Il-kelma
antropoċentriżmu hija kelma magħmula minn żewġ kelmiet Griegi; Antropos (ánthrōpos) li tfisser bniedem
u Kendron (κέντρον) li tfisser
in-nofs, jew aħjar iċ-ċentru. Meta ngħaqqdu dawn iż-żewġ kelmiet flimkien
inkunu qed nirreferu għall-bniedem bħala ċ-ċentru tal-ħolqien kollu.
Fil-fidi
Li l-bniedem
inħalaq biex imexxi lid-dinja, biex ikun kap tal-ħolqien kollu insibuha
fir-reliġjonijiet il-kbar bħall-Ġudajiżmu, il-Kristjaneżmu u l-Islam. U
tabilħaqq hu hekk għaliex kollox jindika li l-bniedem minkejja li huwa annimal,
huwa annimal bir-raġuni u għalhekk huwa superjuri għal kull annimal ieħor. Mela
r-raġuni dlonk tgħidilna li aħna l-bnedmin ma aħniex bħal kull annimal ieħor
iżda rridu mmexxu lil din id-dinja, anzi l-univers kollu kemm hu.
Annimal u annimal
Kultant issib min
jgħidlek li ladarba l-bniedem imut jispiċċa u jitmermer, isir trab u qisu qatt
ma kien jeżisti. Biss argument bħal dan huwa insult għall-bniedem li għandu
moħħ biex jirraġuna. Il-bniedem kapaċi jagħmel ħafna aktar minn kull annimal
ieħor. Tassew li hemm annimali li jagħmlu dak li bniedem mhux kapaċi jagħmel,
bħal iġorr piż kbir bħaż-żwiemel, iljunfati barrin u oħrajn, jgħaddi xhur bla
ikel bħall-ors, imma dik hija n-natura. Il-bniedem huwa superjuri għall-annimali
l-oħra għax kapaċi joħloq. In-nar huwa element li jbeżża’ anżi jwerwer
lill-annimali kollha, iżda l-bniedem kien kapaċi jużah biex isajjar l-ikel u
jdawwal daru. L-ebda annimal ieħor ma kien kapaċi jagħmel ħaġa bħal din. Aħna
qegħdin nikkomunikaw permezz tal-kitba u
l-qari. Liema annimal ieħor kapaċi jikteb xi ħaġa biex ikun jista’ jaqraha
annimal ieħor? Liema annimal kapaċi jsuq karozza? Liema annimal kien kapaċi
jitla’ fuq il-qamar? Ħadd ħlief il-bniedem. Dan huwa sinjal tas-superjorit à
tal-essere uman fuq kull essere ieħor u dan għax il-bniedem huma mogħni bl-intelliġenza
filwaqt li l-annimali l-oħra għandhom biss stint. Mela ma jistax ikun li mal-mewt
tal-bniedem jintemm kollox għaliex kieku nkunu qed ngħidu li l-bniedem u
l-kelb, il-qattus u l-ħmar huma fuq l-istess skala, imma l-fatti juruna biċ-ċar
mod ieħor.
Kollox f’ idejna
Id-dinja kollha f'idejna |
Il-fatt li
l-bniedem huwa superjuri għal kull ħlejqa oħra kien ukoll abbużat. Kemm-il
darba wettaq massakri fuq annimali oħra. Insomma, il-bniedem ġieli wettaq
massakri fuq bnedmin oħra bħalu, aħseb u ara fuq annimali inferjuri għalih!
Biss l-abbuż mill-bniedem ma sarx biss fuq annimali u ħlejjaq oħra. Kemm inħlew
riżorsi naturali? Kemm-il foresta nqerdet bla ma ħadd ħaseb biex jiżra’ oħra
flokha? Il-politika ta’ sostenibilità dommna ma ntbaħna li hija meħtieġa daqs
l-ilma li nixorbu, daqs l-ikel li nieklu! L-istess seħħ fil-konsum ta’ fossili
naturali li jieħdu miljuni ta’ snin biex isiru. Iż-żejt, il-gass u l-faħam
jintużaw kuljum. imma kemm fadal minnhom fid-dinja? Tieħu bla trodd is-swar
tħott!
U xi ngħidu għal
pajjiżna? Bini, bini, bini bla rażan u mhux żgur fadal ġebla Maltija fuq din
in-nitfa art tagħna u għalhekk nibnu bil-konkos u l-knaten tad-djar li nwaqqgħu
nordmu bihom minflok jerġgħu jintużaw. Tassew li xi wħud jiġu rriċiklati,imma
mhux kollha.
Dan huwa r-riżultat
tal-antripoċentriżmu żbaljat. Dan huwa dak li konna kapaċi nagħmlu aħna l-bnedmin
għax għandna d-dinja kollha f’idejna! Imma mhux kollox mitmun, le jien nista’
nagħmel ftit tad-differenza jekk nibda nibża’ għal dak li jkolli, nirriċikla,
naħli inqas, nerġa’ nuża. Wara kollox id-dinja hija tiegħi għax jien parti
mir-razza tal-bnedmin. Mela nista’ nirranġa ftit id-dinja tiegħi minkejja li
hija ċkejkna u b’hekk inkun qed ngħin lid-dinja anzi lill-ħolqien kollu.
Fr Reno Muscat