sabato 16 febbraio 2019

Hena


Jekk hawn ħaġa fil-ħajja li kulħadd jixtieqha, bla dubju hija l-hena. Kull bniedem jixtieq ikun hieni u ferħan, kull bniedem jagħmel dak kollu li jista’ biex itejjeb il-qagħda tiegħu u jgħix ħajja aktar komda fil-hena. Din hija ħaġa minn awl id-dinja għax żgur li ħadd ma jixtieq jgħix fid-dwejjaq. Bniedem normali dejjem jara kif ser jifraħ hu u jferraħ lil dawk li jħobb.

Rabta
Hemm rabta kbira bejn żewġ sentimenti; l-hena u l-imħabba. Kif bniedem jista’ jkun hieni jekk ma jkunx maħbub? U kif jista’ bniedem iferraħ u jhenni lil ta’ madwaru jekk ma jkunx jaf iħobb? Dawn huma żewġ ħoloq f’katina waħda, kemm-il darba tonqos waħda minnhom l-oħra tbati ħafna jew saħansitra tgħib għal kollox.

Il-bniedem jithenna meta jħossu maħbub u milqugħ minn ta’ madwaru u għal kuntrarju ma jħossux f’loku meta jkun jgħix, jaħdem jew jiffrekwenta ambjenti li minflok imħabba jitrasmettu għira, mibgħeda jew pika. Jekk toqgħod taħseb u tirrifletti ftit issib dawn il-kundizzjonijiet anke fl-anqas postijiet li tistenniehom. Għax wara kollox aħna bnedmin li niżbaljaw u l-iżball tagħna jista’ jibdel l-hena ta’ ħaddieħor f’niket jew saħansitra f’disprament. Mela b’dan ġewwa moħħna tajjeb inkun reponsabbli tal-għemejjel tagħna speċjalment jekk għandna xi kariga ta’ tmexxija, fil-post tax-xogħol, fl-għaqda, fil-familja u f’sitwazzjonijiet oħra fejn insibu ġemgħa ta’ bnedmin. Wieħed għandu joqgħod attent li meta jgħaddi ma jirfisx lil ħaddieħor u jekk jagħmel dan għandu jkun umli biżżejjed biex jirranġa dak li jkun wettaq ħażin , għandu jassigura l-hena tal-bniedem ta’ taħtu.

Sellum
Darba smajt bniedem prominenti jgħid li missieru dejjem qallu li l-ħajja qisha sellum, hu u tiela jiltaqa’ ma’ nies li jrid jerġa’ jiltaqa’ magħhom hu u nieżel lura. Kliem mimli għerf għax l-iblah biss jaħseb li s-sellum titilgħu u ser jibqa’ hemm fuq għal dejjem. Tikkalpestax lill-għajrek, ara li tagħmel ħiltek li tassiguralu l-hena għax għada pitgħada r-roti ddur żgur. Kristu jgħidilna li bil-kejl li nkejlu lil ħaddieħor jitkejjel lilna. Dak li Kristu qal lilna l-Insara f’xi reliġjonijiet oħra jissejjaħ Karma, dak li tagħmel int se ssib min jagħmlu lilek. Mela kun għaref, henni li ħaddieħor issa li huwa l-waqt biex la ddur ir-rota dak li jkun jiftakar fit-tajjeb li tkun wettaqt miegħu u jhenni lilek, imma jekk tnikktu tistenniex hena mingħandu.

Henjin
Fl-evanġelju nsibu lista ta’ dawk li huma henjin. Forsi narawhom kontradizzjonijiet. Kif tista’ ssejjaħ bniedem hieni jekk huwa fqir? Kif bniedem jista’ jkun hieni jekk ikun bil-ġuħ u bil-għatx għall-ġustizzja? Bniedem jista’ jkun hieni jekk in-nies tkun tobgħodu u taqilgħu ’l barra miċ-ċirku tagħha? Kristu iva jsejħilhom henjin lil dawn it-talin. Ma nisnewx il-qawl Malti: riħ ta’ siegħa jnaddaf qiegħa, dak li llum qiegħed fuq għada għandu mnejn jiġri xi ħaġa u jispiċċa isfel nett. Tinsiex, is-sellum titilgħu imma xi darba trid tinżlu wkoll. Kliem Kristu huwa ċar daqs il-kristal: Ħażin għalikom intom li għalissa tidħku, għax għad tnewwħu u tibku. (Lq 6:25b) Il-kotba tal-istorja jagħtu raġun lil dan il-kliem.

Mela jekk inti bħalissa tinsab in-naħa ta’ fuq tar-rota tal-ħajja aħseb sewwa u henni li dawk li hemm taħtek, jekk imbagħad inti tinsab in-naħa ta’ taħt, tibżax, jekk inti kkalpestat għad tifraħ u tithenna!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 17 ta' Frar 2019


venerdì 15 febbraio 2019

Vjaġġ


Grazzi għall-media soċjali li għandna llum, il-kuntatt bejnietna sar faċli u sirna nistgħu nżommu qrib anke ma’ dawk in-nies li fiżikament ikunu jinsabu bogħod minna. Dawn il-mezzi llum saru parti minn ħajjitna u lanqas nistgħu nimmaġinaw lilna nfusna ngħixu f’dinja bla mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali.

Fost ħafna messaġġi li rċevejt lejn tmiem is-sena li għaddiet, messaġġi ta’ awguri u x’naf jien, irċivejt wieħed li tassew laqatni u nixtieq naqsam il-ħsieb tiegħu magħkom. Dan il-messaġġ kien jismu “The train of life” -  il-ferrovija tal-ħajja. Ħajjitna f’dan il-messaġġ tixxebbaħ ma’ vjaġġ ta’ ferrovija.

Il-messaġġ
Il-messaġġ kien bl-Ingliż iżda jien ser ngħaddih lilkom bil-Malti. Dan kien jgħid hekk: “Il-ħajja hija bħal vjaġġ fuq ferrovija. . . Bl-istazzjonijiet tiegħu. . . bil-bdil fir-rotta tiegħu. . . u kultant anke bl-inċidenti tiegħu. Mat-twelid tagħna aħna nirkbu din il-ferrovija u hemm niltaqgħu mal-ġenituri tagħna, li naħsbu li se jibqgħu ħdejna tul il-vjaġġ kollu. Madanakollu jasal stazzjon fejn l-omm u l-missier tagħna jinżlu u jħalluna nivjaġġaw għal rasna fuq il-ferrovija tal-ħajja. Mat-triq jitilgħu fuq il-ferrovija xi persuni li jsiru speċjali għalina bħal ngħidu aħna ħutna, tfal oħrajn, ħbieb kif ukoll dawk li nsiru nħobbu u naqsmu ħajjitna magħhom, isiru l-maħbubin tagħna. Ħafna jinżlu minn fuq il-ferrovija u jħallulna warajhom vojt kbir li xejn ma jista’ jimlih. Xi wħud jinżlu f’xi stazzjon bla ma nittendu u n-nuqqas tagħhom ma tantx jaffetwana. Din ir-rikba fil-ferrovija kienet taħlita ta’ ferħ, ta’ niket, ta’ fatansiji, ta’ stennijiet, ta’ “Bonġu”, ta’ “Saħħa”, ta’ tislim.

Vjaġġ suċċess iseħħ billi l-passiġġier ikollu relazzjoni mill-aħjar mal-passiġġieri l-oħra. Biex isir dan trid tagħmel ħiltek biex tagħti l-aħjar li tista’ lill-oħrajn. Il-misteru l-kbir fuq din il-ferrovija huwa li ħadd minna ma jaf f’liema stazzjon ikun imissu jinżel għalhekk jaqbel li l-vjaġġ tal-ħajja ngħadduh bl-aħjar mod possibbli – bl-imħabba, bil-maħfra, bl-għoti u bil-qsim ta’ dak li jkollna mal-oħrajn.
Meta jasal il-waqt li aħna nqumu minn bilqegħda biex ninżlu minn fuq il-ferrovija u nħallu l-post vojt, għandna nħallu warajna tifkiriet mill-isbaħ lil dawk li jkunu ser jibqgħu jivjaġġaw fuq il-ferrovija tal-ħajja. Ma għandniex ninsew inroddu ħajr lill-ħallieq li tana l-ħajja u l-possibilità li nivjaġġaw fuq din il-ferrovija.”

Dan kien il-messaġġ; qasir imma fih wieħed x’jifhem u x’jixtarr!

Fit-traffiku
Mhux sejjer nikteb dwar it-traffiku tal-karozzi li għandna Malta, li biex inkun ġust ġieli rajt bħalu jew agħar minnu anke barra minn Malta, imma qed nirreferi għat-traffiku tal-ħajja. Ladarba qed nistħajlu l-ħajja bħala vjaġġ, hija ħaġa minn awl id-dinja li xi drabi se ninqabdu fit-traffiku. Veru li l-ferrovija ma tinqabadx fit-traffiku imma ġieli jkollha xi dewmien ukoll.

Fit-traffiku tal-ħajja ninqabdu meta nintrebħu mix-xogħol jew minn attivitajiet li ma jħallulniex mexjin bil-kwiet. Kultant xi attività tant toħdilna enerġija li nispiċċaw fi stress. Mhux qed nirreferi għax-xogħol li minnu naqilgħu l-għixien tagħna imma ġieli nidħlu għal xi biċċa xogħol, xi attività fil-ħin liberu tagħna, li minħabba n-natura tagħna tkun titlob minna ħafna ħin u sforzi tant li nispiċċaw nintrikbu minnha u ninsew li bdejna dik il-biċċa xogħol bħala mogħdija ta’ żmien jew bħala volontarjat. Il-volontarjat huwa vast ħafna u mhux bilfors ikun jinvolvi xi għaqda ta’ benifiċenza. Biżżejjed tkun membru f’kumitat ta’ tim tal-futbol jew ta’ każin tal-banda jew ta’ xi għaqda oħra, il-ħin li toffri għal dik l-għaqda jista’ jitqies bħala volontarjat għax tkun qed tagħmlu mhux bħala xogħol għall-qliegħ ta’ flus imma minn qalbek għall-għaqda li tkun tħobb. Għalhekk kultant nintilfu fit-traffiku tal-ħajja, jew fi kliem ieħor nitgħabbew wisq b’xi ħaġa li nkunu qed nagħmlu u nispiċċaw ninsew lilna nfusna bil-konsegwenza li nispiċċaw fi stress. Dan huwa t-traffiku li qed insemmi biex nibqgħu bit-tema tal-vjaġġ tal-ħajja.

Min bagħatli l-messaġġ
Fil-bidu għiditilkom li dan il-messaġġ irċivejtu fuq mezz ta’ media soċjali imma ma semmejtx min għand min irċivejtu. Ħabiba antika tiegħi, konna kollegi naħdmu skrivanija ma’ skrivanija. Kienet hi li bagħtitli dan il-messaġġ qawwi wara li jiem qabel kont mexxejt il-funeral ta’ ommha. Kemm jista’ jkun ta’ serħan il-qalb messaġġ bħal dan! Meta tħares lejn il-ħajja bħala vjaġġ mhux tiddispra meta jasal l-istazzjon fejn ikollok tħalli t-tren imma tirrassenja ruħek u tħalli bil-qalb it-tajba lill-passiġġieri l-oħra, fosthom l-ulied, l-aħwa u dawk l-aktar għeżież. Mhux faċli ħa nifthemu, imma possibbli. Meta l-ħajja tqsiha bħala vjaġġ fuq ferrovija, taf u tistenna dejjem l-istazzjon li fih tkun trid tinżel biex tħalli l-ferrovija sejra fi triqitha!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  16 ta' frar 2019


sabato 9 febbraio 2019

Disgħa, għaxra u ħdax


Il-jum tal-10 ta’ Frar għalina l-Maltin ma huwiex sempliċiment jum bħall-oħrajn iżda huwa wieħed speċjali. Għall-Insara Maltin huwa jum il-magħmudija ta’ artna iżda mhux għal dawn biss, anke għal dawk li jħaddnu xi fidi oħra, dan il-jum huwa differenti għaliex ma jaħdmux fih. Issa erħilha li din is-sena ħabtet ħażin għax dan il-jum ġie l-Ħadd!

It-tifkira tal-miġja ta San Pawl fostna ma hijiex fantasija. Din il-miġja nsibuha mniżżla fl-Atti tal-Appostli. Lanqas il-post ma nemmen li huwa żbaljat kif xi drabi jkun hawn min jgħid. Hu x’inhu isem Malta huwa mniżżel fil-Bibbja, paġna mill-isbaħ għalina l-Maltin. Kull qalb Maltija ta’ veru tifraħ meta taqra jew tisma’ l-kliem: “Meta ħlisna mill-għarqa, sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta.” [Atti:28:1] Illum huwa tabilħaqq jum għażiż għalina l-Maltin.

Santa Skolastika
Madwar il-kumplament tad-dinja Kattolika, fl-10 ta’ Frar ma jiċċelebrawx il-miġja ta’ San Pawl f’pajjiżna għax din hija festa, u ngħidha ċar u tond, festa kmandata, f’Malta biss. Fil-kumplament tad-dinja f’dan il-jum, meta ma jkunx il-Ħadd, tiġi mfakkra Santa Skolastika, oħt San Benedittu, dak li jissejjaħ missier il-monakeżmu fil-Punent. Skolastika ssieħbet ma’ ħuha u kienet l-ewwel soru Benedittina. F’Malta għandna sorijiet Benedittini u monasteru minn tagħhom jismu propju għal din il-qaddisa. Dan jinsab fil-Birgu. Dawn huma sorijiet tal-klawsura li ilhom jgħixu f’dan il-monasteru aktar minn 550 sena. Illum in-numrru tagħhom naqas sewwa, imma għadhom hemm!

Allura billi l-10 ta’ Frar f’Malta jaħbat jum San Pawl nawfragu, lil din il-qaddisa niċċelebrawha jum qabel. Filwaqt li d-dinja tiċċelebraha bħal-lum, aħna iċċelebrajniha l-bieraħ.

Il-ħadx
L-għada tat-tifkira ta’ San Pawl fostna niċċelebraw tifkira oħra wisq għażiża mhux biss għalina l-Maltin imma għall-Insara madwar id-dinja kollha. Għada niċċelebraw it-tifkira tal-Madonna ta’ Lourdes. Marija li ġewwa l-għar ta’ Massabielle, f’Lourdes fi Franza, dehret u kellmet għal tmintax-il darba lil daqxejn ta’ tifla ċkejkna, nieqsa minn kull edukazzjoni akkademika imma mimlija bil-fidi. Illum il-post tad-dehriet sar wieħed mill-egħżeż post għall-Insara. Huma bosta minna li xi darba jew oħra żaru dan il-post u min qatt ma mar żgur li jaf bil-post u aktarx li rah fuq it-televiżjoni għax illum isiru trasmissjonijiet tar-rużarju kuljum minn dan il-post.

Element li ma jistax li ma jiġix innotat meta wieħed iżur Lourdes huwa l-għadd ta’ morda li jmorru hemmhekk. Tajjeb niftakru li l-11 ta’ Frar huwa wkoll il-jum iddedikat lill-morda. Kien il-Papa San Ġwanni Pawlu II li fil-festa tal-Madonna ta’ Fatima, 13 ta’ Mejju, tas-sena 1992, waqqaf il-jum li qed insemmu. Mis-sena ta’ wara mal-festa tal-Madonna ta’ Lourdes kien iċċelebrat Jum il-Morda. Forsi nistaqsu għalfejn l-istess jum? Kien fid-disa’ dehra tal-Madonna lil Bernardette li nstabet l-għajn tal-ilma fl-għar, għajn li għadha tmixxi sal-lum. Fl-1 ta’ Marzu 1858, meta kienu saru d-dehriet, sar l-ewwel fejqan mirakoluż permezz ta’ dan l-ilma. B’hekk Lourdes rabat ismu mal-morda u l-fejqan.

Illum missejna tliet punti: Santa Skolastika; tajjeb niftakru fis-sorijiet li jiddedikaw ħajjithom għat-talb, talb lil Alla li għarrafna bih San Pawl meta ħtija ta’ tempesta wasal fuq xtut artna, festa li llum qegħdin niċċelebraw bis-solennità kollha. Semmejna wkoll il-Madonna ta’ Lourdes u r-rabta mal-morda li jdawru ħaristhom u tamithom lejn Marija Omm Alla bit-tama tal-għajnuna fiżika u morali.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'Il-Mument -  10 ta' Frar 2019

venerdì 8 febbraio 2019

Pajjiż differenti


Ikolli nistqarr li l-kitbiet tiegħi f’dan il-ġurnal ivarjaw u bla ebda mod ma għandi xi aġenda jew direzzjoni imma nikteb fuq dak kollu li jiġi quddiem għajnejja, dak kollu li naħseb u li nkun nixtieq naqsam mal-qarrejja. Ilni nagħmel hekk u nemmen li dan huwa stil li jogħġob lil bosta għaliex ikolli bosta kummenti posittivi.

Illum nixtieq naqsam magħkom esperjenza li għamilt dan l-aħħar. Kelli x-xorti li mmur għal xi jiem fl-Indja u emmnuni ma nistax ma niktibx dwar din l-avventura tal-ġenn, tal-blieh, esperjenza meraviljuża li ma jien sejjer ninsa qatt lanqas jekk inkun irrid!

Incredible India
L'immagine può contenere: una o più persone, persone in piedi, cielo e spazio all'apertoL-Indja hija pajjiż enormi, subkontinent, li qed jipprova jibda t-triq tat-turiżmu. Għalhekk għamel motto b’dan l-iskop: Incredible India u tabilħaqq li dan huwa pajjiż inkredibbli. L-ewwel ħaġa ma tridx iżżur l-Indja b’mentalità Ewropea. Ma tistenniex li se tagħmel vjaġġ bħal dak imbagħad issib dak li ssib Malta, Pariġi, Londra jew Ruma. Dan huwa pajjiż differenti f’kull sens, ibda mill-mentalità, kultura, ikel u kull sistema oħra. Huwa pajjiż inkredibbli tabilħaqq.

Differenzi
Ħaġa li bla ma trid tinnota mill-ewwel hija d-differenzi li jeżistu fil-pajjiż. Filli tkun qed tara binja kollha rħamijiet, ħġieġ, ram u x’naf jien u ħdejha, tmiss magħha tara għadd ta’ kmamar tal-pjanċi li jservi ta’ djar għan-nies. X’kontradizzjoni! L-irħam u bosta minerali oħra huma abbundanti fl-Indja u għalhekk dak li għalina jidher lussu eseġerat għalihom huwa komuni ħafna għax huwa wieħed mill-materji primi li nsibu fil-pajjiż. Imma mbagħad ma hemmx triq tan-nofs, min mejjet fis-sakra u min mejjet għal qatra!

Storbju
L'immagine può contenere: una o più persone, persone sedute, motocicletta e spazio all'aperto
Ħaġa li bla ma trid tinduna biha mill-ewwel hija l-istorbju li tisma’ fit-toroq. Kulħadd idoqq il-ħorn. Eluf ta’ muturi jdoqqu l-ħorn biex jaqbżu u eluf ta’karozzi jdoqqu l-ħorn biex jaqbżu lit-trakkijiet. It-trakkijiet idoqqu l-ħorn biex iwieġbu għall-ħornijiet tal-karozzi u flimkien isiru sinfonija enormi ta’ daqq ta’ ħornijiet. Din hija ħaġa normali għall-poplu Indjan. Fil-fatt bosta trakijiet fuq wara jkollhom miktub SOUND HORN biex inti jekk tkun bil-karozza warajh iddoqqlu biex iwarrabblek ħalli tgħaddi. Idoqqu l-ħorn il-ħin kollu dawk il- muturi  bi tliet roti li jwasslu n-nies minn post għall-ieħor, dawk li jissejħu Tuk Tuk, jew Rickshaw. Għakemm ir-rickshaw oriġinali kien karettun miġbud minn bniedem! F’pajjiż fejn aktar minn wieħed minn kull seba’ persuni li jgħixu fid-dinja jinstab fih, bilfors ikollok bżonn ta’ mezzi ta’ trasport bħal dan għax żgħir, ma jaħlix u jgħaddi kważi minn kullimkien, l-aqwa li jdoqq il-ħorn ukoll!
Ikel
Ilum ma hemmx għalfejn issiefer biex idduq l-ikel ta’ pajjiż differenti minn dak tiegħek, imma meta tiekol ikel fil-post propju l-ebda ikel ieħor ma jista’ jkun aqwa. L-istess ngħidu għall-ikel Indjan. Billi l-Indja fil-maġġoranza hija Hindu allura l-laħam taċ-ċanga trid tinsieh. Mal-Hindu hemm ukoll il-Musulmani u dawn ma jieklux majjal. Mela biex ħadd ma jħossu offiż la ssib ċanga u lanqas majjal imma ssib tiġieġ u muntun. Jien, li l-laħam ma tanx hu ħabib tiegħi, ma dejqitni xejn din il-ħaġa u hedejt induq platti tal-ħaxix mill-itjeb.

Mal-ikel ħafna drabi jisserva ross imsajjar fuq il-fwar jew ħobż ċatt li jsejħulu Naan. Minkejja li l-Indjani normalment jieklu b’idejhom kull fejn kotn jien dejjem sibt il-pożati fuq il-mejda!
Famuż mad-dinja kollha huwa t-te Indjan jew kif isejħulu Masala Chai. Te imħawwar bi ħwawar u ħalib mgħolli. X’tistenna? Il-ħwawar fl-Indja mhux neqsin u l-ikel tagħhom kollu ħwawar li jagħmlu l-ikel tant bnin u differenti, anzi uniku.

L'immagine può contenere: 1 persona, spazio all'aperto
Ħaġa li nnutajt hija s-sens ta’ dixxiplina li dan il-poplu għad għadnu lejn l-awtorità. Il-puluzija għadu meqjus bħala bniedem importanti li jixraqlu r-rispett. Dixxiplina fis-sewqan ftit li xejn hemm biex ngħid id-dritt għax mhux darba jew tnejn u lanqas tlieta rajt karozzi ġejjin lejja fuq in-naħa l-ħażina tat-triq! Fuq mutur ma hemmx limitu kemm jirkbu. Tliet persuni fuq mutur hija ħaġa normali, erba’ persuni rajt ukoll u rajt darba minnhom ħames persuni fuq mutur wieħed.  Tabilħaqq li tnejn minnhom kienu tfal żgħar. Madanakollu minkejja l-ġenn u t-taħwid u n-numru kbir ta’ vetturi, ftit li xejn isiru inċidenti.

Tbissima
Iżda l-aktar ħaġa li laqtitni f’dan il-poplu huwa s-sens ta’ rispett u ta’ ħbiberija li juri lil dak li jkun. Huwa poplu li jgħinek minn qalbu u jekk tagħtih xi ħaġa tal-flus tas-servizz li joffrilek ikun grat lejk u jroddlok ħajr mill-qalb. Din il-ħaġa taraha mill-ħarsa ta’ għajnejhom, il-grazzi  jafu jagħtuhielek bit-tbissima tagħhom u bil-ħarsa ta’għajnejhom.

X’differenza, x’dinja oħra teżisti f’dak il-pajjiż imbiegħed! Tabilħaqq Incredible India.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  9 ta' Frar 2019



giovedì 7 febbraio 2019

Profeta


Spiss nisimgħu min jgħid li xi ħadd kien profeta għax ikun bassar u qata’ xi ħaġa li tkun ġrat sewwasew kif ikun qal dak it-tali. Imma l-profeta m’huwiex biss dak li jbassar il-futur u jaqta’ xi jkun ser jiġri, il-profeta mhux xi saħħar, il-profeta jmur lil hinn mit-tbassir tal-futur.

Il-kelma profeta għandha l-għeruq tagħha fil-Grieg antik. Il-kelma προφήτης (profeta) hija magħmula minn żewġ kelmiet. Ħalli nibda minn denbha u nfisser l-aħħar biċċa. Φημί (tinqara femi) tfisser titkellem, tgħid xi ħaġa. Mela l-profeta għandu x’jaqsam mad-diskors, il-profeta ma jistax jibqa’ mutu, il-profeta fin-natura tiegħu irid ilissen xi ħaġa għax inkella ma jkun profeta xejn. Niġu issa għall-ewwel parti tal-kelma. Προ (tinqara pro) tfisser quddiem, qabel imma tfisser ukoll minflok jew f’isem. Mela jekk ngħaqqdu dawn iż-żewġ kelmiet u naraw xi jfissru nkunu nistgħu ngħidu li profeta huwa kemm dak li jitkellem qabel ma tkun seħħet il-ħaġa kif ukoll dak li jitkellem f’isem ħaddieħor.

Figuri
Il-profeti huma figuri tipikament reliġjużi li nsibuhom tista’ tgħid fir-reliġjonijiet li jemmnu f’xi tip ta’ alla jew allat. Il-profeta huwa dak li jitkellem f’isem dawn l-allat. Fil-fidi Lhudija, u ovvjament f’dik Nisranija wkoll għaliex din tat-tieni hija mwielda minn tal-ewwel, il-figura tal-profeta hija waħda importanti ħafna. Dawn huma figuri li wasslu kemm il-kelma ta’ Alla lill-poplu kif ukoll bassru dak li kellu jseħħ fil-futur. L-itwal ktieb fil-Bibbja huwa ta’ profeta, ta’ Isaija, għad li l-istudjużi jsostnu li dan il-ktieb twil ma nkitibx minn persuna waħda iżda tal-anqas minn tlieta. F’dan il-ktieb insibu kemm il-kelma ta’ Alla mwassla lill-poplu ta’ Isreal kif ukoll tħabbir tal-ġejjieni, it-twelid tal-Messija, ta’ ħellies tal-poplu.

L-aktar fidi qrib dawn it-tnejn hija dik Musulmana li wkoll iżommu xi profeti li nsibu fl-Antik Testment bħala nies qaddisa u jissiġillaw il-lista tal-profeti b’Muħammed, il-fundatur tal-Islam. Xi reliġjonijiet oħra wkoll insibu l-profeti fihom.

Kliemu
Isaija l-profeta
Imma issa ejjew naraw il-profeta xi kliem jgħid. Huwa profeta għax iwassal il-messaġġ ta’ Alla u għalhekk il-kliem li jgħid meta jipprofetizza ma jkunx kliemu imma kliem li Alla jkun irid iwassal lill-bniedem. Kieku profeta ilissen kliemu ma jkun profeta xejn għax ikun qed iwassal il-messaġġ tiegħu, qed jikkomunika dak li għandu f’moħħu. Kieku l-profeta jwassal dak li għandu f’moħħu allura nispiċċaw ngħidu li kieku Facebook u Twitter huma mimlijin profeti! Il-profeta jwassal kliem il-Mulej.

Il-pajjiż tal-profeta
Fl-evanġelju nsibu l-fatt meta Kristu mar fis-sinagoga u ħabbar il-kelma ta’ Alla imma niesu ma laqgħuhx. Hu qalilhom bla tlaqlieq li l-ebda profeta ma huwa milqugħ f’pajjiżu, anzi ma hemmx post agħar minn pajjiżu fejn profeta jiġi mżebblaħ. Mhux faċli li bniedem li tkun tafu sa minn twelidu, tarah jitrabba, jikber, isir ġuvni, raġel taċċetta mingħandu tagħlim differenti minn dak li tant tkun ilek fih. Kien għalhekk li lil Kristu ma aċċettawh, kien għalhekk li ma niżżluhiex li bin il-mastrudaxxa jgħallimhom tagħlim differenti minn dak li kienu ankrati fih. Kienet iebsa biex jidrittaw l-imgħawweġ tagħhom wara t-twissija ta’ bniedem li kienu jafuh.

Profeti llum għad għandna, li forsi ma jitkellmux f’isem Alla imma jitkellmu f’isem is-sewwa, f’isem il-ħaqq u l-ġustizzja, imma l-istess bħalma għamlu lill-profeti tat-Testment il-Qadim, kliemhom bosta drabi jaqa’ fuq widenejn torox.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 3 ta' Frar 2019



venerdì 1 febbraio 2019

Frar


Aħna l-Maltin għandna qawl li jgħid li Frar ifawwar il-bjar. Dejjem smajt min jgħid, u dejjem qbilt magħhom, li dan il-qawl ifisser li fi Frar tagħmel ħafna xita. Biddilt il-fehma tiegħi wara li kont qed nitkellem ma’ bidwi u qalli li kont żbaljat fil-ħsieb tiegħi. Huwa qalli li Frar ifawwar il-bjar għax ikun meliehom Jannar. Xogħol l-iqsar xahar tas-sena huwa biss li jimla dak li jkun ħalla vojt ix-xahar ta’ qablu. Minn dakinhar biddilt ħsiebi dwar it-tifsira ta’ dak il-qawl!

Xahar qasir
Ċajta komuni ħafna hija li meta wieħed jiġi mistoqsi meta se jagħmel xi ħaġa u din il-ħaġa aktarx ma tkun sejra ssir qatt, dan it-tali jwieġeb: “Fit-30 ta’ Frar”. Din id-data ma teżistix. Kull xahar ieħor tas-sena fih it-tletin jum tiegħu imma Frar jieqaf fit-28 jew fid-29. Billi s-sena tal-kalendarju, jiġifieri d-dawra tad-dinja max-xemx, mhijiex eżattament 365 jum, iżda fiha madwar sitt sigħat aktar, kull erba’ snin Frar ma jkunx fih 28 jum imma 29. Din tissejjah sena bisestili. Kif tkun taf jekk sena hijiex se tkun bisestii jew le? Faċli, kemm tiddividi l-aħħar żewġ numri bin-numru 4 u jekk dan jidħol eżatt allura jkun ifisser li dik is-sena hija bisestili. X’sejra tkun is-sena 2024? Jekk niddividu 24 b’4 ikollna 6, mela dik is-sena iva se tkun bisestili. X’kienet is-sena tal-Indipendenza ta’ Malta? 64 niddividuhom b’4 jiġu 16, mela iva dik is-sena kienet bisestili. U s-sena tar-Repubblika x’kienet? 74 niddividuhom b’4 nispiċċaw b’18.5, allura ngħidu li dik is-sena Frar kellu biss 28 ġurnata. X’jiġri minn dak li jitwieled fid-29 ta’ Frar? Jekk jagħlaq it-18 il-sena f’sena bisestili legalment jibda jiġi meqjus bħala adult dakinhar imma jekk is-sena ma tkunx bisestili normalment jibda jitqies adult mill-1 ta’ Marzu.

Qaddisin u festi
Frar fih xi festi ta’ qaddisin għeżież għalina. Fit-2 tax-xahar niċċelebraw il-Gandlora, li tfakkar il-preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-tempju. Biex ngħidu d-dritt dan il-jum iġib il-festi tal-Milied fi tmiemhom. Il-presepju fi Pjazza San Pietru fil-Belt tal-Vatikan jibqa’ armat sa dan il-jum. Ma nimmaġinax li hawn minna li nħallu l-armar tal-Milied sa dan iż-żmien, l-aktar f’dawk is-snin li kważi jkun nwasal il-bidu tar-Randan.  Qaddisa b’rabta ma’ artna hija dik li niċċelebraw fil-5 ta’ Frar. Sant’Agata li jingħad li anke waslet f’pajjiżna biex tħarab mill-persekuzzjoni li kien hemm fi Sqallija. F’Malta nsibu erba’ kappelli ddedikati lil din il-qaddisa, waħda l-Imdina, tnejn ir-Rabat, waħda fil-katakombi u oħra fuq il-katakombi u oħra fiż-Żurrieq. Il-Kurja tas-Soċjeta Missjunarja ta’ San Pawl ukoll ħadet l-isem ta’ din il-qaddisa.  Semmejna lil San Pawl u la qed insemmu Frar ma nistgħux inħalluh barra. San Pawl nawfragu fl-10 ta’ Frar hija solennità fl-Arċidjoċesi tagħna. Huwa l-jum fejn niftakru li pajjiżna laqa’ fuq xtutu lill-Appostlu tal-Ġnus. L-10 ta’ Frar hija l-jum tal-ewwel festa esterna tas-sena. Il-Belt Valletta bħal-lum tara wċuħ li abbli tkun ilha sena jew aktar ma tarahom. F’dan il-jum fil-knejjes tagħna, tinqara s-silta mill-Atti tal-Appostli fejn tissemma Malta u niesha, nies barbari, jiġifieri li ma jitkellmux bil-Latin, imma nies ta’ qalb kbira.

San Valentinu
Fil-11 ta’ Frar niċċelebraw il-festa tal-Madonna ta’ Lourdes. Kemm Maltin żaru dan il-post għażiż fi Franza? Eluf kbar, u ta’ kull sena għadu jattira bosta minna biex imorru jaraw fejn il-Madonna kellmet lil Santa Bernardetta Soubirous. F’dan il-jum niċċelebraw ukoll Jum il-Morda, u biex ngħidu d-dritt hemm rabta intima bejn Lourdes u l-morda, min xi darba mar jista’ jifhem aktar dak li rrid ngħid.

Għall-Maħbubin l-14 ta’ Frar ifakkarhom f’San Valentino. Biex ngħidu d-dritt dakinhar niċċelebraw lil San Ċirillu u San Metodju, patruni tal-Ewropa, imma magħhom jidħol ukoll dan il-qaddis li huwa meqjum ġewwa Terni fl-Umbria l-Italja u għandu venerazzjoni speċjali anke f’Ħal Balzan. Ma nistax inħalli barra l-Beata Marija Adeodata Pisani li niċelebraw it-tifkira tagħha fil-25 ta’ dan ix-xahar. Tabilħaqq li din il-beata twieldet Napli imma missierha kien Malti u hi ġiet Malta ta’ 19-il sena, għalhekk nistgħu ngħidu li hija Maltija.

Ħafna drabi Frar ikun ukoll ix-xahar li fih niċċelebraw il-karnival. Din is-sena l-karnival jibda propju fl-aħħar jum ta’ Frar. Dak li konna nsejħu Giovedigrass sejjer ikun fit-28 ta’ Frar.

Fid-29
Biex forsi naqta’ l-kurżità ta’ xi wħud, ngħid ukoll li anke fid-29 ta’ Frar niftakru f’Santu Wistin ta’ Chapdelaine Martri taċ-Ċina, San Ilarju Papa u f’San Osvaldu Isqof ta’ Worcester. Kulħadd b’xortih għandek tgħid, dawn il-qaddisin darba biss kull erba’ snin niffesteġġjawhom! F’dan il-jum ġewwa l-Irlanda jkun iċċelebrat jum il-ġuvintur. Mhux ġuvintur żgħażagħ imma jum għal dawk l-irġiel kollha li baqgħu qatt ma żżewġu.

Qasir u jgħaddi bħar-riħ, imma mimli dan ix-xahar.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  2 ta' Frar 2019