Wasalna fi tmiem ta’ sena oħra u
ninsabu fuq l-għatba ta’ sena ġdida. Is-sena 2023 issa ser issir passat u
ħarsitna nitfgħuha fuq l-2024. Sena ġdida għandha mnejn se ġġib magħha bidliet
għalina. Min jaf sa sena oħra kemm ġrajjiet tkun għaddiet minnhom id-dinja li
forsi lanqas qatt ma nobsruhom. U mhux id-dinja biss, kull wieħed u waħda minna
sa bħal daż-żmien sena min jaf xi jkun għadda mingħalina, dejjem jekk inkunu
għadna ma temmejniex dan il-vjaġġ li jissejjaħ ħajja!
Illum nistgħu ngħidu li d-dinja
kollha tibda sena ġdida fl-ewwel ta’ Jannar, imma mhux minn dejjem kien hekk. L-għażla
li l-1 ta’ Jannar jitqies bħala l-ewwel jum tas-sena kienet introdotta mill-kalendarju
imsejjaħ Ġuljan imdaħħal fid-dinja Rumana minn Ġulju Ċesari fis-sena 46 qabel Kristu.
Qabel, l-1 ta’ Marzu kien
meqjus bħala l-ewwel jum tas-sena. Iċ-ċelebrazzjoni tas-Sena l-Ġdida toħroġ
miċ-ċelebrazzjonijiet f’ġieħ l-alla Ruman Janus
li minnu wkoll ħa l-isem ix-xahar ta’ Jannar. Minn dak iż-żmien il quddiem dan sar il-kalendarju uffiċjali ta’
Ruma u d-dominji tagħha. Matul
is-sekli l-użu tiegħu kien estiż għall-pajjiżi kollha tal-Ewropa u l-Amerika,
peress li ġew Kristjanizzati jew maħkuma mill-Ewropej. Fl-1582 il-kalendarju
Ġuljan ġie mibdul bil-kalendarju Gregorjan b’digriet tal-Papa Gregorju XIII. Madankollu,
diversi nazzjonijiet komplew jużaw il-kalendarju Ġuljan għal bosta snin wara. Xi
Knejjes li jappartjenu għall-Knisja Ortodossa għadhom jużaw il-kalendarju Ġuljan
bħala l-kalendarju liturġiku tagħhom: minn dan jirriżulta li f’xi Knejjes
Ortodossi l-Milied jiġi ċċelebrat fil-25 ta’ Diċembru bħal fil-Knisja Kattolika
u f’oħrajn fis-7 ta’ Jannar.
Differenzi
Fil-Medju Evu, ħafna pajjiżi Ewropej baqgħu
jużaw il-kalendarju Ġuljan, biss kien hemm differenzi ta’ dati li jindikaw
iż-żmien tal-bidu tas-sena. Pereżempju mis-seklu 12 sal-1752
fl-Ingilterra u l-Irlanda, il-festa tal-bidu ta’ sena ġdida kienet tkun
iċċelebrata fil-25 ta’ Marzu. Fi Spanja sal-bidu tas-seklu 17, il-jum tal-bidu
ta’ sena ġdida kien il-25 ta' Diċembru filwaqt li fi Franza, sal-1564, il-bidu
ta’ sena ġdida kien iċċelebrat nhar
l-Għid il-Kbir iżda bl-Editt ta’ Roussillon tad-9 ta’ Awwissu 1564, ġie deċiż
li l-1 ta’ Jannar kellu jibda jitqies bħala l-ewwel jum tas-sena. F’Venezja, sal-waqgħa
tagħha fl- 1797, is-sena kienet tibda fl-1 ta’ Marzu, filwaqt li fil-Puglia, l-Calabria
u Sardinja l-bidu tas-sena kien ikun iċċelebrat fl-1 ta’ Settembru. Dawn id-differenzi,
speċjalment fl-Imperu Sagru Ruman, ħafna drabi kienu jvarjaw il-bidu tas-sena
minn belt għal oħra. Bqajna nsibu differenzi oħra li komplew anke wara
l-adozzjoni tal-kalendarju Gregorjan. Fl-1691 il-Papa Innoċenz XII emenda
l-kalendarju ta’ qablu billi stabbilixxa li s-sena għandha tibda dejjem fl-1
ta’ Jannar, ħaġa li l-kalendarju Gregorjan ma kienx stabbilixxa.
Jum il-Paċi
L-ewwel ta’ Jannar huwa wkoll jum iddedikat
għall-paċi. Il-Jum Dinji tal-Paċi beda jkun iċċelebrat mill-Knisja
Kattolika fl-1 ta’ Jannar ta’ kull sena. L-iskop tal-Jum huwa li d-dinja tiddedika
l-Ewwel tas-Sena għar-riflessjoni u t-talb għall-paċi. Dan il-jum ġie stabbilit
mill-Papa Pawlu VI b’messaġġ li kien wassal nhar it-8 ta’ Diċembru 1967. Il-Jum
Dinji tal-Paċi ġie ċċelebrat għall-ewwel darba fl-1 ta’ Jannar 1968. Minn dik
is-sena l- mexxej tal-Knisja Kattolika dejjem bagħat messaġġ lill-mexxejja
tal-ġnus u lill-bnedmin kollha ta' rieda tajba li jistieden riflessjoni fuq
it-tema tal- paċi. Il-Jum Dinji tal-Paċi ġie stabbilit ukoll mill-Assemblea Ġenerali
tan-Nazzjonijiet Uniti fl-1981, bil-għan li tissaħħaħ ix-xewqa għall-paċi fost
in-nazzjonijiet u l-popli.
Ċelebrazzjonijiet
Illum f’ħafna bliet madwar
id-dinja, daħlet id-drawwa ta’ ħruq ta’ logħob tan-nar spettakolari hekk kif
l-arloġġ jaqleb nofsillejl tal-31 ta’ Diċembru. Il-bidu ta’ sena ġdida huwa żmien perfett biex tagħmel bidla
għall-aħjar. Hemm ukoll it-tradizzjoni
li jsiru r-riżoluzzjonijiet tal-Ewwel tas-Sena. Din it-tradizzjoni
tinvolvi persuna li tieħu impenn li tibdel vizzju jew imġieba mhux mixtieqa.
Ir-riżoluzzjonijiet tipiċi tal-Ewwel tas-Sena jistgħu jkunu li tieqaf tpejjep,
tiekol ikel aktar tajjeb għas-saħħa, tagħmel aktar eżerċizzju, issir aktar
organizzat jew tidħaq aktar – iżda biex
ngħidu d-dritt, riżoluzzjoni tista’ tkun
kważi kollox. Madankollu, ir-riċerka turi li ħafna riżoluzzjonijiet tal-Ewwel tas-Sena
jfallu.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 30 ta' Diċembru 2023