venerdì 29 settembre 2023

Abram Gatt

 

Statwarju, disinjatur u skultur

Meta nitkellmu dwar l-arti f’pajjiżna nkunu nistgħu niftaħru li għandna xi opri tal-arti li huma tal-ogħla livell. Minbarra li f’Malta għandna opri artistiċi ta’ artisti barranin, għandna oħrajn li huma xogħol ta’ artisti Maltin ukoll. Illum ħsiebi mar fuq wieħed mill-artisti kbar ta’ pajjiżna li twieled mija u sittin sena ilu. Huma bosta l-knejjes tal-bliet u l-irħula tagħna li fihom xi opra tal-artist Abram Gatt.

Abram twieled f’Bormla nhar l-4 ta’ Ottubru, 1863. Missieru kien jismu Ġużeppi u ommu Reġina, imwielda Cassar. Huwa tħarreġ fl-arti taħt il-pittur Lazzru Pisani li kien għalliem fl-iskola teknika ta’ Bormla, fejn Gatt kien jattendi. Aktar tard iż-żagħżugħ Abram tħarreġ fl-iskultura tal-injam u fis-sengħa tal-kartapesta taħt l-istatwarju Karlu Darmanin. Gatt bħala xogħol ewlieni tiegħu kien jaħdem it-Tarzna u fil-ħin ħieles kien wettaq bosta opri tal-arti. Huwa wkoll meqjus bħala disinjatur u arġentier u bosta knejjes f’Malta jistgħu jiftaħru li għandhom xi opra minn tiegħu.

F’Bormla

Kif għidt, Gatt kien jaħdem it-Tarzna. Wara li spiċċa l-istudji tiegħu, huwa beda jaħdem l-iskultura għall-għamara iżda minn dak ix-xogħol ftit li xejn seta’ jgħix billi kien hawn ħafna li jwettqu dak ix-xogħol.  Din kienet ir-raġuni għaliex daħal jaħdem it-Tarzna. II-mexxejja tat-Tarzna, Ii dak iż-żmien kienu NgIiżi, dlonk intebħu xi bniedem ta’ livell artistiku kien u għalhekk għenuh u mexxewh 'il quddiem sa għamluh il-kap tal-ħanut tal-mudellaturi, jew kif kienu jissejħu patern makers.

San Ġużepp - Bormla
Forsi l-aktar opra tal-arti marbuta ma’ Abram Gatt hija l-istatwa ta’ San Ġużepp fil-parroċċa ta’ belt twelidu. Bormla tista’ tiftaħar ukoll li ta’ dan binha, fil-purċissjoniet tal-Ġimgħa l-Kbira u l-Irxoxt, għandha l-istatwa tal-Veronika u  l-kurċifiss tal-vara l-kbira kif ukoll il-qabar tal-istatwa ta’ Kristu Rxoxt. Taħt it-tmexxija ta’ Gatt, sar it-tibdil fl-istatwa titulari tal-Kunċizzjoni tal-Belt Cospicua qabel ma din saritilha libsa tal-fidda fl-1905. Il-pedestall ta’ din l-istatwa huwa wkoll disinn ta’ dan l-artist. Fil-kolleġġjata ta’ Bormla nsibu wkoll għadd ta’ ventartali tal-fidda ddisinjata minn Mastru Abram Gatt, fosthom dak tal-altar tal-kurċifiss. Il-mazza tal-kapitlu ta’ din il-kolleġġjata wkoll hija disinn tiegħu. F’Bormla nsibu wkoll li għandu d-disinn tal-gwarniċi tal-Via Sagra kif ukoll bosta oġġetti tal-fidda fil-knisja ta’ Santa Tereża u l-gallarija fil-kappella ta’ San Pawl. Bħala Bormliż ikollna ngħidu li ħadem fuq li ħadem għal beltu. Hekk xieraq wara kollox.

Barra beltu

Minbarra dawn, Gatt kellu wkoll sehem fir-restawr li sar fl-istatwa titualri ta’ Sant’ Andrija ta’ Ħal Luqa u ta’ San Publju tal-Furjana. Dan l-artist iddisinja bosta pedestalli ta’ għadd ta’ statwi fosthom  tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt Valletta, ta’ San Ġużepp ta’ Ħal Qormi (parroċċa San Ġorġ) u l-istatwetti tal-pedestall ta’ San Lawrenz tal-Birgu. Il-parroċċa ta’ Santa Marija tal-Imqabba nsibu l-pedestall u l-bradella tal-istatwa titulari ta’ dan l-artist.

Il-ventartal tal-artal maġġur tal-knisja parroċċa, illum Bażilika, tal-Mosta kien sar fuq disinn tal-imgħallem Gatt. Dan kellu jsir għall-Kolleġġjata ta’ Bormla imma nxtara għar-Rotunda. Il-bradella tal-Bambina tan-Naxxar hija attribwita lilu wkoll. Il-pedestall tar-relikwija ta’ San Lawrenz tal-Birgu hija disinn tiegħu, kif ukoll l-anġli tal-bradella tat-istatwa titulari huma xogħlu. Il-bieb maġġur tal-Knsija ta’ Santa Katerina taż-Żurrieq huwa disinn tiegħu, u f’din il-knisja wkoll insibu xi missalli tal-fidda li ddisinjahom huwa wkoll. Għall-knsija parrokkjali ta’ San Filep ta’ Ħaż-Żebbuġ, Gatt għamel id-disinn tat-tużell tal-festa. Abram Gatt iddisinja wkoll il-linef li jintramaw fil-jiem tal-festa fil-knisja parrokkjali ta’ Ħaż-Żebbuġ u kellu sehem fid-disinn tal-linef tal-knisja taż-Żurrieq. Bosta knejjes oħra għandhom settijiet ta’ gandlieri tal-injam maħdumin minnu jew oħrajn tal-fidda li saru fuq disinn tiegħu. Dan l-artist ħadem ukoll għadd ta’ statwi li jintramaw fit-toroq Maltin fil-jiem tal-festi li bosta minnhom għadna nistgħu ngawduhom sal-lum.

Ir-raġel

Abram Gatt minkejja li kien ta’ karattru mistħi, qatt ma baqa’ lura biex jesprimi ħsibijietu fix-xogħol artistiku tiegħu u għalhekk ħakem ix-xena artistika Maltija ta’ tmiem is-seklu dsatax u tal-bidu tas-seklu għoxrin. Kien ta’ ispirazzjoni għal bosta artisti Maltin oħra.

Jingħad li kien bniedem tassew spiritwali u kien devot kbir tal-Madonna. Huwa kien ġuvni u kien jgħix ma’ ħutu f’Bormla. Matul il-gwerra Abram Gatt ħalla Bormla u mar joqgħod Ħaż Żebbuġ biex jeħles mill-attakki tal-għadu. Id-dar ta’ Bormla intlaqtet waqt attakk mill-ajru u ġarrbet ħsarat kbar. Jingħad li hemhekk Gatt kien ħalla ħafna disinji li spiċċaw mirdumin. X’ħasra!

Huwa miet f’ dan ir-raħal nhar it-28 ta’ Mejju, 1944. Huwa jinsab midfun fiċ-ċimiterju tal-Addolorata, fil-qabar tal-fratellanza tal-Kurċifiss.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 30 ta' Settembru 2023



sabato 23 settembre 2023

Funtana

 

Illum il-ġurnata ma tmurx fi ġnien jew f’xi post pubbliku li ma tarax xi funtana. Anke f’bosta djar tagħna, meta djarna kienu għadhom djar u mhux gabubi, konna nsibu bosta minnhom b’xi funtana fil-ġnien jew bitħa jew saħansitra fil-parapett. U dan mhux f’pajjiżna biss, il-funtana hija għamara importanti fil-postijiet pubbliċi.

Mill-qedem

Il-kelma “funtana” ġejja mil-latin Fons li tfisser għajn tal-ilma. Biss dan ma jfissirx li kienu r-Rumani li waqqfu l-ewwel funatani. Oriġinarjament il-funtani kienu purament funzjonali, magħqudin ma’ għejun jew akwadotti bl-iskop li jipprovdu ilma tax-xorb u ilma għall-għawm u l-ħasil lir-residenti tal-bliet u l-irħula. Sal-aħħar tas-seklu XIX il-biċċa l-kbira tal-funtani kienu jaħdmu bil -gravità u għalhekk kellhom bżonn għajn ta’ ilma ogħla mill-funtana, jew inkella ġibjun jew akwedott, biex l-ilma jiċċirkola jew jogħla fl-arja.

Fontana di Trevi
Ċiviltajiet antiki bnew ħwat tal-ġebel biex jaqbdu u jżommu l-ilma tax-xorb tant prezzjuż. Ħawt tal-ġebel imnaqqax, li jmur għal madwar 2000 QK, instab fil-fdalijiet tal- belt antika Sumerjana ta’ Lagash fl-Iraq tal-lum. L-Assirjani tal-qedem bnew sensiela ta’ ħwat qrib tax-Xmara Comel. Dawn kienu minquxin fil-blat samm u mqabbdin ma’ kanali żgħar li jaslu sa xi nixxiegħa. L-Eġizzjani tal-qedem kellhom sistemi inġenjużi biex jerfgħu l-ilma  tax-xorb mix-xmara Nil  u ma’ din is-sistema ħolqu l-funtani. Il-Griegi tal-qedem użaw akkwadotti u funtani li jaħdmu bil-gravità biex twassal l-ilma lill-pubbliku. Skont l-istoriċi tal-qedem, il-funtani kienu diġà jeżistu f'Ateni, Korintu u bliet Griegi antiki oħra fis-sitt seklu qabel Kristu. Dawn kienu jkunu l-punti tat-tmiem tal-akwadotti li ġabu l-ilma minn għejjun jew xmajjar fil-bliet. Ir-Rumani tal-qedem bnew sistema estensiva ta’ akwadotti mix-xmajjar u mill-għadajjar il-kbar biex jipprovdu ilma għall-funtani u l-banjijiet ta’ Ruma. L-inġiniera Rumani użaw tubi taċ-ċomb minflok tal-bronż biex iqassmu l-ilma mal-belt kollha. Matul il-Medju Evu, l-akwadotti Rumani tkissru u ħafna funtani madwar l-Ewropa ma baqgħux jaħdmu, għalhekk il-funtani spiċċaw biss bħala dekorazzjoni. F'Ruma, il-Papa Nikola V (1397–1455) iddeċieda li jsebbaħ il-belt u jagħmilha kapitali denja tad-dinja Kristjana. Fl-1453, huwa beda jibni mill-ġdid l-Acqua Vergine, l-akwedott Ruman, li kien jinsab f’rovina sħiħa, li kien ġab ilma nadif tax-xorb lejn il-belt minn 13-il kilometru bogħod. Huwa ddeċieda wkoll li jerġa’ jqajjem id-drawwa Rumana li jimmarka l-punt tal-wasla ta’ akkwadott b’funtana grandjuża kommemorattiva. Huwa kkummissjona lill-perit Leon Battista Alberti biex jibni l-famuża Fontana di Trevi. 

Aktar qrib tagħna

Fil-bidu tas-seklu XIX Londra u Pariġi bnew akwadotti u funtani ġodda biex jipprovdu ilma tax-xorb nadif lill-popolazzjonijiet tagħhom li kienet kibret sewwa. Napuljun Bonaparte beda l-bini tal-ewwel kanali li jġibu l-ilma tax-xorb lejn Pariġi u ma’ dawn il-kanali saru ħmistax-il funtana ġdida, l-aktar famuża hija l-Fontaine du Palmier fil-Place du Châtelet li twaqqfet biex tfakkar ir-rebħiet militari tiegħu. Il-funtani ta’Pariġi fis-seklu XX ma kellhomx aktar għalfejn ifornu l-ilma tax-xorb - kienu purament dekorattivi u peress li l-ilma tagħhom ġeneralment kien ġej mix-xmara u mhux mill-akwadotti tal-belt, l-ilma tagħhom ma kienx għadu tajjeb għax-xorb. Tmienja u għoxrin funtana ġdida nbnew f’Pariġi bejn l-1900 u l-1940; disa’ funtani ġodda bejn l-1900 u l-1910; erbgħa bejn l-1920 u l-1930; u ħmistax bejn l-1930 u l-1940. Niżbalja jekk ngħid li Pariġi hija l-belt tal-funatani?

Funtani mibnija fl-Istati Uniti bejn l-1900 u l-1950 segwew l-aktar mudelli Ewropej u stili klassiċi. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, il-funtani fl-Istati Uniti saru aktar varjati fil-forma.

Il-Funtana tat-Tritoni

Inħoss li nkun qed nonqos jekk nikteb dwar il-funtani u ma nsemmix xi ħaġa żgħira dwar l-aktar funtana popolari ta’ pajjiżna – il-Funtana tat-Tritoni, sewwasew qabel tidħol fil-Belt Valletta, fil-pjazza li llum sar jisimha Pjazza Tritoni.

Din il-funtana kienet iddisinjata u mibnija bejn l-1952 u l-1959, imfassla b'mod konġunt mill-iskultur Vincenzo Apap u l-kollaboratur tiegħu Victor Anastasi. Il-funtana nxtegħelet l-ewwel darba nhar is-Sibt 16 ta' Mejju 1959. Il-funtana tikkonsisti fi tliet figuri tal-bronż ta’ Tritoni mitoloġiċi li qegħdin iżommu platt. Tnejn mit-Tritoni qegħdin bilqiegħda, filwaqt li t-tielet wieħed għarkobbtejh. Fl-1 ta’ Marzu 1978, waħda mill-idejn ta’ wieħed tat-Tritoni nkisret u l-platt ta’ fuq waqa’ u rriżulta fi ħsara sinifikanti lil tnejn mit-tliet Tritoni. Kien sar pilastru f’nofs il-funtana biex tal-anqas ma baqgħetx imkissra. Fl-2017 sar restawr kif għandu jkun biex din il-funtana reġgħet ħadet id-dehra oriġinali tagħha. Din kienet lesta sewwasew qabel mal-Belt Valletta kienet serviet bħala l-Belt Kulturali Ewropea, fl-2018. 

Illum dorna dawra mal-funtani. Hemm ħafna aktar x’wieħed jgħid dwar dawn imma llimitajt ruħi għal ftit funtani biss, għax jingħad li madwar id-dinja kollha hawn akar minn 280,000 funtana f’postijiet pubbliċi. Mur semmihom kollha!

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 23 ta' Settembru 2023



venerdì 15 settembre 2023

Iċ-ċurkett tat-tieġ tal-Madonna - 2

 

It-tieni parti

 

Il-ġimgħa l-oħra bdejt nagħtikom xi tagħrif dwar relikwija li nsibu fil-katidral ta’ Perugia l-Italja, relikwija li jingħad li hija ċ-ċurkett taż-żwieġ li San Ġużepp kien ta lil Marija. Rajna l-istorja kif wasal sal-post fejn qiegħed illum. Illum inkomplu naraw aktar dwar dan iċ-ċurkett.

Iċ-Ċurkett Imqaddes

F'konformità mal-ħajja umli ta' Marija u Ġużeppi, is-Santo Anello mhuwiex xi ċurkett elaborat miksi b'ġojjelli. Huwa ċurkett magħmul minn ħaġra semi prezjuża sabiħa li tidher bajda daqs il-ħalib fid-dawl tax-xemx. It-tip ta’ ħaġra hija Kalċedonja (Chalcedony). Il-Katidral ta’ San Lawrenz ta’ Perugia rrapporta li analiżi ġemoloġika fl-2004 iddeterminat li ċ-ċurkett huwa tal-ħaġar Kalċedonja u “meta wieħed iqis il-karatteristiċi kollha, jidher li probabilment imur lura għall-ewwel seklu, u aktar iva milli le ġej mill-Lvant .”

Lura f’Perugia, mill-1517, dan iċ-ċurkett Imqaddes, jew aħjar is-Santo Anello, inżamm fl-istess relikwarju tad-deheb u tal-fidda mfassal apposta għalih mill-arġentiera Federico del Roscetto u ibnu Cesarino. Ir-relikwarju qisu ostensorju, b'tinqix, figuri u ornamenti. Huwa fost l-isbaħ opri ta' xogħlijiet tal-arġentiera Rinaxximentali Taljani.

Iċ-Ċurkett Imqaddes jidher imdendel ġewwa r-relikwarju ma’ kuruna tal-fidda ndurata bid-deheb li saret fl-1716. Matul il-biċċa l-kbira tas-sena, ir-relikwarju ikun merugħ f'żewġ kaxxaforti tal-ħadid u tal-injam 'il fuq mill-artal tal-kappella u jibqa’ wara l-purtieri. Minħabba l-protezzjoni kbira, jeħtieġu 14-il ċavetta biex jinfetaħ il-kaxxaforti. Iċ-ċwievet tiegħu jinżammu minn erba’ istituzzjonijiet differenti, reliġjużi u muniċipali. Meta ċ-Ċurkett Imqaddes ikun għall-qima, ir-relikwarju jitbaxxa fuq l-artal permezz ta’ apparat li ġie nstallat fis-seklu 18. Din il-wirja uffiċjali taċ-Ċurkett Imqaddes issir darbtejn fis-sena f’okkażjonijiet uffiċjali. L-ewwel darba hija bejn id-29 u t-30 ta’ Lulju, id-data li s-Santo Anello ġie trasferit mill-kappella fil-palazz għall-kappella fil-katidral fl-1488. It-tieni darba tkun fit-12 ta’ Settembru, it-tifkira tal-Isem Imqaddes ta’ Marija. L-ewwel dati għandhom x'jaqsmu maż-żewġ viżjonijiet tal-Beata Anna Katarina, li seħħew fid-29 ta' Lulju u fit-3 ta' Awwissu. Lejn l-aħħar ta’ Lulju, gruppi kbar ta’ koppji, miżżewġin jew li dalwaqt se jiżżewġu, jiġu biex iqimu ċ-ċurkett. Il-koppji jitħallew imissu ċ-ċrieket tat-tieġ tagħhom mas-Santo Anello biex jirċievu barka fuq iż-żwieġ tagħhom. Il-Beata Anna Katarina milli jidher kienet rat dan iseħħ fil-viżjonijiet tagħha! Iċ-Ċurkett Imqaddes kultant jintwera xi drabi oħra marbuta ma’ avvenimenti partikolari tal-Knisja ta’ Perugia.

Fl-aħħar nett

Il-kappella tal-katidral fejn insibu ċ-ċurkett fiha l-pittura taż-żwieġ tal-Verġni, li saret fl-1825 minn Jean-Baptiste Wicar. Iżda dan ma kienx l-il-kwadru oriġinali. Il-pittura oriġinali fil-Cappella del Santo Anello, kienet tpittret minn Pietro Vannucci, magħruf bħala il-Perugino fil-bidu tas-seklu XVI, ftit snin wara li ċ-Ċurkett Imqaddes inġieb fil-katidral. Hemm xebh kbir bejn dan il-kwadru u dak aktar magħruf u popolari, li wkoll juri ż-żwieġ tal-Verġni, xogħol ta’ Raffaello, li tlesta kważi fl-istess żmien, fl-1504 — it-tnejn juru lil Ġużeppi se jpoġġi ċ-ċurkett tat-tieġ fuq suba’ Marija f’xena kważi identika. Huwa maħsub li Raffaello kien ispirat mix-xogħol ta’ Perugino biex jagħmel il-verżjoni tiegħu. Il-pittura ta’ Perugino ġiet meħuda mit-truppi ta’ Napuljun Bonaparti fl-1798 u issa tinsab ġewwa l-Musée des Beaux-Arts f’Caen, fi Franza. Fil-bidu tal-2023 dan il-kwadru ttieħed minn Franza għal Perugia biex jiġi esebit għal ftit xhur billi kien jaħbat il-ħames ċentinarju mill-mewt ta’ dan il-pittur.

Il-katidral jgħid li dan iċ-ċurkett sar “simbolu” li jirreferi għall-okkażjoni storika taż-żwieġ ta’ Ġużeppi u Marija, benniena u kustodja tal-misteru tal-Inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla, għal min jemmen, għajn ta’ grazzja u barka. Għalhekk il-katidral ta’ Perugia, f’kontinwità mat-tradizzjoni nobbli li akkumpanjat il-protezzjoni ta’ dan il-ġojjell matul is-sekli, iżommu b’għożża kbira u joffrih għall-qima, f’okkażjonijiet speċjali, bħala  tifkira tas-sehem tal-għaqda ta’ Marija u Ġużeppi fil-misteru tal-Inkarnazzjoni, kif ukoll bħala sinjal ta’ fedeltà matrimonjali, li tagħmel kull żwieġ is-simbolu tal-imħabba ta’ Alla għall-umanità, għajn ta’ frott u ta’ ħajja.

Imma veru?

Żgur li ħafna jistaqsu dwar kemm tabilħaqq dan iċ-ċurkett huwa awtentiku, kemm verament huwa dak li kien intuża minn Ġużeppi meta żżewweġ lil Marija. Temmen jew ma temminx xejn ma jnaqqas il-fidi tiegħek, din mhux xi domma ta’ fidi. Biss li huwa żgur hu li hemm devozzjoni qawwija lejh u hemm ukoll dak li kienet kitbet dwaru l-Beata Anna Katarina Emmerich, li semmejna fl-artiklu tal-ġimgħa l-oħra.

Il-mistoqsija tibqa’ dejjem: “Imma dan huwa veru l-liżar li fih tkeffen Ġesù?” Il-fidi tagħna ma għandhiex tkun ibbażata fuq affarijiet li naraw b’għajnejna jew immissu b’idejna. Dawn jistgħu biss jgħinuna fil-fidi tagħna imma qatt ma għandhom ikunu l-bażi tat-twemmin. Niftakru dejjem x’kien qal il-kittieb u l-ekonomista Stuard Chase: “Għal dawk li jemmnu, m’hemmx bżonn ta’ prova. Għal dawk li ma jemmnux, l-ebda prova mhi biżżejjed."

 

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 16 ta' Settembru 2023



sabato 9 settembre 2023

Iċ-ċurkett tat-tieġ tal-Madonna - 1

 

L-ewwel parti

Kull nhar id-29 ta’ Lulju u t-12 ta’ Settembru, ħafna pellegrini jżuru l-Katidral ta’ San Lawrenz f’Perugia, l-Italja, biex jaraw u jqimu oġġett sagru — relikwa li jingħad li hija ċ-ċurkett tat-tieġ tal-Madonna. Għalkemm ir-residenti ta’ Perugia kienu jafu b’dan iċ-ċurkett għal mijiet ta’ snin, dawk minn barra l-belt ma kinux jafu bih sakemm kitbet dwaru l-Beata Anna Katarina Emmerich fis-seklu XIX. Din il-Beata twieldet fis-7 jew it-8 ta’ Settembru tas-sena 1774 fi Flamschen, il-Ġermanja u mietet f’Dülmen, il-Ġermanja stess nhar id-9 ta’ Frar, 1824. Kienet soru Agostinjana, mistika, viżjonarja u stigmatika. Mifnija fis-sodda għal ħafna snin, hija ddeskriviet viżjoni li kellha fid-29 ta’ Lulju, 1821:

“Rajt iċ-ċurkett tat-tieġ tal-Verġni Mbierka; la huwa tal-fidda u lanqas tad-deheb, u lanqas ta’ xi metall ieħor; mhuwiex ċurkett dejjaq jew irqiq, iżda pjuttost oħxon. Rajtu lixx u madankollu bħallikieku donnu miksi bi triangoli żgħar li fihom kien hemm xi ittri. Fuq ġewwa kien ċatt. Rajtu miżmum maqfulb’ħafna serraturi fi knisja sabiħa. Ħafna nies devoti li jkunu waslu biex jiżżewġu jieħdu ċ-ċrieket tat-tieġ tagħhom biex imissuh ma’ dan iċ-ċurkett.”

Kien taf li kien fi knisja fl-Italja imma ma kinitx taf liema waħda u qatt ma saret taf. Inqas minn ġimgħa wara, fit-3 ta’ Awwissu, il-Beata kellha viżjoni oħra taċ-ċurkett:

“Illum rajt festa fi knisja fl-Italja fejn hemm iċ-ċurkett tat-tieġ. Deherli li huwa mdendla f’tip ta’ ostensorju li kien fuq it-tabernaklu. Kien hemm artal kbir, imżejjen b’mod sabiħ ħafna. Rajt ħafna ċrieket jintmessu mal-ostensorju. Waqt il-festa, rajt lil Marija u lil Ġużeppi bil-ħwejjeġ tat-tieġ tagħhom fuq kull naħa taċ-ċurkett, bħallikieku Ġużeppi kien qiegħed ipoġġi ċ-ċurkett fuq suba’ l-Verġni Mbierka. Fl-istess ħin, rajt iċ-ċurkett jiddi u bħallikieku miexi.”

Il-Post taċ-Ċurkett

Fejn hu dan iċ-“Ċurkett Imqaddes,” li ma’ kulħadd huwa magħruf bħala s-Santo Anello, u tradizzjonalment meqjum bħala dak li San Ġużepp ta lil Marija fit-tieġ tagħhom? Huwa madwar 20 kilometru bogħod minn Assisi, sewwasew fil-belt ta’ Perugia. Hemmhekk, fil-Katidral ta’ San Lawrenz, ikkonsagrat fl-1118, insibu s-Santo Anello. Mill-1488, iċ-ċurkett tpoġġa f’kappella fil-katidral iddedikata lilu. Iżda l-istorja ta’ dan iċ-ċurkett tmur lura għal bosta sekli qabel.

Il-kappella mżejna b'mod elaborat kienet oriġinarjament iddedikata lil San Bernardinu ta' Siena, imbagħad kif kien xieraq ġiet iddedikata mill-ġdid lil San Ġużepp wara li l-festa tiegħu idaħħlet fil-kalendarju tal-belt fl-1479. Reġgħet ġiet iddedikata mill-ġdid għas-Santo Anello sena wara, fl-1488. Iċ-ċurkett kien ilu Perugia mill-1473 meta ttieħed mill-belt ta’ Chiusi, madwar 50 kilometru fil-Lbiċ ta’ Perugia, u ġie mogħti lill-maġistratura ta’ din il-belt. Dan kellu jitqiegħed fil-kappella fil-Palazzo dei Priori. B’tilwima bejn Chiusi u Perugia dwar liema post kien se jżomm iċ-Ċurkett Imqaddes, il-Papa Sistu IV qatagħha favur Perugia, fejn ġie meħud uffiċjalment mill-kappella tal-palazz għall-katidral.

Qabel

Qabel ma wasal Perugia, iċ-ċurkett kien jinstab Chiusi għal diversi sekli. Kitbiet mill-Kanċillier ta’ dik il-belt jirrapportaw li r-relikwa kienet ilha fil-belt għal 484 sena qabel ma ttieħdet minn hemm. Waqt li kien fi Chiusi ċ-ċurkett biddel postu aktar minn darba — il-Katidral ta’ San Secondiano fil-belt kien wieħed mill-postijiet, filwaqt li ieħor, b’ordni tal-isqof, kien il-knisja ta’ San Franġisk fl-1420. Imbagħad itieħed lejn Perugia.

F’nofs is-seklu XVIII, wieħed qassis skopra manuskritt  tas-seklu II fil-Biblioteca Angelica ta’ Ruma. Il-manuskritt jirrakkonta kif fis-sena 985, wieħed arġentier kien xtara dehbijiet prezzjużi mingħand wieħed Lhudi Ruman li kien għadu kif ġie lura mill-Lvant Nofsani. Wara x-xiri l-Lhudi ta ċurkett modest tal-ħaġar lill-arġentier u kif kien miktub fir-rakkont, qallu, “Dan hu ċ-ċurkett li bih Ġużeppi żżewweġ lil Marija ta’ Nazaret. Ġie mgħoddi lili mingħand missirijieti u għalkemm ħadd minnhom ma kien Nisrani, dejjem żammewh b’devozzjoni. Ilni żmien nixtieq nagħtih lill-Insara. U min aħjar minnek jista’ jżommu bl-għożża li tixraqlu? Poġġih f’post denju u kun devot lejh .” L-arġentier kien dubjuż dwar iċ-ċurkett għalhekk żammu merfugħ, iżda mbagħad seħħew ċirkustanzi meqjusa bħala mirakolużi — ibnu miet u mbagħad reġa’ ħa l-ħajja għal żmien qasir biex iwassallu messaġġ li ċ-ċurkett kien ġenwin. Din il-ħaġa kkonvinċietu u beda jemmen. Għalhekk huwa għaddieh lill-Knisja f’Chiusi.

Hemm ħafna aktar x’wieħed jgħid dwar dan iċ-ċurkett għalhekk ser inkompli nwasslilkom xi tagħrif dwaru il-ġimgħa d-dieħla.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 9 ta' Settembru 2023



venerdì 1 settembre 2023

Żgħażagħ u żgħażagħ

 

Kemm-il darba aħna l-adulti naqbdu xi argument dwar il-ġenerazzjoni ta’ warajna jew aħjar dwar iż-żgħażagħ tal-lum. Tabilħaqq li dan kulħadd żmienu jara l-isbaħ, imma wisq nibża’ li meta aħna nitkellmu dwar iż-żgħażagħ tal-lum għandna t-tendenza li naraw biss l-ikrah, li niġġeneralizzaw u li npoġġu lil kulħadd f’keffa waħda. Imbagħad taqra xi aħbar, tisma’ xi storja, tara xi fatt dwar din il-faxxa ta’ nies u bla ma trid tinduna li tkun żbaljat fil-ġudizzju tiegħek. Ikollna nammettu li mhux kollox ħażin fiż-żgħażagħ tad-dinja tal-lum. Hemm differenza kbira bejnhom u bejnna u dan narawh b’għajnejna u mmissuh b’idejna imma hemm ukoll ir-realtà li d-dinja tagħhom hija d-dinja li għaddejna minnha aħna wkoll. Jekk jiżbaljaw ikollna nammettu li aħna wkoll xi darba jew oħra żbaljajna.

Ħajja differenti

L-opportunitajiet li għandhom illum iż-żgħażagħ huma ħafna akbar minn dawk li kellna aħna. Ħa nieħdu l-eżempju tal-istudju. Min minna kien imur jistudja barra minn Malta kien jagħmel dan bi spejjeż tal-familja tiegħu. Illum mod ieħor, illum bil-pogrammi differenti li hawn, żagħżugħ jew żagħżugħa jistgħu jagħmlu parti mill-istudji tagħhom f’xi pajjiż ieħor u l-ispejjeż ma jitħallsux kollha minnhom. L-istudju barra mill-pajjiż jiftaħlek orizzonti ġodda, l-istudju f’universitajiet barra minn Malta ilaqqgħek ma’ nies mhux biss b’kulturi differenti imma b’mentalità jew twemmin differenti. Jien kont wieħed mill-ixxurtjati li studjat kważi għaxar snin f’univesitajiet barra minn Malta u nista’ ngħid li kienu snin li biddluni radikament. Trid taħdem u tistinka biex tlaħħaq għax tkun qed tistudja b’lingwa mhux tiegħek jekk xejn. Trid taddatta stil ta’ ħajja differenti għal kollox, bogħod mid-dar u mill-kumditajiet kollha li toffri l-familja. Tikber bla ma trid. Din il-ħaġa saret komuni ħafna fosti ż-żgħażagħ tagħna llum.

Dan huwa biss eżempju wieħed. Hemm ħafna aktar x’wieħed iżid.

Altruwiżmu

Kultant aħna l-kbar nikkritikaw liż-żgħażagħ. Ġieli nsejħulhom bla moħħ jew egoisti. Biss ma nistgħux niġġenerralizzaw. Dan l-aħħar waslitli l-aħbar li grupp ta’ żgħażagħ minn Ħaż-Żebbuġ marru jagħmlu xi jiem jgħinu lill-missjunarji Dumnikani fl-Albanija. L-Albanija llum mhux dik li kienet għoxrin jew ħamsa u għoxrin sena ilu, meta kienet għadha ħierġa mill-ħakma Komunista. Madanakollu hija art li fiha hemm il-missjunarji mela dan ifisser li hemm bżonn l-għajnuna b’xi mod. Dawn iż-żgħażagħ ħadmu biex faddlu l-flus għall-passaġġ u marru. Ma marrux vaganza, vaganza mmorru niddevertu mhux naħdmu! Dan huwa att ta’ altruwiżmu ta’ grupp ta’ żgħażagħ tal-lum, grupp mill-istess faxxa ta’ nies li kemm-il darba aħna l-kbar inħarsu lejhom bi prospettiva negattiva, b’nuċċali skur.

Determinazzjoni

Ejjew nibqgħu Ħaż-Żebbuġ. Dan l-aħħar żagħżugħ minn dan ir-raħal irnexxielu jasal sal-belt kapitali tal-Iżvezja Stokħolma. Forsi tgħiduli li hawn ħafna li marru jżuru din il-belt sabiħa, imma dak li huwa differenti f’din l-istorja huwa li dan iż-żagħżugħ wasal hemm fuq ir-rota. Qadef l-Italja kollha, għadda l-Awstrija u mess mar-Repubblika Ċeka biex imbagħad qadef il-Ġermanja, qasam lejn id-Danimarka u baqa’ sejjer l-Iżvezja.

Steve Zammit Lupi għamel wieħed u erbgħin jum biex wasal fejn kien determinat li jasal. Sitta u tletin jum minnhom għamilhom qdif, ħamsa minnhom mistrieħ. Għadda minn sitt pajjiżi differenti u kien jaqdef medja ta’ mija u għoxrin kilometru kuljum. Iżda darba qadef ferm aktar, għax irnexxielu jaqdef mitejn u ħdax-il kilometru.

Minbarra din il-kisba, dan iż-żagħżugħ jaħdem ħafna favur l-ambjent – ħaġa li qridna aħna l-kbar u li wirtu ż-żgħażagħ tal-lum.  Dan kollu frott tad-determinazzjoni. Sewwa jgħidu l-Ingliżi: Where there is a will there is a way!

Aktar

Semmejt biss dawn iż-żewġ fatti, imma kemm hemm oqsma oħra li ż-żgħażagħ jaħdmu fihom u forsi bla daqq ta’ trombi. Resqin lejn tmiem l-istaġun tal-festi. Forsi meta nsemmu ż-żgħażagħ u l-festi f’moħħna jiġi biss it-tbaħrid, is-sokor, forsi d-droga, id-dagħa, il-piki, it-tgħajjir u mitt ħaġa oħra, dejjem fin-negattiv. Bla ma neskludi dan kollu, inżid li ħafna xogħol fil-festi jsir miż-żgħażagħ, u mhux fejn jidħlu marċi biss, mhux fl-armar ta’ barra biss. F’bosta knejjes imnalla jkunu xi żgħażagħ li jmiddu jdejhom għall-armar. Għax ikollna nammettu, aħna kbirna u ċertu xogħol ma bqajniex tajbin għalih. Tinsiex x’jgħid il-Malti: Mal-kwaranta, ix-xitan jibda jittanta. Ma’ dan il-qawl darba smajt wieħed iżid li mbagħad maċ-ċinkwanta tibda tiżżarma. Illum naqbel miegħu. Ajma ħej, mela mas-sittin x’ġej? Imnalla jkunu ż-żgħażagħ!

Meta wieħed jieqaf u jirrifletti ftit, wara li jkun ra jew sema’ stejjer bħal dawn ikollu jammetti li tabilħaqq hawn żgħażagħ u żgħażagħ, bħalma kien dejjem, hawn it-tajjeb u hawn il-ħażin, hawn il-qamħ u hawn is-sikrana.

Fr Reno Muscat

Dan l-artriklu deher f'In-Nazzjon - 2 ta' Settembru 2023