venerdì 30 dicembre 2016

Lejlet l-ewwel tas-sena

L-aħħar jum tas-sena huwa lejlet l-ewwel jum ta’ sena ġdida. Matul il-lejl ta’ dawn il-jumejn, madwar id-dinja jsiru bosta ċelebrazzjonijiet biex isellmu s-sena li tkun waslet biex tintemm u jilqgħu s-sena l-ġdida, dejjem b’ tamiet li din tkun aħjar minn dik li ser tispiċċa.  F’ bosta pajjiżi din il-lejla tkun iċċelebrata f’ attivitajiet soċjali fejn dak li jkun jista’ jmur jixrob, jiekol u jiddeverti. F’ ħafna bliet isiru attivitajiet f’ xi pjazza prinċipali fejn jispikkka l-logħob tan-nar.

Fejn tibda u fejn tispiċċa
Mappa li turi ż-żoni differenti tal-ħin fid-dinja
L-ewwel art li tiċċelebra tmiem is-sena u allura l-bidu ta’ dik ġdida hija l-gżira Samoa, fl-Oċean Paċifiku, filwaqt li fost l-aħħar li jseħħ dan l-avveniment insibu gżira oħra bl-isem ta’ Baker Island fil-Paċifiku wkoll. Għandna mnejn naħsbu li dawn iż-żewġ gżejjer huma imbegħdin minn xulxin iżda fil-verità ma humiex. Hemm biss ftit aktar minn elf u ħames mitt kilomtru bejniethom. Allura kif ma jibdewx is-sena flimkien? Tinsewx li d-dinja hija tonda u f’ diversi żoni hemm ħin differenti. Issa l-ġżira Samoa tinsab aktar bogħod mill-Awstralja u żżomm il-ħin ta’ dik iż-żona filwaqt lil-gżira Baker hija aktar ’il bogħod mill-Amerika u żżomm il-ħin ta’ dik iż-żona. Nafu li l-ħinijiet bejn dawn iż-żewġ żoni jvarjaw sa 24 siegħa. Issa billi d-dinja hija tonda, it-tarf taż-żona tal-ħin li fiha nsibu s-Samoa u t-tarf taż-żona tal-ħin li żżomm Baker Island ivarjaw b’ 24 siegħa. Għalhekk dan il-lejl ma jkunx iċċelebrat flimkien f’ dawn iż-żewġ gżejjer. Forsi mhux faċli tifhem dan li għadni kif fissirt, jekk ma fhimtnix toqgħodx tħabbel rasek; tirrovinax il-festi tal-aħħar tas-sena minħabba fija!


Ċelebrazzjonijet fit-toroq
Is-safar matul dawn il-jiem ta’ vaganzi sar popoalri anke magħna l-Maltin. La nkunu barra mill-pajjiż dlonk nindunaw bi drawwiet li huma differenti minn dawk tagħna. L-aktar li jispikka fiċ-ċelebrazzjonijet ta’ lejlet l-ewwel tas-sena huwa l-logħob tan-nar. Sa ftit snin ilu f’ pajjiżna ma kienet isir l-ebda attività tal-massa f’ għeluq is-sena, imma minn ftit snin ilu ’l hawn bdew isiru wkoll. Minkejja li aħna magħrufin għal-logħob tan-nar, il-lejl ta’ lejlet l-ewwel tas-sena għadu xi ftit nieqes minn dan l-ingredjent li huwa importanti ħafna fi bliet Ewropej oħra. Jien inzertajt kont f’ xi bliet Ewropej matul dan il-lejl: Catania inzertajt il-festa tan-nar, festa del fuoco, spettaklu ta’ mużika, nar u varjetà li qatt ma tista’ tinsa. Budapest, f’ silġ u kesħa xxoqq il-għadam, attendejt għal spettailu ta’ dawl, lazer, mużika u logħob tan-nar. Durres ġewwa l-Albanija inzertajt darbtejn f’ dan il-lejl u hemmhek rajt kunċerti mużikali u varjeta u logħob tan-nar anke f’ idejn it-tfal. Darba kont Foligno, fl-Umbria l-Italja. Hemm joħorġu jiċċelebraw fit-toroq u jaħarqu stoppini wkoll.  Kont anke Napli f’ dan il-lejl, il-belt famuża għal-logħob tan-nar matul dan il-lejl. F’ din il-belt rajt sema kollu lwien. Idoqq nofsillejl u kulħadd jiftaħ ix-xampanja. Żewġ minuti wara jibdew jinħarqu l-murtali tal-kulur u sa ftit wara l-ebda parti mis-sema ma jkun għadu mdallam, kollu jinxtegħel bil-logħob tan-nar. Mhux faċli tfisser dik ix-xena bil-kitba. Sfortunatament hawnhekk anke b’ armi tan-nar jiċċelebraw u jisparawhom fl-arja biex jagħmlu l-ħsejjes. Ġieli kien hemm konsegwenzi koroh ukoll.

 L-Italja hemm id-drawwa li matul dan il-lejl dak li jkun jeħles minn dak li ma jkollux aktar bżonn u għalhekk iwaddbuh ’l barra minn xi tieqa. Ħażin għalih min jinzerta taħt dik it-tieqa. Ma tantx hi drawwa sabiħa, imma dik hi!

Ikel
Dan huwa lejl li fih bosta joħorġu jieklu barra. L-Italja bħal din il-lejla ssir iċ-Cenone di San Silvestro. Ikel ikel u aktar ikel, kollox ftit għax kieku ma tasalx sat-13-il platt. Ġewwa l-Ingilterra dan il-lejl ikun iċċelebrat fil-ħwienet tax-xorb. Hemmhekk ikunu organizzati festini b’ ikel u xorb. Bħalhom jagħmlu l-Iskoċċiżi iżda aktarx li minflok birra jkollhom il-whiskey fit-tazzi tagħhom. Fi Spanja din il-lejla tibda fil-familja billi ssir l-ikla tal-aħħar tas-sena li jew tkun tikkonsisti f’ gambli u ħut jew inkella ħaruf, skont il-gosti tal-familja. Hawnhekk għandhom ukoll id-drawwa li waqt li jkun qed idoqq nofsillejl, jittieklu tnax-il għenba, waħda ma’ kull tokk. Ġewwa Franza ssir ikla bħal dik ta’ lejlet il-Milied. F’ din l-ikla aktarx jispikka l-frott tal-baħar u l-patè tal-fwied kif ukoll ix-xampanja. Insomma kull pajjiż għandu d-drawwiet tiegħu fejn jidħol l-ikel. Kulħadd jiekol u jibla, issa d-dieta nibdewha pitgħada!

Auld Lang Syne
F’ din il-lejla tinstama’ d-diska bl-isem Auld Lang Syne, poeżija Skoċċiża li kiteb Robert Burns fl-1788 u tindaqq fuq melodija tradizzjoanli antika. Din id-diska tindaqq l-aktar fil-pajjiżi li jitkellmu l-Ingliż, bħalna u issellem l-antik u tilqa’ lill-ġdid; illejla ssellem is-sena l-qadima u tagħti merħba lil dik ġdida.

Bħal bosta ħwejjeġ oħra, dan it-tmien huwa wkoll bidu. Lejlet l-ewwel tas-sena huwa tmiem u stennija ta’ bidu, bit-tama li dak li ġej ikun aħjar minn dak li għadda. Awguri minn qalbi!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 31 ta' Diċembru 2016





venerdì 23 dicembre 2016

Lejlet il-Milied

L-24 ta’ Diċembru huwa osservat bħala jum pre-festiv nistgħu ngħidu madwar id-dinja kollha. Fl-Ewropa u fil-pajjiżi Kristjani jitfakkar il-jum li fil-lelj ta’ bejnu u bejn dak tal-għada, it-tradizzjoni tgħidlina li twieled Ġesù ġewwa l-għar ta’ Betlem.

Id-drawwa li din il-festa tibda’ mill-jum ta’ qabel ġewwa minn drawwa tal-Lhud, li dawn joħduha mill-ktieb tal-Ġenesi li fil-ġrajja tal-ħolqien insibu miktub: U d-dawl Alla semmieh jum, u d-dlam sejjaħlu lejl. U dalam u sebaħ - L-ewwel jum [Ġen:1:5]. Minn din is-silta l-Lhud jgħoddu l-jum minn x’ ħin tinżel ix-xemx. Għalhekk anke lejlet il-Milied filgħaxija huwa meqjus bħala festa.

Nofsillejl
Il-quddiesa tal-Lejl tal-Milied
Nistgħu ngħidu li fil-knejjes kollha tad-dinja ssir il-quddiesa ta’ billejl. Din id-drawwa ma nsibuhiex biss fil-Knisja Kattolika iżda anke fi Knejjes Kristjani oħra bħal dawk Anglikani u Luterani. Il-ħsieb li Ġesù twieled matul il-lejl huwa meħud minn dak li San Luqa kiteb fl-Evanġelju tiegħu. Dan l-evanġelista kiteb hekk: F'dawk l-inħawi kien hemm xi rgħajja fir-raba', għassa mal-merħla tagħhom billejl. U dehrilhom anġlu tal-Mulej [Lq:2:8-9a].

Illum mhux il-knejjes kollha jibdew il-quddiesa tal-lejl tal-Milied f’ nofsillejl kif kien isir qabelIil-bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan  minn żmien il-Papa Benedittu XVI bdiet tiċċelebra din il-quddiesa aktar kmieni u sa nofsillejl tkun spiċċat. L-importanti mhux il-ħin imma s-sinifikat ta’ din il-liturġija. Wara kollox din il-quddiesa ssir madwar id-dinja kollha u billi fid-dinja hemm varjazzjoni fil-ħin, anke fil-ħin ta’ din il-quddiesa hemm il-varjazzjoni. X’ ħin tibda l-quddiesa ta’ nofsillejl f’ Malta, l-Awstralja jkunu qamu u x’ ħin tintemm il-quddiesa f’ Malta aktarx li l-Awstraljani jkunu qed ipoġġu mal-mejda tal-ikel, sakemm ma jkunux f’ xatt il-baħar jgħaddu l-Milied hemmhekk.

F’ Malta biss
Billi pajjiżna huwa pajjiż żgħir ma jfisirx li ma għandux tradizzjonijiet tiegħu. Fost oħrajn insibu li aħna l-Maltin niżirgħu l-qamħ, il-ġurbiena u l-iskalora biex nagħmluhom ħdejn il-Bambin. Għandna wkoll id-drawwa tal-purċissjoni bil-Bambin u l-prietka tat-tifel, li llum saret issir anke mill-bniet.

Il-purċissjoni bil-Bambin
Drawwa kollha kemm hi Maltija hija l-purċissjoni bil-Bambin. Kien San Ġorġ Preca li ta bidu għal din id-drawwa sabiħa. Fl-1920 ried li l-oqsma tal-Museum jorganizzaw purċissjoni bl-istatwa tal-Bambin madwar it-toroq tal-parroċċi fejn kien hemm il-Museum. Illum din id-drawwa hija mifruxa sewwa u ssir nistgħu ngħidu f’ kull parroċċa. F’ xi parroċċi ssir bis-sehem tal-banda li ddoqq innijiet tal-Milied.

Il-prietka tat-tifel ukoll taf il-bidu tagħha f’ Malta fl-1883. Kien Ġorġ ieħor din id-darba, iċ-ċkejken Ġorġ Sapiano, li għamel l-ewwel prietka tal-Milied fil-knisja parrokkjali ta’ Sant’ Andrija ġewwa Ħal Luqa.  It-tifel jew illum anke  tifla jitgħallem prietka bl-amment u jgħidha quddiem in-nies waqt il-quddiesa ta’ nofsillejl. Mhux l-ewwel darba li sforz l-eċitament it-tifel jew tifla jibqgħu b’ fommhom magħluq. Niftakar xi snin ilu hekk ġara waqt quddiesa li kont qed niċċelebra jien. It-tifla li kienet ser tgħid il-prietka bdiet tibki bil-biża’ u ma ħarġet l-ebda kelma minn fommha. Meta kkalmat  bdiet ftit ftit tgħid il-prietka. Fl-aħħar spiċċat biex għamlet prietka mill-aqwa u n-nies ċapċpulha minn qlabhom.

Dawn iż-żewġ drawwiet huma Malti, tweiledu f’ Malta u għadhom f’ Malta, iżda bit-tixrid tas-Soċjetà tal-Museum, hemm fejn il-membri ta’ din l-għaqda qed jagħmluhom ukoll barra minn xtutna.
F’ Malta qabel kienu jgħidu li matul dan il-lejl joħroġ il-Gawgaw. Jekk ixxarrab mustaċċih ifisser li x-xitwa tkun għada ġejja, jekk le allura jfisser li x-xitwa ma tantx se ttina ilma. Illum jispiċċaw ukoll l-irwieġel li jħabbru t-temp tas-sena d-dieħla.

Ikel
Dan il-jum huwa wkoll marbut ma’ drawwiet fl-ikel. Fl-Italja f’ din il-lejla ma jieklux laħam imma l-ikel ikun kollu fuq bażi ta’ ħut. Hemm min jorganizza ikla bejn il-familja u jservi seba’ tipi ta’ ħut differenti fiha. Miskin dak li ma jħobbx il-ħut għax jibqa’ b’ xejn. Id-drawwa Franċiża hija li matul dan il-lejl jagħmlu l-ikla msejħa Réveillon. Din tkun tikkonsisti f’ laħam, tajr, bebbux u anke frott tal-baħar. Jiġu servuti sa tlettax-il deżerta f’ ikla bħal din. Tajjeb ngħidu li din ma ssirx fi Franza biss imma fil-pajjiżi fejn jitkellmu l-Franċiż. Fil-Polonja hemm drawwa li lejlet il-Milied jieklu ikla speċjali b’ numru ta’ platti. In-numru ta’ platti offruti għandu jkun dejjem bil-fart, 5, 7, 9 jew 11 skont il-familja li tkun, iżda n-numru ta’ persuni fuq il-mejda dejjem għandu jkun biż-żewġ. Hawn jisservew għadd ta’ sopop li tant huma popolari f’ dan il-pajjiż. Fl-Amerika nsibu taħlita ta’ drawwiet minħabba l-fatt li bosta Ewropej emigraw lejn dan il-pajjiż u ħadu d-drawwiet tal-Milied magħhom. F’ pajjiżna għandna ikel marbut ma’ dawn iż-żminijiet fosthom il-qagħaq tal-għasel, li llum issibhom is-sena kollha. L-imbuljuta hija xarba sħuna li bħal-lejla tinżel għasel u hawn ħafna li jfittxuha.

Kemm hemm aktar xi tgħid dwar dan il-jum, kemm drawwiet differenti, kemm attivitajiet iseħħu bla ma forsi nindunaw bihom.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 24 ta' Diċembru 2016



L'immagine può contenere: 1 persona

mercoledì 21 dicembre 2016

Ma jdubx id-demm ta’ San Ġennaru – X’ nistennew li jiġri?

Hemm tliet ħwejjeġ li kull Naplitan jgħożż: Il-logħob tal-futbol, il-pizza u l-kult lejn San Ġennaru, il-qaddis patrun ta’ din il-belt. L-ewwel tnejn ma humiex sinonimi biss ma’ Napli iżda San Ġennaru huwa marbut sewwa ma’ din il-Belt Taljana u kull fejn imorru n-Naplitani jġorru dan il-kult magħhom. Xhieda ta’ dan huma l-knejjes f’ġieħu li nsibu kemm f’ Manhatten kif ukoll fi New York.

San Ġennaru kien isqof minn Benevento, Belt mhux wisq bogħod minn Napli. Jingħad li huwa sofra l-martirju fil-persekuzzjoni tal-Imperatur Dioklezjanu, ġewwa Pozzuoli, fil-provinċja ta’ Napli, nhar id-19 ta’ Settembru tas-sena 305. Mara twajba li kienet tassisti lill-isqof, ġabret id-demm ta’ dan il-martri, liema demm dejjem inżamm b’ għożża kbira. Aktar minn mitt sena wara l-fdalijiet tal-qaddis kif ukoll żewġ bozoz tal-ħġieġ bid-demm tal-qaddis ġew meħudin fid-duomo ta’ Napli, fejn għadhom miżmumin sal-lum. Ħaġa minn awl id-dinja li d-demm jagħqad u hekk ġara mid-demm ta’ San Ġennaru. San Ġennaru sar il-qaddis patrun tal-Belt u n-Naplitani dejjem għożżewh u tawh qima, u mhux qima biss! It-teżor ta’ dan il-qaddis huwa akbar mill-Crown Jewels tal-Londra! Immaġina kemm rikkezzi fih! Dwar il-bozza bid-demm tajjeb ngħidu li matul is-snin kien hemm ukoll xettiċiżmu u għalhekk saru bosta studji fuq il-materjal li jissejjaħ demm ta' San Ġennaru. Fl-2010 studju li sar mid-dipartiment tal-Bioloġija fl-Università Federico II ta' Napli, jikkonferma li dan il-materjal fih demm uman.


Kien fl-15 ta’ Awwissu 1389 li d-demm ta’ dan il-qaddis dab għall-ewwel darba. Minn dak iż-żmien ’l hawn id-demm beda jdub tliet darbiet fis-sena: is-Sibt qabel l-ewwel Ħadd ta’ Mejju, nhar id-19 ta’ Settembru u fis-16 ta’ Diċembru. F’ dawn it-tlett ijiem folla kbira ta’ Naplitani jinġabru ġewwa d-duomo biex jaraw dan il-fenomenu jseħħ quddiem għajnejhom. Minħabba l-importanza ta’ dan l-avveniment imexxi r-rit liturġiku l-Kardinal ta’ Napli.

Għan-Naplitani dawn il-jiem huma ta’ importanza kbira għaliex jemmnu li jekk id-demm idub ikun ifisser li mhux ġej xi nkwiet kbir, iżda meta dan ma jdubx ikun ifisser li ġej il-gwaj. Matul is-seklu li għadda kien hemm xi okkażjonijiet fejn dan il-fenominu ma seħħx: fl-1939, fl-1940, fl-1943, fl-1973 u fl-1980. F’ Settembru ta’ dawn il-ħames snin id-demm ta’ San Ġennaru ma dabx. In-Naplitani jorbtu diżastri kbar mal-fatt li d-demm tal-qaddis patrun tagħhom ma jdubx. Fl-1939 bdiet it-tieni gwerra dinjija li bejn militari u nies ċivili ħalliet aktar minn tnax-il miljun ruħ mejta. L-1940 hija s-sena li l-Italja daħlet fil-gwerra. Fl-1943 parti kbira minn l-Italja kienet okkupata min-Nażisiti, okkupazzjoni li baqgħet sejra sa tmien il-gwerra fl-1945. Fl-1973 Napli ġarrbet l-epidemija tal-kolera. Il-marda ħalliet madwar 24 ruħ mejta iżda aktar minn elf ruħ kienu kkurati għaliha fl-isptarijiet tal-belt. Kienu jiem ta’ twerwir għall-poplu Naplitan kollu. Fl-1980, sewwasew fit-23 ta’ Novembru, seħħ terremot mhux bogħod wisq minn Napli, seħħ fiż-żona msejħa Irpinia, li għandha parti fir-reġjun ta’ Campania u parti fir-reġjun ta’ Basilicata. Dan it-terremot, li kellu l-qawwa ta’ 6.9 fuq l-iskala Richter, ħasad il-ħajja ta’ 2,914 persuna filwaqt li 8,848 ruħ kienu feruti u 280,000 ruħ spiċċaw bla dar. Min ilumhom lin-Naplitani li jibżgħu meta d-demm ta’ San Ġennaru ma jdubx?

Nhar il-Ġimgħa, 16 ta’ Diċembru 2016, dan il-fenomenu reġa’ ma seħħx.




Dan ma huwiex l-unika fenomenu li relikwija ta’ demm idub. Jien personalment rajt id-demm ta’ San Ġennaru mdewweb u rajt ukoll id-demm ta’ Santa Patrizja jdub quddiem għajnejja. Ir-relikwa bid-demm ta’ Santa Patrizja tinsab ġewwa monasteru fi Triq San Gregorio Armeno, dik it-triq famuża mad-dinja kollha għall-presepji u għall-pasturi Naplitani. Jikkuntrasta l-istorbju ta’ din it-triq hemm is-skiet ta’ dan il-monasteru fejn tinsab miżmuma din ir-relikwija. Meta mort naraha kont ma’ xi persuni oħrajn, konna madwar ħamsa u l-badessa qaltilna nitilgħu fil-monasteru fil-kamra fejn hemm ir-relikwi u hemm waqt it-talb, x ħin il-badessa qabdet ir-relikwarju f’ idejha, rajna d-demm idub.

Billi għal xi snin jien kont ngħix ġewwa l-belt ta’ Napli, għandi bosta ħbieb minn hemmhekk. Wara li nhar il-Ġimgħa d-demm tal-qaddis ma dabx, staqsejt lil xi wħud minnhom x’ jasbu. Ilkoll kemm huma jinsabu mbeżżgħin li xi diżastru kbir sejjer jolqot lil belthom. Xi wħud qegħdin jibżgħu minn xi eruzzjoni tal-Vessuvju, oħrajn qed jibżgħu li l-2017 se tkun is-sena tat-tielet gwerra dinjija. Kulħadd jinsab imbeżża’.

Jiena bħala saċerdot ma nistax nemmen superstizzjoni, biss bħala uman, u bħala bniedem li għex ġewwa Napli, xi ftit tas-superstizzjoni u biża’ għandi wkoll.

Iżda tajjeb niftakru li kien hemm każi fejn id-demm dab u seħħew diżgrazzji kbar, saru gwerer, seħħew terremoti! Forsi d-diżgrazzji ta’ meta ma jdubx id-demm huma marbutin direttament ma’ Napli? Tajjeb li naraw x’ qal Monsinjur Vincenzo de Gregorio, l-abbati tal-kappella fejn huwa miżmum id-demm ta’ San Ġennaru, waqt quddiesa nhar il-Ġimgħa, wara li ma seħħx il-fenomenu: “Ejjew ma naħsbux fi traġedji u diżgrazzji, aħna bnedmin li nemmnu, ejjew inkomplu nitolbu!”

Fr Reno Muscat

18 ta’ Diċembru 2016



venerdì 16 dicembre 2016

Presepju

Issa li dħalna sew fi żmien il-Milied, jixraq ngħidu xi ħaġa dwar id-drawwa li nsibu mxerrda mad-dinja Kristjana kollha, id-drawwa li narmaw ix-xena tat-twelid ta’ Kristu, jiġifieri l-presepju. Ir-rakkont ta’ dan il-fatt insibuh fl-Evanġelji skont San Luqa u San Mattew

Fil-bidu
L-ewwel xbieha tat-twelid ta' Kristu li nafu biha. Tinsab
fil-katakombi ta’ Priscilla ġewwa Via Salaria Ruma 
L-ewwel xbieha tat-twelid ta’ Kristu li nafu biha nsibuha ġewwa Ruma fil-katakombi ta’ Priscilla ġewwa Via Salaria. Ma nafux min hu l-artist ta’ din il-pittura imma nafu li hija tat-tielet seklu. Fil-Medjuevu bosta artisti famużi kienu mqabbdin minn familji għonja biex ipittru din ix-xbieha. F’ xi opri minn dawn naraw membri tal-familja li tkun tat il-kumissjoni lill-artist. Mhux possibbli nsemmu l-artisti kollha li pittru dan l-avveniment li niċċelebraw kull sena fil-25 ta’ Diċembru.

Mill-pittura ngħaddu għal din ix-xena fuq livell tridimenzjonali. Kien Franġisku ta’ Assisi li fl-1223, ġewwa Greggio, fl-Umbria, għamel rappreżentazzjoni ħajja tat-twelid ta’ Kristu f’ Betlem. Dan kien l-ewwel presepju fis-sens li nafuh illum. Minn dak iż-żmien il-presepju evolva u nfirex madwar id-dinja kollha.

Il-presepju Naplitan
Kull min hu dilettant tal-presepju żgur li għandu x-xewqa li xi darba f’ ħajtu jżur dik il-belt li hija magħrufa għall-presepju tagħha. F’ Napli hemm triq, Via San Gregorio Armeno li hija kollha ħwienet, imma l-ħwienet ta’ ġo fiha ibiegħu biss presepji u aċċessorji għall-presepji. Ma hemm l-ebda eċċezzjoni, f din it-triq issib presepji biss. It-triq li twasslek għaliha, Via San Biagio Dei Librai, hija triq itwal u li fiha wkoll bosta ħwienet tal-presepji.

Parti minn presepju Naplitan
Il-presepju Naplitan huwa kkaratterizzat minn xeni tal-ħajja Naplitana. Mhux biss l-ambjent huwa Naplitan, fejn jidhru bejjiegħa tradizzjonali kif ukoll xi drawwiet tal-post, iżda f’ dan il-presepju jidħlu wkoll personaġġi magħrufin kemm mid-dinja tal-ispettaklu, l-isport jew il-politika. Darba staqsejt ħabib tiegħi,  sid wieħed mill-ħwienet ta’ Via San Gregorio, għalfejn din il-ħaġa u huwa qalli li n-Naplitani jridu juri li Kristu twieled fostna, jekk jagħmlu xeni ta’ Betlem ma jħossux li dan it-twelid sar f’ darhom allura jwelldu lil Ġesù fl-ambjent propju tagħhom biex b’ hekk iħossu li Hu twieled fosthom, sewwasew f’ belthom, mela hu wieħed minnhom.

Dan il-presepju huwa wkoll wieħed għani, b’ pasturi li jkollhom il-wiċċ, l-idejn u s-saqajn tat-terracotta u l-ġisem pupazz tal-ispag biex dan ikun jista’ jingħata l-forma li jkun  hemm bżonn. L-ilbies ta’ dawn il-pasturi wkoll huwa differenti.  Dawn huma pasturi li jitlibbsu l-ħwejjeġ ta’ drapp fin bħal satin u bellus. Fuq l-ilbies ġieli nsibu bizzilel, rakkmu jew glalen mill-isbaħ. Ħaġa li timpressjonani f’ dawn il-presepji hija d-dettall li bih isiru. Darba kont wirja ta’ presepji ġewwa Via Duomo u hemm rajt wieħed li kellu wkoll familja waqt l-ikel. Taħt il-mejda kien hemm ġurdien żgħir mistoħbi. Dan kien dettall li nsertajt rajtu jien u nifli l-presepju, minn jaf kemm irqaqat oħra ma tajtx kashom!

Presepju Malti
Darba żort mużew tal-presepji. Ma nafx jekk hux il-Belġju jew il-Ġermanja għaliex it-triq kienet tagħmel naħa ma’ pajjiż u naħa ma’ ieħor. Fost il-mijiet ta’ presepji ta’ kull għamla u daqs rajt wieħed bil-mitħna tar-riħ li kien imniżżel bħala presepju Malti. Ngħid id-dritt qatt ma stennejt li se nsib dan il-presepju hemmhekk. Dan ifisser li l-presepju Malti huwa wkoll meqjus bħala ikona. Meta ġejt lura Malta kont iltqajt ma’ dak li għamlu u kien urieni presepju ieħor tiegħu, presepju Malti tassew, it-twelid ta’ Kristu f’ razzett Malti, bil-bir u bin-niċċa tal-Madonna f’ kantuniera tad-dar bit-tazza taż-żejt tnemnem quddiemha.

L-artist Manwel Grech jarma l-presepju fi Pjazza San Pietru Ruma 
Din is-sena prespeju Malti qiegħed f’ dik li għalija hija l-isbaħ pjazza tad-dinja, Pjazza San Pietru fil-Vatikan. F’ din il-pjazza, sa mill-1982, beda jintrama presepju fuq xewqa tal-Papa San Ġwanni Pawlu II. Sa ftit snin ilu kien jintrama mill-ħaddiema tal-Vatikan bi statwi kbar li kienu jitlibbsu d-drapp. Kien jinbidel il-prespju iżda jintużaw l-istess pasturi kbar. Ftit snin ilu beda jinbidel kollox, kemm il-presepju kif ukoll il-pasturi. Kien fl-2012 meta Franco Artese, artist Taljan, ta presepju kbir ambjentat fil-wied ta’ Matera fil-Basilicata. Dan ma kellux pasturi kbar imma ċkejknin li ddaħħlu fl-ambjent ta’ Sassi di Matera, post rinomat għall-ġmiel tiegħu. Fis-snin ta’ wara bdejna naraw presepju differenti kull sena f’ din il-pjazza. Illum fl-istess post qed insibu presepju Malti maħdun mill-artist Għawdxi Manwel Grech. Mhux ser nidħol fid-dettall ta’ dan il-presepju għaliex żgur li lkoll rajnih. Nemmen li dan huwa pass ta’ ġgant fil-mixja tal-presepju Malti għaliex ser isir aktar magħruf madwar id-dinja, u min jaf, forsi jibda jkun imfittex aktar minn kollezzjonisti tal-presepji barranin.

Hu x’ inhu, id-dehra ta’ twelid ta’ tfajjel fqajjar, bejn ommu u missieru, baqra, ħmara u xi ftit nagħaġ għandha storja kbira warajha.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 17 ta' Diċembru 2016





venerdì 9 dicembre 2016

Rigali

Ix-xahar ta’ Diċembru huwa xahar sinonimu mal-għoti tar-rigali. Tista’ tgħid li madwar id-dinja kollha ssib din id-drawwa li fi żmien il-Milied u l-ewwel tas-sena jingħataw rigali. Hemm eluf ta’ rigali x’ jingħataw u l-fantasija ħafna drabi tkun fertili f’ dawn il-jiem. L-għoti tar-rigali huwa att unilaterali, jiġifieri bniedem għandu jagħti rigal għax iħoss li għandu jferraħ jew irodd ħajr lil xi ħadd  u mhux għax jistenna rigal lura mingħand dik il-persuna.  Rigal jista’ jingħata għal bosta raġunijiet: bħala sinjal ta’ ħbiberija jew imħabba, biex turi gratitudni lejn xi ħadd jew bħala għajnuna lil xi persuna fil-bżonn, dik li nsejħulha solidarjetà jew karità.


L-istrina
F’ Malta tal-imgħoddi l-għoti tar-rigali kien isir fl-ewwel jum tas-sena l-ġdida. It-tfal kienu jingħataw xi flus bħala rigal. Fil-fatt il-kelma ‘Strina’ hija marbuta mal-ewwel tas-sena u għad hawn min dan il-jum isejjaħlu b’ dan l-isem. Minn mindu bdiet issir il-ġabra għall-Community Chest Fund bejn il-Milied u l-ewwel tas-sena u ħadet dan l-isem, ir-rabta bejn l-istrina u l-ewwel tas-sena donnha spiċċat u llum issib min lanqas jaf xi tfisser eżatt il-kelma ‘Strina’.

Gost
Jgħidu li hemm aktar gost meta tagħti milli meta tirċievi. Veru għax tkun qed tferraħ lil xi ħadd għażiż għalik. Iżda aħna bnedmin u rridu nirraġunaw ta’ bnedmin li aħna. Mela ħa ngħiduha kif inhi, anke meta nirċievu xi rigal nieħdu gost. Ladarba r-rigali qegħdin hemm biex inferrħu u nifirħu tajjeb li nagħtu rigali bi ħsieb. Qabel wieħed jixtri xi rigal għandu jaħseb x’ użu ser jagħmel b’ dak l-oġġett dak it-tali li jirċevih. Kollu ta’ xejn nagħtu oġġett li ma jkunx utli għal dak li jkun. Bi ftit ħsieb nistgħu nevitaw dan ukoll.

Hawn intenni l-ħsieb tiegħi dwar il-gift vouchers. Diġà ktibt dwarhom u nerġa’ nikteb għax veru naraha ħaġa bla sens li tixtri kupun bħala rigal u torbot lil dak li jirċevih li jixtri jew li trid int jew minn fejn trid. Aħjar qbadt u xtrajt xi ħaġa int jew tajtu flus. Kupun bħala rigal għadnu mnejn itellef nofs il-gost.

Popolari
Kien hemm żmien li l-kotba kienu rigali popolari ma’ bosta, anzi mal-maġġoranza tan-nies. Mhux għax illum ma għadhomx jingħataw, iżda ż-żmien inbidel u t-teknoloġija biddlet anke d-drawwiet tagħna. Illum fi żmien il-Milied, madwar id-dinja kollha saru jinbiegħu aktar ebook readers milli kotba. Kieku din mhix ħaġa ħażina għax ktieb elettroniku fih ċerta vantaġġi fuq ktieb stampat, għalkemm il-preġju ta’ ktieb stampat ma jista’ jinqabeż qatt mit-teknoloġija.

Rigal ieħor popolari sar it-telefon ċellulari. Minkejja li llum hawn għażla kbira ta’ dan l-apparat, għad hawn prezzijiet għoljin. U jekk titħajjar tagħti mowbajl bħala rigal mhux ser tixtri wieħed ta’ ftti flus. Personalment naħseb li oġġett bħal dan għandu jintgħażel mill-individwu li ser jużah għax anke fl-għamla ta-telefon ċellulari hemm il-gosti.

Imma mhux kull rigal għandu jkun fil-faxxa tal-prezzijiet tat-teknoloġija.

L-ikel, l-aktar il-ħelu huwa wkoll rigal popolari, il-kejk tal-Milied, xi kaxxa ċikkulatini jew xi ftit mince pies jistgħu jkunu rigal fil-veru sens tal-kelma ‘ħelu’. Ix-xorb ukoll huwa rigal attraenti għal dawn il-jiem. Il-whiskey huwa r-re tar-rigali ta’ dan it-tip. Bejnietna l-irġiel flixkun whiskey jferraħna daqs ma nafx xiex. U kemm hawn tipi ta’ whiskey għandek tgħid! U kemm varjetà ta’ prezzijiet! M’ ilux kont qed inżur attività fejn kien hemm madwar mitejn tip ta’ whiskey differenti, whiskey minn kull parti tad-dinja. Dil-ħaġa nebbħitni li dan ix-xorb huwa popolari mad-dinja kollha, mela jista’ jkun rigal ideali wkoll f’ kull pajjiż.

Rigali li ma ssibx fil-ħwienet
Dan iż-żmien ta-sena nistgħu nagħtu xi rigali speċjali li ma ssibx tixtri fil-ħwienet. F’ moħħi għandi żewġ atti li nistgħu nagħmlu bħala rigal.

L-għoti tad-demm huwa rigal li ma tistax tixtrih. Huwa rigal li ma hemmx prezz għalih. Huwa rigal li lilek ma jiswielek xejn imma min jirċevih l-ebda prezz ma jkun jista’ jħallas għalih għaliex il-ħajja ma għandiex prezz. F’ dawn iż-żminijiet ir-riserva tad-demm għandha tkun akbar mis-soltu għax hemm riskji akbar li jkun hemm iżjed ħtieġa tiegħu.

Għoti ta’ ħin ma’ xi persuni speċjali huwa wkoll rigal li ma ssibux fuq l-ixkafef. Hawn bosta persuni li jispiċċaw f’ solitudni, l-aktar f’ dawn il-jiem meta suppost kulħadd ikun ferħan. Żjara lil nies ta’ din il-kategorija hija wkoll rigal li jiġi apprezzat aktar milli naħsbu.

Rigali, rigali, rigali…. Issa żmien ta’ hekk. Tajjeb li naħsbu qabel nagħtu rigal u tajjeb ukoll nagħtu rigali li ma jistgħux jinxtraw. Issa ż-żmien li nagħtu!


Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 10 ta' Diċembru 2016



venerdì 2 dicembre 2016

Ix-xahar ta’ Diċembru

Xahar wara l-ieħor igerrbu u bħal donnu lanqas tkun taf kif filli Jannar u filli jasal Diċembru. L-aħħar xahar tas-sena huwa wieħed tabilħaqq interessanti, huwa xahar mimli attivitajiet. Madanakollu hawn min iħobbu u jistennih u hawn min ma tantx iħobbu. Gosti, mitt bniedem mitt fehma ngħidu aħna l-Maltin.

L-isem ta’ dan ix-xahar ġej mill-kelma Latina Decem li tfisser għaxra għaliex fil-kalendarju Ruman kien hemm għaxar xhur u Diċembru kien l-għaxar u l-aħħar wieħed. Meta l-kalendarju Gregorjan żied xahrejn oħra, Diċembru baqa’ l-aħħar xahar tas-sena u sar it-tnax-il wieħed iżda żamm ismu. F’ Diċembru jibda l-istaġun tax-xitwa u fih insibu l-iqsar jum tas-sena.

Festi
Il-Kunċizzjoni tar-Rabat Għawdex
Żgur li fil-bidu tax-xahar ta’ Diċembru naħsbu fil-festa tal-Kunċizzjoni. Malta għandna x-xorti li l-parroċċa ta’ Bormla tiċċelebra din il-festa fil-jum propju tagħha, fit-8 tax-xahar. Dawk li jħobbu l-festi tradizzjonali Maltin ma jonqsux li jżuru ftit lill-Belt Cospicua biex jingħaqdu mal-Bormliżi fil-festa ta’ Marija mnissla mingħajr tebgħa. L-istess festa xitwija tiġi ċċelebrata bil-kbir ukoll ġewwa r-Rabat Għawdex. Hawnhekk il-Fanġiskani Konventwali jorganizzaw il-festa tal-Immakulata. Mela min iħobb il-festi, kemm jekk ikun Malti kif ukoll jekk ikun Għawdxi jkun jista’ japprofitta ruħu u jmur.

Jumejn qabel il-Kunċizzjoni tkun  iċċelebrata l-festa ta’ San Nikola. Illum ma għadiex isir il-festa esterna iżda fis-Siġġiewi ssir il-festa liturġika tal-qaddis patrun ta’ dan ir-raħal. Fl-14 tax-xahar niċċelebraw lil San Ġwann tas-Salib li l-parroċċa ta’ Ta’ Xbiex hija taħt il-patroċinju tiegħu.
Iżda żgur li l-aktar festa li tkun iċċelebrata f’ dan ix-xahar huwa l-Milied. Mal-milied hemm marbut żmien ta’ vaganzi, żmien ta’ festeġġjamenti itwal minn oħrajn għaliex jiġi lejn tmiem is-sena u għalhekk jingħaqad ma’ festi oħrajn bħal l-Ewwel tas-Sena u t-Tre Re.

Bħala festa mhux marbuta ma’ twemmin ma nistgħux ma nsemmux li pajjiżna jiċċelebra jum ir-Repubblika fit-13 ta Diċembru. Din  hija waħda mill-ħames festi nazzjonali ta’ Malta.

Safar
Illum ħafna saru jistennew dan ix-xahar biex imorru xi safra. Huma bosta Maltin li jsiefru bejn il-Milied u l-ewwel tas-sena. Hija esperjenza tassew sabiħa li ssiefer f’ dawn il-jiem għaliex tara kif ikunu ċċelebrati l-festi tal-Milied u l-ewwel tas-sena f’ pajjiżi barranin.

Aktar ma jgħaddi żmien aktar qed ikun hawn interess li l-Maltin imorru sa Napli fil-bidu tal-Avvent biex iżuru t-triq tal-presepji, Via Gregorio Armeno u Via San Biagio dei librai. Dawn iż-żewġ toroq huma l-mekka għal min hu dilettant tal-presepji. Hemmhekk issib minn kollox biex tarma l-presepju tiegħek, minn sufra biex tibni l-blat tal-għar, għal attrezzaturi li jsebbħu l-presepju sa pasturi li jiswew mijiet ta’ euro kull wieħed. Hawn in-nies tmur bl-eluf biex tara x’ hemm jgħodd għall-presepju tagħha. Ngħid għalija meta kont ngħix Napli kont nevita li nżur dawn it-toroq hekk kif joqrob Diċembru. Imma jien kelli l-ħin immur meta rrid matul is-sena, min jiġi jumejn ma jistax jagħmel bħali. Mela taqtax qalbek, mur!

Is-Suq tal-Milied ġewwa Frankfurt il-Ġermanja
Vaganza popolari wkoll saret iż-żjara lis-swieq tal-Milied. Dawn huma esperjenza li ma tinsa qatt u ladarba żżur xi wieħed żgur li jekk tiġik l-okkażjoni żżur xi ieħor ma titlifhiex. Jien żort xi swieq tal-Milied bħal dak ta’ Praga fir-Repubblika Ċeka, ta’ Bolzano u ta’ Ruma fl-Italja imma jgħidu li hawn bosta swieq tal-Milied kbar u interessanti bħal dawk ta’ Zagreb fil-Kroazja, Strasbourg u Colmar fi Franza, Aachen, Munich, Dresden, Leipzig u Nuremberg fil-Ġermanja, Brussell fil-Belġju, Vjenna fl-Awstrija u Londra fl-Ingilterra. Nittama li jkolli okkażjoni nżur xi wieħed minn dawn.

F’ dawn is-swieq issib bosta tiżjin tal-Milied maħdum b’ sengħa mill-aqwa u l-fatt sabiħ hu li kull suq għandu il-partikolarità tiegħu. Ħaġa komuni f’ dawn is-swieq huwa l-inbid sħun, dak li l-Ingliżi jsejħu mulled wine, it-Taljani  vin brulé u l-Ġermaniżi Glühwein. Din hija xarba sħuna magħmula minn inbid aħmar imsaħħan mal-imsiemer tal-qronfol u l-kannella. Imbagħad kull pajjiż u kull suq, anzi kull bejjiegħ għandu dak l-ingredjent partikolari li jżid max-xarba tiegħu. Mhux ta’ min jitlef tazza minn dan l-inbid jekk tinzerta f’ xi suq tal-Milied.

Mhux ferħ biss
Iżda Diċembru ma jġibx ferħ biss, iġib ukoll dwejjaq għal min jinsab waħdu, min iħossu minsi, imwarrab u mitluq. Is-solitudni tista’ tbiddel il-ferħ tal-festi ta’ dan ix-xahar f’ niket. Min isib ruħu f’ sitwazzjoni bħal din bilfors li jgħid li aħjar ma jasal qatt Diċembru għaliex il-festi jiġu biex ingawduhom, imma waħdena ma nistgħux ingawduhom, festa ssir biex tigawda mill-folla, jekk ma jkunx hemm folla ma jkunx hemm festa. Persuna waħdeha ma tagħmilx folla. Iva diċembru jista’ jkun xahar li jġib id-dwejjaq ukoll.

Dawn huma ż-żewġ uċuħ ta’ l-aħħar xahar tas-sena.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 3 ta' Diċembru 2016