Ir-Rumani kellhom qawl li kultant għadna nużawh aħna wkoll: Verba volant, scripta manent. Nistgħu
ngħidu li dan il-qawl ifisser li l-kliem itir, jiġifieri jintesa u jintilef
imma l-miktub jibqa’ għal dejjem. Tabilħaqq huwa minnu dan il-qawl u tinduna
bil-ħtieġa tal-kitba meta tkun qed tfittex xi tagħrif u ssib nuqqas ta’ kitba.
Mhux ta’ b’ xejn, minkejja li l-mezzi għall-kitba fi żmien ir-Rumani ma kienux
bħal dawk tal-lum, xorta kienu għorrief biżżejjed biex b’ mod jew ieħor isibu
kif dak li huwa mportanti jiktbuh.
Aktarx li dan il-qawl kien qalu Caius Titus waqt li kien qiegħed jindirizza
lis-Senat ta’ Ruma. Huwa qalilhom li l-kliem mitkellem aktarx jintesa imma dak
miktub jibqa’ iddokumentat għal dejjem. Illum għadna nsegwu dan il-parir u meta
żewġ persuni, jew aktar, ikunu ftehmu fuq xi ħaġa, dritt iniżżlu dak il-ftehim
bil-miktub, jagħmlu kuntratt, għaliex ftehim bil-kliem biss ma jdumx ma
jintesa.
Quod scripsi, scripsi
Meta tiġi iftħilha l-bieb ngħidu aħna l-Maltin u la bdejna bil-Latin
ftakart fi frażi oħra famuża li kien qalha Ponzju Pilatu u nsibuha mniżżla
fl-Evanġelju. Meta fit-tislib ta’ Ġesù, il-Lhud marru għand Pilatu u qaluli li
ma kienx imissu kiteb li Ġesù hu s-Sultan tal-Lhud imma li qal li hu s-Sultan tal-Lhud,
Pilatu weġibhom u qalilhomm “Quod scripsi, scripsi” – dak li ktibt ktibt! Dak
li wieħed ikun kiteb jibqa’ u ma jitħassar ħadd u dak li tkun ktibt ktibt. Huwa
għalhekk importatni ħafna li qabel niktbu naħsbu sew fuq dak li nkunu ser
niktbu għax għadha mnejn il-kitba tagħna torbotna, għandha mnejn idaħħalna fi
sqaq li ma nkunux nistgħu noħorġu minnu, għandha mnejn iġġibna fl-inkwiet.
Kuntrarjament għall-kliem mitkellem bla ma jinkiteb, il-kitba hija prova, hija
arma li tista’ tintuża favur jew kontra min ikun kitibha.
Nuqqas ta’ kitba
Kultant ikun hemm min ikun qiegħed jagħmel xi riċerka. Biċċa xogħol bħal
din tirrikkjedi bosta qari ta’ dak li jkun inkiteb qabel. Jinfetħu kotba li
għandu mnejn ikunu ilhom ma jinfetħu jew lanqas qatt ma jkunu nfetħu. Ċerti
ħwejjeġ sirna nafuhom b’ kumbinazzjoni għax kien hemm xi ħadd li sab xi ħaġa
miktuba fejn forsi qatt ħadd ma basar li se tkun. Fatt bħal dan ġara f’
pajjiżna meta instabet il-Kantilena ta’ Pietru Caxaru – aktar poeżija antika
miktuba bil-Malti li nafu biha. Kieku Mikiel Fsadni ma kienx qiegħed iqalleb
faxxiklu b’ ktibiet notarli fuq xogħol ta’ riċerka li ma kellu x’ jaqsam xejn
mal-letteratura, ma kienitx tinstab.
Sfortunatament ġieli jkollna nieqfu mir-riċerki tagħna għax ma nkunux
nistgħu nsibu aktar kitba, aktar dokumenti li jitfgħu dawl fuq dak li nkunu
qegħdin infittxu. Inġib eżempju wieħed biss. Kemm-il darba xi statwa titulari
jew tal-Ġimga l-Kbira f’ Malta tkun attribwita lil xi artist għax ħadd ma jkun
żgur minn min ikun ħadimha. Dan kollu jiġri minħabba n-nuqqas ta’ kitba. Ilum
bosta tagħrif insibu billi nqallbu l-paġni tal-gazzetti antiki fil-bibljoteka,
imma l-ħajja tal-gazzetti stampati ma nafx kemm fadliha f’ dinja li kollox sar
diġitali! Għalhekk tajjeb li jkun hemm il-kitba għax in-nuqqas tagħha toħloq
probelmi ’l quddiem. B’ hekk skantajt u bqajt b’ ħalqi miftuħ meta wieħed
mis-superjuri tiegħi xi ftit xhur ilu qalli
li hu ma jqisx il-kitba bħala xogħol. Prosit x’ filosofija dik!
Il-Kavallieri
Pajjiżna huwa iffortunat li kien immexxi mill-Ordni ta’ San Ġwann fi żmien
meta beda jsir progeress kbir fid-dinja ċċivilizzata. Il-kavallieri taw kultura
Ewropeja lil Malta, anke jekk forsi mhux
lill-Maltin. Dawn il-mexxejja kienu jiktbu kollox u sal-lum għadna nistgħu
nistudjaw dak li seħħ fi żmienhom grazzi għall-kitbiet li ħallew. Mhux għax
kienu qegħdin jiktbu l-istorja imma kienu qegħdin jagħmlu x-xogħol normali tagħhom
ta’ bnedmin iċċivilizzati. Imnalla li s-superjuri tagħhom ma kienux iqisu
l-kitba bħala ħela ta’ żmien għax kieku llum għadna fid-dlam dwar dawk is-sekli
li mexxewna.
Miż-żewġ naħat
Il-kitba tista’ tkun ukoll mod kif wieħed jirrilassa u kif jista’ jesprimi
ħsibijietu, xewqatu, l-ideat u l-ideali tiegħu. Il-kitba tista’ tkun svog,
tista’ tkun ta’ għajnuna lill-proxxmu li jkun iħobb jaqra. Jekk ma jkunx hawn
min jikteb dak li jkun iħobb jaqra ma jsibx x’ jaqra. Mill-banda l-oħra kieku ma
jkunx hemm il-qarrej, il-kittieb jikteb għalih biss. Għalhekk din hija triq li minnha jgħaddi
traffiku fiż-żewġ direzzjonijiet. Il-wieħed għandu bżonn lill-ieħor. Hu x inhu
it-tnejn għandhom bżonn il-kitba, wieħed biex iwassal ħsiebu u l-ieħor biex
jara x’ inhu ħsieb ħaddieħor.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 27 ta' Ġunju 2015