venerdì 25 agosto 2017

Ġelat

Fil-jiem tas-sajf żgur li lkoll kemm aħna nieħdu gost nieħdu xi ġelat tajjeb. Huwa d-deżerta favorita mal-maġġoranza tan-nies fil-jiem sajfin, għalkemm illum il-ġelat ma nsibuhx biss fis-sajf imma nistgħu nduquh matul is-sena kollha.

Dan id-daqsxejn ta’ ġelat għandu storja interessanti ħafna.

Silġ u melħ
Il-kultivazzjoni tal-pjanti taz-zokkor fi Sqallija taf il-bidu tagħha fi żmien l-Għarab. Kienu dawn li fis-seklu IX wasslu din il-pjanta fi Sqallija u fi Spanja. Iz-zokkor huwa ingredjent importanti ħafna fit-tħejjija tal-ġelat u għalhekk fil-gżira ġara tagħna, minn dak iż-żmien beda jsir xi forma ta’ ġelat. L-Għarab kellhom id-drawwa li jagħmlu bħal te bl-ilma, zokkor, ħxejjex u ħwarar. Fi Sqallija dan ix-xorb beda jiġi ffriżat billi r-reċipjent tiegħu kien jitpoġġa fis-silġ, li kien jinġieb minn fuq il-Vulkan Etna, u mas-silġ jitħallat il-melħ biex dan idum ma jdub. Dan aktarx kien il-bidu tal-granita li tant hi popolari fi Sqallija. Ġewwa Sardegna għall-ħabta tas-sena 1600 inbdiet l-industrija tas-silġ. Issa f’ din il-gżira bdejna nsibu taħlita ta’ ilma, zokkor u lumi frizati.

Din il-ħaġa tfakkarni fil-ġelat tal-bezzun li fl-antik tant kien popolari ġewwa Malta. Biex ngħid id-dritt jien ma tantx niftakru, iżda niftakar bejjiegħ ta’ dan it-tip ta’ ġelat fil-festi ta’ San Ġorġ u ta’ Santa Marija tar-Rabat Għawdex. Kien jarma taħt il-Banca Giuratale fit-Tokk. Kont nistenna minn sena għal sena biex nixtri tazza minn dan il-ġelat tassew tajjeb. Kien appuntament annwali li sfortunatament ma għadnix inżommu għax dak il-bejjiegħ tal-ġelat tal-bezzun ma għadux jarma.

Anke qabel
B’ dan li għidt sa issa ma rridx infisser li l-ġelat jaf il-bidu tiegħu fi Sqallija, ridt insemmi din il-gżira sempliċiment għax hija qrib artna u faċilment li l-ewwel ġelat f’ Malta wasal minn hemm.
Iżda xi tip ta’ ġelat jew l-antenat tiegħu ilu jeżisti ħafna. Nafu li kien hemm popli li jħalltu frott u għasel mas-silġ u jiekluh. Din it-taħlita nafu li kienet tinbiegħ fil-Ġreċja sa xi ħames mitt sena qabel Kristu.  Fiċ-Ċina kien jitħallat ħalib, ross u għasel mas-silġ. Dan ukoll kien jinstab qabel Kristu. Jingħad li Neruni, l-Imperatur Ruman, kien jordna li jinġieb f’ Ruma silġ minn fuq tal-Italja biex jitħallat mal-frott u kien iservieh fil-pranzijiet lussużi li kien jagħmel.

Jinxtered fl-Ewropa
Jingħad li meta fl-1533 id-Dukessa Katarina de’ Medici żżewġet lid-Duka ta’ Orleans, billi hija kienet Taljana u hu Franċiż u kellhom jgħixu fi Franza, hija ħadet magħha xi koki Taljani li minbarra l-ikel li kienet imdorrija bih, kienu wkoll iħejju ġelati. Għandu mnejn dan il-pass kien il-bidu tat-tixrid tal-ġelat madwar il-kontinent tagħna. Aktar tard il-Re Karlu I tal-Ingliterra jingħad li ta somma kbira ta’ flus lil kok tiegħu biex ir-riċetta tal-ġelat li kien jagħmillu ma jgħaddiha lil ħadd biex tibqa’ riċetta rjali.

Ġelat tal-bezzun
Ma għandiex fonti storiċi dwar dawn iż-żewġ stejjer, imma b’ xi mod jew ieħor il-ġelat  ma baqax ikel irjali u sirna nsibuh mad-dinja kollha. Żgur li nxtered u sar imfittex. F’Malta l-ġelat daħħluh il-kavallieri. Illum nafu li fil-palazz tal-Inkwiżitur tal-Birgu kien jissajjar dan il-ħelu sa mis-seklu XVII.

Meta kton ngħix Bologna qatt ma tlift l-okkażjoni li nieħu xi ġelat tajjeb. Dik il-belt hija sinonima mhux biss mat-tortellini u l-mortadella, imma anke mal-ġelat tajjeb li wieħed issib fiha. Kull meta kien jiġi xi ħadd iżurni, dejjem offrejtlu ġelat minn xi waħda mill-ġelateriji li hemm. Ngħid id-dritt, jien mhux xi wieħed li niġġennen għall-ġelat, imma għal dak ta’ Bologna nagħmel eċċezzjoni u nibdlu ma’ kollox.

Tifkiriet
Il-ġelat iġibli wkoll bosta tifkiriet tal-imgħoddi. Waqt il-vaganzi tas-sajf, meta kont għadni tifel tal-iskola, niftakar li ta’ kuljum kien jiġi van bil-ġelat fit-triq tagħna. Kien idoqq il-mużika ta’ Doctor Zhivago donnha tal-kaxxa tal-ġojjelli (li dejjem baqgħet vojta) li kellha ommi fis-salott. U aħna ta’ tfal li konna noħorġu nixtri ġelat, slice jew kornet jew tal-barmil jew granita. Skont dak li niggustaw jew li jkollna aptit. Illum għadna naraw xi van bħal dawn fit-toroq tagħna imma billi l-ġelat sar prodott li spiss ikun fil-fridges tagħna, l-istennija għalih ma għadiex bħal ta’ dari.

Niftakar ukoll il-festini, xi għerusija, it-tiġijiet, magħmudija, il-festi tal-ewwel tqarbina jew tal-griżma. Festin ma kienx ikun komplut jekk fl-aħħar ma jitqassamx il-ġelat fi plattina. Ma’ dan il-ġelat kien ikun hemm bħal biskuttin tal-pane di Spagna. M’ilix wisq inzertajt f’festin li offra dan it-tip ta’ ġelat – ġelat Malti magħmul mill-ħalib tal-bott u l-bastun tal-kannella. Ngħid id-dritt ħadni lura fiż-żmien, ġabli memorji ta’ meta tifel żgħir kont inkun mal-ġenituri għal xi okkażjoni minn dawn u kont nistenna dik il-plattina bil-ġelat.

Ma nafx jekk b’dan li għidt illum ġibtilkomx aptit ta’ ġelat tajjeb? Jien ngħid għalija ftaħtu l-aptit!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 26 ta' Awwissu 2017




sabato 19 agosto 2017

INŻURU POSTIJIET DUMNIKANI GĦEŻIEŻ


Ruma
Lejn l-aħħar ta’ Marzu ta’ din is-sena, grupp ta’ 17-il Dumnikan ingħaqad biex imur inżur xi wħud mill-aktar postijiet għeżież għad-Dumnikani ġewwa l-Italja. Il-grupp kien kompost minn għadd ta’ nies differenti kemm fl-età kif ukoll fil-ħajja tagħhom. Minn żgħażagħ taħt l-20 sena sa pensjonanti, minn industrijalist għal pulizija, gwardjan, patri, ħaddiema tal-id u oħrajn tal-pinna kif ukoll kif diġa semmejt, pensjonanti.
Il-mawra bdiet f’Ruma – il-belt eterna. Hemmhekk żorna xi wħud mill-bosta knejjes li hemm u ma jistax jonqos li nżuru l-Vatikan. Żorna wkoll il-mużew tal-Vatikan – esperjenza li ma tintesiex. Ruma wkoll hemm il-kurja ċentrali tal-Ordni Dumnikan u għalhekk żorna l-bażilika ta’ Santa Sabina u l-Kurja Dumnikana fuq l-għolja tal-Avventino. Hemmhekk il-grupp kellu quddiesa bil-Malti fiċ-ċella ta’ San Duminku. Wara kienu mdawrin mal-post minn Patri Llewellyn Muscat. Filgħaxijiet ma naqasx id-divertiment, id-daħq u ċ-ċajt li tistenna meta jiltaqa’ grupp ta’ ħbieb bħal dan.
Bologna
Minn Ruma l-grupp telaq lejn Bologna – il-belt li fiha miet u għadu midfun il-qaddis tagħna Duminku. Il-qofol tal-jiem ġewwa Bologna kienu l-quddiesa bil-Malti li tqaddset fuq il-qabar ta’ San Duminku. Kull Dumnikan joħlom li xi darba jżur Bologna u jmur jara b’għajnejh l-arka fejn jinstab midfun Missierna. Il-grupp tagħna mhux biss kellu x-xorti li jżur dan il-post għażiż iżda kellu wkoll quddiesa fuq dan il-qabar. Wara din il-quddiesa l-grupp iddaħħal fiċ-ċella fejn miet San Duminku u fil-korin jew kif jissejjaħ, il-kapitlu tal-Kunvent ta’ Bologna fejn hemm l-ewwel pittura ta’ San Duminku, dak li kulħadd isejjaħlu l-anonu  għax ma nafux l-artist li pittru. Bologna hija belt sabiħa u organizzata ħafna. Hemmhekk żorna l-katidral ta’ San Pietru, il-knisja ta’ San Petronju – waħda mill-akbar knejjes fid-dinja u morna wkoll inżuru s-santwarju tal-Madonna ta’ San Luqa, li oriġinarjament kienet knisja tad-Dumnikani. Dan is-santwarju huwa għażiż ħafna għan-nies ta’ Bologna. Dan jinstab fuq l-għola parti tal-belt. Billi l-post fejn kien alloġġjat il-grupp ma kienx wisq bogħod mill-knisja ta’ San Duminku, bosta kienu dawk li żaruha ta’ kuljum, u forsi anke aktar minn darba.
Napli
Minn Bologna l-grupp telaq lejn Napli – il belt li fi żmien kienet kapitali ta’ Renju, kienet ukoll provinċja Dumnikana awtonoma. Illum din il-belt sabiħa tilfet ħafna mill-importanza tagħha iżda mhux mill-faxxinu li toffri lil dak li jżurha. Ovvjament meta tkun għadek kif ħallejt Bologna u tmur Napli tħoss ix-xokk kulturali, tara d-differenza f’kollox, dawn huma żewġt ibliet li donnhom il-lejl u n-nhar, l-abjad u l-iswed. Hemmhekk il-grupp kellu quddiesa oħra bil-Malti ġewwa l-knisja ferm sabiħa ta’ San Domenico Maggiore. Fil-kunvent li hemm ma’ din il-knisja kien jgħix San Tumas ta’ Akwinu, u l-grupp wara l-quddiesa kien imdawwar mal-mużew tal-knisja, mal-kunvnet u żar ukoll iċ-ċella ta’ San Tumas. Hemmhekk hemm merfugħ bl-akbar għożża, il-pittura tal-kurċifiss li kellem lil dan il-qaddis Dumnikan. Ladarba l-grupp kien Napli ma setax jonqos li jżur it-triq magħrufa għall-presepji – Via Gregorio Armeno. Fit-tarf ta’ din it-triq insibu l-bażilika San Paolo Maggiore fejn hemm il-qabar ta’ San Gejtanu. Billi ma aħniex mill-Ħamrun, xorta morna nżuru l-qabar ta’ dan il-qaddis maħbub. Żorna wkoll bosta knejjes oħra li hemm fiċ-ċentru tal-belt, fosthom il-knisja ta’ Ġesù Nuovo, meravilja ta’ arti fl-irħam – knisja li ma fiha xejn nieqes u xejn żejjed. Ma jistax jonqos li ssir żjara lid-duomo, il-knisja ta’ San Ġennaru. Qabel ma l-grupp daħal fil-knisja żar it-teżor ta’ dan il-qaddis. Dan huwa teżor għani ferm li fil-valur tiegħu jaqbeż sewwa l-Crown Jewels ta’ Londra.
L-aħħar vjaġġ kien minn Napli għal Bari. Hemmhekk l-aktar qaddis magħruf u marbut ma’ din il-belt huwa San Nikola. Lanqas aħna mis-Siġġiewi imma morna nżuru l-knisja ta’ dan il-qaddis li hija parti mill-kunvent tad-Dumnikani. Hemmhekk saret dawra sewwa mal-knisja. Wieħed dlonk jinnota l-preżenza ta’ bosta Nsara Ortodossi f’din il-knisja. Il-fatt li San Nikola kien qaddis Grieg u li l-kult tiegħu huwa mifrux sewwa fid-Dinja Ortodossa, iwassal bosta Nsara Ortodossi biex iżuru din il-knisja. Fil-fatt ta’ kuljum jaslu mijiet ta’ pellegrini Ortodossi li flimkien mal-Insara ta’ Rit Ruman, bħalna, jagħti ġieħ lil dan il-qaddis. Minkejja li l-mawra tal-grupp ġewwa Bari kienet waħda qasira, xorta kien hemm il-ħin biex wieħed jara ftit il-belt, u ovvjament anke instab ħin għal flixkun birra kiesħa.
Għaddiet ġimgħa bħal ħolma, ġimgħa fejn bosta ħolm sar realtà, fejn ix-xewqa ta’ bosta li jżuru l-aktar postijiet Dumnikani għeżież fl-Italja, seħħet.

Dan l-artiklu deher fil-programm tal-Festa San Duminku Il-Birgu 2017





































venerdì 18 agosto 2017

Mix-xewk joħroġ il-ward

Aħna l-Maltin għandna dan il-proverbju li nafu sewwa xi jfisser. Dan l-aħħar kelli esperjenza li fakkritna f’ dan il-proverbju. Nixtieq naqsam magħkom din l-esperjenza, imma ħalli nibda mill-Ġenesi tal-istorja!

Naqra ktieb
Madwar tlettax-il sena ilu kien hemm patri li tani ktieb u ħajjarni naqrah. Dan il-ktieb kien jismu “Beyond Aids” u jitratta l-istorja ta’ żagħżugħ li nqabad fix-xibka tad-droga u kien infettat bil-marda tal-Aids. Dan il-ktieb huwa djarju ta’ dan iż-żagħżugh Taljan li kien jismu Nicola. Huwa sar jaf b’ għaqda li tieħu ħsieb nies bħalu u tgħinhom joħorġu minn dan il-vizzju. L-għaqda li qed insemmi ġġib l-isem ta’ Comunità Cenacolo. Meta qrajt il-ktieb nibtet fija x-xewqa li naqilbu għall-Malti u mort inkellem lil Patri Pawl Cremona, dak li kien tani l-ktieb, u wrejtu bix-xewqa tiegħi. Għoġbitu l-idea u ħeġġiġni nwettaq dan il-ħsieb tiegħi. Ktibt lill-Comunità Cenacolo u tlabthom il-permess. Sakemm wasal il-permess bdejt naqleb il-ktieb għall-Malti u sakemm waslitli ittra bil-permess għall-pubblikazzjoni tal-ktieb bil-Malti kien diġà lest.

Għadda ftit żmein mhux ħażin sakemm il-ktieb kien ippubbblikat.  Kienet kumbinazzjoni. Kont qed inżur Medjugorje għall-ewwel darba u mort fid-dar li l-Comunità Cenacolo għandha hemmhekk. Rajt il-ktieb bit-Taljan, bl-Ingliż u b’ ħafna ilsna oħrajn. Ftakart fix-xogħol li kelli merfugħ fil-kompjuter u tkellimt. Dlonk sibt persuna li kienet lesta tippubblikah u tqassmu b’ xejn. Il-ktieb bil-Malti jġib l-isem “Lil hinnn mill-AIDS” – illum ma nafx jekk fadalx xi kopji tiegħu.

Comunità Cenacolo
Kollox beda fl-Italja, fil-Piemonte, sewwasew ġewwa Saluzzo, provinċja ta’ Cuneo. Nhar is-16 ta’ Lulju, 1983, Sor Elvira Petrozzi tat bidu għal din l-inizjattiva li llum kibret u nxterdet ħafna anke barra l-Italja. Żerriegħa żgħira li nżergħet iżda llum kibret u xxebilket. Illum insibu li din l-inizjattiva tinsab fi 18-il pajjiż u għandha 61 dar li joffru kenn għal eluf ta’ żgħażagħ li bosta minnhom għandhom passat xejn sabiħ, passat ta’ dipendenza minn sustanzi li jistgħu jwasslu għall-mewt. Dawn id-djar jagħtu terapija sempliċi, xejn pilloli, xejn mediċini imma ladarba wieħed jidħol fil-komunità jrid jaqta’ d-droga minn dak il-ħin. Bosta mir-residenti jgħdilulek li kienet diffiċli imma rreżistew u llum reġgħu qegħdin jgħixu ħajja li fiha skop, ħajja li jiswa li tgħixha mhux bħal dik ta’ meta kienu skjavi tad-drogi.  Hemm xewqa li tinfetaħ dar ta’ din il-komunità hawn Malta wkoll. Min jaf?

Il-komunità ma tridx biss li dawk l-aħwa jaqtgħu l-vizzji, imma trid ukoll li dawn iħossuhom importanti fid-dinja, li kapaċi jagħmlu xi ħaġa, li qegħdin jgħixu u mhux biss jeżistu. Il-komunità ssir familja kbira fejn dak li jkun iħossu milqugħ u maħbub. Sor Elvira li tat bidu għal dawn id-djar tinsisti li l-fejqan u t-triq lura lejn il-ħajja ssir permess tat-talb. Fil-fatt it-talb huwa element importanti fil-ħajja ta’ dawn id-djar.

F’ dawn is-snin li ilhom miftuħin dawn id-djar twaqqfu komunità ta’ sorijiet, eks membri ta’ xi dar Cenacolo u għadd ta’ ġuvintur li reġgħu sabu l-ħajja grazzi għal din l-inizjattiva,  saru saċerdoti.

Erġajt żort Medjugorje
Din is-sena kelli l-opportunità nerġa’ nżur Medjugorje ġewwa l-Bożnija-Ħerzegovina. Erġajt żort id-dar kbira tal-Comunità Cenacolo li tilqa’ fiha madwar mitt żagħżugħ. Sewwasew f’ dan ir-raħal hemm żewġt idjar, waħda tal-ġuvintur u oħra tax-xebbiet, imma l-akbar waħda hija dik maskili.

Ir-rappreżentazjoni Credo
Żort Medjugorje meta kien hemm il-festival taż-żgħażagħ. Dan il-festival huwa avveniment annwali li jsir bejn l-1 u s-6 ta’ Awwissu. Din kienet it-28 edizzjoni tiegħu. Jum minnhom waqt il-quddiesa ta’ filgħaxija, li fiha jkun hemm aktar minn 500 saċerdot jikkonċelebra, prietka qassis li ħareġ minn dar tal-Comunità Cenacolo. Dakinhar stess fuq palk armat apposta saret ir-rappreżentazzjoni bl-isem “Credo”. Din ir-rappreżentazzjoni ttellgħet mill-memebri tal-Comunità Cenacolo. L-atturi li ħadu sehem fiha huma kollha residenti ta’ xi dar ta’ din l-għaqda. Bosta atturi jiġu Medjugorju biex jieħdu sehem f’ din l-attività u wara jerġgħu lura fil-komunità tagħhom. Ikolli nammetti li bqajt skantat bil-livell għoli li offrew dawn iż-żgħażagħ. L-istorja mhux ġdida għax titratta siltiet mill-ħajja ta’ Ġesù, imma l-mod kif interpretawha hija xi ħaġa biex ngħid hekk “tal-ġenn!” Filmati mħalltin ma’ reċtar, mużika, żfin, xeni li jinbidlu waqt li r-rappreżentazzjoni tibqa’ għaddejja. Kulħadd jaf x’ inhi l-parti tiegħu, kulħadd jaf x’ għandu jagħmel. Qaluli li din issir kull sena iżda kull sena jkun hemm għexieren ta’ eluf ta’ nies biex jarawha, u jkun hemm min ikun diġà raha u jerġa’ jaraha.

Dan huwa eżempju wieħed kif kultant mix-xewk joħroġ il-ward. Nemmen li s-suċċess biex ix-xewk jinqered u minfloku titla’ xitla li twarrad hija l-perseveranza, ir-rieda tajba u fuq kollox li lil min ikun qalb ix-xewk, wieħed jurih li jekk irid jista’ jwarrad hu ukoll.


Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 19 ta' Awwissu 2017




lunedì 14 agosto 2017

Il-Knisja tal-Assunta F’ Esztergom

Mort fejn mort madwar id-dinja, dejjem sibt xi knisja iddedikata lill-Assunta, iżda hemm waħda partikolari li ma ninsa qatt meta żortha. Forsi għax dakinhar kienet kesħa xxoqq il-għadam, iva t-temperatura kienet ta’ madwar 18-il grad taħt iz-zero! Forsi għax f’ din il-knisja hemm l-eħxen ħajt f’ bini  fl-Ewropa Ċenterali. Qiegħed nirreferi għall-Bażilika tal-Assunta ġewwa Esztergom fl-Ungerija.

 Ftit storja
Il-knisja tal-Assunta f' Esztergom
Il-bini tal-knisja li nsibu llum ġewwa Esztergom inbena fuq il-fdalijiet ta’ bosta knejjes oħrajn. L-ewwel knisja li nbniet f’ dan il-post kienet dik li bena s-Sultan Stiefnu I tal-Ungerija bejn is-sena 1001 u l-1010. Din spiċċat għal kollox fil-ħruq li seħħ lejn tmiem is-seklu XII. Inbniet mill-ġdid iżda Vinċeslaw III, Sultan ieħor tal-Ungerija, għamel ħerba minn din il-knisja fis-sena 1304. Reġgħet ġiet irranġata u msebbħa mill-isqfijiet tal-post. Fl-1543 ġarrbet ħsara kbira mit-Torok li ħakkmu l-pajjiż. Fil-fatt l-Ungerija kienet taħt il-ħakma tal-Imperu Ottoman bejn is-snin 1541 u l-1699.  Fl-1820 twaqqfet mill-ġdid l-Arċidjoċesi u l-Arċisqof Sándor Rudnay mill-ewwel ħaseb biex din il-knisja terġa’ tingħata d-dinjità li kellha fil-passat.

Il-bini mill-ġdid ta’ din il-knisja beda fl-1822. Il-kappella imsejħa Bakócz li kienet salvat il-bosta snin u attakki, ġiet żarmata ġebla ġebla u mibnija mill-ġdid madwar 20 metru bogħod mill-post oriġinali tagħha. Il-bini kompla taħt is-suċċessur tal-Arċisqof Rudnay, János Scitovszky.

Il-konsagrazzjoni tal-knisja saret nhar il-31 ta’ Awwissu, 1856. Għal din l-okkażjoni iżżanżnet quddiesa bl-isem ta’ Missa solennis zur Einweihung der Basilika in Gran miktuba apposta mill-kompożitur Franz Listz. Kien dan il-kompożitur famuż li dakinhar mexxa l-orkestra. Dakinhar fuq l-orġni kien hemm kompożitur ieħor famuż, Alexander Winterberger, li kien ukoll ħabib u kollega ta’ Liszt. L-Imperatur Franz Joseph attenda l-konsagrazzjoni ta’ din il-knisja.

Dan ma jfissirx li l-knisja kienet lesta minn kollox meta kienet ikkonsagrata. Fil-fatt ix-xogħol fuqha baqa’ sejjer sas-sena 1869.

Matul it-tieni gwerra dinjija din il-knsija ġarrbet bosta ħsarat, speċjalment fil-kolonnat u fil-koppla. Wara l-gwerra reġa’ sar ir-restawr meħtieġ biex illum nistgħu naraw il-knisja kif suppost. Il-koppla hija għolja 71.5 metru u fiha 12-il tieqa u fuq barra naraw 24 kolonna jżommuha.  Taħt din il-knisja nsibu kripta u jekk ikollna nkejlu l-għoli mill-koppla sal-kripta insibu sewwasew 100 metru u għalhekk dan huwa l-għola bini ta’ dik l-era fl-Ungerija. Il-bażilika hija twila 118-il metru u wiesgħa 49 metru. B’ hekk insibu li din hija l-akbar knisja fl-Ungerija u waħda mill-akbar tad-dinja, akbar minnha nsibu San Pietru fil-Vatikan, il-katidral ta’ Cologne fil-Ġermanja u Saint Paul’s Cathedral f’ Londra. Il-kampnari huma għoljin 57 metru.

Il-kappella Bakócz
Aktar qabel semmejna l-kappella Bakócz imma ma għidniex x’ inhi. Din hija kappella mibnija mill-Kardinal Tamás Bakócz, Arċisqof ta’ Esztergom lejn tmiem is-seklu XV. Din hija mibnija minn irħam aħmar u fiha 1,600 biċċa rħama. Il-kappella fiha forma ta’ salib Grieg hija ddedikata lil Marija Annunzjata. L-artal tal-kappella huwa maħdum minn irħam abjad. Fuq nett tal-artal naraw minquxa xbieħa tat-tħabbira tal-anġlu lill-Verġni Marija u aktar ’l isfel insibu ikona tal-Madonna bejn żewġ niċeċ. Taħt l-ikona insibu t-tabernaku. Quddiem dan l-artal hemm  il-mensola tal-artal li hija ta’ rħam aħmar.  Meta fis-seklu XVI kien assedjat il-kastell u din il-knisja, kienet din il-kappella biss li salvat mill-isplużjonijiet li kissru l-kumplament tal-knisja. Din il-kappella hija l-akbar fdal tar-rinaxximent ġewwa l-Ungerija.

Il-kripta
Il-knisja minn ġewwa
Taħt din il-knisja nsibu kripta mibnija fl-1831 li sservi wkoll bħala midfen għal xi persuni prominenti. Il-Kardinal, Arċisqof ta’ Esztergom Sándor Rudnay jinsab midfun hawmhekk. Kien huwa li ta bidu għall-bini tal-knisja preżenti. Kardinal ieħor li nsibu f’ din il-kripta huwa Dénes Szécsi. Dan kien arċisqof ta’ din id-djoċesi bejn l-1440 u l-1465. Ma jistax jonqos li l-Kardinal Tamás Bakócz isib ukoll il-post aħħari tiegħu f’ din il-kripta. Hemm ukoll xi familjari ta’ dan il-Kardinal midfunin hemmhekk. Kardinal ieħor li nsibu huwa Jusztinián György Serédi OSB. Dan il-Kardinal Benedittin kien il-mexxej ta’ din id-djoċesi bejn l-1928 u l-1945. L-aħħar kardinal li nsibu midfun hawnhekk huwa József Mindszenty. Dan kien l-arċisqof ta’ Esztergom bejn l-1945 u l-1971. Huwa oppona bil-kbir il-Komuniżmu li kien hemm f’ pajjiżu. Ħtija ta’ hekk huwa kien ingħata sentenza ta’ għomru l-ħabs fl-1949, ħaġa li ġabet l-istmerrija ta’ bosta pajjiżi u għaqdiet fosthom il-Ġnus Magħquda. Fir-rivoluzzjoni tal-1956 huwa nħeles mill-ħabs u sab kenn politiku ġewwa l-ambaxxata Amerikana f’ Budapest. Hemmhekk huwa għadda 15-il sena sakemm fl-1971 ingħata l-permess li jħalli l-pajjiż. Huwa miet fl-eżilju ġewwa Vjenna fl-1975.  Fl-1991 il-fdalijiet tiegħu ittieħdu ġewwa Esztergom.

Kwadru titulari


Hekk kif tidħol fil-bażilika tilmaħ l-artal maġġur bil-pittura ta’ Marija Mtellgħa s-Sema. Naraw lil Marija Santissima qegħda tiġi mtellgħa lejn is-sema fuq sħaba akku

mpanjata minn għadd ta’ anġli. Fuq tal-kwadru naraw lill-Missier Etern jistenna lil omm Ibnu. Fl-art naraw lill-appostli li donnhom qegħdin jagħtu l-aħħar tislima lil Marija.

Dan il-kwadru tpitter minn Girolamo Michelangelo Grigoletti, artist neo-klassiku Taljan. Huwa meqjus bħala kapolavur ta’ dan l-artist. Fatt interessanti li jkompli jgħolli l-preġju ta’ dan il-kwadru hu li dan huwa l-akbar kwadru fid-dinja impitter fuq tila sħiħa. Fil-fatt dan il-kwadru huwa għoli 13-il metru u nofs u wiesa’ 6.6 metri.

Hemm bosta aktar x’ wieħed jara ladarba jkun f’din il-knisja li hija wkoll is-seda tal-Kardinal ta’ Budapest. Rajna ftit l-aktar ħwejjeġ importanti f’ din il-bażilika ddedikata lil Marija mtellgħa s-sema.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fil-programm tal-festa tas-Socjetà Filarmonika Santa Marija, il-Mosta, 2017














venerdì 11 agosto 2017

Vjaġġar

Santu Wistin
“Id-dinja hija ktieb u dak li ma jivvjaġġax jaqra biss paġna waħda minnu.” – Dan il-kliem ma huwiex tiegħi, lanqas huwa ta’ xi bniedem li bħalna qed jgħix fi żmien li s-safar sar daqstant faċli. Dan il-kliem qalu Santu Wistin, bniedem li għex bejn ir-raba’ u l-ħames seklu wara Kristu.  Meta taħseb ftit dlonk tinduna kemm dan il-filosofu u qaddis kien avvanzat għal żminijietu. Li tivjaġġa dak iż-żmien kien ifisser strapazz kbir; mixi, xi rikba fuq xi ħmar jew żiemel, vjaġġ fuq xi xini tal-qlugħ u mill-ġdid mixi sal-wasla fil-post mixtieq. Madanakollu dan l-għaref induna li l-ivjaġġar jiftaħlek orizzonti ġodda, ikabbrek fil-kultura u jkompli jgħanik bl-għerf. Mhux ta’ b’ xejn li qalilna li min ma jsifirx ikun qara paġna waħda biss minn ktieb sħiħ. Huwa tkellem mill-esperjenza għax mill-Afrika ta’ Fuq qasam lejn l-Ewropa u terraq bosta f’ Ruma u Milan. Nimmaġina li kieku dan il-qaddis qed jgħix illum, dejjem bil-bagalja lesta taħt is-sodda u bil-boarding pass stampat, lest għas-safra li jkun imiss. Ehhhh.. ma ssirx qaddis minn bilqegħda!

Paesi che vai ....
It-Taljani jgħidlulek “paese che vai, usanze che trovi” – tmur f’ xi pajjiż barrani, lesti ruħek li ssib drawwiet differenti minn tiegħek. Din hija waħda mill-problemi tal-poplu Taljan. Imur fejn imur ifittex li jiekol l-ikel li hu imdorri bih f’ pajjiżu. Tabilħaqq li l-kċina Taljana hija tajba ħafna u għal bosta hija meqjusa bħala l-itjeb fid-dinja, imma jekk ma tesperjenzax anke l-platt tipiku tal-pajjiż li tkun qed iżżur titlef parti mis-sabiħ tas-safra tiegħek. Il-vantaġġ tat-Taljani huwa li f’ pajjiżhom stess jistgħu jagħmlu vjaġġar kemm iridu u jkunu jistgħu jibqgħu bl-istess gosti tal-ikel tagħhom waqt li jibdlu l-ambjent ta’ madwarhom.

Id-drawwiet ma nsibuhomx fl-ikel biss. Fil-mod tal-ħajja spiss nindunaw b’ differenzi bejn il-pajjiż tagħna u dak li nkunu qed inżuru. Dan l-aħħar qrajt li jekk tkun il-Ġappun u f’ restaurant tħalli t-tips, joħduha bħala offiża. Aħna l-Ewropej l-offiża noħduha jekk ma jħallulna xejn! Iva ħi . . . .  paese che vai, usanze che trovi.

In-nuqqas ta’ safar
Minkejja li llum is-safar sar ħaġa ta’ kuljum, xorta għad għandna żgħażagħ li qatt ma rifsu xi art barranija. Ma humiex wisq, imma għadna nsibu minnhom anke f’ Malta. Ħasra, dnub! Min jaf x’ penitenza kien jagħtihom kieku kellhom imorru jqerru dan id-dnub għand Santu Wistin! Nista’ nifhem li għadd ta’ anzjani qatt ma siefru għax qatt ma kellhom l-opportunità jew għax jibżgħu, imma ż-żgħażagħ storja oħra.

Ruma
In-nuqqas ta’ tagħrif fuq artijiet oħra jagħlqek f’ dinja għalik u tara dak kollu li huwa barra mid-dinja tiegħek bħala xi ħaġa l bogħod minnek u li inti qatt ma tista’ tilħaq. Irrid naqsam magħkom esperjenza tiegħi li kelli aktar minn għaxar snin ilu. Kont għadni nistudja barra minn Malta u waqt li kont bil-vaganzi f’ Malta kont qed nitkellem ma’ mara anzjana. Għidtilha li l-għada kelli nsiefer u hi qaltli li hi qatt ma siefret imma kellha tifel barra minn Malta. Qaltli li xi darba tgħidlu forsi jiġi jarani jew jistedinni għandu għall-ikel. Ma nafx kif stajt infehma li jien kont sejjer l-Italja u binha kien joqgħod l-Ingilterra. Għaliha t-tnejn barra minn Malta konna u għalhekk stajna niltaqgħu. Biex tneħħi dan il-ħsieb minn moħħha kont għidtilha li hemm ħafna bogħod minn fejn noqgħod jien għal fejn joqgħod binha!

Ħabib tiegħi, Taljan mill-Calabria, kellu ħuh fl-armata. Darba lis-sezzjoni ta’ dan is-suldat ħaduhom mill-Calabria għal Ruma għal żjara kulturali. Din kienet l-ewwel darba li dan it-tali żar il-kapitali ta’ pajjiżu.  Meta mar lura d-dar ħuh staqsieh x’ kien ra. Qallu li ħlief ħitan qodma ma ħaduhomx jaraw! Ħabibi spjegalu li dawk il-ħitan qodma li ħaduh jara hemm min jivjaġġa min-naħa l-oħra tad-dinja biex jarahom!

Gruppi u individwi
Illum bosta jsiefru għal rashom, imma għad hawn bosta oħrajn li jfittxu gruppi organizzati. Dawn il-gruppi huma komdi ħafna għall-familji u għall-anzjani għalkemm anke żgħażagħ jattiraw. Meta ssiefer għal rasek trid taħseb għal kollox inti. Tara kif se tivajaġġa min post għal ieħor, tara fejn se torqod, tinħasel, tiekol u l-kumplament. Ma’ grupp organizzat ma trid taħseb għal xejn minn dan, hemm il-mexxej tal-grupp, hemm il-gwida u inti tista’ toqgħod b’ rasek mistrieħa. L-ivjaġġar individwali fih il-vantaġġ li tkun tista’ żżur postijiet li tkun qrajt fuqhom qabel. Mal-grupp ikollok iżomm mal-programm. Imma dan kollox fih tiegħu, ma hemmx warda bla xewka.

Ninsabu proprju fl-eqqel ta’ żmien is-safar – is-sajf huwa l-aktar żmien li fih isir vjaġġar. Tajjeb li ma nsifrux biex sempliċiment inkunu sifirna, tajjeb li ma mmorrux cruise u niġu lura u ngħidu kemm kilna! Hemm ħafna x’ wieħed jitgħallem mis-safar, hemm id-divertiment tassew, imma hemm ukoll l-interess f’ dak li jkun qiegħed iżur. Biex taqra l-ktieb kollu trid tinteressa ruħek ukoll!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 12 ta' Awwissu 2017



mercoledì 9 agosto 2017

Il-Midalja Mirakoluża

Jingħad li Santa Bernardetta kellha devozzjoni kbira lejn il-Midalja Mirakoluża u din kienet iġġorrha dejjem fuqha. Ejjew naraw ftit kif inbdiet din id-devozzjoni.

Katarina Labouré
Kollox beda bid-dehra li seħħet ġewwa l-kunvent tas-sorijiet tal-karità ta’ San Vinċenz de Paule, li hemm ġewwa Rue du Bac, Pariġi fi Franza fl-1830.

Katarina Labouré kienet novizza fil-kunvnet ta’ Rue du Bac. Dan il-kunvent kien tas-sorijiet Ulied tal-karità, imwaqqfin minn San Vinċenż de Paule biex jassistu lill-foqra u lill-morda. Katarina twieldet fit-2 ta’ Mejju tas-sena 1806 ġewwa Fain-les-Moûtiers. Wara li temmet l-istudji tagħha hija ssieħbet ma’ dawn is-sorijiet f’ Jannar tas-sena 1830 u f’ April bdiet in-novizzjat fil-kunvent ta’ Rue du Bac fejn seħħet id-dehra.

Is-27 ta’ Novembru 1830, il-jum tad-dehra, kien is-Sibt, sewwasew lejlet l-ewwel Ħadd tal-Avvent. Għall-ħabta tal-ħamsa u nofs ta’ waranofsinhar, Sor Katarina kienet tinsab fil-kappella tal-kunvent tagħmel meditazzjoni. Ħin minnhom is-soru semgħet bħal ħoss ta’ tħaxwix, donnu li xi ħadd kien riesaq lejha u l-libsa ta’ dak ix-xi ħadd kienet qed tħaxwex.

Katarina dlonk dawret wiċċha lejn minn fejn semgħet il-ħoss iżda b’ għaġeb kbir tagħha, ħdejn il-kwadru ta’ San Ġużepp lemħet xbieha ta’ mara kollha dija. Minkejja d-dija, il-wiċċ tal-mara kien jidher sewwa. Hija kienet wieqfa fuq globu jew skont is-soru fuq nofs globu. Idejha kienu miftuħin ’l isfel minn qaddha u minnhom kienet ħierġa dija kbira, bħal raġġi mdawlin. Għajnejn il-mara kienu jħarsu lejn is-sema.

F’ ħin minnhom is-swaba tal-mara intlew bi ċrieket tal-ħaġar prezzjuż, xi wħud żgħar u oħrajn kbar. Dawn komplew jixħtu raġġi ta’ dawl. Is-soru issa ntebħet li dik il-mara ma kienet ħadd għajr il-Verġni Marija. Marija baxxiet għajnenha lejn is-soru u qaltilha li l-globu jirrapreżenta lid-dinja kollha b’ mod partikulari lil Franza u kull persuna u r-raggi kienu simboli tal-grazzji li tixħet fuq il-bnedmin li jitolbuha. Is-soru issa bdiet tara kliem miktuba bid-deheb: “O Marie, concue sans péché, priez pour nous qui avons recours à Vous” li bi lsienna tfisser “O Marija, imnissla mingħajr ħtija itlob għalina aħna li nirrikorru lejk”. Wara nstama’ leħen jgħid lis-soru “Agħmel kopja ta’ din il-midalja fuq dan il-mudell li qed nurik,  kull min iġib din il-midalja jirċievi grazzji kbar, speċjalment jekk jilbisha madwar għonqu. Il-grazzji jkunu abbundanti jekk jilbisha bil-fiduċja.” Imbagħad id-dehra donnha daret u hekk is-soru setgħet tara ix-xbieha minn wara. Fuq wara dehret l-ittra M mas-salib li kellu forma tal-ittra I. Taħt dawn dehru żewġt iqlub, waħda imdawra bix-xewk u l-oħra minfuda b’ sejf. Dan kollu kien imdawwar minn tnax-il stilla.

Fid-dehra s-soru rat li kien hemm xi ħaġar prezzjuż li ma kienx ileqq u għalhekk lejn tmiem id-dehra hija staqsiet x’ kienu u Marija weġbitha li dawk kienu l-grazzi li l-bnedmin jinsew jitolbuha. Aktar tard hija qalet  li din id-dehra riedet tfisser li l-Verġni Mbierka hija ġeneruża ħafna ma’ dawk li jirrikorru lejha u jitolbuha u kull meta Hija tagħti xi grazzja timtela bil-ferħ.

Minkejja li Sor Katarina ma rieditx ixxerred wisq l-aħbar tad-dehra li kellha, mill-banda l-oħra ma setgħetx tibqa’ siekta għax il-Madonna kienet afdatilha missjoni li xxerred id-devozzjoni lejn dak li rat billi tagħmel domna, jew kif kulħadd isejħilha midalja. Hija tkellmet mal-konfessur tagħha, Dun Aladel, u dan mar għand l-Arċisqof Hyacinthe-Louis de Quelen biex jirrakkontalu l-fatt kollu. Is-soru riedet tibqa’ anonima u għalhekk ma kienx possibli tinbeda inkjesta għax dik li rat id-dehra ma kinitx lesta tixhed imma kienet qed twassal il-messaġġ permess tal-konfessur tagħha biss. Sentejn wara, jiġifieri fl-1832, il-midalja tad-dehra tal-Madonna ġewwa l-kunvent tas-sorijiet ta’ Rue du Bac f’ Pariġi inħadmet u bdiet titqassam u tinxtered. Sor Katarina kienet waħda minn tal-bidu li rat il-midalja.
Fi ftit xhur id-devozzjoni lejn din id-domna inxterdet ma’ Pariġi kollha u ma damitx wisq ma bdiet tinfirex mad-dinja kollha wkoll. Il-wegħda ta’ Marija li min iġorrha fuqu, speċjalment min idendilha madwar għaonqu jirċievi grazzi kbar ma kinitx wegħda fiergħa. Bdew jinqalgħu grazzi kbar u jsiru anke mirakli bl-interċessjoni ta’ din il-midalja tant li bdiet tissejjaħ “Il-Midalja Mirakoluża”. Sas-sena 1833 kienu tqassmu aktar minn ħamsin elf midalja mirakoluża.

Meta d-devozzjoni lejn din id-domna tant infirxet, inbdiet inkjesta kanonika. Meta l-inkjesta rat il-karattru u studjat sewwa il-ħajja tas-soru, qablet li taċċetta li dik id-dehra kienet waħda sopranaturali.
Sor Katarina mietet fil-31 ta’ Diċembru 1876. Indifnet fil-kappella tal-kunvent ta’ Rue de Bac u ġisimha baqa’ bla tħassir. Fid-19 ta’ Lulju 1931 hija kienet iddikjarata venerabbli mill-papa Piju XI filwaqt li l-istess Papa iddikjaraha Beata fit-28 ta’ Mejju ta’ sentejn wara. Fis-27 ta’ Lulju tas-sena 1947 kienet ikkanonizzata mill-Papa Piju XII.

Il-Papa Ljun XIII fl-1894 waqqaf il-festa tal-Verġni Marija tal-Midalja Mirakloluża li ssir  fil-Knisja Kattolika nhar is-27 ta’ Novembru.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fil-programm tal-festa "Il-Warda ta' Massabielle" - Festa Madonna ta' Lourdes, San Ġwann, 2017





sabato 5 agosto 2017

Ħmar il-lejl

Bi ħmar il-lejl nifhmu ħolma kerha li aktarx ikollha rabta ma’ biża’ jew disprament, anzjetà jew dwejjaq. Mhux bilfors, iżda aktarx li hekk. Ħmar il-lejl jista’ jkun akkumpanjat minn atti inkonxji bħal qawmien mis-sodda u mixi fost oħrajn. Min iqum minn ħmar il-lejl aktarx jistembaħ fi stat ta’ taħwid u jdum ma jerġa’ jorqod. Ix-xjenzjati jagħtu bosta raġunijiet għal ħmar il-lejl, hawn min jgħid li jekk tiekol qabel torqod għandu mnejn ikollok ħmar il-lejl għaliex il-moħħ jibqa’ jaħdem biex iħaddem il-metaboliżmu. Hu x’ inhu ħmar il-lejl huwa xi ħaġa assoċjata ma’ biża’. Aħna nsejħulu ħmar imma l-ingliżi jsejħulu debba; nightmare. Għat-Taljani din il-ħaġa hija incubo. Hu x’ inhu it-terminu, kollha jirreferu mhux biss għal dak li jista’ jiġrilek waqt li tkun fuq is-sodda iżda għal xi ħaġa tal-biża’ wkoll. Tiftakruhom is-sensiela ta’ films tal-biża’ bl-isem Nightmare on Elm Street?

Tani ħmar il-lejl
M’ ilux wisq lili tani ħmar il-lejl, mhux waqt li kont rieqed fuq is-sodda. Li jagħtik ħmar il-lejl diġa hija xi ħaġa tal-biża’ imma li jagħtik mhux waqt l-irqad hija xi ħaġa agħar. Lili dan il-ħmar il-lejl tani waqt li kont qed insuq, ma kontx rieqed, anzi kont ilni li qomt aktar minn tliet sigħat. Ara, ħa nagħmilha ċara għax se ndum ġej biha!

Il-ħmar il-lejl Malti
Il-ħmar il-lejl lili tani għax inqabdt fit-traffiku.

Kont nemmen li ladarba jispiċċaw l-iskejjel it-traffiku jonqos sewwa mit-toroq Maltin. Naħseb anke din kienet perċessjoni tiegħi għaliex illum ma għadnix naħseb hekk. Kont sejjer minn Ħaż-Żebbuġ għal Birkirkara għal xid-disgħa ta’ filgħodu. Ix-xemx kienet telgħet iżda ma kinitx għadha lahqet il-massimu tagħha għax żgur li kieku l-ħmar il-lejl kien ikun akbar. Jien m’ inix minn dawk it-talin li għal karozza għandhom tnejn jew tlieta, anzi lanqas waħda ma għandi iżda niddobba b’ dik ta’ missieri. Nirringrazzja lil Alla li tal-inqas ninqeda minkejja li hi karozza qadima. Illum il-karozzi moderni kollha għandhom l-arja kkundizzjonata imma dik li nuża jien ma għandiex, allura tistgħu taħsbu kif sirt, liebes l-iswed taħt dik ix-xemx tiżreġ, f’ nofs baħar ta’ karozzi, qalb merħla sewwieqa li bosta minnhom lanqas jafu fejn toqgħod l-edukazzjoni fis-sewqan! Ħmar il-lejl u xejn aktar.

B’ tal-linja
F’ nofs dawk il-karozzi kollha xtaqt li kont qiegħed fuq tal-linja. Tal-inqas dawk għandhom l-arja kkondizzjonata il-parti l-kbira minnhom. Imma kif tista’ tuża tal-linja meta s-servizz donnu għadu ma qabadtx art wara sitt snin? Jien ġieli nużaha tal-linja u spiss nisma’ tgergir u spiss ingorr jien ukoll għax vjaġġ li bil-karoza tiegħek tagħmlu f’ nofs siegħa b’ tal-linja għandu mnejn jieħu siegħa u nofs jew aktar. Mhux qed inwaħħal fix-xufiera, fil-kumpanija jew fil-ministru. La jkun hemm it-taffiku tal-linja teħel ukoll bħalma weħilt jien.

Hawn xi toroq li fihom il-bus lane. Kollox sew, imma dawn huma minimi fejn l-ammont ta’ toroq li ma fihomx, u ħalli nifthemu, lanqas huwa possibbli li jkun hawn bus lane kullimkien. Rigward il-bus lane kienet idea tajba wkoll li minnha jistgħu jgħaddu karozzi bi tliet passiġġieri li għandhom il-liċenzja tas-sewqan. Dan huwa pass żgħir biex inaqqas xi ftit karozzi. Għalkemm ha ngħidha ċara u tonda, ġieli rajt xi għaref għaddej waħdu bil-karozza minn fuq il-bus lane, imma llum mhux ser nidħol f’ din il-biċċa.

Mill-programm elettorali
light metro
Fil-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista kien hemm pjanat proġett tal aktar minn żewġ biljun ewro li jindirizza direttament din il-problema. Il-P.N. kien qed iwiegħed li ssir metrò f’ pajjiżna. Ma nafx kemm-il darba ktibt dwar din il-ħaġa jien u meta smajt b’ dan il-proġett ħadt nifs il ġewwa u għidt li forsi xi darba se nibdew u la nibdew naslu wkoll. Il-ħsieb kien li dan il-proġett jitlesta fi żmien 20 sena, biss kien hemm proġettat li sa 5 snin oħra tinfetaħ l-ewwel linja. Ix-xejn xejn! Kemm nifrankaw ħela ta’ ħin kieku dan il-proġett verament kellu jsir!

Issa billi l-P.N. mhux fil-gvern, x’ hemm ħażin kieku l-gvern attwali jaddotta dan il-proġett li tant hu meħtieġ għal Malta. Se nibqgħu nistennew lill-P.N. jerġa’ jkun fil-gvern biex forsi nibdew xi ħaġa? F’ pajjiż modern, f’ pajjiż li jixraqlu jkun wieħed mill-aqwa fl-Ewropa, nistgħu nibqgħu sejrin hekk, b’ servizz ta’ trasport pubbliku nofs kedda u n-numru ta’ karozzi fit-toroq dejjem jizdied, sal punt li sa ftit snin oħra qed jgħidulna li se jkun hawn aktar karozzi milli persuni f’ Malta?

Tghid il-metrò f’ Malta ser tibqa’ ħolma u spiss se jkollna nibqgħu nbatu xi ħmar il-lejl?


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'' In-Nazzjon - 5 ta' Awwissu 2017