzi ġej mil-Latin medevali Basilicum, kelma li kienet ġejja mill-Grieg Basilikon li tfisser “il-pjanta tas-slaten.” Tajjeb ngħidu li fil-Grieg, il-kelma li tirreferi għal Sultan jew Re jew xi tip ta’ monarkija oħra hija Basileus (βασιλεύς). Hawn naraw ix-xebh kbir li jeżisti fil-kliem u dlonk naslu ngħidu li l-kelma Basilcum ħija ġejja mill-fatt li mill-weraq tal-ħabaq kienet issir fwieħa għas-sultan. Biss xorta hemm min ma jaqbilx ma’ din it-teorija. Hi x’inhi, ejjew ma nintilfux fuq il-ftietaq u naraw aktar tagħrif dwar din il-pjanta li tant tfuħ.

Oriġini

Il-Ħabaq huwa indiġenu u jikber selvaġġ fl-Asja tropikali u l-Indja. Dan infirex mill-Lvant Nofsani sal-Greċja Antika u l-Italja fi żmien Alessandru l-Kbir, madwar 350 sena qabel Kristu. Insibu li mis-seklu sittax beda jiġi kkultivat ukoll fl-Ingilterra u nsibu li l-Ewropej ħaduh magħhom meta skoprew l-Amerika. Għandna mnejn naħsbu li l-ħabaq huwa kollu l-istess, biss tajjeb inkunu nafu li madwar id-dinja hawn daqs sittin speċi differenti ta’ ħabaq. Esperti fil-qasam botaniku jgħidu li mhux faċli li wieħed jikklassifika dawn it-tipi kollha ta’ varjanti ta’ din il-pjanta. Anke fl-ilsien Malti nsibu varjati ta’ ħxejjex li isimhom fihom il-kelma “ħabaq” bħal ngħidu aħna Ħabaq il-ħamiema, Ħabaq il-ħnieżer jew Ħabaq ir-raba’ (Theligonum cynocrambe) kif ukoll Ħabaq San Lawrenz (Ajuga reptans) u Ħabaq tad-Demm (Purpurascens). Hi x’inhi, kull varjant tagħha għandu dik ir-riħa u togħma partikolari li tagħmlu tant popolari.

Fil-kċina


Il-koki jgħidulek li biex tieħu l-aqwa tal-ħabaq dan għandu jintuża frisk, meta jkun għadu kif inqata’ mill-pjanta. Biss il-ħabaq jista’ wkoll jitnixxef u jintuża niexef, iżda qatt ma jagħti t-togħma tiegħu mija fil-mija b’dan il-mod. Wieħed jista’ jħalli l-weraq ta’ din il-pjanta fil-fridge u jibqgħu friski għal xi jiem filwaqt li jekk wieħed jifriża dawn il-weraq idumu tajbin għal diversi xhur.

Riċetta popolari li tuża l-weraq tal-ħabaq hija dik li tissejjaħ Pesto alla Genovese. Riċetta sempliċi b’togħma tassew bnina. Ma’ ammont mhux żgħir ta’ weraq tal-ħabaq jiġu mitħuna żerriegħa tal-prinjol, tewm u ġobon Parmigiano. Ma’ dawn l-inġredjenti jiżdied iż-żejt taż-żebbuġa. Il-ħabaq jiġi servut ukoll frisk fuq il-pizza Margerita kif ukoll jiżdied mal-insalata friska. Imur tajjeb ħafna ma’ riċetti li fihom il-brunġiel. Fil-kċina Ażjatika il-ħabaq jintuża spiss fis-sopop, ħaġa mhux daqstant popolari fil-kontinent tagħna.

Fil-mediċina

Din il-pjanta nsibu li tintuża wkoll fil-qasam mediku. Bħala pjanta mediċinali, il-weraq u l-fjuri tal-ħabaq jintużaw biex jippreparaw infużjonijiet b’azzjoni sedattiva, tgħin lis-sistema diġestiva fl-istonku u huwa anti-infjammatorju. Il-ħabaq jintuża wkoll kontra l-indiġestjoni. Wieħed jista’ jgħalli l-ħabaq u l-ilma jużah biex ilaħlaħ ħalqu bih, illum ngħidulu mouthwash. Iż-żejt li jittieħed mill-weraq tal-ħabaq jintuża għall-massaġġi ta’ partijiet tal-ġisem li jkunu milqutin bl-uġigħ jew affettwati mir-rewmatiżmu. Minħabba dawn il-benefiċċji, l-użu tiegħu bħala mediċina tradizzjonali fl-Afrika u fil-Brażil infirex mad-dinja kollha.

Minn studju li sar fuq il-pjanta, sar magħruf li r-riħa li tħalli xejn ma hija maħbuba mill-insetti allura tista’ tintuża wkoll biex dawn jinżammu ’l bogħod minn darna.

Fil-folklor

Sibt żewġ qwiel li fihom jissemma l-ħabaq. Nistqarr li qatt qabel ma kont smajthom, imma għalhekk hija sabiħa r-riċerka! L-ewwel wieħed jgħid hekk: It-tfal bħal ħabaq, jimirdu u jgħaddilhom malajr. Ma nafx x’għandhom x’jaqsmu l-ħabaq u t-tfal, biss nassumi li dan jurina li l-ħabaq jista’ jkollu xi marda u ma jdumx ma jfieq minnha, sewwasew bħat-tfal wara kollox. It-tieni qawl jgħid: Saqqi oħti u baqqi, lil dak il-ħabaq għadsi. Dan kien jingħad lil dik ix-xebba li kienet tkun waslet biex issib lis-sieħeb ta’ ħajjitha. Missierha kien joħroġ qasrija bi pjanta tal-ħabaq fuq ħoġor it-tieqa biex jekk ikun hemm min hu mħajjar għaliha jmur ikellmu jew jibgħat lill-ħuttaba biex joħtob lil dik ix-xebba. Din kienet drawwa li ilha ħafna li nqatgħet, biss ġieli smajna biha.

Din id-daqsxejn ta’ pjanta kemm hemm x’wieħed ikun jaf fuqha għandek tgħid hux?

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 8 ta' Mejju 2021



sabato 1 maggio 2021

Il-mitjar


Illum il-ġurnata forsi hawn min lanqas jaf xi tfisser il-kelma “mitjar”. Fi tfuliti konna nisimgħuha ħafna drabi fuq il-mezzi tax-xandir. Illum insejħu l-mitjar bil-kelma “ajruport” għax forsi aktar tinstema’ Ewropeja.

Il-kelma Mitjar hija n-nom mimmat tal-verb tajjar. Bħan-nomi mimmati kollha, din hija kelma ta’ nisel semitiku u mhux romanz bħal ajruport. Intant mhux il-ħsieb tiegħi li nikteb dwar l-ilsien Malti iżda ladarba għandna kelma tagħna għażilt li nuża lilha. Forsi minħabba l-pandemija kellna nnaqqsu jew inħassru għal kollox il-vjaġġi li kellna ppjanati u għalhekk ftit li xejn qed naħsbu dwar il-mitjar, biss hemm għadu u qed jistenna li d-dinja terġa’ lura għan-normalità tagħha biex jerġa’ jibda jilqa’ dawk il-folol li kien ikun hemm fih sa madwar sena ilu.

Ajruporti f’Malta

Biex ħadd ma jaħseb li jien xi bniedem kontra kull progress, issa għażilt il-kelma ajruporti! Jien dejjem niftakar l-ajuport ta’ Ħal Luqa, biss kien hawn żmien fejn f’pajjiżna kellna aktar minn ajuport wieħed. Jekk irridu nistgħu nżidu l-ħeliport tax-Xewkija Għawdex, imma ejjew naraw xi ajruporti f’Malta li llum ma għadhomx jintużaw.

Bla dubju l-aktar ajruport li għadu magħruf huwa dak ta’ Ta’ Qali. Dan inbena ftit qabel it-tieni gwerra dinjija u baqa’ jservi sa nofs is-snin ħamsin. Ħtija ta’ dan il-mitjar, l-irħula tal-qrib batew bosta attakki mill-ajru matul il-gwerra. Illum dan il-post qed iservi bħala parti mill-park nazzjonali. Tajjeb ngħidu wkoll li llum parti minn dan il-mitjar isservi biex minnha jittajru mudelli ta’ ajruplani, passatemp ta’ bosta Maltin. Mitjar ieħor konna nsibuh f’Ħal Far. Dan kien l-ewwel ajruport f’Malta. Infetaħ fl-1929 biex ovvjament jaqdi l-qawwiet Brittaniċi. Dan il-mitjar ukoll kien ibbumbardjat bil-kbir waqt il-gwerra. Illum parti mir-runway hija triq u parti oħra tintuża  għal dawk li jħobbu l-isport tad-drag racing.

Il-gallarija tal-ajurport ta' Ħal Luqa (l-antika)
Sibt ukoll li f’Kalafrana kien hemm post fejn jinżlu l-ajruplani. Dan ma kienx mitjar fuq l-art iżda fil-baħar u kien jaqdi lil dawk l-ajurplani li kienu jistgħu jitniżżlu fuq il-wiċċ tal-baħar. Kien iservi bejn l-1917 u l-1946. Sibt riferenzi għal mitjar f’Ħal Safi u ieħor fil-Qrendi iżda dawn nistgħu ngħodduhom bħala partijiet mill-mitjar ta’ Ħal Luqa.

Ta’ min isemmi li għal xi żmien anke l-port il-kbir serva ta’ mitjar għal ajruplan li kien joffri servizz bejn Malta u Għawdex u kien jitla’ u jinżel minn ġol-baħar. Għawdex kien jinżel u jitla’ minn barra l-port tal-Imġarr.

Ajruporti mimlija nies 

L-ajruporti llum saru post komuni għal eluf ta’ nies billi t-trasport bl-ajru sar eħfer minn qatt qabel u allura min juża l-ajruplan ikollu juża l-ajruport. L-aktar ajruport li jużawh nies fid-dinja huwa dak li nsibu f’Hartsfield-Jackson Atlanta. Minn dan l-ajurport internazzjonali fl-Amerika, jgħaddu aktar minn mija u seba’ miljun passiġġier fis-sena. Warajh insibu dak ta’ Beijing fiċ-Ċina, b’aktar minn mitt miljun passiġġier fis-sena. Ara ma taħsbux li fl-Ewropa ma hawnx ajruporti li jużawhom miljuni wkoll! L-ajurport ta’ Heathrow l-Ingilterra huwa l-aktar wieħed użat fl-Ewropa u s-seba’ fil-lista mondjali. Minn hawn jgħaddu ’l fuq minn tmenin miljun passiġġier ta’ kull sena. Warajh bħala mitjar Ewropew insibu dak ta’ Charles de Gaulle ta’ Pariġi fi Franza. Dan jaqdi aktar minn tnejn u sebgħin miljun ruħ fis-sena.

Tajjeb ngħidu li minħabba l-pandemija l-istatistika li tajt hawn fuq inbidlet. Jien ħadt dik tal-2019 meta d-dinja kienet għadha għaddejja biex ngħid hekk “normali” Fis-sena 2020, fl-Ewropa, kien l-ajruport ta’ Istanbul fit-Turkija li minnu għaddew l-aktar nies. Madwar tlieta u għoxrin miljun passiġġier tar minn Istanbul fl-2020 u ħtija tal-Lock downs, Heathrow spiċċa fit-tielet post waqt li Charles de Gaulle baqa’ fit-tieni post. Post il-mitjar ta’ Malta ma jistax ikun fuq quddiem fil-lista għax bejn iċ-ċokon ta’ pajjiżna u l-limitazzjonijiet kollha ma nistgħux nippretendu li nkunu wisq il fuq. Fl-2019 l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kien fis-sebgħin post fost l-ajruporti Ewropej u għamlu użu minnu fuq seba’ miljun ruħ. Il-pandemija tellfet xejn anqas minn tmintax il-post f’din il-klassifika lill-mitjar Malti.

Numri

L-aktar pajjiż li fih ajruporti huwa l-Istati Uniti b’aktar minn tlettax-il elf wieħed. Fost l-ewwel għaxar pajjiżi bl-aktar numru ta’ ajruporti ma nsibu l-ebda pajjiż Ewropew. Tajjeb ngħidu li fil-pajjiż ġar tagħna, l-Italja, hemm sebgħa u sebgħin mitjar, bl-aktar wieħed qrib tagħna huwa dak militari ta’ Sigonella fi Sqallija.  Forsi ftit jafu li anke fuq il-gżira ta’ Lampedusa hemm ajruport filwaqt li fuq il-gżira ta’ Pantellerija hemm ajruport militari li jintuża wkoll mill-pubbliku.

Nixtieq kieku stajt noħodkom xi mkien miegħi iżda llum wasalna biss sal-mitjar.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 1 ta' Mejju 2021