Bdejna ix-xahar
ta’ April – ix-xaahr tal-boloh hawn min isejjaħlu u dan kollu għax fl-ewwel jum
tiegħu hemm id-drawwa li jsir xi ċajt fuq il-ħbieb. Id-drawwa taċ-ċajta
tal-ewwel ta’ April ma hijiex xi ħaġa Maltija iżda nistgħu ngħidu li nsibuha mifruxa
sew.
Fir-Renju Unit u l-Irlanda
Fl-Ingilterra,
l-Iskozja u l-Irlanda ta’ Fuq isiru bosta ċajtiet f’ dan il-jum iżda aktarx li
dawn jieqfu ma’ nofsinhar għax id-drawwa ta’ dan il-poplu tgħid li min jiċċajta
jew jidħaq b’ħaddieħor waranofsinhar ikun iblah hu stess. Dawn isejħu dan
il-jum April fool, l-iblah ta’ April.
Fl-Irlanda hemm id-drawwa li bniedem jagħti ittra lil xi ħadd biex dan joħodha
lil xi ħadd ieħor u dan it-tieni wieħed x’ ħin jirċievi l-ittra jerġa’ jibgħat
lil dak li jkun iwassalhielu għand xi ħadd ieħor u l-istorja tibqa’ sejra hekk
sakemm il-messaġġier tal-ittra taqbiżlu ċ-ċinga u jiftaħ l-ittra u jsib messaġġ
li jkun jgħidlu li dik kienet ċajta tal-ewwel ta’ April. Ma nafx kemm hawn wisq
boloh li jibilgħu ċajta bħal din. Jekk issir darba ma nafx kemm hawn imzazen
fid-dinja li jerġgħu jaqgħu fin-nasba! Insomma fid-dinja ma trid tistgħaġeb b’
xejn għax issib minn kollox.
Hemm min isejjaħ
dan il-jum bħala “All fools day” –
jum il-boloh kollha.
Il-ħuta ta’ April
F’ xi pajjiżi ċ-ċajt
li jsir f’ dan il-jum jissejjaħ “il-ħuta ta’ April”. Għat-Taljani iċ-ċajtt a’
dan il-jum huwa “pesce d’aprile”
filwaqt li għall-Franċiżi hu “poisson
d’avril”. Għan-nies tal-Olanda dan il-jum huwa “aprilvis” li wkoll ifisser il-ħuta ta’ April. Minkejja li ħadd ma
jaf minn fejn oriġina dan l-isem, hemm min jaħseb li dan il-jum beda jissejjaħ
hekk għaliex kien hemm id-drawwa li xi ħadd iwaħħal ħuta tal-karti ma’ dahar xi
ħadd ieħor bla ma tinduna l-vittma u għalhekk tibqa’ ddur bil-ħuta tal-karti
mwaħħla ma’ daharha sakemm xi ħadd jgħidilha. Ċajta bħal din min jaf kemm
għamilniha meta konna għadna studenti!
Spanja u l-Portugall
Fil-Peninsola
Iberika insibu żewġ ismijiet differenti għal dan il-jum. Il-Portuġiżi jsejħulu “Dia da mentira”, il-jum tal-gidba
filwaqt li għall-Ispanjoli dan huwa “Día
de las bromas de abril”, il-jum taċ-ċajta ta’ April. Iż-żewġ popli għandhom
raġun għaliex bħal-lum spiss ngħidu xi gidba biex nidħqu b’ dak li jkun u
nidħqu b’ dak li jkun mhux bi ħsieb ħażin iżda b’ ċajta.
Malta
Aħna wkoll inżommu
dan il-jum bħala jum li ċajta tkun mistennija u aċċettata. Bosta minna nsejħu
xi praspura li jagħmlulna jew nagħmlu aħna lil oħrajn bħala “Ċajta tal-ewwel
ta’ April” Hawn xi partijiet ta’ Malta li din id-drawwa jsejħulha “Il-Ġifa”. Ma
nafx għalfejn għaliex il-kelma ġifa tfisser bniedem li jaqta’ qalbu, xi ħadd li
jonqsu l-kuraġġ. Min jaf minn fejn bdiet din il-ħaġa.
Nistgħu nibqgħu
nsemmu l-pajjiżi għax din hija drawwa mifruxa sewwa.
Ipotesi
Insibu minn
ipprova jagħti ħjiel dwar kif origina dan il-jum.
Fl-1582 il-Papa
Gregorju XIII introduċa il-kalendarju Gregorjan, dak li nużaw aħna llum. Sa dak
iż-żmien kien jintuża l-kalendarju li Ġulju Ċesari kien introduċa ftit anqas
minn ħamsin sena qabel Kristu. Il-bidu tas-sena fil-kalendarju Ġuljan kien isir
mal-bidu tar-Rebbiegħa bejn l-20 u l-21 ta’ Marzu. Meta kien introdott il-kalendarju Gregorjan
mhux kulħadd kien jaf bih u kien hemm min ma aċċettahx. B’ hekk kien hemm min
baqa’ jiċċelebra l-ewwel tas-sena mal-bidu tar-Rebbiegħa li mhix wisq bogħod
mill-ewwel ta’ April. Dawk li aċċettaw il-kalendarju l-ġdid kienu jgħaddu
biż-żmien lil dawk li ma aċċettawhx jew li ma kienux jafu bih u kienu
jsejħulhom “boloh” jew “boloh ta’ April” . Franza aċċettat dan il-kalendarju mill-ewwel iżda
l-Ingilterra qalbet għall-kalendarju Gregorjan fl-1752. L-isem ta’ “April fools” għal din id-drawwa, kien
jintuża fl-Ingilterra ħafna snin qabel u għalhekk twaqqa’ din l-ipotesi.
Mill-banda l-oħra fi Franza ma tissejjaħx b’ dan l-isem imma bħala “ħuta ta’
April” u għalhekk nistgħu ngħidlu li din l-ipotesi hija żbaljata.
L-Imperatur Kostantinu |
Insibu min jgħid
li dan il-jum beda fi żmien l-Imperatur Kostantinu. Grupp ta’ buffi ta’ dan
l-Imperatur kienu qalulu li huma kienu kapaċi jmexxu l-Imperu aħjar minnu. Biex
ikompli ċ-ċajta l-Imperatur ħalla lil ċeru buffu bl-isem ta’ Kugel biex imexxi
l-Imperu Ruman għal ġurnata. Il-jum magħżul għal Kugel kien l-ewwel ta’ April.
Din l-ipotesi kien ħareġ biha ċertu professur tal-Istorja fl-università ta’
Boston. Iżda l-professur Joseph Boskin ma kellu l-ebda bażi storika jew
dokumentata dwar dak li qal u llum nafu li din kienet biss invenzjoni ta’ moħħ
dan il-professur.
Hu x’inhu,
il-bidu taċ-ċajt tal-ewwel ta’ April jibqa’ mistur, iżda dan iċ-ċajt ċappas
ix-xorti ta’ dan ix-xahar, xahar li bosta jqisuh bħala “tal-boloh”. Ara veru
xahar b’ xortih ħażina miskin!
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 1 ta' April 2017