Kultant nibdew xi biċċa xogħol u
ma nkompluhiex jew għax ma nsibux ħin biżżejjed jew għax nixbgħu minnha jew
għal ħaġa jew għal oħra. Meta nagħmlu hekk inkunu ħallejna x-xogħol nofs leħja.
Imma ġieli nduru lura biex inkomplu dak li nkunu bdejna xi darba u għal xi
raġuni nkunu warrabnieh. X’ ħin neħilsu dak ix-xogħol bla ma rridu nieħdu nifs
twil u b’ sodisfazzjon ngħidu li kull mibdi mitmum.
Hemm sitwazzjonijiet li ma jiddependux minna biex jibdew u jintemmu, bħalma
hija is-sena. 356 jum li jgħaddu u tintemm sena, sewwa jekk inkunu rridu u sew
jekk ma nkunux irridu għax il-ħin ma jiddependix minna u jibqa’ għaddej bla ma
joqgħod jagħti każ ta’ xejn.
Iż-żmien
Meta konna żgħar u kienu jgħaddu l-festi tal-milied u l-ewwel tas-sena
konna nħarsu lejn is-sena l-ġdida daqs li kieku kienet l-eternità. Meta konna
naħsbu fil-milied li jmiss konna nimmaġinaw li kien ikun fadal ħafna u ħafna
żmien. Meta tibda tikber tintebaħ li s-snin jibdew igerbu b’ritmu mgħaġġel u
dak li konna naraw jgħaddi bil-mod nibdew narawh jgħaddi sparat, fil-fatt
ngħidu li sena ttir! Nafu li s-snin dejjem l-istess numru ta’ jiem ikun fihom,
għajr is-snin bisestili, imma aktar ma nikbru aktar nibdew narawhom jgħaddu
malajr.
Il-ħin psikoloġiku
Stenna naqra! Is-snin jgħaddu
malajr sakemm kollox ikun miexi sewwa. Is-snin ma jgħaddux malajr għal min ikun
qiegħed ibati, għal min ikun muġugħ, għal min ikun il-ħabs. Dan huwa l-ħin
psikoloġiku, tassew li jum xorta waħda jkun fih 24 siegħa, imma għal min
jgħaddihom fil-kwiet kollox sew, u min jgħaddihom inkwietat jew anzjuż ma jkunu jridu jgħaddu
b’xejn. Min ikun qiegħed jistenna xi riżultat mediku jew xi riżultat ta’ xi
eżami skolastiku ġimgħa tidher itwal minn sena. Fil-kuruturi tal-isptar kemm
nies ikun hemm jistennew,
jippassiġġaw, iħarsu lejn l-arloġġ tal-polz jew tal-mowbajl kull minuta. Donnu
l-ħin ikun waqaf. Mill-banda l-oħra jekk inkunu xi ġimgħa vaganza f’ xi art
barranija jew anke Malta stess, ġimgħa tgħaddi bħal ħolma. Dan huwa il-ħin
psikoloġiku, jekk inkun kuntent jgħaddi malajr imma meta ma nkunx f’
sitwazzjoni pjaċevoli, il-ħin donnu ma jkun irid jgħaddi b’ xejn.
Tiftakru meta konna żgħar, meta konna nagħmlu xi eżami? Meta konna nkunu
nafu sewwa s-suġġett konna nibdew niktbu u nwieġbu d-domandi u ntawlu biex
bħallikieku nuru lill-għalliema kemm nafu u f’ ħin bla waqt konna nisimgħu
leħen javżana li jkun fadal ħames minuti biss. Imma meta s-suġġett ma kienx
ikun wisq faċli u konna nippruvaw niftakru f’ xi ħaġa biex tal-inqas nimlew
il-paġna, il-ħin kien donnu jeħel. Dan huwa wkoll ħin psikoloġiku.
Sena mitmuma
Wasalna biex intemmu sena oħra. Kien hemm min ra din is-sena twila u kien
hemm min bilkemm raha għaddejja. Hu x’ inhu, l-elfejn u erbatax bdiet u waslet
fit-tmiem ukoll. Kemm avvenimenti, kemm ġrajjiet, kemm ġlied, kemm biki, kemm
ferħ, kemm sitwazzjonijiet li qatt ma bsarna li se ngħixuhom. Kienet is-sena li
fiha rajna l-kanonizazzjoni ta’ żewġ papiet, Ġwanni XXIII u Ġwanni Pawlu II, li
lkoll niftakru tal-inqas wieħed minnhom. Kienet is-sena fejn rajna t-tim
tal-Ġermajna jirbaħ it-tazza tad-dinja. Is-sena fejn
segwejna l-għibien ta’ ajruplan tal-linja tal-ajru tal-Malasja. Is-sena fejn
rajna l-Papa Pawlu VI jiġi ibbeatifikat. L-2014 kienet is-sena li fiha
rriżenja l-Arċisqof ta’ Malta. Is-sena
fejn għall-ewwel darba, navetta spazjali niżlet fuq kometa. Is-sena
fejn rajna l-mewt ta’ Robin Williams, Ariel Sharon, Shirley Temple, Mickey
Rooney u tant oħrajn.
Dan kollu għadda u tar. Kollu ta’ xejn nibqgħu naħsbu fuqu għax iż-żmien
jibqa’ għaddej bla ma jistenna lil ħadd.
Imnalla li hu
hekk
Meta nkunu f’ xi okkażjoni fejn nieħdu gost, wara spiss nisimgħu min jgħid
li xtaq li l-ħin ma jgħaddi qatt. Imma Alla ħares kien hekk għax jekk ma
jgħaddix għal min ikun qiegħed igawdi, ikun ifisser li lanqas jgħaddi għal min
ikun qiegħed ibati. Imnalla li l-affarijiet huma kif inhuma. Ikollna nammettu
li meta l-Ħallieq ivvinta l-ħin għamlu b’ mod perfett u ġust, bħalma għamel
il-ħwejjeġ l-oħrajn kollha fuq kollox!
Jalla s-sena li sejrin nibdew ftit jiem oħra tkun waħda tajba, waħda li
fiha nisimgħu inqas aħbarijiet li jkexkxuna, inqas aħbarijiet li jnikktuna.
Jalla l-2015 tkun aħjar minn ta’ qabilha.
U hawn nagħlaq għax kultant anke jien ninsa li kull mibdi mitmum, kultant
nibda u nkun ser nibqa’ sejjer! Awguri!
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 27 ta' Diċembru 2014