venerdì 28 luglio 2023

KITBA

Billi l-bniedem huwa annimal li jaħseb u li jikkomunuka, dejjem fittex toroq li bihom jista’ jwassal dak li jkollu f’moħħu jew f’qalbu lill-bnedmin l-oħra. Fost il-mezzi ta’ komunikazzjoni l-aktar bikrija nsibu l-kitba.

L-għodda

Bħal kull mestier ieħor, il-kitba għandha bżonn l-għodda tagħha. L-għodda tal-kitba hija l-alfabett li permezz tagħha jiġi ffurmat il-kliem biex jitwassal il-messaġġ mingħand il-kittieb għal għand il-qarrej. L-istudjużi jemmnu li l-ewwel alfabett faqqas fl-Eġittu tal-qedem aktar minn ħmistax-il seklu qabel Kristu. Dan ma kienx alfabett bħalma nafu bihom illum, imma kien iservi tajjeb l-iskop tiegħu. Biż-żmien nibtu sistemi oħra ta’ kitba biex illum għandna l-alfabett, jew aħjar alfabetti li għandna.

Ktibt “alfabetti” għax sal-lum nistgħu nsibu aktar minn alfabett wieħed madwar id-dinja. Kulħadd jaf li l-alfabett Latin, dak li nużaw aħna l-Maltin biex niktbu bi lsien pajjiżna, huwa differenti minn dak Għarbi jew Ċiniż jew Grieg. Hawn semmejt l-erba’ alfabetti l-aktar li niltaqgħu magħhom. Ilkoll nafu li kull alfabett minn dawn għandu simboli differenti minn alfabett ieħor u wieħed irid jitgħallimhom sabiex ikun jista’ jaqra xi ktiba b’ilsien li juża xi alfabett minn dawn.

Minbarra hekk hemm ukoll il-ħsejjes differetni tal-istess ittra tal-alfabett. Ma hemmx għafejn inġibu ħafna eżempji, biżżejjed naħsbu fuq xi kliem Ingliż li aħna midħla tiegħu. Imma ejjew nieħdu eżempju wieħed biss. Ipprova ikteb bl-alfabett Malti din is-sentenza bl-Ingliż: Dan il-ktieb huwa tiegħi. Ovvajment aħna niktbu: This book is mine. Imma kieku kellna niktbuha bil-fonetika Maltija konna niktbu: Dis bukk iż majn. Qed taraw x’ridt infisser. U hawn ukoll irridu ngħidu li f’xi ilsna hemm ħsejjes ta’ ittri li f’ilsna oħra ma ssibhomx. Nerġa’ nieħu s-sentenza li ġibt bħala eżempju, il-kelma “This” aħna ngħiduha “Dis” għax fonetikalment aktar tixbah lil “Żiss.” Intant nieqaf hawn fuq dan l-argument.

It-twil u l-qasir

Skont il-Guiness Word Records l-itwal alfabett fid-dinja huwa ta’ dak l-ilsien użat fil-Kambodja. Dan fih erbgħa u sebgħin ittra, li xi wħud minnhom illum ma għadhomx jintużaw iżda xorta gaħdhom jiffurmaw parti minnu. Jekk imbagħad naraw l-ilsna użati minn tribujiet imma ma humiex ilsna uffiċjali, insibu alfabetti bil-wisq itwal. Fi Sri Lanka hemm min jitkellem l-ilsien Sinaliż li fih alfabett b’aktar minn seba’ mitt ittra.

L-iqsar alfabett huwa dak li jintuża mill-ilsien Rotokos, ilsien li huwa mitkellem minn ftit elfu ta’ nies f’Papua New Guinea. Dan l-alfabett fih biss tnax-il ittra. Ma nafx kemm wieħed jista’ jifforma kliem minn alfabett daqstant restritt, biss huwa lsien mitkellem ukoll.

Kittieba

Il-kitba għandha bżonn minn jiktibha. Hemm dik il-kitba li wieħed jagħmel biex jinqeda, jikteb ittra lil xi ħadd, jikteb lista ta’ dak li għandu bżonn jixtri u sitwazzjonijiet oħra bħal dawn, imbagħad hemm kitba ta’ aktar importanza bħal ngħidu aħna xi kuntratt jew testment għand nutar. Din hija kitba ta’ importanza kbira. Insibu wkoll kitbiet li jiġu ppubblikati f’kotba. Hemm diversi tipi ta’ kotba, dawk maħsuba biex jgħallmu, dawk maħsuba biex bniedem ikollu x’jaqra fil-ħin liberu tiegħu u hemm dawk li jiktbu biex jinfurmaw lill-poplu b’dak li qed jiġri u biex il quddiem tinkiteb l-istorja. Ħafna minn dawn tal-aħħar huma l-ġurnalisti.

Kittieba kbar li ħallew isem b’kitbeithom insibuhom mad-dinja kollha. F’pajjiżna min ma semax b’Dun Karm Psaila, Anton Butigieg, Ġużè Galea, Wistin Born, Oliver Friggieri, Kilin, Francis Ebejer u tant oħrajn? U min iħobb jaqra u ma ġiex f’idejh xi ktieb ta’ William Shalespear? Nemmen li min iħobb il-qari jaf b’ Victor Hugo, b’Charles Dickens, George Orwell, Miguel de Cervantes, Dan Brown u bosta oħrajn. Dawn kollha ħallew patrimonju ta’ kitba lid-dinja. Mhux qed insemmi lil Dante Alighieri u l-kitba tiegħu Divina Comedia, għax dan huwa ġeneru ta’ kitba għalih.

Apprezzament

Għidt li dawn ħallew patrimonju. Imma kultant naħseb bejni u bejn ruħi dwar kemm hu apprezzat il-kittieb. Jekk bniedemm imur għand artist iħallas tax-xogħol li jkun irid, u l-istess kull qasam ieħor. Il-kitba ħija meqjusa bħala arti? Jista’ bniedem li għandu d-don tal-kitba jgħix b’dan id-don jew tal-anqas iżommu bħala part time? Żgur li le. Kemm hawn min japprezza s-sigħat li bniedem jgħaddi jfittex biex jikteb artiklu li jinqara fi ftit minuti? Mhux ta’ b’xejn li bosta kittieba għexu fqar u mietu bil-ġuħ. Qed ngħid dan biex dak li jkun tal-anqas japprezza x-xogħol wara kull kitba.

Illum dorna naqra l-kitba u l-għodda li tintuża biex tinkiteb u spiċċajna bi ħsieb ukoll.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 29 ta' Awwissu 2023



 

sabato 22 luglio 2023

IKONI

 

Meta nisimgħu l-kelma “ikona” aktarx li moħħna dlonk imur fuq dawk ix-xbihat ta’ qaddisin li tant huma popolari fil-Knisja Ortodossa, imma din il-kelma  tista’ tintuża għal skop ieħor. Il-ħsieb tiegħi illum ma huwiex fuq dawn ix-xbihat imma fuq persuni li minkejja li ma jkollhom l-ebda professjoni, ikunu magħrufin sewwa.

Michelina

Ġieli ktibt dwar iż-żjajjar tiegħi fir-raħal ta’ Montefalcione, qrib Avellino fl-Italja. Hemmhekk mort kemm-il darba u għalhekk għamilt ħafna ħbieb. Insomma f’raħal fuq il-muntanji, f’raħal li ma jgħixux aktar minn ftit eluf ta’ nies, ma ddumx ma ssir taf lil kulħadd u għalhekk kulħadd isir jafek, l-aktar l-aktar meta bħal Montefalcione, il-kappillan ikun is-saċerdot waħdieni tar-raħal u żjara ta’ saċerdot biex ngħidu hekk “ġdid” għar-raħħala titqies daqslikieku kient xi żjara rjali. Intant fost il-ħbieb li għamilt f’dan id-daqsxejn ta’ raħal kien hemm waħda xebba xwejħa bl-isem ta’ Michelina.

Mela din ix-xebba kienet ta’ statura qsajra ħafna. Darba waħda stiednet lill-kappillan tal-post biex imur jiekol għandha. Din hija drawwa ta’ ħafna mill-parruċċani l-aktar fi żmien il-festa ta’ Sant Antnin ta’ Padova li tkun iċċelebrata fil-parroċċa f’Ġunju u fuq skala kbira f’Awwissu. Kienet il-festa ta’ Awwissu meta Michelina stiednet lill-kappillan id-dar tagħha. Huwa dlonk qalilha li kien hemm jien dak iż-żmien għax kont qed nagħmel il-festa tal-qaddis tant maħbub tagħhom. Hija dlonk staqsietu jekk ngħaddix mill-bieb ta’ barra tagħha. Billi hi kienet magħmula żgħira min jaf lili daqs xiex kienet tarani! Mort id-dar ta’ Michelina mal-kappillan, kilna tajjeb u għaddejt mill-bieb ta’ barra kemm qabel kif ukoll wara l-ikel. Wara din l-ewwel ikla tiegħi għandha, kull darba li erġajt żort dan il-post, kien ikun appuntament fiss għal pranzu fid-dar tagħha. Tant drajtha li bdejt insejħilha Zia Michelina!

Ftit ilu Don Paolo, il-kappillan tal-post, kitibli u nfurmani li din Michelina mietet. Mara li qatt ma marret għand tabib jew dentista, mara li qatt ma ħadet titqiba, xebba li kull min kien ikollu bżonn xi ħaġa kien idur lejha u hi taqdih. Minn twelid ta’ tarbija sat-tkeffin ta’ mejjet, Michelina kienet tkun preżenti kemm-il daba kienet tkun mitluba. Bniedma bħal din għalija hija ikona, xbieha li ma ssibx wisq bħalha, tmut u tgħib ikona unika li qatt ma jista’ jkun hemm oħra bħala, jista’ jkun hemm xebh imma daqshekk.

Fostna

Intom lil Michelina ma tafuhiex, imma bil-ktiba tiegħi ppruvajt nagħtikom xbieha tagħha, ippruvajt nippreżentalkom ikona. Bħal din ix-xebba min jaf kemm hawn anke fostna. Jekk wieħed joqgħod jaħseb ftit ma jdumx ma jibda jara sensiela ta’ ikoni quddiem għajnejh, nies li minkejja li ma jkunux famużi minħabba l-professjoni tagħhom, anzi aktarx li jkun nies l-aktar komuni, madanakollu kulħadd ikun jafhom għal xi ħaġa partikolari.

Niftakar meta kont żgħir, daħla sal-belt kienet tkun għalija l-isbaħ ħarġa. Kienet toħodni ommi jew iz-zija biex jixtru xi biċċa drapp jew biex isarrfu l-pakketti tat-trab tal-ħasil. Kont nara raġel b’xagħru goff ibigħ il-gazzetta fi Strada Rjali, dejjem fl-istess post. Ma nafux imma kien ikona għalija u għal kull min bħali kien jidħol sal-Belt. Illum nemmen li ma għadux magħna imma t-tifkira tiegħu għadha f’moħħi u nemmen ukoll f’moħħ dawk li kienu jidħlu l-belt u jarawh.

Kull raħal

Kull raħal u belt tagħna għandha minn dawn l-ikoni. Dawn ikunu persuni magħrufin man-nies tal-post  aktar mis-sindku. Kultant dawn l-ikoni jsiru popolari anke barra mir-raħal. Jien twelidt u trabbejt Ħal Qormi u hemm kellna ħafna minn dawn l-ikoni. Imma naf żgur li tnejn minnhom, tal-anqas, li saru popolari ma’ ħafna.

Fredu Cuschieri kien magħruf bħala Fredu Farfar.

Kellu daqna twila bajda u mhux darba jew tnejn deher fuq it-television jew fuq l-internet. B’din id-daqna folta bajda li kellu kien ideali biex jagħmilha ta’ Father Christmas, ħaġa li kien jagħmilha minn qalbu tant li fis-santa tal-funeral tiegħu poġġew ritratt tiegħu liebes ta’ Father Christmas. Il-mewt tiegħu serqet ikona mhux biss lir-raħal imma lil Malta kollha.

Ernest Camilleri kien magħruf bħala Nestu l-Pere. Darba ra avviż għal xi extras għal xi film u għamel appuntament. Daħal fl-ixkora għax kienet candid camera. Rabtuh ma’ siġġu u taparsi l-ħaddiema ħarġu bi strike. Ħallewh marbut hemm u meta daħal ħaddiem beda jgħidu: “Ħellni naqra, ħellni naqra!” Minn hemm Nestu, li kien magħruf ħafna mal-Qriema,  sar popolari ma’ Malta kollha.

Inzertajt li l-funerali ta’ dawn iż-żewġ ikoni għamilthom jien u għalhekk forsi aktar baqgħu f’moħħi. Kienu wkoll żewġt iħbieb kbar tiegħi u forsi għalhekk il-familjari talbuni mmexxi l-funeral tagħhom.

Dawn huma ikoni li jibqgħu. Dawn huma ikoni li posthom ma jittieħed minn ħadd għax huma uniċi. Min jaf kemm hawn bħalhom!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 22 ta' Lulju 2023



sabato 15 luglio 2023

ĊIRASA

 

Aħna l-Maltin għandna l-qawl li jgħid li l-kliem huwa bħaċ-ċirasa. Kulħadd jaf x’inhi ċ-ċirasa imma nemmen li mhux kulħadd jaf għalfejn inħoloq dan il-qawl. Ħafna drabi l-frotta taċ-ċirasa tkun f’pari, tnejn tnejn, iz-zokk ta’ waħda jkun magħqud ma’ zokk ta’ ċirasa oħra jew ta’ oħrajn għax ġieli jkun hemm aktar minn żewġ ċirasiet flimkien. Għalhekk missirijeitna ħolqu dan il-qawl għax il-kliem bħaċ-ċirasa, meta tiġbed waħda tiġi t-tieni waħda magħha, sewwasew bħall-kliem, tibda titkellem u bla ma tkun taf kif, tispiċċa b’taħdita twila li fl-aħħar tibda tgħid: “imma kif wasalt f’dan l-argument meta bdejt nitkellem fuq xi ħaġa li ma għandha xejn x’taqsam?” Hekk, għax il-kliem bħaċ-ċirasa, tibda b’waħda u tiġi l-oħra magħha. Jien ngħid ukoll li billi din hija frotta tajba ħafna, meta tibda tnaqqar ma tkunx tista’ tieqaf! Intant illum ma rridx nintilef nikteb dwar il-kliem jew il-qwiel imma nixtieq naqsam magħkom xi tagħrif dwar din il-frotta bnina li nsibu fix-xhur tal-bidu tas-sajf.

Isem

L-isem ta’ din il-frotta ġej direttament mil-Latin Vulgari ceresia. Min-naħa tiegħu, it-terminu Latin ġej mill-Grieg κέρασος ( kérasos ), li ġej mill-belt ta’ Cerasunte f’Pontus, belt li llum tinsab fit-Turkija li minnha, skont Plinju x-Xiħ, kittieb Ruman tal-ewwel seklu,  ġew importati lejn Ruma, fis-sena 72 qabel Kristu, l-ewwel siġar taċ-ċirasa. Mill-kelma Latina cerasia tnissel isem din il-frotta f’diversi ilsna fosthom il-Portugiż li jsejħulha cereja, il-Franċiż li jgħidilha cerise, fl-Ispanjol il-kelma ssir cereza filwaqt li fir-Rumen din hija cireașă. It-Taljani jsejħulha ciliega imma f’xi reġjuni għandha isem ieħor, bħal f’Napli fejn isejħulha cerasa u fi Sqallija li isem dil-frotta hija cirasa li minnha ħadna l-isem aħna l-Maltin u bħall-ġirien tagħna nsejħulha ċirasa. Fl-Ingliż għad li baqgħu l-għeruq Latini varja ftit l-isem, imma cherry ġejja wkoll minn ceresia.

Ġbir il-frott

Il-ħsad, jew aħjar il-ġbir taċ-ċirasa f'ħafna każijiet isir lejn tmiem ix-xahar ta’ Ġunju. Fl-24 ta' Ġunju, il-festa ta' San Ġwann Battista huwa meqjuż ma’ ħafna bdiewa bħala l-jum li fih għandu jibda l-ġbir taċ-ċirasa, biss din bħal kollox, mhux f’kull post il-frotta tilħaq timmatura fl-istess żmien. Anke f’pajjiżna, ċerti prodotti tar-raba’ li jitkabbru lejn il-Lvant ta’ Malta jilħqu qabel l-istess prodott miżugħ fil-punent ta’ din il-gżira ċkejkna tagħna aħseb u ara f’pajjiżi kbar fejn is-siġar taċ-ċirasa huma abbundanti. Hemm ukoll varjetajiet ta’ ċirasa li jimmaturaw aktar tard, bħal ngħidu aħna ċ-ċirasa ta’ San Ġakbu li, kif juri l-isem, timmatura bejn wieħed u ieħor fil-25 ta’ Lulju, preċiżament nhar San Ġakbu l-Kbir.

Din il-frotta tikber abbundanti fit-Turkija, li wara kollox hija l-art minn fejn  inġiebu l-ewwel siġar taċ-ċirasa fl-Oċċident. Hawn ikunu prodotti madwar 640,000 tunellata ta’ ċirasa fis-sena. Din il-frotta u s-siġar tagħha kienu ntrodotti fil-kontinent Amerikan mill-Ewropej u llum l-Istati Uniti hija t-tieni l-akbar produttur taċ-ċirasa fid-dinja. Pajjiżi tal-baħar Mediterran bħal Spanja, il-Greċja u l-Italja wkoll għandhom abundanza ta’ din il-frotta. F’pajjiżna mhux daqstant komuni.

Is-Siġra

Is-siġra taċ-ċirasa hija relattivament siġra kbira u l-frott tagħha huwa ċkejken meta mqabbel mad-daqs tas-siġra. Pereżempju siġra tal-larinġ hija ħafna iżgaħr minn waħda taċ-ċirasa imma mbagħad larinġa hija ħafna akbar minn ċirasa. Il-frott ħafna drabi jkun abbundanti. Niftakar darba kont f’raħal fuq il-muntanji qrib Avellino l-Italja. Kont mistieden għand familja biex nagħmlu barbeque. Din il-familja kellha siġra taċ-ċirasa fl-art tagħha. Qaluli biex naqta’ u niekol. Obdejt. Taqta’ kemm taqta’ qisu ma jispiċċa qatt il-frott. Konna xi sitta minn nies naqtgħu nimsħu b’idejna l-frott u nieklu. U tabilħaqq li ċ-ċirasa bħall-kliem, waħda tieħdok għal oħra!

Minbarra l-frott bnin tagħha, is-siġra toffri wkoll injam sabiħ għall-għamara. Ħaġa oħra li tajjeb wieħed ikun jaf hu li din il-frotta ma fihiex xaħam u ftit li xejn fiha zokkor filwaqt li hija sors ta’ vitamini A u C, potassju u fosfru. Madwar 80% tal-frotta hija ilma.

Iċ-ċirasa tajba ħafna tittiekel bħala deżerta imma l-istaġun li nsibuha huwa qasir għalhekk insibu bosta prodotti tagħha bħal ġammijiet u kremi. Il-frott frisk huwa dejjem l-aħjar imma meta ma ssibx tinqeda b’dak li ssib. Iċ-ċirasa tkun ukoll proċessata u karamellizzata biex tintuża ma’ frott niexef ieħor f’kejkijiet jew ħelu ieħor. Pereżempju Sqallija, fejn il-frotta taċ-ċirasa ssibha f’ammonti kbar, fit-truf tal-kannoli, ħelu marbut ma’ Sqallija wkoll, spiss titpoġġa ċirasa karamellizzata jew xi biċċa konfettura.

Iċ-ċirasa jgħidu li aktar ma tkun skura aktar tkun tajba, fil-fatt il-bejjiegħa Maltin taċ-ċirasa tal-imgħoddi kienu jgħajtu din l-għajta: “Kemm hi sewda ta’ Catania!”

Illum iddeċidejt li ndewqek ftit mit-tjubija ta’ din il-frotta ċkejkna.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 15 ta' Lulju 2023



venerdì 7 luglio 2023

L-UMBRIA

 

Issib min jgħidlek li l-Italja hija kollha sabiħa, minn fuq nett sa isfel nett. Ngħid għalija naqbel ma’ min jirraġuna hekk għax tmur fejn tmur issib xi ħaġa sabiħa. Biss illum nixtieq ngħid xi ħaġa dwar dak ir-reġjun li spiss jissejjaħ bħala “L-qalb li tħaddar tal-Italja.” Qiegħed ngħid għall-Umbria.

L-Umbria hija mdawra minn reġjuni oħra u hija wieħed mill-ftit reġjuni Taljani li ma jmissux mal-baħar.  Ir-reġjun imiss mat-Toskana lejn il-punent u t-tramuntana, mal-Marche fil-lvant u mal-Lazio fin-nofsinhar. L-art Umbra fiha xaqlibiet bl-għoljiet u muntanjużi u fiha oħrajn kważi ċatt għal kollox. Hi x’inhi, hija art mill-isbaħ!

Storja

L-istorja ta’ dan ir-reġjun hija waħda twila li tmur lura għal qabel Kristu, imma ejjew ma mmorrux daqshekk lura. Wara r-Rivoluzzjoni Franċiża u l-konkwista Franċiża tal-Italja, l-Umbria saret parti mir-Repubblika Rumana (1798–1799) u aktar tard parti mill- Imperu Napoleoniku (1809–1814). Wara t-telfa ta’ Napuljun, il-Papa reġa’ ħa l-Umbria u kienet tagħmel parti mill-Istat Pontifiċju sal-1860.  F’dik is-sena, jiġifieri fl-eqqel tar-Risorgimento Taljan, l-Umbria mar-reġjun ta’ Marche u parti mill-Emilia Romagna ġew meħudin mir-Re tal-Piemonte Vittorio Emanuele II. Ir-reġjun tal-Umbria, bil-kapitali Perugia, sar parti mir- Renju tal-Italja fis-sena ta' wara.

Bħala reġjun l-Umbria tinkludi żewġ provinċji, dawk ta' Perugia u ta’ Terni.

Perugia
Perugia

Perugia hija l-belt kapitali, jew capoluogo tal-Umbria, belt li tinsab madwar 164 kilometru fit-Tramuntana ta' Ruma u 148 fix-Xlokk ta’ Firenze. Il-belt hija magħrufa wkoll bħala l-belt tal-universitajiet , bl-Università ta' Perugia mwaqqfa fl-1308. Il-Katidral ta' dan il-post huwa ddedikat lil San Lawrenz. B'differenza mill-biċċa l-kbira tal-katidrali tal-Italja u tad-dinja kollha wara kollox, il-katidral ta' Perugia għandu l-ġenb tiegħu u mhux il-faċċata fuq il-pjazza ewlenija tal-belt. Il-Fontana Maggiore hija waħda mill-monumenti ewlenin tal-belt u tinsab fil-pjazza ħdejn il-katidral. Hija xempju tal-iskultura medjevali. Hija l-punt fejn jispiċċa l-akwedott medjevali u kienet inbniet biex tiċċelebra l-wasla tal-ilma f’Perugia. Bla dubju anke isem din il-belt ifakkrek fiċ-ċikkulata. Il-festa msejħa Eurochocolate hija avveniment annwali ddedikat għall-kultura taċ-ċikkulata u li jseħħ f'Perugia fix-xahar ta' Ottubru. Dan l-avveniment huwa appuntament iddedikat għat-tradizzjoni taċ-ċikkulata Taljana u internazzjonali.

Terni

Terni
Terni hija belt fin-nofsinhar tar-reġjun tal-Umbria. Huwa qrib il-fruntiera tar-reġjun tal- Lazio. Il-belt hija l-kapitali tal-provinċja ta' Terni. Huwa 104 kilometri fil-Grigal ta' Ruma u 81 kilometru fin-Nofsinhar tal-kapitali reġjonali, Perugia. Il-belt għandha tliet ċentri industrijali importanti: l-ewwel waħda hija ż- Żona tal-Azzar, it-tieni ċentru industrijali huwa magħruf bħala "Żona Polimer", b'erba' industriji multinazzjonali  li jipproduċu kimiċi differenti. It-tielet ċentru industrijali huwa l-Italeaf, li taħdem fis-settur tal-enerġija rinnovabbli u tippromwovi u tiżviluppa programmi fis- settur tat- teknoloġija nadifa. Wieħed dlonk jifhem li din hija belt industrijali. Madanakollu xorta wieħed jekk iżur din il-belt bħala turist isib x’jara. Il-Katidral ta ' Terni huwa ddedikata lil  Marija Assunta. Hemm insibu wkoll dik li tissejjaħ Cascata delle Marmore, kaskata ta' żmien ir-Rumani b’għoli ta’ 165 metru. Din ma hijiex kaskata naturali u hija l-ogħla kaskata magħmula mill-bniedem fid-dinja.

Art tal-qaddisin

Hawn min isejaħ lill-Umbria bħala l-art tal-qaddisin għax minn dan ir-reġjun insibu ħafna qaddisin u postijiet marbutin magħhom. Assisi, Gubbio, La Verna kollha jfakkruna f’San Franġisk. Assisi tfakkarna wkoll f’Santa Kjara u llum sar post marbut ukoll mal-Beatu Carlo Acutis. Norcia hija belt marbuta ma’ San Benedittu u allura ma’ oħtu Santa Skolastika u meta tisma’ l-isem ta’ Cassia mhux bilfors tiftakar f’Santa Rita? Forsi ftit jafu li l-qaddis patrun ta’ Terni huwa San Valentinu li jingħad li kien minn Terni u li ħa l-martirju fl-14 ta’ Frar tas-sena 273, meta kellu 97 sena. Hemm qaddisin oħrajn li huma inqas popolari magħna bħal Sant Angela ta’ Foligno, Santa Luċija ta’ Narni u San Feliċjan ta’ Foligno. Hemm oħrajn imma mhux ser noqgħod insemmi aktar.

Art ta’ ġmiel naturali

F’din il-kitba semmejt bosta bliet li tabilħaqq wieħed isib x’jara fihom imma ma rridux ninsew li hemm bosta bliet u rħula oħra f’dan ir-reġjun li joffru ġmiel naturali li wieħed mhux ta’ min jitlef kemm-il darba jkun qrib. Orvieto bil-katidral u l-istorja marbuta miegħu, Todi mhux wisq bogħod minn Perugia, Spello, Spoleto, Castiglione del Lago, Torgiano u tant oħrajn li huma kollha bliet medjevali bi ġmiel liema bħalu.

Bosta msaġar jiksu ħafna mill-art tal-Umbria u għalhekk jgħidu li hija l-qalb li tħaddar tal-Italja. U min jgħid hekk għandu elf raġun!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 8 ta' Lulju 2023



sabato 1 luglio 2023

TAL-KARMNU

 

Ix-xahar ta’ Lulju kien magħruf ma’ missirijietna bħala x-xahar tal-Karmnu. Bħalma nistgħu nobsru dan kien jissejjaħ hekk għax fis-16 ta’ dan ix-xahar tkun iċċelebrata l-festa tal-Madonna taħt it-titlu “Tal-karmelu” jew kif ngħiduha “Tal-karmnu.” Tajjeb naraw ftit minn fejn ħareġ dan l-isem.

Il-post

Il-Muntanja tal-Karmelu tinsab fost il-firxa ta' muntanji kostali li mit-Tramuntana ta' Iżrael, max-xatt tal-Baħar Mediterran tibqa’ nieżla lejn il- Xlokk tal-pajjiż. Fuq dawn il-muntanji hemm bosta bliet u rħula u aktarx li l-aktar waħda magħrufa hija l-belt ta’ Ħajfa, li tajjeb ngħidu li hija t-tielet l-akbar belt f’Iżrael. Din il-muntanja bl-Għarbi tissejjaħ ukoll  Jabal Mār Ilyās, jiġifieri il-muntanja ta’ San Elija. Hija għolja 525 metru u fiha firxa ta’ 39 kilometru bi 8 kilometri. Aktar minn muntanja waħda, il-Muntanja Karmel fil-fatt hija linja ta’ muntanji għolja.

Il-kelma karmel tfisser “art tal-ġnien” u hija ta’ oriġini inċerta. Hawn min jgħid li l-isem huwa jew kompost minn kerem u el, li jfisser "l-għalqa tad-dwieli ta' Alla" u oħrajn jgħidu li dan ġej minn kar male li jfisser "qalba, jew ġewwieni sħiħ."

Fil-Bibbja

Minħabba l-veġetazzjoni fuq in-naħa tal-għoljiet u l-ħafna għerien li wieħed isib fuq din il-muntanja, kien sar il-post tal-kriminali. Il-Karmelu bis-siġar folti kien meqjus bħala moħbi, kif jimplika l-Ktieb ta’ Għamos. F’kapitlu 9 ta’ dan il-ktieb, sewwasew fit-tielet vers naqraw hekk: jekk jinħbew fuq il-quċċata tal-Karmel, hemm infittixhom, u minn hemm naqbadhom; u jekk jinħbew minn quddiem għajnejja f’qiegħ il-baħar, nordna lis-serp jigdimhom.

Fl-1 Slaten 17:1–24, Elija jidħol fl-istorja bħala l-mibgħut tal-Mulej. Il-profeta jikkonfronta lil Aħab u jbassar nixfa minabba d-devozzjoni mhux qaddisa taʼ Aħab u Ġeżabel lejn alla Bagħal. Meta wasal it-tmiem tan-nixfa, biex jipprova li l-Mulej Alla kien l-uniku Alla veru, Elija jipproponi kompetizzjoni. Iżrael kollu ġie msejjaħ fuq il-Muntanja Karmel biex jixhed il-konfront bejn Elija u l-profeti foloz ta’ Bagħal. U Aħab bagħat messaġġiera ma’ Iżrael kollu, u ġabar il-profeti fuq il-Karmel. L-istorja nafuha, il-profeti foloz ħarġu tellifin u Elija rebbieħ. Jidher li iktar tard il-profeta Eliżew uża l-Muntanja Karmel bħala post fejn jgħix. Minn żminijiet antiki, il-Muntanja tal-Karmelu kienet meqjusa bħala post qaddis u simbolu ta’ sbuħija u fertilità. Il-Profeta Iżaija jxebbah ir-restawr glorjuż ta’ Alla mal-umanità mifdija bħala “splendur tal-Karmelu” u jgħid: “Ħa tifraħ fuq li tifraħ, taqbeż u tgħanni. Sebħ il-Libanu jingħata lilha, il-ġmiel tal-Karmel u ta’ Saron. Għad jaraw is-sebħ tal-Mulej, il-ġmiel ta’ Alla tagħna.” (Is 35, 2) Salamun iqabbel ir-ras tal-maħbub tiegħu mas-sbuħija u n-nobbiltà tal-Muntanja tal-Karmelu: “Rasek ’il fuq, xebbahtha lill-Karmel, xagħar rasek donnu porpra; sultan baqa’ maqbud fin-nokkli. Kemm int sabiħa u kemm tassew int ħelwa, imħabba fost l-għaxqiet!” Din insibuha fil-ktieb L-Għanja tal-Għanjiet kapitlu 7 versi 6 u 7.

Il-Madonna

Il-Madonna tal-Karmnu huwa wieħed mit-titli mogħtijin lill-Verġni Marija liema titlu għandu rabta speċjali mal-patrijiet Karmelitani. Il-patrijiet Karmelitani bdew jgħixu bħala patrijiet eremiti ħdejn l-Għajn ta' Sant Elija, fuq il-Muntanja tal-Karmelu lejn l-aħħar tas-seklu XII. Ir-rabta tal-Patrijiet Karmelitani mal-Verġni Marija bdiet meta dawn iddedikawlha l-kappella li kellhom sewwasew fuq il-Għolja tal-Karmelu. Skont it-tradizzjoni Karmelitana, il-Verġni Marija dehret lis-superjur ġenerali San Xmun Stock, fis-16 ta’ Lulju 1251, u tagħtu l-l-ilbies jew l-abitu tal-ordni bħala sinjal tal-protezzjoni tagħha fuqu u fuq sħabu kif ukoll bħala turija tal-imħabba tagħha lejn l-ordni. Il-Karmelitani xerrdu sewwa  din id-devozzjoni fosthom u fost il-lajċi permezz tal-labtu kannella. Sal-lum ħafna Nsara jġorru fuqhom b’devozzjoni kbira dan il-labtu sabiex il-Madonna tħarishom fil-perikli tar-ruħ u tal-ġisem. Il-festa tal-Madonna tal-karmnu ġiet imdaħħla fil-Kalendarju tal-Knisja mill-Papa Dumnikan, Benedittu XIII fl-1726 u tiġi ċċelebrata nhar is-16 ta’ Lulju.

F’Malta

Żgur li l-aktar knisja popolari f’pajjiżna li hija ddedikata lill-Madonna tal-Karmnu hija l-Bażilika tal-Belt Valletta. Insibu parroċċi ddediakti lilha. Il-Gżira, il-Fgura, Fleur de Lys, il-Balluta. Insibu għadd tal kappelli madwar Malta li huma ddedikati lill-Madonna taħt dan it-titlu: Il-Birgu, Ħal Luqa, San Pawl il-Baħar, Is-Siġġiewi, In-Nadur, Ix-Xewkija u x-Xlendi. Barra minn hekk f’bosta knejjes insibu artal iddedikat lil din id-devozzjoni. Fit-toroq ta’ gżiritna naraw għexieren ta’ niċeċ bix-xbieha tal-Madonna tal-Karmnu. 

L-isem Karmnu jew Karmena kienu popolari sew fl-imgħoddi. Dawn ħadulhom posthom ismijiet Ingliżi bħal Charles jew Carmel u Charmain. Dan kollu juri l-qima li l-poplu Malti dejjem kellu lejn il-Madonna tal-Karmnu.

Tiskanta kemm hu interessanti l-bidu ta’ devozzjoni. Illum rajna kif minn fuq il-Muntanja tal-Karmelu tnisslet din id-devozzjoni u kif inxterdet.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 1 ta' Lulju 2023