Sal-Konċilju Vatikan it-tieni fil-knejjes Kattoliċi kien isir quddies
filgħodu biss. Billi s-sawma Ewkaristika sa dak iż-żmien kienet differenti minn dik tal-lum. Għalhekk il-quddies kien
isir kollu filgħodu anzi bosta drabi filgħodu kmieni ħafna. Kien isir quddies
fl-erbgħa ta’ filgħodu u jingħad li kien ikun hemm knisja mimlija għax il-jum
kien jibda kmieni għall-poplu.
Filgħaxijiet minkejja li ma kienx isir quddies il-knejjes xorta kienu
jiftħu. Kien jingħad ir-rużarju, issir il-Via Sagra, nhar ta’ Ħamis kienet
issir l-Ora Santa, adorazzjoni Ewkaristika, f’xi knejjes kien jingħad jew
jitkanta l-għasar u fl-aħħar tintalab il-kompieta, it-talba ta’ għeluq il-jum.
Il-Konċilju li beda Papa Ġwanni XXIII u temm Papa Pawlu VI ġab tibdil kbir
fil-Knisja Kattolika. Forsi l-aktar ħaġa li l-poplu beda jkun konxju tagħha
kienet li issa l-quddiesa bdiet issir bl-ilsien tal-post u mhux aktar
bil-Latin. Bdew jidhru wkoll l-artali forma ta’ mejda biex is-saċerdot ikun
jista’ jqaddes fuqhom iħares lejn il-miġemgħa.
Ippermettuli nagħmel parentesi żgħira dwar il-quddiesa bil-Latin. Il-Konċilju
ta’ Trento, li nistgħu ngħidu kien il-konċilju ta’ qabel il-Konċilju Vatikan
II, għax il-Konċilju Vatikan l-ewwel beda imma ma ntemm qatt minħabba nkwiet
politiku lil hinn mill-Knisja. Il-Konċilju ta’ Trento li seħħ bejn l-1545 u
l-1563, jiġifieri sentejn qabel l-Assedju l-Kbir, kien iddiskuta l-ħsieb li
l-quddiesa tibda ssir bil vernakular, bil-lingwa tal-post, iżda billi l-Luterani
li kienu għadhom kif inqatgħu minn mal-Knisja ta’ Ruma, kienu bdew jagħmlu
l-quddiesa tagħhom bl-ilsien tal-post, il-membri tal-Konċilju kienu prudenti
biex ma jħawdux lill-poplu għax kieku kellha tibda ssir il-quddiesa tar-Rit
Latin bil-lingwa tal-post żgur li kien ikun hemm ħafna taħwid. Kellhom jgħaddu
fuq erba’ mitt sena biex seħħet dik il-bidla.
Intant bit-tnaqqis tas-sawma Ewkaristika min-nofsillejl għal siegħa qabel
dak li jkun jitqarben, beda jsir quddies anke waranofsinhar jew filgħaxija.
Illum lanqas nimmaġinaw parroċċa li ma jkolliex tal-inqas quddiesa waħda
filgħaxija. Mhux fil-knejjes kollha jsir quddies filgħaxija imma fil-knejjes
parrokkjali kollha jsir fihom quddiesa, sa minn waranofsinhar, xil-erbgħa u
nofs sa filgħaxija, is-sebgħa jew is-sebgħa u nofs.
Ejjew nirraġunaw ftit u nżommu saqajna mal-art. Illum l-attendenza ta’ dawk
li jmorru l-knisja niżel ħafna, imma xorta waħda ma nistgħux ngħidu li
l-knejjes huma kollha vojta. Anke jekk l-attendenza tkun fqira, l-ebda qassis
ma naf li ħareġ iqaddes u ma kien hemm ħadd fil-korsija. Ġieli ninnutaw li
fil-quddiesa, l-aktar dik ta’ filgħaxija, ikun hemm persuni, aktarx anzjani, li
jkunu semgħu quddiesa oħra filgħodu. Faċli naqgħu fit-tentazzjoni u ngħidu li
mela la dawk ikunu diġà semgħu quddiesa filgħodu nistgħu nneħħu l-quddiesa ta’
waranofsinhar għax hija ħela ta’ riżorsi. Imma stennew ftit qabel nieħdu din
id-deċiżjoni!
Kemm minn dawk li jisimgħu t-tieni quddiesa kuljum, huma romol li jgħixu
waħdehom id-dar? Kemm hemm minnhom li għalihom dik in-nofs siegħa li jqattgħu
l-knisja filgħaxija sservihom ta’ ħarġa fejn anke jiltaqgħu ma’ nies oħra. Kemm
ikun hemm minnhom dawk li jisimgħu l-quddiesa ta’ filgħaxija u kif tispiċċa
jmorru lura d-dar u ma jidhrux aktar barra qabel l-għada filgħodu. Immaġinaw
kieku ma hemmx din il-quddiesa, kienu l-ħin li jirtiraw dawn it-talin ikun
kmieni filgħodu.
Il-quddiesa ta’ filgħaxija ma hijiex biss liturġija, tista’ tkun ukoll għajnuna
bla ma nafu.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 30 ta' Settembru 2018