
Kif diġà għidna, fost
l-aktar qaddisin popolari li naraw fl-ikoni hemm qaddisin tal-ewwel żminijiet
tal-Knisja u għalhekk fuq quddiem insibu lil San Ġorġ Martri. Ix-xbieha ta’ dan
il-qaddis mhux dejjem narawha l-istess qagħda u mhux dejjem naraw dik il-figura
tant popolari mad-dinja kollha; il-qaddis riekeb iż-żiemel waqt li jissielet
mad-dragun u l-prinċipessa fil-ġenb. F’waħda mill-eqdem ikoni ta’ San Ġorġ li
għadna nistgħu naraw, ma narawx lil San
Ġorġ fil-ġlieda mad-dragun. Qiegħed nirreferi għall-ikona li nsibu fil-Katidral
Ortodoss tal-Assunta li hemm ġewwa l-Kremlin f’Moska ir-Russja.
Il-qaddis gwerrier jidher
minn qaddu ’l fuq f’din l-ikona li nkitbet għall-ħabta tas-sena 1170. Huwa
jidher liebes ilbies aħmar u f’idu tal-lemin qed iżomm lanza filwaqt li taħt
għabtu tax-xellug tidher biċċa mix-xabla. Minn fuq spalltu tal-lemin tidher
nieżla l-korazza ta’ suldat iżda l-ilbies fuq ix-xellug ma huwiex militari. Dan
huwa l-mod li juri li dan huwa suldat (il-korazza) u qaddis (il-kumplament
tal-ilbies) . Wiċċ il-qaddis donnu jarmi d-dija, xhieda taż-żgħożija u
tal-qawwa tiegħu, wiċċ imdawwar b’ras xagħar kannella nnukklat. L-isfond
tal-figura huwa dehbi filwaqt li ’l barra minn dan l-isfond, mill-istess ikona,
tidher burdura skura. Aktarx li din l-ikona kienet ordnata minn xi prinċep.
Il-fatt li l-qaddis jidher b’xabla jagħti lill-istudjużi x’jifhmu li min ordna
l-ikona kien ta’ demm sovran għaliex ix-xabla fl-ikonografija hemm min
jassoċjaha mad-dinjità ta’ prinċep. Il-qies ta’ din l-ikona huwa kbir ħafna.
Fil-fatt hija għolja metru u 74 ċentimetru (bejn wieħed u ieħor l-għoli ta’
bniedem) u l-wisa’ tagħha huwa ta’ metru u 22 ċentimetru. Il-qies tal-ikona
wkoll jindika li din kienet ordnata minn xi ħadd ta’ dinjità għaliex ikoni ta’
dak id-daqs ma nsibux wisq fid-dinja.
Illum din l-ikona hija
waħda mill-attrazzjonijiet prinċipali li nsibu fil-katidral tal-Assunta ġewwa
l-Kremlin. Tajjeb ngħidu xi ħaġa dwar dan il-katidral biex nifhmu sewwa
l-importanza tal-post li fih hemm din l-ikona tal-qaddis Ġorġi.
Aktarx li l-art fejn hemm
illum dan il-katidral kienet tintuża għad-dfin. Fil-post Kien hemm knisja tal-injam
li nbidlet ma’ waħda tal-ġebel madwar is-sena 1326. Kien il-Metropolita Pietru
li ħeġġeġ lid-Duka Ivan I biex jibdni katidral iddedikat lir-raqda ta’ Marija. Fl-1472
beda jinbena katidral ieħor imma waqt il-bini, fl-1474, ċediet il-koppla u
ġġarraf kollox mingħajr ma kien għadu lest.

Intant bejn l-1547 u
l-1896 f’dan il-katidral kienet issir l-inkurunazzjoni tal-monarċi Russi. Hawn
ukoll insibu midfunin l-isqfijiet metropoliti u l-patrijarki tal-Knisja
Ortodossa Russa. Ma rridux ninsew li dan
il-katidral jinsab fil-Kremlin u allura minħabba l-qagħda tiegħu bosta drabi
ġarrab ħsarat meta kien ikun hemm xi attakki fuq Moska, ħsarat li kull darba
ġew irranġati. Bħal kull knisja oħa fir-Russja wara r-rivoluzzjoni tal-1917,
dan ingħalaq għall-kult reliġjuż iżda nżamm biss bħala mużew. Wara l-waqa’
tal-Komuniżmu l-katidral
reġa’ għadda f’idejn il-Knisja Ortodossa Russa fl-1991.
Illum dan il-katidral
jista’ jżuru dak li jkun qed iżur il-Kremlin. Fih ma għadhomx isuru funzjonjiet
reliġjużi għajr fil-festi l-kbar tal-Knisja, bħall-Għid il-Kbir, il-Milied u
l-Epifanija. Waħda mill-aktar attrazzjonijiet li tiġbed turisti lejn dan il-katidral
hija l-ikona ta’ San Ġorġ Martri li semmejna aktar qabel.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher fil-Programm Festa San Ġorġ Ħal Qormi 2018 maħruġ mill-Kumitat Festi Esterni