venerdì 26 luglio 2019

Inti djamant


Min minna qatt ma sema’ jew kanta d-diska tal-grupp famuż Għawdxi The Tramps, Inti djamant? Diska li titratta l-ġżira ta’ Għawdex u s-sbuħija tagħha. Tant hi popolari din id-diska li anke Michela li rrappreżentat lil pajjiżna fil-Eurovision Song Contest kantatha waqt il-provi. Nazzarda ngħid li l-kliem ta’ din id-diska il-Maltin jafuh aktar mill-kliem tal-Innu Nazzjonali!

Calypso
Għawdex huwa wkoll imlaqqam bħala l-Gżira ta’ Kalipsu. L-oriġini ta’ dan l-isem imur lura fil-mitoloġija Griega u nsibu dan kollu fil-kitba tal-Odissea ta’ Omeru. Skont Omeru Kalipsu żammet lil Oddissej għal seba’ snin sħaħ f’għar fuq ir-Ramla l-Ħamra bħala priġunier tal-imħabba. Omeru jsejjaħ lil din il-gżira bħala Oġiġa. Din hija mitoloġija antika u mhux storja, imma xorta waħda rabtet lill-Għawdex mal-kumplament tad-dinja. Ma ninsewx li fi żmien Omeru, li għex aktar minn mitejn sena qabel Kristu, il-Greċja kienet fl-aqwa tagħha fejn jidħlu arti, letteratura, filosofija u armata. Kienet biex ngħidu hekk l-Amerika tal-lum. U Għawdex jissemma fil-ktiba ta’ dan il-kittieb kbir u magħruf.

Dan l-isem għadu biex ngħidu hekk imwaħħal magħna għax għat-Taljani il-gżejjer Maltin sa madwar mitt sena ili jew xi ftit aktar kienu magħrufin bħala le Isole Calipsee, il-gżejjer ta’ Kalipsu.
Dan il-ħsieb iffakkarni fi professur li kien jgħallimni t-teoloġija. Kien professur Taljan magħruf ħafna. Kien dejjem jgħidli li jixtieq iżur Malta biex imur fil-gżira ta’ Kalispu għax dik issemmiha Omeru. Stedintu kemm-il darba imma dejjem qalli li jibża’ jitla’ fuq ajruplan! Dan il-biża’ dejjem ċaħħad lil dan il-professur tant intelliġenti milli jżur dak li dejjem xtaq iżur. U hawn jiġi f’moħħi kliem Santu Wistin; id-dinja hija ktieb, dawk li ma jivvjaġġawx jaqraw biss folja waħda minnu.

Vaganza fil-qrib
Għalina l-Maltin hija ħaġa faċli biex naqbdu l-karozza u morru jumejn Għawdex. Imma llum ħafna qed jaħsbuha darbtejn qabel jieħdu din il-vaganza fil-qrib. Illum kulħadd bl-arja kkondizzjonata id-dar, fl-uffiċċju, fil-karozza, fis-supermarket u kullimkien. Meta mmorru vaganza nistennew li nsibu post fejn inkunu paxxuti. Issa jekk immur Għawdex u nikri post fejn se mmut bis-sħana, allura naħsibha darbtejn għax ikun jaqbilli nibqa’ d-dar. Il-kumdità tabilħaqq trid tħallas għaliha, imma tajjeb li dak li jinvesti fi flats jew djar biex jinkrew, jaħseb sewwa għal dan l-apparat li llum ma għadux lussu imma sar bżonn, sar parti mill-ħajja tagħna. Naf li hemm ħafna li diġà investew f’apparat ta’ arja kkondizzjonata fil-flats jew djar li jikri, u hekk għadnu jkun.

Mina jew pont
Kemm ilna nisimgħu diskors dwar jekk hux ser isir pont jew jekk hijiex sejra tinbena jew titħaffer mina bejn iż-żewġ gżejjer! Issa wara tant snin ta’ argumenti, qbil jew nuqqas ta’ ftehim, sirna nafu li se ssir mina. Għadna ma nafux jekk din hix sejra titħaffer taħt qiegħ il-baħar jew jekk hijiex sejra tinbena fil-qiegħ tal-baħar. Hu x’inhu sa issa nafu li se ssir mina xi darba. Ngħid għalija nippreferi mina milli pont.
Bil-mina li tgħaqqad iż-żewġ ġżejjer ewlenin tal- arċipielgu Malti nkunu nistgħu ngħidu li ma baqgħux żewġ ġżejjer imma saru magħqudin. Il-biża’ ta’ bosta Maltin huwa li Għawdex jitlef il-karattru tiegħu. Diġà tilef ħafna minn dak li kellu, bit-tagħqid tiegħu ma’ Malta jitlef dak li fadallu. Allura ħafna drabi nispiċċaw ngħidu li aħjar ma ssir xejn il-mina. Imma meta taħseb dwar dawk l-Għawdxin li ta’ kuljum, xemx u xita, sħana jew kesħa, iridu jsebbħu kmieni biex jaqsmu dax-xiber baħar li jifred lil dawn iż-żewġ  gżejjer, bla ma trid tgħid “Iġri ssir il-mina”.

Biss nemmen li hemm soluzzjoni biex Għawdex ma jintilifx għal kollox wara l-ftuħ tal-mina. Nissuġġerixxi li l-Malti li juża l-mina jkollu noll bil-wisq ogħla min-noll li jitħallas fuq il-vapuri. Dan ma jkunx jgħodd għall-Għawdxi li jkollu jaqsam lejn Malta kuljum. Anzi, l-idea tiegħi hi li dak l-Għawdxi li jkollu jiġi Malta kuljum, ikollu pass biex ikun jista’ juża l-mina b’xejn ladarba jkun qed jaqsam lejn Malta biex imur għax-xogħol.

Paċi
Ħafna minna mmorru sa Għawdex biex insibu ftit kwiet u serħan il-moħħ, biex insibu ftit paċi li tant aħna neqsin minnha aħna li ngħixu fl-ibliet Maltin. Tiskanata kif Għawdex baqa’ daqstant differenti. Fih għadek issib dak li f’Malta illum intilef. Il-qniepen tal-knejjes sbieħ li jdoqqu u jinstemgħu fil-kampanja Għawxija hija ħaġa waħda biss li f’Malta minħabba l-istorbju lanqas għadna nisimgħuhom jew nintebħu i qed idoqqu. X’ma jiktibx mużika sabiħa Albert Ketelbey meta jkun Għawdex u jsemmiha “Bells across the Meadows”. Fejn se ssib fit paċi bħalma ssib Għawdex? Mhux ta’ b’xejn il-mibki Dominic Grech tat-Tramps isejjaħlu Djamant!

Fr Reno Muscat



Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 27 ta' Lulju 2019

venerdì 19 luglio 2019

Ġrajjiet uniċi


L-istorja tal-bniedem tinbena bil-ġrajjiet. Dawk il-fatti li jseħħu minn żmien għal żmien jibnu sensiela ta’ ġrajjiet li biż-żmien iisru storja. Għalhekk huwa importanti li niftakru f’dawk il-ġrajjiet li fasslu l-istorja tagħna, dawk l-avvenimenti li sawru lilna u lil pajjiżna.

Sette Giugno
Il-funeral tal-vittmi tas-Sette Giugno
Żgur li l-akbar avveniment li qegħdin infakkru f’pajjiżna din is-sena huma l-ġrajjiet li seħħew sewwasew mitt sena ilu fil-Belt Valletta, meta l-Maltin irvellaw kontra l-mexxejja Brittaniċi minħabba l-prezz għoli tal-aktar ħaġa importanti fil-manteniment tagħhom: il-ħobż. Illum il-ħobż ma tantx għadu jidher fuq il-mejda tad-dar Maltija. Fi ċkuniti, niftakar l-għalliem tagħna, Is-Sur Cardona, jgħidilna li fir-raħal tagħna, Ħal Qormi, kien hemm żmien li kien hemm il fuq minn mitt forn u llum fadal biss erbgħa u erbgħin. Dan li qed insemmi jmur lura ftit aktar minn erbgħin sena. Illum mhux żgur fadal nofs tużżana fran jaħdmu fir-raħal magħruf għall-ħobż! Dan kollu juru kemm in-nies naqqset milli tiekol il-ħobż. Allura jekk sa erbgħin sena ilu l-ħobż kien aktar meħtieġ mill-ġurnata tal-lum, nistgħu nimmaġinaw mitt sena ilu kemm kien aktar jittiekel.  Dan wassal biex il-Malti jqum u jsemma leħnu, bir-riżultat li erbgħa minn ulied din l-art sfaw martri.

Din hija waħda biss mill-ġrajjiet li bnew l-istorja ta’ pajjiżna, ġrajja ta’ mitt sena ilu li llum sirna niftakru fiha b’mod speċjali għax is-Sette Giuno, dak il-jum li fih saru dawn l-irvellijiet, sar jum nazzjoanli ta’ pajjiżna.

Ħamsa u sebgħin sena
San Bastjan 
Din is-sena wkoll qed niċċelebraw żewġ avvenimenti importanti oħra, li għad li ma humiex fuq livell nazzjonali, xorta huma ta’ interess partikolari għal min iħobb l-istorja.

Fl-1944 saret l-ewwel purċissjoni bl-istatwa ta’ San Bastjan ta’ Ħal Qormi. L-istatwa tal-injam maħduma mill-istatwarju Qormi Ġorġ Borġ kienet lesta xi snin qabel iżda minħabba li dawk kienu snin il-gwerra, din l-istatwa baqgħet ma ħarġet qatt. Il-Qormin ta’ San Bastjan stennew li tgħaddi l-gwerra biex setgħu jiċċelebraw il-festa tagħhom u jżanżnu l-istatwa. Biex jitfakkar dan l-avveniment sar pellegrinaġġ bl-istatwa ta’ dan il-qaddis. It-triq tal-pellegrinaġġ kienet tinkludi wkoll parti mill-parroċċa x-xiħa ta’ Ħal Qormi, dik iddedikata lil San Ġorġ. Dan sar nhar it-Tlieta 9 ta’ Lulju.

La qed nitkellem fuq San Bastjan ippermettuli ngħid xi ħaġa li tassew tagħtini fastidju. Għalfejn lil dan il-qaddis irridu nibdlulu ismu meta niktbu? Għalfejn niktbu San Sebastjan? Meta nitkellmu bejneitna San Bastjan ngħidu għax dik hija l-kelma Maltija. U din il-ħaġa tiġri wkoll Birkirkara. Jekk il-qaddisa li sabet is-salib ta’ Kristu bil-Malti ngħidulha Lieni, għalfejn fil-festa ma niktbux  Santa Liena imma narawha miktuba bħala Santa Elena jew agħar minn hekk Santa Helena? Xi ħaġa simili nsibuha wkoll il-Furjana u Ħal Kirkop. Bil-Malti ngħidu San Pupulju u San Anard – hemm għalfejn niktbu San Publju u San Leonardu? M’inix ċert dwar il-qaddis tal-Furjana għax fl-Atti tal-Appostli bħala Publju insibuh imniżżel minkejja li aħna kollha nsejħulu Pupulju. Jekk ser nibqgħu nagħtu bis-sieq lill-ilsien ta’ art twelidna anke f’ dawn in-naqriet  ma ndumux ma nispiċċaw b’xejn!

Aktar anniversarji
San Lawrenz lura fil-Birgu fl-1944
Din is-sena wkoll qed jiġi ċċelebrat il-ħamsa u sebgħin sena minn meta l-istatwa ta’ San Lawrenz tal-Birgu ittieħed lura lejn il-knisja tiegħu wara li kien ittieħed ġewwa r-Rabat biex jitħares mill-bombi tal-għadu li waqgħu bla għadd fl-inħawi tal-Kottonera matul it-tieni gwerra dinjija. Biex jitfakkar dan l-avveniment il-vara ta’ San Lawrenz sejra tittieħed fil-kolleġġjata ta’ Marija Immakulata ta’ Bormla u minn hemm tittieħed b’pellegrinaġġ lejn il-kolleġġjata tal-Birgu. Dan ser isir nhar it-Tlieta 30 ta’ Lulju.

Issa ippermettuli nerġa’ ngħid oħra dwar il-Malti. Jekk nużaw il-kelma anniversarju ma nużawx ukoll il-kelma sena  fl-istess frażi għax dawn ifissru l-istess ħaġa. Sirna naraw spiss din il-froġa miktuba fil-ġurnali tagħna u fuq l-internet kif ukoll nisimgħuha tingħad fuq il-mezzi tax-xandir. Jekk ngħidu ħamsa u sebgħin sena anniversarju nkunu qed nagħmlu l-iżball bħalma kieku nsejħu lil Joe Borg bħala Is-Sur Mister Joe Borg. F’dan il-każ jew nużaw Sur jew Mister, imma qatt it-tnejn f’daqqa. Allura għalfejn nużaw anniversarju u sena flimkien? Tajjeb li ma nibqgħux nirrepetu dan l-iżball.

Mhux dawn biss
Semmejt tliet avvenimenti li qegħdin niċċelebraw din is-sena. Dawn ma humiex l-avvenimenti waħdanin li qed infakkru. Hemm bosta avvenimenti oħra mhux fuq skala nazzjonali jew parrokjali imma jista’ jkun fuq skala familjari. Pereżempju il-ġenituri ta’ ħabiba tiegħi din is-sena qed jiċċelebraw is-sebgħin anniversarju miż-żwieġ tagħhom.  Din ukoll hija grajja unika. Kemm hawn min jasal biex jiċċelebra ġrajja bħal din?

Kull tifkira ta’ avveniment importanti sew fil-pajjiż kif ukoll f’ħajjitna hija ġebla mill-binja tal-istorja tagħna. Għalhekk tajjeb li niftakru fil-ġrajjiet li għaddew u sawru lilna biex aħna dak li aħna.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 20 ta' Lulju 2019








venerdì 12 luglio 2019

Għalfejn Lourdes?

Matul ix-xhur tas-sajf bosta minna jfittxu li jgħaddu xi jiem ta’ mistrieħ il bogħod minn xtutna. Illum il-Maltin saru jmorru kullimkien, f’kull parti tad-dinja issib li mar xi wieħed minna, imma hemm post partikolari li donnu huwa marbut wisq ma’ qalb il-Malti. Dan huwa Lourdes fi Franza. Issib min mar f’dan il-post bosta drabi, anke aktar minn għoxrin darba u jgħidlek li jerġa’ jmur kull meta tiġih l-okkażjoni. Imma x’hemm f’dan il-post li jiġbed tant Maltin lejh? Għalfejn Lourdes u mhux post ieħor?



Il-post
Lourdes -  Is-Santwarju
Mhux l-iskop tiegħi li nirrakkonta l-istorja tad-dehriet li kellha Santa Bernardetta Suobirus fl-1858 għaliex nemmen li dawn kulħadd jafhom u jkun ħela ta’ ħin kieku kelli noqgħod nirrakkonta dak li nafu sewwa. Imma rrid nikkummenta xi ħaġa dwar il-post li hu tant popolari magħna. Min mar jifhimni mill-ewwel u għal dawk li qatt ma żaru l-post ser nipprova npinġilkom xena ta’ dan il-post. In-naħa tax-xmara Gave, li tgħaddi eżatt minn quddiem l-għar tad-dehriet donnha fruntiera li tifred żewġ dinjiet. Fuq naħa hemm art kważi vojta, ftit li xejn bini għajr bini li għandu rabta mas-santwarju filwaqt li n-naħa l-oħra hekk kif toħroġ mill-kanċelli li jaqtgħu lis-santwarju mill-belt issib kull xorta ta’ ħwienet, kull xorta ta’ negozji; dinja għal kollox differenti mix-xatt l-ieħor tax-xmara.

Forsi hija din id-diveristà li tiġbed daqstant nies lejn Lourdes. Hemmhekk wieħed jista’ jsib il-kwiet, kemm mentali kif ukoll spiritwali kif ukoll jista’ jgawdi l-ħajja ta’ belt mimlija ħajja u kummerċ.

Il-lukandi li normalment joqgħodu fihom il-Maltin huma kollha qrib is-santwarju u għalhekk dak li jkun ma jkollux problemi jekk ikun jixtieq imur fil-grotta ta’ Massabielle anke kmieni filgħodu jew tard filgħaxija għax fi ftit minuti jkun jista’ jasal. Dan huwa vantaġġ. Mill-banda l-oħra min ikun irid joħroġ jiekol – għalkemm ġeneralment il-prezz tal-lukandi jkun jinkludi l-ikel kollu, jew jixrob jew jieħu xi ġelat, isib kollox tefgħa ta’ ġebla bogħod minn fejn ikun alloġġjat.

La qed insemmu l-ħwienet!
Triq kollha ħwienet f'Lourdes
Aħna l-Maltin ladarba nsiefru irridu nitgħabbew b’xi xirja li nagħmlu. U hawn min jitgħabba sewwa u mbagħad problema meta jasal l-ajruport għax isib li jkun qabeż sewwa l-piż li jkun sabilit li jista’ jtella’ fuq l-ajruplan. Jekk il-Maltin iħobbu jixtru, Lourdes għandhom isibu post u ħin biex jeżerċitaw dan il-passatemp tagħhom. Forsi naħsbu li Lourdes issib tixtri biss statwi tal-Madonna jew kuruni tar-Rużarju u ħwejjeġ reliġjużi biss. Xi żball għandu min jaħseb hekk! Tassew li dawn il-ħwejjeġ issibhom, anzi issib aktar milli timmaġina, imma ssib ukoll dak kollu li ssib tixtri f’kull post turistiku ieħor.

Ħuma bosta dawk li jixtru fliexken tal-plastik forma ta’ Madonna u mbagħad jimlewhom bl-ilma ta’ Lourdes u jagħtuhom lil sħabhom meta jiġu lura Malta. Imma f’ġieħ kemm hemm, kemm se żżomm fliexken bl-ilma tal Lourdes? Kull min imur hemm iġiblek wieħed minnhom! Napprezza l-ħsieb, imma ma għandniex neseġeraw.

Fil-qrib
Pont d'Espagne
Min imur Lourdes jista’ wkoll igawdi xi postijiet li hemm qrib. Bosta, biex ma ngħidx li kull grupp li jmur hemmhekk, iżuru Pont d’Espagne. Ħalli ngħiduha kif inhi, mhux ta’ min jitlifha żjara sa dan il-post mimli kaskati ta’ ilma li jinżel b’qawwa tal-għaġeb. Ngħid għalija kull meta mort Lourdes dejjem mort f’dan il-post, kemm sempliċiment nimxi mixja u nieħu kafè mill-bar waħdieni li hemm. Ħarġa oħra hi għal Gavanie. Fit-triq dak li jkun jista’ ieqaf fuq il-pont imsejjaħ ta’ Napuljun. Dan huwa pont għoli aktar minn sittin metru li jaqsam ix-xmara Gave, dik l-istess xmara li tgħaddi minn ħdejn l-għar ta’ Lourdes. Gavarnie hu raħal ċkejken li joffri ftit ħin ta’ mistrieħ li min iżuru. Tista’ tmur tippassiġġa fit-triq waħdanija li hemm, mimlija ħwienet li bosta minnhom ibiegħu affarijiet artiġjanali jew tmur rikba fuq żiemel. Jekk la tħobb tixtru u lanqas tirkeb iż-żwiemel, allura mur ħu kafè jew birra. Post ieħor li min ikun Lourdes tajjeb iżur huwa Artouste. Hawn, wara li dak li jkun jitla’ bil-cable car, isib ferrovija ċkejkna li tieħdu dawra fuq il-muntanji. Hawn wieħed jista’ jgawdi xeni mill-isbaħ li hawn Malta lanqas qatt ħlomna bihom. Mhux bilfors; mela Malta għandna l-muntanji?

Lourdes; il-post tant imfittex minn bosta Maltin, Lourdes il-post li bosta jgħidulek li jmorru kemm imorru fih ma jiddejqu qatt. Lourdes il-post fejn tista’ tieħu vaganza, li biex ngħidu kollox mhix wisq għolja, u ssib kemm xi ħaġa spiritwali kif ukoll dak kollu materjali li joffru bliet turistiċi oħrajn. Naħseb dan hu s-sigriet li jiġbed tant eluf ta’ Maltin ta’ kull sen  lejn dan il-post. Għalhekk Lourdes.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 13 ta' Lulju 2019


martedì 9 luglio 2019

Wistin Camilleri

Wistin Camilleri
Ninsabu fl-istaġun tas-sajf, l-istaġun li fih aħna l-Maltin niċċelebraw il-festi tradizzjonali tagħna. Wieħed mill-elementi l-aktar importanti f’dawn il-festi hija l-istatwa titulari, tal-patrun jew patruna tar-raħal jew tal-belt jew tal-knisja li minnha ssir il-festa. F’pajjiżna għandna vari proċessjonali li wħud minnhom inħadmu lokalment, minn artisti Maltin bħalna. Il-lista ta’ dawn l-artisti hija twila mhux ħażin, lista ta’ nies ta’ ħila li ħallewlna opri tal-arti li jagħmluna kburin.

Fost il-bosta mgħallmin Maltin bħalna li sawru dawn l-istatwi nsibu lil Wistin Camilleri, magħruf ħafna għall-arti fil-kartapesta li għandu xogħol madwar Malta kollha. F’dawn il-jiem Wistin jagħlaq erbgħin sena li ħalla din id-dinja u għalhekk xieraq naraw xi ħaġa dwar dan l-artist kbir Malti.



Minn Malta għal Għawdex għal barra minn Malta
Dejjem kont naħseb li l-familja ta’ Wistin hija Għawdxija imma sirt naf li missieru u ommu, Ġużeppi u Katarin, xebba Bonnet, kienu t-tnejn li huma miż-Żejtun li telqu raħal twelidhom u marru jgħixu u jibnu familja ġewwa Għawdex. Wistin, l-iżgħar iben tal-familja Camilleri,  twieled fil-mitħna ta’ Għajn Qatet fir-Rabat Għawdex nhar it-2 ta’ Mejju tas-sena 1885.

Irħama mad-dar fejn għex u ħadem Wistin
Sa minn ċkunitu Wistin wera l-ħajra lejn l-arti Jingħad li fi tfulitu, meta kellu madwar għaxar snin,  kien beda jagħmel xi pasturi u statwi żgħar tat-tafal u jmur ibigħhom. Huwa kien jistudja fl-iskola tas-seminarju ta’ Għawdex u hemmhekk beda jitgħallem l-arti taħt id-direzzjoni ta’ patri Ġiżwita. Ta’ ħmistax-il sena, Wistin ħadem l-istatwi ta’ San Pietru u San Pawl fil-ġebel għal fuq il-fontispizju tal-knisja tal-Kapuċċini ta’ Ghawdex, dik il-knisja li hemm kif tibda n-niżla lejn Marsalforn.  Wara kompla jistudja fl-iskola tal-arti ġewwa l-belt Valletta. L-artist Ġużè Duca kien wieħed mill-ewwel għalliema tiegħu u aktar tard Wistin kompla taħt id-direzzjoni tal-pittur famuż Ġużeppi Calì. Meta dan l-artist kbir Malti ra t-talenti li kellu Camilleri bla dewmien ħajru jinkiteb fl-akkademja tal-arti San Luca ta’ Ruma, assoċċjazzjoni  ta’ artisti antika u ferm prestiġġjuża. Huwa għadda xi snin jistudja Ruma. Hemmhekk sar ħabib tal-iskultur Filippo Coppa li mingħandu tħarreġ l-arti tal-kartapesta. Meta ġie lura Malta baqa’ jaħdem il-kartapesta bħalma kienu qegħdin jagħmlu bosta artisti oħrajn ta’ żmienu.

Huwa iżżewweġ lil Franġiska, imwielda Cauchi u kellhom sitt itfal. Baqgħu joqgħodu dejjem ġewwa t-triq hekk imsejħa Għajn Qatet. Illum mad-dar ta’ dan l-artist insibu rħama kommemorattiva.

Mhux biss kartapesta
 Tabilħaqq li Wistin kien artist tajjeb fejn tidħol il-karatapesta u nsibu mijiet ta’ statwi maħdumin minnu minn dan il-materjal, imma dan l-artist għandu wkoll xogħol fil-ġebla Maltija. Fis-santwarju nazzjonali tal-Madonna ta’ Pinu nsibu l-iskultura fil-ġebla Maltija maħduma minnu. Hemmhekk insibu madwar elf u tmien mitt disinn differenti, kollha xogħol li ħareġ minn taħt l-idejn abbli tiegħu. Wistin kien fost l-ewwel artisti, jekk mhxu ukoll l-ewwel wieħed, li ħadem ukoll statwi fil-konkos. Irridu niftakru li l-konkos mhux xi materjal antik wisq. Wistin għaraf li jista’ jużah ukoll għall-opri artistiċi tiegħu.

Xbihat sagri
Ġuda tan-Naxxar
Qalb ta'  Ġesù - Fontana
Iż-żmien li għex u ħadem fih Wistin Camilleri kien bejn wieħed u ieħor l-istess żmien li għex San Ġorġ Preca. Fil-fatt dan l-artist għandu bosta kurċifisssi f’ħafna oqsma tal-Museum imxerdin ma’ Malta u Għawdex. Jingħad li San Ġorġ Preca kien jinsisti li jekk xi ħadd irid ikollu kurċifiss devot għandu jordnah għand Wistinu.

Ta’ dan l-artist ukoll hija l-vara titulari mill-isbaħ tar-raħal pittoresk tal-Fontana, f’Għawdex. Ix-xbieha tal-Qalb ta’ Ġesù hija waħda mill-isbaħ li nsibu fil-gżejjer tagħna. L-artist ma ntilifx biss fuq il-ġmiel fiżiku tal-persuna imma wkoll irnexxielu joħloq xbieha ta’ devozzjoni liema bħalha.

Dan l-imgħallem għandu bosta statwi tal-Ġimgħa l-Kbira. Ma nistgħux ma nsemmux il-monument tal-Mosta, kapolavur f’kull sens tal-kelma! Wistin fassal id-disinn ta’ dan il-munument u ħadem il-korp ta’ Kristu li hemm fih kif ukoll l-anġli li jsebbuh. Interessanti wkoll li s-sett kollu tal-vari tal-Ġimgħa l-Kbira taż-Żebbuġ ta’ Għawdex inħadem minnu kollu kemm hu. Billi kienet saret xi ħsara f’dan is-sett, Wistin kien irrestawrah u kien hemm fejn ħadem mill-ġdid statwi li kienu spiċċaw.

Wistin ma' Uliedu
Alfred u Pawlu Camilleri Cauchi
Wisin baqa’ jaħdem sa mewtu għax għalih l-iskultura ma kinitx biss l-għixien imma kienet passjoni. Kienet ħajtu. L-aħħar xogħol kbir tiegħu huwa l-vara ta’ Ġuda tal-parroċċa tan-Naxxar. Din għamilha meta kellu 90 sena. Huwa kien onorat mill-Papa Pawlu VI bħala Kommendatur tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann. Wisitn Camilleri miet nhar l-erbgħa ta' Lulju 1979, sewwasew erbgħin sena ilu fl-età ta' 94 sena.

Għal 10 snin Għawdex kellu momument għal dan ibnu imma l-post fejn kien ma kienx wisq gawdut. Illum sab ruħu fi Triq ir-Repubblika ir-Rabat, barra Villa Rundle, post eċellenti li jixraq lil dan l-artist lokali.

Illum għadna ngawdu bosta opri ta’ dan l-artist li tana mhux biss opri imma tana wkoll ulied u neputijiet li wkoll imxew fil-passi tiegħu u għadhom jagħtuna opri artistiċi mill-aqwa.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  6 ta' Lulju 2019


mercoledì 3 luglio 2019

Il-kastell ta’ San Ġorġ f’Lisbona


Meta wieħed iżur il-belt kapitali tal-Portugall, Lisbona, jista’ jilmaħ kastell prominenti fuq għolja. Dan il-kastell iġib l-isem ta’ San Ġorġ. Dan huwa kastell mibni fil-Medjuevu mit-Torok li jħares lejn iċ-ċentru storiku ta' Lisbona u x-Xmara Tagus li tgħaddi minn din il-belt. Dan il-kastell huwa wieħed mil-postijiet turistiċi ewlenin ta’ Lisbona.

Għalkemm l-ewwel fortifikazzjonijiet fuq din l-għolja tmur lura sat-tieni seklu QK, skavi arkeoloġiċi sabu preżenza tal-bniedem fil-post sa mis-sitt seklu QK. Aktarx li l-ewwel fortifikazzjoni nbniet hawnhekk fis-sena 48 QK, meta Lisbona saret muniċipalità Rumana. Fis-seklu X inbena l-kastell mill-ġdid mill-qawwiet Musulmani.

Fl-1147 il-Portugall reġa’ ntrebaħ mill-Insara bis-saħħa tal-kavallieri li kienu mmexxijin minn Alfonsu l-ewwel. Meta fl-1255 Lisbona saret il-belt kapitali tal-Portugall, dan il-kastell serva bħala r-residenza fortifikata għall-Gvernatur Alfonsu III u madwar ħamsin sena wara is-Sultan Denis l-ewwel biddel dan il-kastell f’palazz irjali.

Tajjeb ngħidlu li f’dak iż-żmien kien hemm bosta assedji fuq dan il-katell, mhux aktar mit-Torok iżda mill-ġirien Kastiljani. Il-qawwiet ta’ Kastilja xtaqu jiksbu din il-parti tal-peninsula Iberika u kienu spiss jattakkaw lil Lisbona. Lejn tmiem is-seklu XIV  is-Sultan Ġwanni, li kien miżżewweġ lil Filippa ta’ Lancester, membru tal-Familja Rjali tal-Ingilterra, semma dan il-kastell għal San Ġorġ, qaddis popolari u li għandu devozzjoni kemm fil-Portugall kif ukoll fl-Ingilterra.

Tajjeb insemmi li f’ dan il-palazz jew kastell, is-Sultan Manwel l-ewwel kien laqa’ lil Vasco da Gama meta dan in-navigatur kien mar lura l-Portugall wara li kien baħħar lejn l-Indja fl-1498. Fis-seklu XVI inbena palazz Irjali ieħor f’Lisbona u għalhekk il-kastell ta’ San Ġorġ beda jitlef mill-importanza tiegħu. Xortih ma tantx kienet tajba għaliex fl-1531 ġratlu ħsara kbira f’terremot qawwi li kien laqat l-inħawi. Ir-Re Bastjan fl-1569 xtaq li jerġa’ jagħmel lil dan il-kastell bħala r-resideza uffiċjali tiegħu u għalhekk ordna li jibda x-xogħol ta’ restawr u bini mill-ġdid. Iżda din il-ħaġa qatt ma seħħet għaliex ir-re tilef ħajtu nhar l-4 ta’ Awwissu 1578 fil-battalja ta’ Alcácer Quibir, il-Marokk, fl-età ta’ 24 sena. Mal-mewt ta’ dan is-Sultan żgħir il-Portugall għadda minn żmien ta’ kriżi fid-dinastija tiegħu u bdew ukoll sittin sena ta’ okkupazzjoni Spanjola. Il-kastell ta’ San Ġorġ issa beda jservi bħala post għas-suldati u beda jaqdi wkoll ix-xogħol ta’ ħabs. Dan kollu kompla jbaxxi l-livell ta’ dan il-kastell storiku.

Meta l-Portugall reġa’ kiseb il-ħelsien mill-Ispanjoli, kien hemm il-ħsieb li Lisbona tissaħħaħ b’fortifikazzjonijiet qawwija. Fl-1648 inbeda xogħol ta’ bini ta’ swar u tisbieħ tal-kastell ta’ San Ġorġ iżda għat-tieni darba dan ġarrab bosta ħsara fit-terremot li seħħ fl-1 ta’ Novembru 1755. Dan it-terremot ġab ħerba sħiħa fil-belt ta’ Lisbona u qatel għexieren ta’ eluf ta’ nies. Il-Kastell minn dak iż-żmien ġie mitluq u baqgħet issirlu ħsara minħabba n-nuqqas ta’ kura li kien jingħata.

Fi żmien il-Prim Ministru António de Oliveira Salazar (1932-1968) dan il-kastell beda jingħata l-importanza li jistħoqqlu. Sar fih restawr estensiv u l-bini li kien żdied matul is-snin twaqqa’ sabiex reġa’ ingħata d-dehra oriġinali li kellu. Ir-restawr kien lest fl-1938

 Illum il-Kastell ta’ San Ġorġ huwa post imfittex mit-turisti li jżuru l-kapitali Portuġiża, l-aktar għall-istorja li fih.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fil-programm tal-festa ta' San Ġorġ maħruġ mill-Banda Anici Festa 2019






Notre Dame


Nhar il-15 ta’ April li għadda id-dinja donnha tbikkmet, bħal waqfet tħares lejn ikona internazzjonali li kienet qegħda tinħaraq. Qed ngħid għall-katidral iddedikat lill-Madonna ġewwa Pariġi, il-belt kapitali ta’ Franza. Personalment inħoss li d-dinja ħasset l-istess sentiment li kienet ġarrbet fil-11 ta’ Settembru tas-sena 2002 meta saru attakki terroristiċi fuq il-World Trade Centre fi New York. Fl-2002 id-dinja daħlet f’era ġdida. Il-11 ta’ Settembru ta’ dik is-sena għad ikun immarkat bħala bidu ta’ żmien ġdid fl-istorja tal-bniedem. Għaddew kważi 17-il sena minn dik il-ġrajja. Tul dawn is-snin id-dinja nbidlet għal kollox. Ma rridx ninftiehem li n-nar li ħakem il-katidral Pariġin kien attentat terroristiku bħal dak tat-Twin Towers imma rrid nirreferi għas-sentiment li l-bniedem iħoss quddiem il-qerda ta’ xi monument jew binja li tkun saret ikona, saret xi ħaġa għażiża u marbuta mal-essere uman. Min kien imur New York u ma jittawwalx lit-torrijiet? U min kien imur Pariġi u ma jmurx jara ftit il-katidral maestuż ta’ din il-belt?

Naqra storja 
Notre Dame ta' Pariġi qabel il-15 ta' April 2019
Il-katidral tal-belt kapitali Franċiża jissejjaħ il-Katidral ta’ Notre Dame jew sempliċiment Notre Dame li tfisser “Is-Sinjura tagħna”, kif isejħu lill-Madonna l-Franċiżi. Dan il-katidral minn dejjem kien meqjus bħala wieħed mill-aqwa xogħolijiet tal-bini Gotiku Franċiż u huwa fost l-akbar knejjes fid-dinja kif ukoll fost l-aktar magħrufin.

Fis-sena 1160 il-katidral ta’ Pariġi sar il-knisja parrokkjali tal-familji rjali tal-Ewropa. L-isqof ħass li l-bini tal-katidral ma kienx denju għal dan it-titlu prestiġġjuż u għalhekk ħaseb li jwaqqgħu u jibni wieħed isbaħ u akbar. Il-bini tal-katidral ta’ Notre Dame beda fl-1163 fi żmien ir-renju ta’ Luwiġi VII. Minkejja li l-artal maġġur kien ikkonsagrat fl-1182, il-knisja kien fadlilha bosta xogħol xi jsir fiha, xogħol li baqa’ sejjer sa madwar is-sena 1240.

F’dan il-katidral saru bosta ċelebrazzjonijiet importanti fosthom l-inkurunazzjoni illeġittima tar-Re Enriku VI tal- Ingliterra kif ukoll l-inkurunazzjoni ta’ Napuljun Bonaparte bħala Imperatur tal-Franċiżi. Fih sar ukoll il-proċess ta’ Santa Ġovanna d’ Arco. Fih saru wkoll il-funerali ta’ bosta personaġġi famużi.
Fl-1548 għadd ta’ Protestanti Franċiżi daħlu fil-katidral u għamlu bosta ħsarat fl-opri tal-arti għax għalihom dawn kienu meqjusin bħala idolatrija. Matul it-tmexxija ta’ Luwiġi XIV u Luwiġi XV il-katridral sarulu għadd ta’ tibdiliet bil-għan li jiġi modernizzat bħal bosta katidrali Ewropej oħrajn. Fl-1793, żmien ir-Revoluzzjoni Franċiża dan il-katidral ittieħed mir-Revoluzzjonarji u beda jservi bħala tempju għall-qima tar-raġuni. F’dak iż-żmien bosta opri li kien fih tkissru jew insterqu. Fuq l-artali minflok il-Madonna bdiet tidher ix-xbieha tas-Sinjura Libertà –kunċett li kienu jxerrdu r-Revoluzzjonarji Franċiżi. Wara dan kollu l-knisja ntużat bħala maħżen għall-ikel.

Fl-1845 inbeda r-restawr tal-katidral li kien reġa’ għadda f’idejn il-Knisja Kattolika. Dan ir-restawr ħa 25 sena minħabba l-ħsara kbira li kienet saret fih. Matul it-tieni gwerra dinjija dan il-katidral sofra ħafna ħsarat. Ħafna mit-twieqi li kellhom stained glass tkissru. Wara l-gwerra dawn reġgħu saru imma ma baqgħux juru xeni mill-Bibbja bħalma kienu qabel imma sempliċiment disinji kkuluriti.
Il-Papa San Ġwanni Pawlu II żar dan il-katidral fit-30 ta’ Mejju 1980 filwaqt li l-Papa Benedettu XVI żaru fit-12 ta’ Settembru tas-sena 2012.

Noqgħodu attenti
Notre Dame taħt in-nar
Il-ħruq li seħħ fil-katidral ta’ Pariġi għandu jiftaħ għajnejn id-dinja. Qegħdin attenti għal xi att terroistiku imma issa nistgħu nindunaw li opra tal-arti tista’ tinqered anke minħabba nuqqas ta’ attenzjoni jew prekawzjoni. Meta jkun qed isir xi restawr bosta drabi jintużaw kimiċi li jekk wieħed jaljena naqra rasu jistgħu jitħalltu flimkien u joħolqu reazzjoni kimika li ġġib aktar ħsara milli ġid. Għalhekk fejn ikun hemm dawn il-kimiċi għandu jkun hemm apparat adegwat għal kull emerġenza li tista’ tinħoloq. Inutli nibku wara li tkun saret il-froġa. Forsi l-katidral ta’ Pariġi jerġa’ jitla’ kif kien imma mhux kull opra tal-arti tista’ tieħu post oħra li tkun inqerdet. Illum qegħdin nisimgħu b’ħafna restawri anke f’pajjiżna. Tajjeb li dak li seħħ fi Franza jpoġġina konxji ta’ x’jista’ jiġri anke f’Malta. Pajjiżna, minkejja ċ-ċokon tiegħu, jista’ jiftaħar li huwa d-dar ta’ xi opri tal-arti mill-aqwa, xogħol ta’ artisti ta’ fama dinjija. Ejjew ma nipperikolawx dan il-patrimonju. Ftit ħsieb kull ma wieħed ikun irid biex ikun b’moħħu mistrieħ. Ftit nuqqas ta’ ħsieb jista’ jissarraf f’diżgrazzja.

Mill-ġdid f’Pariġi
Wara l-ħsara li ġarrab dan il-katidral, aktar kmieni din is-sena, kien hemm min issuġġerixxa li jerġa’ jinbena imma fuq stil differenti. Personalment ma qbiltx li jsir dan. Aktar tard ħarġet il-konferma li Notre Dame sejjer jerġa’ jingħata d-dinjità tiegħu sewwasew kif kien qabel inħakem min-nar. Hekk naħseb li hu xieraq.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'Ín-Nazzjon -  29 ta' Ġunju 2019