sabato 30 luglio 2022

TAORMINA


Żgur li ħafna minna l-Maltin żaru l-gżira ġara tagħna, Sqallija u nemmen li bosta huma dawk li żaru wkoll Tormina. Bl-ilsien Taljan tissejjaħ Taormina filwaqt li bl-Isqalli tissejjaħ Tavurmina. Hi x’inhi qed nitkellmu dwar l-istess post, dwar ġenna ta’ ġmiel. Ħasra li bosta minna l-Maltin, Sqallija għalihom tfisser biss xiri, għax din il-gżira hija għanja fl-istorja u l-kultura. Illum nixtieq naqsam magħkom xi tagħrif dwar dan il-post turistiku mill-isbaħ.

Storja

L-istorja ta’ dan il-post tmur lura bosta u bosta snin. Biss biss meta l-Griegi tal-qedem waqqfu l-ewwel kolonja tagħhom fi Sqallija, fis-sena 734 qabel Kristu, kien hemm diġà komunità tgħix hemm. Jingħad li l-ewwel Griegi li bdew jgħammru hemm kienu minn Naxos, gżira Griega. Matul iż-żmien Tormina sar post mill-aktar importanti fejn tidħol l-istorja ta’ Sqallija. Bil-ħakma ta’ Sqallija mill-Għarab, Tormina biddlet isismha u bdiet tissejjaħ Al-Mużżija minn isem il-Kalif Al Mużż. Il-Konti Ruġġieru ħeles lill-Sqallija mill-ħakma Għarbija u għaddiet f’idejn in-Normanni. Aktarx li kien f’dan iż-żmien li isem dan il-post reġa’ sar Tormina. Minn meta saret l-għaqda, jew kif tissejjaħ, l-unifikazzjoni tal-Italja fis-sena 1861 Tormina saret atrazzjoni turistika għat-Taljani tan-naħa ta’ fuq tal-pajjiż. Illum iżuruha bosta turisti minn madwar id-dinja kollha, l-aktar turisti li jkollhom ħafna x’jonfqu. U ħa ngħidu d-dritt, hemm fejn tonfoqhom, iżda anke jekk tmur fuq budget baxx, xorta hemm x’tara u tista’ tgawdi l-post.

Minħabba l-fatt li din hija lokalità turisitka, matul iż-żmien li fl-Italja kien hemm il-gvern Faxxista,  kienu bosta spiji Ngliżi li għamluha ta’ turisti biex jistħarrġu x’kien qed isir minn taħt. Interessanti ngħidu li sa tmiem is-snin sittin tas-seklu li għadda, Tormina kienet meqjusa bħala post turistiku għax-xitwa u kienu jkunu ħafna dawk il-lukandi li jagħlqu bwiebhom fix-xahar ta’ Ġunju. Ma ninsewx li dan kien post is-sinjuri u għalhekk bosta dawk in-nies ta’ fama, politiċi, awturi, artisti u oħrajn li kienu jżuru spiss din il-belt, dejjem fix-xitwa. Mis-snin sebgħin kull tip ta’ turist beda jżur Tormina. Hekk għandu jkun wara kollox għax il-ġmiel ma tistax tillimitah għal klassi ta’ nies biss.

Aktar

Tormina tinsab fuq għolja madwar 206 metri 'l fuq mil-livell tal-baħar, donnha mdendla bejn il-blat ta’ fuqha u l-baħar ta’ taħtha. Jekk taraha minn fuq il-baħar tistħajjilha xi terrazzin tal-Muntanja Tauro, f’xenarji ta' sbuħija naturali, uniċi fil-varjetà u l-kuntrasti billi dan il-post jinsab fuq l-għoljiet tan-Nofsinhar tal-muntanji Peloritani li jinfirxu mal-kosta tal-Baħar Jonju. Xena mill-isbaħ hija meta tara l-Etna fl-isfond.

Il-klima hija tipikament Mediterranja, mingħajr  dik is-sħana żejda tas-sajf jew il-kesħa xxoqq il-għadam tax-xitwa. Is-sajf huwa twil, xemxi u niexef. Ix-xitwa hija qasira u mhux qalila. Il-borra f’Tormina hija rari, iżda niżlet diversi drabi matul xi snin ta’ kesħa qawwija. L-ammont ta’ borra  li niżlet hemmhekk bejn is-6 u s-7 ta’ Jannar 2017 kienet ilha ma tidher hemm aktar minn 50 sena. Insomma bejn wieħed u ieħor il-klima ta’ dan il-post ftit li xejn hija differenti minn dik ta’ pajjiżna. Nistgħu ngħidu li l-aktar xahar kiesaħ ikun Jannar fejn il-medja tat-temperatura tkun ta’ 11-il grad Celsius filwaqt li l-aktar xahar sħun huwa dak ta’ Awwissu fejn it-temperatura kważi dejjem taqbeż it-30 grad.

X’tara

Bla dubju l-akar attrazzjoni hija t-teatru Grieg li nsibu f’dan il-post. Minkejja li għaddew l-eluf ta’ snin minn fuqu, dan it-teatru għadu jintuża minn żmien għal żmien.Mhux biex isiru rappreżentazzjonijiet teatrali bħalma kienu jsiru fi żmien il-Griegi imma għal kunċerti minn kantanti jew gruppi mużikali mhux biss Taljani imma mid-dinja kollha. Meta ma jkunx hemm kunċerti dak li jkun jista’ jżur dan it-teatru wkoll għax huwa miftuħ għat-turisti. Kif tidħol Tormina tinduna bl-għadd ta’ knejjes li hemm, knejjes li fihom opri tal-arti mill-isbaħ. Id-duomo jew kif spiss jissejjaħ il-katidral, huwa ddedikat lil San Nikola ta’ Bari. Dan huwa bini antik li fih taħlita ta’ arti Biżantina u Rinaxximentali imħallat mal-barokk Siċiljan. Din hija waħda biss mill-knejjes li wieħed jita’ jżur u jammira. Hemm ukoll numru ta’ palazzi sbieħ li xi wħud minnhom huma miftuħin għall-wiri. Imbagħad hemm il-misraħ IX ta’ April li donnu l-gallarija tal-post. Minn hawn wieħed jara veduta mill-isbaħ tal-baħar u x-xtajta ta’ taħt Tormina. Minkejja li din ma hijiex il-pjazza waħdanija ta’ dan il-post iżda hija l-aktar waħda mfittxija. Fiha jsiru  bosta attivitajiet għax tinsab f’nofs it-triq prinċipali ta’ Tormina.

U s-sabiħ kollu ta’ dan huwa li aħna l-Maltin nistgħu mmorru nżuru dan il-post meraviljuż anke għal ġurnata waħda biss. Tmur filgħodu kmieni u terġa’ lura tard filgħaxija.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon  - 30 ta' Lulju 2022




venerdì 22 luglio 2022

Aktar knejjes fil-Vatikan

 

Il-ġimgħa l-oħra bdejna nitkellmu dwar għadd ta’ knejjes li nsibu fil-Belt Stat tal-Vatikan. Illum ser inkomplu.

Knejjes Extraterritorjali

Minkejja li tinsab f’ territorju Taljan, il-knisja ta’ San Pietru in Borgo, tagħmel parti minn żona extraterritorjali. Din hija knisja fil-palazz tas-Sant’ Uffizio. Hija knisja medjevali li fid-dokumenti ġieli ssemmiet bħala l-knisja tas-Salvatur – peress li fil-qrib kien hemm ċimiterju ddedikat lis-Salvatur. Din il-knisja kienet tieħu ħsieb il-pellegrini Franċiżi li kienu jaslu Ruma sabiex iżuru l-qabar ta’ San Pietru. Bejn l-1447 u l-1455 kienet restawrata imma wara ġiet mitluqa u aktar tard partijiet minnha twaqqgħu sabiex inbena l-palazz tas-Sant’ Uffizio. Fl-1923 kienet restawrata mill-ġdid. Fiha nsibu affreski tas-seklu XV u ta’ interess partikolari hija l-pittura tal-Madonna bil-Bambin li nsibu fiha.

Santa Maria della Pietà in Camposanto dei Teutonici

Knisja oħra li nsibu magħquda mal-Vatikan minkejja li tinsab f’ territorju Taljan hija dik ta’ Santa Marija  tal-Pietà f’Camposanto tat-Tewtoniċi. Din il-knisja inbniet fis-seklu VIII ħdejn ospizju li kien jilqa’ fih il-foqra u jagħtihom ilbies u ikel. Kien l-imperatur Karlu Manju li bena dil- knisja fis-sena 796 bil-permess tal-Papa Ljun III (795 -816). Fis-Sena Mqaddsa li saret fl-1450 bdew jaslu Ruma ħafna pellegrini u għalhekk din il-knisja kienet irrestawrata. Kien ukoll irrestawrat iċ-ċimiterju li hemm imiss magħha. Lejn tmiem is-seklu XV inbniet il-knisja li għadna naraw sal-lum. Fl-1910 il-knisja ġarrbet ħsarat konsiderevoli waqt maltempata qawwija u għalhekk wara ġiet restawrata. Din hija knisja li minn barra bilkemm tidher li hija knisja għaliex ma fihiex faċċata ta’ knisja imma tidher donnha parti mill-bini l-ieħor. 

Kappelli Sistina, Pawlina u Nikolina

Bla dubju ta’ xejn l-aktar kappella magħrufa fil-belt tal-Vatikan hija dik imsejħa Kappella Sistina. Din il-kappella hija ddedikata lil Marija mtellgħa s-sema. Hija fost l-aktar teżori kulturali u artistiċi magħrufa tal-Belt tal-Vatikan. Inbniet bejn l-1475 u l-1481 fi żmien il-Papa Sistu IV (1471 – 1484). Fil-kappella nsibu opri artistiċi tal-aqwa artisti fosthom Michelangelo. Ta’ interess partikolari huwa li f’ din il-kappella issiru il-konklavi, jiġifieri l-elezzjoni ta’ Papa ġdid.

Kappella oħra hija dik magħrufa bħala Kappella Pawlina. Din inbniet bejn l-1537 u l-1540 taħt il-Papa Pawlu III (1534 – 1549). Din il-kappella hija ddedikata lil San Pawl Appostlu. L-artist Michelangelo kien għadu kif spiċċa x-xogħol mill-kappella Sistina u kien imqabbad biex ipitter xbihat mill-ħajja tal-ewwel appostli għal din il-kappella ġdida. Imma issa l-artist kellu aktar minn sittin sena u għalhekk ħadem bil-mod ħafna. Huwa pitter il-konverżjoni ta’ Sawlu bejn l-1542 u l-1545 u t-tislib ta’ Pietru bejn l-1546 u l-1560. Mal-medda tas-snin il-kappella kompliet tiżżejjen b’ aktar opri tal-arti. Fost pitturi oħra nsibu l-wasla ta’ San Pawl f’Malta. Fl-1974 il-kappella sarilha tibdil fil-presbiterju sabiex tkun taqbel ma’ dak li titlob il-liturġija ta’ wara l-Konċilju Vatikan II. Bejn l-2008 u l-2009 il-kappella sarilha restawr u kemm kien possibli reġgħet ingħatat id-dehra oriġinali tagħha, bl-altar tal-irħam oriġinali jerġa’ jsib postu. Reġa sar il-kanċell tal-balavostri u tnaddfu ż-żewġ affreski ta’ Michelangelo. Il-kappella infetħet mill-ġdid fl-4 ta’ Lulju 2009 mill-Papa Benedettu XVI.

Cappella Paolina

Kappella oħra hija dik imsejħa Kappella Nikolina. Dan huwa post mimli affreski tal-pittur Dumnikan il-Beatu Anġeliku. Il-kappella tinsab fl-aktar parti antika tal-palazz appostoliku u kienet il-kappella privata tal-Papa Nikola V (1447- 1455). Din il-kappella, li hija waħda kwadra, fiha pittura tad-djakni Stiefnu u Lawrenz. Fil-kappella nsibu wkoll impittra tmien santi padri jew dutturi tal-Knisja, dawn huma: San Atanasju, San Iljun il-Kbir, San Girgor il-Kbir, San Ġwann Kriżostmu, Sant’ Ambroġġ, Santu Wistin, San Tumas ta’ Akwinu u San Bonaventura. Insibu wkoll ix-xbihat tal-erba’ evanġelisti.

Matilde jew Redemptoris Mater

Dik li sal-1986 kienet tissejjaħ il-kappella Matilde fil-palazz Appostoliku, illum ħadet l-isem tal-Kappella Redemptoris Mater. Din hija kappella moderna li saret fuq xewqa ta’ San Ġwanni Pawlu II. Fl-1996, fl-okkażjoni tal-50 anniversarju tas-saċerdozju tal-Papa Wojtyla, il-kulleġġ tal-kardinali offrielu din il-kappella. Fiha nsibu arti moderna  maħduma fil-mużajk. L-artisti kienu il-Ġiżwiti Tomas Spidlik mill-Moravja u Marko Ivan Rupnik mis-Slovenja. F’ din il-kappella ġieli saru l-irtiri tal-Papa u tal-Kurja Rumana. Din il-kappella kienet inawgurata uffiċjalment fl-14 ta’ Novembru, 1999 mill-istess Papa Wojtyla.

Hekk nistgħu ngħidu li bejn il-ġimgħa l-oħra u llum dorna l-knejjes u l-kappelli prinċipali li nsibu fil-Belt tal-Vatikan. Biex inkun qegħdin ngħidu kollox jeżistu xi kappelli żgħar oħrajn li ftit jew xejn fihom importanza bħal dik ta’ San Pietru u San Pawl li kienet tintuża mill-gwardja Palatina, liema gwardja ntemmet fl-1970 mill-Papa Pawlu VI (1963 – 1978), il-kappella fil-Monasteru Mater Eclesiae u dik iddedikata lil Papa San Piju V fil-bini tal-palazz imsejjaħ tas-Sant’ Uffizio.  Kappella oħra li dan l-aħħar bdiet tissemma spiss hija dik iddedikata lill-Ispirtu s-Santu li nsibu fid-Domus Santa Marta. F’ din il-kappella beda jqaddes il-Papa Franġisku meta intgħażel Papa fl-2013.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 23 ta' Lulju 2022




 

sabato 16 luglio 2022

Knejjes fil-Belt tal-Vatikan

Bla dubju ta’ xejn il-Bażilika ta’ San Pietru hija l-aktar knisja famuża li nsibu f’ Ruma, sewwa sew fil-Vatikan.  Imma ġewwa s-swar li jdawru lil din il-Belt Stat insibu numru ta’ knejjes jew kappelli oħra, xi wħud magħrufa u oħrajn mhux daqstant magħrufin.

Porta Angelica

Sant' Anna
Waħda mid-daħliet f’din il-Belt Stat hija minn dak li jissejjaħ Porta Angelica. Sewwasew kif tidħol minn dan il-bieb issib fuq in-naħa tal-lemin il-knisja ddedikata lil Sant’ Anna. Din il-knisja hija mibnija f’forma ovali fuq disinn ta’ Jacopo Barozzi da Vignola, taħt il-Papa Piju IV għall-ħabta tal-1570. Inbniet mill-Arċikonfraternità tal-Palafrenieri jiġifieri dawk li kienu jġorru is-sedja ġestatorja tal-Papa.  Fis-seklu ta’ wara l-knisja kompliet tissebbaħ bil-faċċata u l-koppla kif ukoll bl-affreski li nsibu ġewwa. Fil-knisja nsibu bosta opri tal-arti tas-seklu XVIII. Il-kwadru titulari li juri lil Sant’ Anna maċ-ċkejkna Marija sar fl-1927 mill-artist minn Siena,  Arturo Viligiardi. Din il-knisja saret il-parroċċa tal-Belt tal-Vatikan fl-1929. Din il-knisja taqdi l-ħtiġijiet parrokkjali taċ-ċittadini tal-Vatikan kif ukoll hija frekwentata ħafna mit-Taljani li joqgħodu qrib Porta Sant’ Anna. Din il-knisja jista’ jżurha kulħadd u ma hemmx bżonn ta’ permess biex tidħol fiha. Il-knejjes kollha l-oħra fil-Belt tal-Vatikan ma humiex aċċessibli għall-pubbliku imma wieħed jista’ jżurhom jekk ikollu l-permess meħtieġ.

San Stiefnu

Knisja oħra li nsibu ġewwa dan l-Istat hija dik ta’ San Stiefnu magħrufa bħala tal-Abbissini. Din tinsab sewwasew wara l-bażilika ta’ San Pietru, bejn il-wesgħa Braschi u Pjazza Santa Marta. Kienet il-knisja ta’ monasteru antik li kien diġa jeżisti fi żmien il-Papa Girgor III, (731 – 741). Il-Papa Ljun III, (795 – 816) isejjaħ din il-knisja bħala << monasterium S. Stephani>> u <<oratorium S. Stephani a sancto Petro>>. Fil-medjuevu l-knisja issejħet b’ ismijiet oħra imma dejjem marbuta mal-qaddis Stiefnu. Fl-1479 il-Papa Sistu IV (1471 – 1484) ta din il-knsija lill-irħieb Kopti u minn dak iż-żmien il-knisja bdiet tissejjaħ b’ għadd ta’ ismijiet bħal San Stiefnu tal-Eġittu, tal-Mori jew tal-Indjani. Fl-aħħar ħadet l-isem tal-Abbisini u għadha magħrufa hekk sal-lum.  Fl-1706 kienet restawrata u ċċekknet. Il-faċċata tal-knisja għadha dik oriġinali u ġewwa l-knisja għadna nistgħu naraw fdal tal-knisja medjevali. Fiha wkoll kitbiet bl-Etjopjan u bl-Għarbi.

Sant’ Eġidju u San Pellegrino

Fi Triq il-Pellegrini, dejjem fil-Belt tal-Vatikan insibu l-knisja ddedikata lil Sant’ Eġidju, magħrufa bħala A Borgo. Ftit li xejn nafu dwar l-oriġini ta’ din il-knisja. L-ewwel dokumenti li jsemmuha jmorru lura għas-seklu XIII u jirreferu għaliha bħala sancti Egidii extra portam Viridariam, jew  extra portam Auream in monte Geretulo, jew inkella extra portam Viridariam in monte Geretulo. Fl-1926 is-sorijiet Franġiskani Missjunarji ta’ Marija  fetħu ħanut tax-xogħol fil-belt tal-Vatikan sabiex jirrestawraw l-arazzi. Din il-knisja ngħatat lilhom sabiex taqdihom fil-ħtiġijiet spiritwali tagħhom.

Fi Triq il-Pellegrini wkoll insibu l-knisja ddedikata lil San Pellegrino. It-twaqqif ta’ din il-knisja jmur lura ħafna fis-snin u nsibuha mniżżla f’ dokumenti tas-seklu VIII. Inbniet madwar is-sena 800 mill-Papa Ljun III (795 – 816). Il-knisja kien jieħu ħsiebha l-Kapitlu tal-Vatikan. Dan il-kapitlu rrestawraha fl-1590. Papa Klement X (1670 – 1676) fl-1671 ta din il-knisja lill-Gwardji Żvizzeri sabiex tkun il-knisja tagħom. Din baqgħet f’ idejn l-Iżvizzeri sal-1977. Ħdejn il-knisja kien hemm sptar għall-pellegrini kif ukoll ċimiterju. Billi l-Gwardji Żvizzeri għandhom knisja oħra, ftit li xejn taw każ din il-knisja u kienet abbandunata minkejja li fiha kienu jindiffnu l-membri tal-istess gwardja. Fl-1977 din il-knisja għaddiet f’ idejn il-ġendarmerija u l-pumpieri tat-tifi tan-nar tal-Belt tal-Vatikan.

San Martin u San Bastjan
kif tidher minn Pjazza San Pietru
San Martin u San Bastjan 

Jekk tkun fi Pjazza San Pietru, sewwasew taħt il-Palazz Appostoliku minn fejn kull nhar ta’ Ħadd il-Papa jagħmel ir-reċita tal-Angelus, u tħares il fuq mill-ħajt, tara faċċata ta’ kappella ċkejkna. Din hija l-knisja ta’ San Martin u San Bastjan. Kien il-Papa Piju V (1566 – 1572) li fis-sena 1568 bena din il-knisja sabiex taqdi lill-Gwardji Żvizzeri. Il-qaddisin Martin u Bastjan huma l-prottetturi ta’ din l-armata pontifiċja u għalhekk ġiet iddedikata lilhom sabiex turi l-iskop li għalih inbniet. Il-perit tal-Knisja kien Nanni di Baccio Bigio u fuq ġewwa tal-knisja konna nsibu affreski ta’  Giulio Mazzoni. Dawn l-affreski tneħħew fl-1967 u llum wieħed jista’ jarahom fil-mużew tal-Vatikan. Fuq il-faċċata għadna naraw l-arma tal-Papa San Piju V. Fl-1999 il-knisja kienet restawrata u sarilha presbiterju ġdid. Fuq ġewwa naraw artal sempliċi tal-irħam u fuqu nsibu skultura tal-bronż li juri l-kurċifiss u żewġ anġli.

Santa Marija

Fil-ġonna tal-Vatikan, sewwasew wara l-bażilika ta’ San Pietru nsibu l-palazz tal-Governorat tal-Belt tal-Vatikan. Dan huwa l-post li minnu jitmexxa l-Istat tal-Vatikan, fih ukoll l-uffiċċju ċentrali tal-posta tal-Vatikan. Il-bini tal-palazz beda fl-1927 u tlesta fl-1931. Fuq ġewwa tal-palazz insibu l-knisja iddedikata lil Santa Marija Sultana tal-Familja. Bħalma wieħed jista’ jinduna mid-data tal-bini tagħha, hija knisja moderna li taqdi l-ħtiġijiet spiritwali tal-ħaddiema fil-governorat u f’ uċffiċċji oħra li jinstabu fil-palazz.

Għal-lum nieqfu hawn imma hemm aktar knejjes dwar xiex nitkemmu f’din il-Belt – Stat. Inkomplu l-ġimgħa d-dieħla.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 16 ta' Lulju 2022



sabato 9 luglio 2022

Festi tagħna bla piki

Nimmaġina li min qara l-isem ta’ dan l-artiklu llum jaħseb li qed inħoss moħħi jew qed noħlom imqajjem, jew li ngħix fl-isħab. Biss serraħ rasek, jekk ħsibt hekk għandek żball. Festi Maltin bla piki hija ħolma u forsi xewqa ta’ ħafna li għandhom għal qalbhom il-festi tadizzjonali li aħna l-Maltin tant aħna famużi għalihom. Li tgħid li jkollok festi bla piki hija utopija. Utopija huwa post jew stat ta’ ħajja li fiha jkun jimxi kollox fuq ir-rubini, fejn kollox ikun perfett. Post jew stat bħal dan nafu li ma jeżistix. Fil-fatt l-istess kelma ġejja minn żewġ kelmiet Griegi, OU, li tfisser le u TOPOS li tfisser post, post li ma jeżistix. Kien Sir Thomas More l-ewwel li uża din il-kelma fl-1516 meta ppubblika ktieb b’dan l-isem li fih ikkompara l-qagħda ekononika u soċjali tal-Ewropa ma’ dik ta’ gżira fittizja, li ma teżistix, immaġinarja. Intant issa li fhimna sewwa x’inhi utopija nerġgħu lura għall-festi.

Pika u kompetizzjoni

Xi snin ilu kienu intervistawni stazzjon tat-televiżjoni Malti u fost mistoqsijiet oħra staqsewni dwar il-piki. Jien weġibt li l-piki għandhom il-pożittiv tagħhom ukoll u fissier għaliex kont qed ngħid hekk. Jekk int tagħmel bandiera jien nipprova nagħmel bandalora. Meta inti tara l-bandalora tiegħi tipprova tagħmel xi ħaġa aqwa u tfassal pavaljun, u hekk nibqgħu sejrin. Biss din ma hijiex pika ħażina, din mhux dik il-pika li ġġib ġlied, għira, mibgħeda, tgħajjir u x’naf jien, din hija kompetizzjoni. Fl-aħħar mill-aħħar kompetizzjoni bħal din tista’ tkun tajba għax tħajjar lil min għandu xi talent biex iħaddmu. Għax ikollna ngħidu kollox, f’pajjiżna l-festi huma l-vetrina tat-talent Malti, u nistqarru li pajjiżna huwa għani fejn jidħlu dawn it-talenti.

Il-Malti jgħid li l-piki jaqtgħu l-aptiti u dan huwa qawl mimli għerf. Jekk dak li jsir ikun sar b’pika malizjuża akarx li ma jkollux tmiem sabiħ, biss jekk issir b’kompetizzjoni r-riżulati jkunu isbaħ u akbar.

Mhux illum

Ritratt antik ta' Ħal Qormi fil-festa

Il-piki bejn il-festi tagħna mhix xi ħaġa tal-lum u biex nurikom kemm dan hu minnu nixtieq naqsam magħkom storja li ilni ħafna li smajt. Din titratta l-festa ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi u dik ta’ San Filep ta’ Ħaż-Żebbuġ – żewġ irħula ġirien li fl-imgħoddi kienu magħrufin għall-kompetizzjoni bejniethom fejn jidħlu l-festi, kompetizzjoni li ġieli nbidlet f’pika. Qed insemmu żmien meta l-festi kienu jsiru f’nharhom, jiġifieri San Ġorġ fit-23 ta’ April u San Filep fit-12 ta’ Mejju.

Ritratt antik ta' Ħaż-Żebbuġ fil-festa
Jingħad li darba, fil-festa ta’ San Ġorġ, xi ħadd minn Ħaż-Żebbuġ niżel kmieni filgħodu Ħal Qormi u daħal fil-knisja u tefa’ trab aħmar fil-fontijiet tal-ilma mbierek. Billi dak iż-żmien il-quddies kien jibda kmieni ħafna u d-dawl fil-knisja kien ikun skars ukoll, kull min daħal biex jisma’ l-quddies tal-festa u daħħal sebgħu fl-ilma mbierek, spiċċa b’salib aħmar fuq moħħu. Biex jitpatta dak li kien sar, meta x-xahar ta’ wara waslet il-festa ta’ San Filep, xi Qriema telgħu Ħaż-Żebbuġ b’għadd ta’ għasafar tal-bejt maqfulin f’xi gaġġa u moħbijin f’xi xkora. Dawn daħlu fil-knsija ta’ San FIlep u taw il-ħelsien lil dawk l-għasafar. Tistgħu timmaġinaw!

Irrakkuntajt din l-istorja, li biex ngħid id-dritt ma nafx jekk hix minnha jew jekk hix xi ħlieqa, biex nurikom li l-pika fil-festi ma hijiex xi fenomenu kontemporanju.

Fuq xiex ma’ naqblux

Jgħidu li aħna l-popli tal-Mediterran dejjem irridu nsibu xi ħaġa li ma naqblux fuqha u jekk ma nsibux naraw x’nivvintaw biex ma naqblux. Biss dan ma jfissirx li billi jkun hemm nuqqas ta’ ftehim bejn żewġ partijiet irid ikun hemm gwerra. Tiskanta kif ċerti stejjer ta’ piki jibdew minn ħaġa żgħira, minn ħmerija imma biż-żmien il-partijiet jinqasmu u jitbegħdu. U b’hekk spiċċajna fejn spiċċajna, b’tal-aħmar u tal-aħdar, b’ta’ fuq u ta’ isfel, b’tal-baqra u tal-bajda, b’tal-bagri u b’tal-agħma, b’tal-werqa u tal-istilla, b’tat-tnax u b’tal-ħodor u nistgħu nibqgħu sejrin hekk, b’litanija sħiħa ta’ laqmijiet jew ismijiet li ma tispiċċa qatt.

F’demmna

Allura nispiċċa ngħid bejni u bejn ruħi: “allura l-piki qegħdin f’demmna, jinsabu fid-DNA ta’ dal-ġens?” Għax jekk noqgħodu naħsbu l-festi Maltin ma huma xejn għajr mera tal-ħajja tagħna għax hemm bosta okkażjonijiet oħra fejn indaħħlu l-piki bejnietna, ngħidu aħna fuq il-libsa tal-preċett tat-tifla, fuq il-marka ta’ karozza li nixtru, fuqil-vaganzi li nqattgħu fix-xhur tas-sajf, fuq il-btajjel u s-safar li nagħżlu. U hawn ukoll nistgħu nibqgħu sejrin b’lista twila oħra.

Imma nistgħu nagħmlu kompetizzjoni bla ma noffendu lil xulxin, bla ma ngħajru lil xulxin, bla ma ninsulentaw lil xulxin. Biex nuri kemm jien kbir ma hemmx għalfejn nuri kemm inti żgħir għax żgur li jekk hemm min hu iżgħar minni, xi mkien hemm min hu akbar minni wkoll.

Utopija jew ħolma sabiħa. Imma kieku nitgħallmu l-pika nibdluha f’kompetizzjoni sana nemmen li jkun ta’ ġid kbir għall-festi tradizzjonali tagħna l-Maltin.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 9 ta' Lulju 2022




sabato 2 luglio 2022

Socrates tiegħi!


Illum mhux ser nikteb dwar il-filosfu Grieg minn Ateni li għex madwar erba’ mitt sena qabel Kristu u jġib dan l-isem. Lanqas bi ħsiebni nikteb dwar il-plejer tal-futbol mill-Brażil li miet madwar għaxar snin ilu. Mela nistħajjilkom tistaqsu dwar xiex ser nikteb? Illum ser nikteb dwar ġeru tal-Fox Terrier li qed inrabbi u tajtu dan l-isem. Iva Socrates jismu l-kelb tiegħi!

Isem

L-Ingliżi jgħidu “What’s in a name?” Tiskanta kif kultant wara daqsxejn ta’ isem ikun hemm storja. Il-Filosfu tal-Greċja tal-qedem dejjem affaxxinani għax minkejja li qatt ma kiteb xejn, minkejja li ma ħalla xejn bil-miktub, huwa filosfu li dejjem ammirajt għax baqa’ jżomm it-twemmin tiegħu anke quddiem is-sentenza tal-mewt. Tant hu hekk li dan it-tali kien ikkundanant għall-mewt meta kellu 71 sena. Huwa kien mixli li bit-tagħlim tiegħu kien qed jikkorrompi liż-żgħażagħ. Imbagħad għadna nistudjawh sal-lum! X’ironija ta’ ħajja! L-eżekuzzjoni tiegħu kienet billi hu stess xorob il-velenu.

Il-mifielder Brażiljan li wkoll kien magħruf bħala Socrates, li għal żmien qasir lagħab ukoll fl-Ewropa fosthom mal-Fiorentina, kien magħdud fost l-aqwa mitt plejer li qatt rat id-dinja. Din il-ħaġa affermaha Pelè, plejer Brażiljan ieħor  fl-2004 meta Socrates kien għadu ħaj. Minbarra li kien plejer kellu wkoll lawrija fil-mediċina u għalhekk kien imlaqqam bħala “t-Tabib Socrates.” Il-mewt ma tħares lejn wiċċ ħadd u lil dan Socrates ġiet iżżuru fl-4 ta’ Diċembru tas-sena 2011, meta kien għad kellu biss 57 sena.

Ngħid id-dritt il-kelb tiegħi tajtu dan l-isem imma ma rbattu mal-ebda wieħed għax it-tnejn li huma għandi ammirazzjoni lejhom. B’hekk insejjaħlu Socrates bla ma niftilha ma' ħadd minnhom!

Il-kelb tiegħi


Ħalli issa ngħid xi ħaġa dwar dan l-imbierek ġeru li fettilli nadotta. Socrates huwa tar-razza Fox Terrier, anzi biex inkun qed ngħid kollox ir-razza tiegħu hija Smooth Fox Terrier. Għax biex ngħidu s-sewwa, jeżistu żewġ tipi ta’ Fox Terriers, bħal dan tiegħi u dak li jissejjaħ Wire Fox Terrier. Iż-żewġ razez oriġinaw matul is-seklu dsatax u huma mnissla minn għadd ta’ varjetajiet ta’ terriers Ingliżi antiki imħallta ma’ oħrajn aktar moderni. Nistħajjilkom tgħiduli mela għalfejn ktibt li hemm żewġ razez ta’ Fox Terriers? Bejn l-Ismooth Fox Terrier u l-Wire Fox Terrier hemm xebh kbir u nistgħu ngħidu li d-differenza waħdanija bejniethom hija li waqt li l-Wire Fox Terrier huwa piluż, l-ieħor għandu pil baxx ħafna, imma l-karatteristiċi bejniethom huma l-istess. Biex inkun qed ngħid kollox hemm razza oħra li ġġib l-isem Fox Terries, dik li nsibuha bħala Toy Fox Terrier, razza li ma ilhiex wisq li tnisslet fl-Istati Uniti minn Smooth Fox Terrier u razez oħra ta’ klieb ċkejknin.

Dawn il-klieb għandhom fihom l-istint għall-kaċċa. Fil-fatt anke l-isem tagħhom ġej mil-Latin terra għax huma klieb li jgħinu li dawk li kienu jmorru għall-kaċċa tal-volpi, delizzju li kien popolari mmens fir-Renju Unit u sa ċertu punt għadu. Dawn il-klieb kien xogħolhom li jfittxu l-ħofor fl-art (għalhekk Terra) fejn ikun hemm mistoħbi l-volpi. B’hekk sid il-kelb kien jinduna u jħejji nassa biex jaqbad il-volpijiet. Dan il-kelb għadu sal-lum użat għal dan l-iskop minkejja li llum il-kaċċa għall-vopli hija kkontrollata. L-istint ta’ dan il-kelb iġiegħlu jdaħħal imnieħru, li hu xi ftit twil, fil-ħofra tal-volpi u jgerrex lill-povru annimal sakemm jinqabad mill-kaċċtur. Bħalma nafu l-volpi bl-Ingliż jissejjaħ Fox u għalhekk l-isem ta’ din ir-razza għaqdet il-ħidma tiegħu mal-post tax-xogħol, biex ngħidu hekk: Fox Terrier.

Il-Fox Terrier

Bħala klieb, din ir-razza tmur tajjeb ħafna mal-bniedem. Huma tajbin għal mat-tfal u ma jgħejjew qatt jilgħabu. Għandhom enerġija kbira li dejjem jaraw kif ser jaħluha. Tħallieħx ħdejn il-qsari għax għandu tendenza li jħaffer fil-ħamrija, wara kollox huwa kaċċatur tal-volpi anke jekk f’pajjiżna ma hawnx volpijiet. Għandhom tendenza li jinbħu ħafna u huma klieb tajbin ħafna biex jaqbdu l-ġrieden. Huwa kelb li jintrabat ħafna ma’ sidu u jasal li jipproteġih akkost ta’ kollox. Għandhom is-sens tax-xamm eċċellenti u l-vista ta’ għajnejhom hija tajba ħafna wkoll. Ġeneralment huma ta’ lewn abjad bi tbajja suwed jew kannella.

Fox Terriers popolari

Din ir-razza ta’ klieb hija maħbuba wkoll mill-familja rjali tal-Gran Brittanja. Jingħad li r-Re Edwardu VII kien mogħti Wire Fox Terrier bl-isem ta’ Ceaser. Ma damx wisq biex dan il-kelb seraq qalb ir-re u sar il-kelb favorit tiegħu. Meta dan ir-re miet fl-1910, Ceaser mexa sewwasew wara t-tebut ta’ sidu, ħaġa li xejn ma niżlet tajjeb mal-Kaiser Wilhelm tal-Ġermanja li f’dan il-funeral il-kelb mexa qablu. Fox terrier ieħor bl-isem ta’ Montmorency jissemma fil-ktieb umoristiku ta’ Jerome K Jerome, Three man in a boat. U kif nista' ma nsemmix dak il-Fox Terrier li jifforma parti mil-logo tad-ditta tal-gramaphones His Master’s Voice?

Dan Socrates tiegħi qed joħodli ħafna ħin, imma tani wkoll ħin infittex ftit tagħrif dwar ir-razza tiegħu, tagħrif li ma stajtx ma naqsmux magħkom.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-nazzjon -  2 ta' Lulju 2022