venerdì 30 novembre 2018

Kikkra tè


Naħseb li lkoll kemm aħna xi darba poġġejna bilqegħda biex nieħdu xi kikkra tè bil-kwiet. X’hemm isbaħ minn kikkra tè waqt li tkun qed taqra l-gazzetta filgħodu? X’hemm aqwa minn daqsxejn tè għall-ħabta tal-erbgħa ta’ waranofsinhar? Forsi hawn min jippreferi kafè. Jien ngħid għalija nħobbhom it-tnejn u għalhekk matul il-jum nibda b’kafè imma f’xi ħin jew ieħor matul il-jum nieħu xi tè wkoll. Waqt pawsa minn dawn, b’bott, jew aħjar b’magg,  tè ħdejja moħħi telaq il bogħod u beda jaħseb dwar kif oriġinat din ix-xarba.

Ilbieraħ u llum
Nibda biex ngħid li hemm bosta tipi ta’ tè imma llum mhux sejjer noqgħod nidħol fid-dettall ta’ kemm tipi ta’ tè nsibu madwar id-dinja għax fl-aħħar mill-aħħar sejrin iffokaw dwar ix-xarba, l-infużjoni tal-weraq tat-tè.

Illum biex wieħed jipprepara tazza tè ma jridx wisq xogħol, kemm jitfa’ l-misħun jagħli fit-tazza li jkun fiha l-borża tat-tè, biss sa ftit snin ilu it-tè ma kienx ikun fil-borża imma kien jinxtara f’weraq imfarrkin. Ftit minn dawn il-weraq kienu jitpoġġew f’passatur u l-misħun jintefa’ mill-istanjata għal ġol-passatur li jkun fuq it-tazza. Hawn min jgħidlek li dak it-tè kien bil-wisq itjeb minn dak li qegħdin nixorbu llum. Nasal biex ngħid li min jgħid hekk għandu raġun biex ibigħ, imma llum minħabba d-dinja mgħaġġla li qed ngħixu fiha, kollox sirna rridu malajr, anke kikkra tè!

Aktarx li t-tè bdew jixorbuh l-ewwel iċ-Ċiniżi daqs nofs seklu qabel it-twelid ta’ Kristu imma hemm min isostni li din ix-xarba fost dan il-poplu hija antika aktar minn hekk. Fil-fatt anke l-isem ta’ dawn il-weraq u tax-xarba ġej miċ-Ċiniż. Huma jsejħulu Tù. Kollu ta’ xejn niktibha biċ-Ċiniż għax ma nafx kemm minna jafu jaqraw dik il-lingwa, (lanqas jien biex nifthemu!), imma l-ħoss hu dak: Tù. Jekk taħseb ftit tinduna kemm il-kelma hi qrib dik li nużaw aħna għal din ix-xarba. Fil-Lbiċ taċ-Ċina it-tè kien jinxtorob bħala mediċina kontra l-irjieħat u xi mard ieħor iżda biż-żmien din ix-xarba saret popolari mal-pajjiż kollu mhux biss bħala mezz ta’ fejqan imma anke bħala xarba filgħodu jew wara l-ikel.

Nibqgħu fl-Asja u nsemmu l-Indja.Kif tista’ tifred it-tè minn dan il-pajjiż? It-tè Indja huwa xarba tabilħaqq tajba. Huma jsejħulha Masala chai. Hija xarba magħmula minn weraq tat-tè mgħollijin flimkien ma’ għadd ta’ ħwawar bħal kanella, msiemer tal-qronfol, naċemuskata u iva ftit bżar iswed. Wara li jitgħalla kollox jiżdied miegħu l-ħalib mgħolli jew kważi jagħli. L-Indjani jużaw il-ħalib tal-bafflu imma anke ħalib tal-baqar tajjeb ukoll.

Semmejt biss liċ-Ċina u l-Indja għaliex bejniethom dawn il-pajjiżi jipproduċu kważi żewġ terzi tat-tè tad-dinja. Bilfors li jkun hekk għax anke fil-popolazzjoni, minn aktar minn seba’ biljun ruħ madwar id-dinja, fihom insibu aktar minn żewġ biljuni u nofs…. Il-produzzjoni kollox bil kbir hemmhekk!

Fl-Ewropa
It-tè fl-Ewropa beda jasal mill-Asja fis-seklu XVI. Aktarx li kienu l-missjunarji Portuġiżi li bdew jieħdu xi weraq tat-tè magħhom lejn id-dar u ftit ftit in-neguzjanti bdew jimpurtawh.  Fis-seklu ta’ wara d-drawwa li jinxtorob it-tè daħħlet ukoll fid-dinja Brittanika. Billi l-Imperu Brittaniku kien imexxi lill-Indja kienet ħaġa minn awl id-dinja li dawn iduqu din ix-xarba u jagħmlu l-verżjoni tagħha għalihom. Bl-esportazzjoni tat-tè mill-Indja lejn l-Ingliterra il-produzzjoni ta’ dawn il-weraq f’dan il-pajjiż issa ssupera lil dak taċ-Ċina. Illum l-Ingilterra hija waħda mill-akbar konsumatur tat-tè fid-dinja. Għall-bidu din kienet xarba tal-klassi l-għolja imma biż-żmien saret ix-xarba ta’ kulħadd. Il-Brittaniċi jixorbu t-tè bil-ħalib u ma tanx hu komuni li jixorbuh iswed jew bil-lumi.

Il-pjanta tat-te'
Darba kont ir-Repubblika Ċeka u dħalt ġo ħanut ma’ żewġt iħbieb biex nieħdu tè forsi ntaffu ftit il-kesħa ta’ barra. Ordnajna u wara ftit waslet l-ordni, tliet kikkri tè. Meta rajna li kien tè iswed, tlabna ftit ħalib għal miegħu. Tal-ħanut ma riedx jemmen li konna sejrin nitfgħu l-ħalib mat-tè u wara ħafna ġabilna buqar ċkejken bil-ħalib. Xħin doqna dak it-tè dlonk berraqna għajnejna. Kien tè bil-lumi għax l-użanza ta’ dak il-pajjiż hi li t-tè jieħduh bil-lumi. Għalhekk sid il-ħanut berraq għajnejh. It-tè bil-lumi u l-ħalib ħallejnieh fuq il-mejda. Kif konna sejrin infehmu lis-sid li ridna tè bla lumi meta ma kienx jaf jitkellem ħlief biċ-Ċek?

Hawn Malta wkoll għandna d-drawwa li nixorbu t-tè. Forsi qabel konna nsibu aktar mil-lum ħwienet li jservu t-tè. U ħa ngħiduha kif inhi: x’hemm itjeb minn tazza tè bil-ħalib u żewġ pastizzi? Wisq probabbli li d-drawwa tat-tè ħadniha mill-Ingliżi meta kien jaħkmu lil pajjiżna.
X’dinja! X’diversità! Kollox minn werqa ta’ pjanta jew aħjar arbuxxell imma b’dinja ta’ togħmiet u varjetajiet.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  1 ta' Diċembru 2018





domenica 25 novembre 2018

Ir-Re


L-aħħar Ħadd tas-sena liturġika, sewwasew Ħadd qabel ma jibda l-Avvent, il-Knisja Kattolika tiċċelebra s-solennità ta’ Kristu Re. Din il-festa hija relattivament waħda ġdida fil-Knisja Rumana għaliex fil-fatt ilha inqas minn mitt sena li twaqqfet.

Twaqqif
Kien sewwasew il-Papa Piju XI li fil-1925 waqqaf din is-solennità. Il-Papa ħareġ l-enċiklika bl-isem Quas primas nhar il-11 ta’ Diċembru ta’ dik is-sena. L-ewwel festa ta’ Kristu Re saret is-sena ta’ wara, nhar il-Ħadd 31 ta’ Ottubru 1926.

Għall-ewwel din il-festa kienet tiġi ċċelebrata fl-aħħar Ħadd ta’ Ottubru imma fis-snin sebgħin din bdiet issir fl-aħħar Ħadd tas-sena liturġika. Il-ħsieb li din issir fl-aħħar Ħadd ta’ Ottubru kien biex solennità bħal din tkun sewwa qabel il-festa tal-qaddisin kollha għaliex Kristu huwa tabilħaqq ir-re tal-qaddisin kollha. Bil-bidla li saret il-Knisja riedet turi li Kristu Re huwa dak li lejh irridu nduru fit-tmiem għalhekk il-festa tiegħu tagħlaq is-sena liturġika.

X’kien li ġiegħel lill-Papa jistitwixxi din il-festa għandna mnejn ngħidu. Is-sekulariżmu u l-lajkiżmu bdew ibiegħdu lill-poplu mill-Knisja. Fid-dinja ġraw ġrajjiet li biddlu l-istorja u wiċċ id-dinja. Rivoluzzjonijiet kbar li ħallew bosta bnedmin mejta. Kien iż-żmien ta’ bejn iż-żewġ gwerer dinjija, żmien fejn in-Nażiżmu u ħuh il-Faxxiżmu kienu bdew jiffjorixxu u jħallu d-duttrina tagħhom kull fejn infirxu. Kien żmien fejn il-Marksiżmu li jara lill-istat bħala l-ogħla istituzzjoni għall-bniedem kien rabba l-għeruq sewwa f’pajjiżi li tradizzjonalment kienu Kristjani. Kien għalhekk li l-Papa ħaseb biex tiġi mwaqqfa l-festa ta’ Kristu Re għaliex ħass li l-bniedem kellu jerġa’ jiftaħ għajnejh u jara liema huwa l-vera re li fl-aħħar mill-aħħar lilu jrid jagħti kont ta’ għemilu.

F’pajjiżna
F’Malta Kattoliċissima, kif kienet sa ftit għexieren ta’ snin ilu, il-festa ta’ Kristu Re kienet avveniment importanti fil-kalendarju tal-Knsija. L-għaqdiet kollha kienu jieħdu sehem fil-festeġġjamenti, jew aħjar purċissjoni li kienet issir. Illum inbidel iż-żmien u nbidel ukoll il-mod kif tkun iċċelebrata din il-festa. Illum manifestazzjoni mhux bilfors issir ġewwa l-Belt Valletta kif kien isir sa ftit snin ilu. Il-Knsija f’Malta għafet li manifestazzjoni bħal dik ta’ Kristu Re tista’ ssir barra mill-Belt u fil-fatt hekk beda jsir.

Aħna l-Maltin ukoll għandna mafkar jew monument li juri lil Kristu Re. Fil-post magħruf bħala l-buskuttin, bejn il-Mall u dik li llum tissejjaħ Pjazza Tritoni hemm il-mafkar li juri lil Kristu Re b’Malta għarkupptejha quddiemu, Dan sewwasew ifakkar il-Kungress Ewkaristiku li sar f’pajjiżna fl-1913, meta l-festa ta’ Kristu Re kienet għadha mhux imwaqqfa. Għandna wkoll parroċċa ddedikata lil Kristu Re. Raħal Ġdid fih żewġ parroċċi imma dik l-antika hija ddedikata lil Kristu Re. Interessanti li din il-parroċċa twaqqfet fl-1910 meta s-solennità kienet għadha ma twaqqfitx. Iżda tajjeb ngħidu li din il-parroċċa twaqqfet fil-knsija ta’ Santa Ubaldeska u kien snin wara li nbniet il-knisja ta’ Kristu Re.

Illum qegħdin niċċelebraw din is-solennità u għalhekk ħsibt li jkun jixraq li nagħti ftit tagħrif dwar it-twaqqif ta’ din il-festa.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 25 ta' Novembru 2018


venerdì 23 novembre 2018

Monarkija


Minkejja li llum il-ġurnata ftit li xejn għadna nisimgħu b’rejiet, irġejjen, imperaturi jew xi forma oħra ta’ monarkija minħabba s-sistema politika differetni li hawn fil-maġġoranza tal-pajjiżi tad-dinja, xorta waħda ma nistgħux ngħidu li ma fadalx monarkiji. Veru li bosta minnhom fadlilhom biss titlu imma sa ftit snin ilu dawn kienu għadhom imexxu huma. Meta ngħid ftit snin inkun qed ngħid in kwantu l-istorja, fejn mija jew mitejn sena huma meqjuzin bħala żmien kontemporanju.

Monakrija hija forma ta’ gvern immexxi minn persuna waħda bħala kap. Din il-persuna ladarba tinħatar mexxej tibqa’ hemm sakemm tmut jew tabdika u warajha jieħu postha binha jew bintha skont is-sistema ta’ dik il-monarkija. Il-kelma “Monarka” ġejja mill-Grieg: μονάρχης, (monarkes) li tgħaqqad żewġ kelmiet flimkien: mono li tfisser wieħed u arkon li tfisser mexxej. Mela fil-monarkija minn dejjem kien hemm mexxej wieħed li jkun assolut, ħaġa li llum hija rari ħafna. Biss dak li għalina llum huwa rari, qabel kien ħaġa normali.

L-Imperatur
Ġustinjan, Imperatur Biżantin
Wieħed mill-modi ta’ kif kien jissejjaħ il-monarka kien “Imperatur”. L-imperatur kien bosta drabi meqjus ukoll bħala divinità. Aktarx li b’din il-kelma moħħna dlonk imur fl-imperatur Ruman li kien imexxi l-imperu li anke artna kienet taqa’ taħtu madwar elfejn sena ilu. Bosta storiċi jqisu monarkiji antiki aktar minn dik Rumana bħala monarkiji mmexxijin minn Imperatur. Il-Persja kellha l-imperatur, il-Biżantini kellhom ukoll l-imperaturi tagħhom. L-istess kellhom iċ-Ċiniżi u poplu tal-Etjopja. Dawn huma imperaturi tal-qedem iżda sal-lum għadna nsibu l-imperatur tal-Ġappun. Dan tal-aħħar ma għadx għadnu poter imma huwa titlu.

Waħda mill-paġni glorjużi ta’ pajjiżna hija r-rebħa tal-Assedju l-Kbir, rebħa li saret mill-Kavallieri u l-Maltin fuq l-armata tal-Imperu Ottoman. Dan l-imperu kien imwaqqaf fl-art li llum tissejjaħ it-Turkija u l-inħawi u ħakem bosta artijiet Ewropej. Dan l-imperu spiċċa uffiċjalment fl-1922.
Karlu Manju kien l-ewwel imperatur tal-Imperu Sagru Ruman li kien inkurunat nhar il-Milied tas-sena 800 wara Kristu, għamel bidliet kbar fl-Ewropa, bidliet li xi wħud minnhom għadna narawhom sal-lum, imma hawn mhux il-post li nitkellmu dwar dan il-bniedem kbir. Napuljun Bonaparti kien iddikjara lilu nnifsu bħala imperatur fit-18 ta’ Mejju 1804.

It-Tżar
Alessandu III Tżar tar-Russja
Sar-rivoluzzjoni Russa tal-1917, dan il-pajjiż kien immexxi minn monarka li kienet tissejjaħ Tżar, jew Kżar. Sewwasew dan it-titlu mhux marbut biss mar-Russja għaliex f’xi pajjiżi Slavi konna nsibu monarkiji li kienu jissejħu Tżar ukoll iżda bla dubju huwa dak tar-Russja l-aktar magħruf. Il-kelma Tżar ġejja minn dik Latina Cesare. Dan it-titlu minkejja li ma kienx mifrux daqs dak ta’ Imperatur, kien jintuża għall-monakra mhux biss fir-Russja imma anek fis-Serbja u fil-Bulgarija.

Maħaraġa
Yadavindra Maħaraġa tal-Punjab
Fl-art enormi tal-Indja kien hemm żmien fejn kien hemm mijiet ta’ monarki. Bosta minnhom kienu jissejħu Maħaraġa. Din il-kelma hija ffurmata minn żewġ kelmiet, Maħant li tfisser kbir u Rajan li tfisser mexxej jew re. Billi fl-Indja hemm bosta ilsna differenti tajjeb ngħidu li dawn iż-żewġ kelmiet huma wżati fl-ilsien Sanskrit u billi dan l-ilsien għandu influwenza kbira fuq l-ilsna l-oħra tal-pajjiż, il-kelma Maħaraġa tintuża fl-Indja kollha. Sal-indipendenza tal-Indja, li seħħet fl-1947, fis-subkontinent Indjan, allura mhux it-teritorju Indjan tal-lum biss imma anke l-Pakistan, is-Sri Lanka, il-Bangladesh, in-Nepal u pajjiżi oħra, kienu jeżistu aktar minn sitt mitt monarkija, li bosta minnhom kienu jissejħu Maħaraġa. Bosta minn dawn il-monarki għadhom jeżistu imma bla ebda poter. Bosta minnhom huma maħbubin ħafna mal-poplu għax kienu huma li għenu lill-poplu li kienu jmexxu biex javvanza xi ftit fil-ħajja. Kienu l-Maħaraġa li wasslu l-ilma u d-dawl fl-irħula li kienu jikkmandaw fuqhom huma. Illum il-palazzi ta’ dawn il-mexxejja saru attrazzjoni turistika u sors ta’ dħul għall-familja rjali li llum ma għadx għandha poter ġuridiku.

Sultan
Il-kelma “Sultan” fiha għadd ta’ tifsiriet storiċi iżda l-oriġini tal-kelma huwa Għarbi, nom li jfisser qawwa, awtorità, tmexxija. Fil-fatt il-parti l-kbira tas-slaten insibuhom fid-dinja Għarbija. Biss f’dan l-ambjent is-sultan kellu bosta aktar titli minkejja li l-ħidma kienet dejjem dik li jmexxi b’mod assolut. F’din id-dinja differetni minn dik tagħna konna u f’xi każi għadna nsibu l-Kalif, is-Shah, l-Emir. Prova ta’ dan huwa l-pajjiż sinjur tal-Emirati Għarab Magħquda. Sal-1971 dan il-pajjiż ma kienx jeżisit imma f’dik is-sena sitt Emiri ngħaqdu flimkien biex iffurmaw dak li llum huwa wieħed mill-aktar pajjiżi sinjuri tad-dinja, l-Emirati Għarab Magħquda! Dawn kienu kollha slaten.
Aħna l-Maltin li għandna lingwa semitika wkoll, ġieli konna nirreferu għall-Gran Mastri li mexxew pajjiżna bħala s-Slaten.

Re
Filippu VI, Re ta' Spanja
Bla dubju ta’ xejn l-aktar monarkija magħrufa magħna l-Ewropej hija r-re u r-reġina. Madwar id-dinja fadal madwar erbgħin familja li huma monarkija, li għandhom it-titlu ta’ re jew reġina. Forsi l-aktar popolari hija dik Brittanika imma fl-Ewropa biss insibu aktar minn din.  Spanja, il-Belġju, id-Danimarka, l-Iżvezja, In-Norveġja u n-Netherlands huma fost il-pajjiżi Ewropej li għad għandhom ir re jew ir-reġina. Monarki oħra ma jsejħux lill-mexxej re imma b’xi isem ieħor bħal Pinċep ġewwa Monaco, Andorra u l-Liechtenstein jew Duka fil-Lussemburgu. Imbagħad hemm re ieħor li għandu l-akbar renju fid-dinja. Qed nirreferi għall-Papa li wkoll jitqies bħala re li minkejja li t-teritorju tar-renju tiegħu huwa żgħir, is-sudditti tiegħu huma ħafna u ħafna.

Kemm hemm x’tikteb aktar dwar dan is-suġġett! Suġġett li jinteressa lil bosta minna. Min jaf għalfejn, forsi għax sa ftit aktar minn ħamsin sena ilu aħna wkoll konna taħt monarkija?

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 24 ta' Novembru 2018





sabato 17 novembre 2018

Il-mewt it-tajba


Fil-ktieb tiegħi “Ritratti ta’ Tfuliti” meta kont qed nikteb dwar id-dar tagħna semmejt dan li ġej : “Il-ħitan tal-kamra tan-nanna huma miksijin bi nkwatri ta’ qaddisin. Il-wiċċ ta’ Kristu, il-mewt it-tajba u l-mewt il-ħażina u ma nafx ta’ kemm-il qaddis ieħor. L-hena tagħha jkollha dawn l-inkwatri tal-qaddisin biex iħarsuha.” (paġna 17). Il-kwadru li n-nanna kienet issejjaħ Il-mewt it-tajba kien jidher fih raġel qed imut b’saċerdot ħdejh jamministralu l-aħħar sagramenti, bil-familja ħdejh titlob u b’Ġesù u Marija jistennewh fis-sema. Ovvjament dak tal-mewt il-ħażina kien bil-kuntrarju.
Dan l-aħħar il-Papa Franġisku tkellem dwar il-mewt it-tajba fi ktieb li ppubblika x-xahar li għadda Don Marco Pozza (Marco Pozza (ed) Papa Franġisku, Ave Maria, Rizzoli, 2018)  u bla ma ridt ftakart fil-kwadru tan-nanna u f’dak li kont ktibt fil-ktieb tiegħi.

X’qal Papa Franġisku
Il-Papa Bergoglio qal li huwa għamel l-eżerċiżżju tal-mewt it-tajba u għalhekk seta’ jirrakkonta fiex tikkonsisti. Fil-prattika din hija ħaġa fejn dak li jkun jipprova jpoġġi lilu nnifsu fil-waqt meta jkun sejjer iħalli din id-dinja biex imur għall-oħra, fejn dak li jkun jimmaġina li ġismu sejjer iħalli lir-ruħ toħroġ minn ġewwa fih.

Dwar dan is-suġġett il-Papa attwali tkellem ukoll waqt waħda mill-omeliji ġewwa d-dar Santa Marta fix-xahar ta’ Novembru tas-sena li għaddiet. Huwa kien qal li meta wieħed jaħseb fuq it-tmiem tad-dinja u fuq it-tmiem tiegħu stess ikun qiegħed iġib quddiem għajnejh  verità li lkoll irridu ngħaddu minnha. Huwa kien qed jipprietka fuq l-Evanġelju ta’ meta staqsew lil Ġesù wara l-mewt armla li tkun iżżewġet seba’ darbiet, mart min tkun u huwa qalilhom li fil-ħajja ta’ dejjem li jżewġu u lanqas jiżżewġu. Dakinhar il-papa kien qal li ma għandniex naħsbu li diġà qegħdin fl-eternità u għalhekk qegħdin f’postna. Din hija realtà, il-punt tal-mewt irridu ngħaddu minnu kollha kemm aħna, issa jekk dan il-punt ikunx sabiħ jew ikrah jiddependi mnn kull wieħed u waħda minnha, kulħadd responsabbli għal dan il-waqt li xi darba jrid jasal għalih ukoll.

Ikollna nammettu li l-Papa għandu ħsibijiet tassew għoljin dwar dan l-argument li spiss nippruvaw naħarbu milli niddiskutu jew naħsbu dwaru!

Nibżgħu mill-mewt
Aktarx li dan il-pass ibeżża’ lil bosta minna. Forsi aktar ma nkun għadna żgħar aktar nibżgħu minn dan il-pass għax quddiemna jkollna triq twila x’nimxu u ma nkunux irridu nieqfu f’nofsha. Il-kbar aktarx ikunu aktar preparati għaliha għaliex it-triq ikunu mxew biċċa sewwa minnha u jkunu jafu li xi darba jew oħra jridu jgħaddu għal triq oħra. Imma xorta waħda ħadd ma jistenna l-mewt b’idejh miftuħa, jew normalment ħadd ma jieħu gost jiltaqa’ magħha. Ġesù stess quddiem il-mewt tbeżża’ minkejja li kien Alla magħmul bniedem. Tabilħaqq il-mewt li kien sejjer għaliha kienet waħda vjolenti, passjoni. Fl-Evanġelju skont San Ġwann insibu dawn il-kelmiet: “Missier, eħlisni minn din is-siegħa?” [Ġw:12:27].

Għalhekk il-Knisja matul ix-xahar ta’ Novembru tħeġġiġna niftakru f’ dawk li għaddew qabilna minn din id-dinja u fl-istess waqt tistedinna niftakru wkoll li xi darba aħna wkoll irridu nissieħbu ma’ dawk li mietu. Il-mewt minkejja li hija waqt li ħadd ma jistenna hija pass li lkoll irridu nagħmlu u għalhekk ma rridux ninsew li postna mhux f’din id-dinja, xi darba rridu nintemmu.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 18 ta' Novembru 2018

venerdì 16 novembre 2018

Il-forti Sant Iermu


Fit-tarf nett tal-Belt Valletta, il-ponta li tifred il-Port il-Kbir minn dak ta’ Marsamxett, insibu fortizza importanti ħafna minħabba l-istorja twila u interessanti li għandha. Qed nirreferi għall-Forti Sant Iermu.

Ftit storja
Mhux faċli li fi ftit versi tgħid l-istorja kollha ta’ din il-forti, u fuq kollox l-għan tiegħi hu li nagħti xi tagħrif ġenerali dwarha u mhux nikteb l-istorja tagħha. Ngħidu mill-ewwel li sa mill-bidu tas-seklu XV fuq dan il-post kien diġà jeżisti post li jgħasses id-dħul u l-ħruġ taż-żewġ portijiet li jdawru l-għolja Xiberras. Fl-1488 meta Malta kienet taħt idejn l-Aragoniżi, inbena torri biex l-għassa ssir aħjar. Din il-forti kellha wkoll sehem importanti fl-Assedju l-Kbir meta l-Belt Valletta kienet għadha ma teżistix bħala belt. Mal-bini tal-belt il-ġdida din il-fortizza sabet ruħha sewwasew fit-tarf tal-belt mibnija mill-ġentlomi għall-ġentlomi u għalkemm wara l-assedju tal-1565 qatt ma reġgħet tat sehemha sħiħ daqs dawk ix-xhur fejn il-Kavallieri u l-Maltin issieltu kontra t-Torok, xorta waħda baqgħet ta’ ċerta importanza. Anke matul l-aħħar gwerra dinjija din il-fortizza kienet strateġika fid-difiża tal-Port il-Kbir. Għal bosta snin il-Forti Sant Iermu kienet mitluqa iżda llum ġiet irrestawrata; ħaġa xierqa għal post bħal dan!

Min hu Sant Iermu
Żgur li ħafna minna qatt ma semgħu bil-qaddis li din il-forti hija msemmiha għalih. U hawn għandna naqra ta taħwid wkoll għax għandna tellieqa bejn żewġ qaddisin. Hemm min jgħid li Sant Iermu huwa l-istess qaddis li jissejjaħ San Erasmus ta’ Formia, isqof ta’ Antijokja, qaddis li ħa l-martirju fis-sena 303 u huwa patrun tal-baħħara fost oħrajn. Il-qaddis l-ieħor huwa id-Dumnikan li ġieli jissejjaħ San Telmo u ġieli jissejjaħ Sant Iermu. Dan il-patri, imwieled fl-1190 f’Kastilja u Leon, sewwasew bħal San Duminku l-fundatur tal-Ordni tiegħu, miet fil-15 ta’ April tas-sena 1246 u kien beatifikat sitt snin wara. Personalment nara probabbilità li l-forti ssemmiet għal dan il-qaddis u mhux għall-ieħor għax huwa qaddis mill-peninsula Iberika bħalma kienu l-Aragoniżi li taw l-isem lill-fotizza. Hu liema wieħed hu ma jnaqqas xejn mill-merti li għandha din il-fortizza.

Martri minsijin
Mappa tal-forti fi żmien l-Assedju l-Kbir
Mhux ser insemmi aktar qaddisin imma ma nistgħux nitkellmu dwar il-forti Sant Iermu u ninsew lil Dun Ġwann jew aħjar Gianello Cilia, kappillan tal-parroċċa ta’ Ħal Qormi li ġie maqtul mit-Torok fl-Assedju l-Kbir meta din il-fortizza waqgħet f’idejhom. Ma rridux ninsew li l-medda ta’ art li fuqha llum hemm mibnija l-Belt kapitali tagħna, kienet tagħmel parti mill-parroċċa ta’ San Ġorġ u għalhekk il-forti kienet ukoll taqa’ taħt ir-responsabilità spiritwali tal-kappillan ta’ din il-parroċċa. Hawn lanqas huwa l-post li nitkellmu dwar dan l-eroj u martri tal-Assedju, imma għal darba oħra nerġa’ ngħid li dan il-kappillan qalbieni ħaqqu monument għaliex inħoss li huwa minsi għal kollox. Biex ngħidu d-dritt, f’Ħal Qormi hemm triq imsemmija għalih, imma nemmen li jixraqlu wisq u wisq aktar minn hekk! Min jaf forsi xi darba dan in-nuqqas jintemm, wara kollox kien hawn ħafna li damu ma sarilhom monument.

Fil-11 ta’ Ġunju 1940, allura qed nitkellmu fuq żmien it-tieni gwerrra dinjija, sar l-ewwel attakk mill-ajru fuq Malta. F’din il-fortizza kien hemm bosta suldati Maltin u Brittaniċi lesti biex jiddefendu lil pajjiżna. Sitta minn dawn il-persuni tilfu ħajjithom f’dan l-ewwel ħbit li sar fuq pajjiżna. Forsi tajjeb li xi mkien fil-qrib isir mafkar jew tal-inqas irħama li tfakkar lil dawn il-qalbenin ukoll.

Midnight Express
Xena mill-film Midnight Express
Fil-bini ta’ din il-fortizza inġibdu bosta xeni mill-film famuż Midnight Express. Minkejja li dan ma huwiex il-film waħdieni li xeni minnu nġibdu hemm, aktarx li huwa l-aktar wieħed popolari. Dan il-film jirrakkonta storja veru ta’ ġuvni Amerikan li kien it-Turkija u pprova joħroġ miegħu il-ħaxixa. Dan il-film għamel suċċess kbir madwar id-dinja u ma jistax jonqos f’Malta għax minbarra li jġib bosta xeni ta’ pajjiżna fih jidhru bosta atturi Maltin, li ħafna minnhom illum ma għadhomx magħna kif ukoll jinsema’ kliem bil-Malti. Jidher ċar ukoll ajruplan tal-linja nazzjonali ta’ Malta – Airmalta. Dan il-film inġibed f’Malta fl-1978, meta Malta kienet differenti għal kollox minn dik tal-lum. Min jirnexxielu jara dan il-film jinduna xi rrid ngħid u naħseb li jagħtini raġun.

Illum
Il-Fori Sant Iermu llum ma għadux il-post li jgħasses id-dħul u ħruġ taż-żewġ portijiet prinċipali ta’ pajjiżna imma xorta għadu jista’ jiddandan bl-istorja tiegħu. Hemm illum insibu l-mużew tal-gwerra, insibu sala fejn wieħed jista’ jara u jisma’ fil-qosor l-istorja millenarja ta’ din il-blata f’nofs il-Mediterran imsejħa Malta kif ukoll hemm fejn wieħed jixrob jew jiekol xi ħaġa wkoll.
Il-forti Sant Iermu, allura l-eqdem bini fil-Belt Valletta, illum sar attrezzat b’mod modern li ta’ min wieħed iżuru!
Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 17 ta' Novembru 2018



sabato 10 novembre 2018

Għalfejn Lourdes?

Wieħed mill-aktar postijiet popolari għall-pellegrinaġġi barra minn pajjiżna għalina l-Maltin huwa bla dubju Lourdes, ir-raħal ċkejken fi Franza, mhux wisq imbiegħed mill-fruntiera Spanjola, fejn Bernardette Soubirous fl-1858 kellha dehriet mill-Madonna.

Mhux sejrin noqgħodu nirrakkuntaw l-istorja ta’ dawn id-dehriet għaliex żgur li l-biċċa l-kbira minna nafuha sewwa, imma tajjeb ngħidu li dawn id-dehriet jew aħjar l-ewwel dehra seħħet tliet snin, xaharejn u tliet ijiem wara avveniment Marjan importanti ieħor. Fit-8 ta’ Dicembru 1854 il-Papa Piju IX ta lill-Knisja Kattolika id-domma tal-Immakulata Kunċizzjoni. Issa kull Nisrani kellu jemmen li Marija kienet imnissla mingħajr id-dnub tan-nisel. Dan it-twemmin kien ilu bosta sekli fil-Knisja iżda ma kienx domma ta’ fidi. F’waħda mid-dehriet li seħħew fil-grotta ta’ Masabielle, max-xatt tax-xmara Gave, meta Bernardette staqsiet lil dik is-sinjura li kienet qed tidhrilha min hi, x’kellha tgħid lill-Kappillan dwar min qed jidhrilha, hemmhekk, is-sinjura qaltilha: "Que soy era Immaculada Conceptiou", li la hija bil-Franċiż u lanqas bl-Ispanjol iżda bid-djalett li kienet tuża Bernardette u li kienu jużaw in-nies tar-raħal ta’ Lourdes. Dan il-kliem ikkonferma dak li kien qal il-Papa fid-domma ta’ fidi ftit snin qabel.

Din is-sena qed niċċelebraw il-160 sena minn dawn id-dehriet. Illum nistgħu nħarsu lura u naraw x’seħħ, x’bidliet saru f’dan il-psot u għalfejn miljuni ta’ pellegrini iżuru dan il-post kull sena.
Il-Knisja Kattolika taċċetta u tqis bħala awtentiċi d-dehriet li seħħew f’dan il-post. Minkejja kollox il-Knisja ma taċettax kull miraklu ta’ fejqan li jingħad li seħħ bl-interċessjoni tal-Madonna ta’ Lourdes. Huma madwar sebgħin il-każi ta’ nies mirakolati f’Lourdes li l-Knisja Kattolika taċċetta bħala fejqan mirakoluż. Ħadd ma jista’ jlum lill-Knisja li toqgħod attenta u tuża prudenza assoluta fejn jidħlu każi bħal dawn.

Pellegrinaġġ f’Lourdes minbarra l-bosta attivitajiet liturġiċi, ikollu l-ħin biex dak li jkun jinżel fil-banjijiet tal-ilma. Dan l-att bosta jqisuh bħala rinnovament tal-magħmudija, iżda wieħed għandu joqgħod attent, dan ma jfissirx li hija xi forma ta’ magħmudija. Din il-ħaġa ssir b’devozzjoni għax il-Madonna kienet talbet lil Bernardette biex tinħasel fl-ilma tan-nixxiegħa li kienet feġġet fl-għar tad-dehriet. Illum hemm numru ta’ banjijiet u sistema organizzata ħafna biex il-pellegrin ikun jista’ jinżel f’banju minn dawn.

Appuntament ieħor għal dak li jkun f’dan il-post hija l-quddiesa internazzjonali li ssir fil-bażilika ta’ San Piju X; dik il-knisja enormi tal-konkos li tinsab taħt l-art u li minn barra kważi lanqas tinduna biha. Filgħaxijiet, issir il-purċissjoni bix-xemgħa. Eluf kbar ta’ pellegrini jingħaqdu flimkien biex jirreċitaw it-talba tar-rużarju waqt li jimxu f’purċissjoni wara l-istatwa tal-Madonna. Billi l-pellegrini f’Lourdes ikunu minn kull parti tad-dinja, ir-rużarju jingħad b’ilsna differenti. Għalhekk mhux l-ewwel darba li meta jkun hemm xi grupp ta’ Maltin, tisma’ parti mir-rużarju, (xi ħames Sliema u Qaddisa) bil-Malti.

Bil-mezzi tat-teknoloġija moderna, illum dak li jkun jista’ jara x’inhu jiġri f’Lourdes il-ħin kollu għaliex hemm webcam fuq l-għar tad-dehriet u s-santwarju għandu kanal fuq Youtube li jxandar dirett lejl u nhar. Dawk li ma humiex midħla tal-informatika jistgħu xorta jsegwu r-rużarju mill-grotta għaliex kuljum dan jixxandar fuq stazzjon tat-televiżjoni.

U l-mistoqsija tiegħi u forsi ta’ bosta minnkom tibqa’: Imma għalfejn Lourdes? X’hemm f’dan il-post li tant jiġbed nies lejh? X’inhi dik il-ħaġa li meta titlaq minn hemm tħoss x’jgħidlek: “erġa’ ejja”?

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'Il-Mument -  11 ta' Novembru 2018


L'immagine può contenere: Renò Muscat, con sorriso

venerdì 9 novembre 2018

Ġewż, lewż, qastan, tin

Meta konna għadna żgħar, kull meta jersaq ix-xahar ta’ Novembru konna nibdew ngħidu t-taqbila li tant kienet popolari fostna: Ġewż, lewż, qastan tin; kemm inħobbu ’l San Martin. Il-festa ta’ dan il-qaddis tiġi ċċelebrata fil-11 ta’ Novembru, sewwasew meta l-frott niexef, bħal ġewż u lewż u qastan kif ukoll it-tin imqaddes u t-tin taċ-ċappa jibdew jidhru fuq l-imwejjed tagħna. Ta’ tfal li konna,konna nistennew il-borża ta’ San Martin li fost ħelu u ċejċiet oħra kien ikun fiha minn dan il-frott niexef kif ukoll ħbejża, dik li llum insejħulha panina, li la hija kelma Maltija u lanqas Taljana għaliex  ħobża żgħira bit-Taljan hija panino, tispiċċa bl-O u mhux bil-A bħalma nsejħulha aħna!

Min kien il-qaddis
F’Novembru niċċelebraw il-festa ta’ żewġ qaddisin bl-isem ta’ Martin, fit-3 tax-xahar; San Martin De Porres u fil-11; San Martin ta’ Tours. Il-qaddis marbut ma’ dan il-frott huwa dan it-tieni wieħed.

Aktarx li Martin twieled f’Pannonia li llum tinsab fl-Ungerija, sewwasew fir-raħal ta’ Sabaria, minn ġenituri pagani għall-ħabta tas-sena 316 jew 317. Huwa kien mgħallem id-duttrina Kristjana iżda qatt ma tgħammed. Martin kien iben uffiċjal tal-armata Rumana u għalhekk huwa mexa fuq il-passi ta’ missieru u ngaġġa fil-kavallarija imperjali ta’ età żgħira. Minħabba dan ix-xogħol huwa kellu jħalli pajjiżu u jmur fil-Galja, dik li llum insejħulha Franza. Kien hawn li seħħet dik l-istorja li ra fqir imċerċer u huwa qata’ nofs il-mantell tiegħu u tah lill-fqajjar biex filgħaxija kellu dehra minngħand Ġesù Kristu u qallu li dak il-fqir li kien għen filgħodu ma kien ħadd ħliefu. Din l-istoraj għandha mnejn ħalliet impressjoni kbira fuq Martin u aktarx li tgħammed f’Amiens wara din l-esperjenza. Fis-sena 356 huwa ħalla l-armata u beda t-triq għas-saċerdozju. Vjaġġa mhux ftit u meta reġa’ lura lejn il-Galja kien ordnat qassis mill-Isqof Ilarju ta’ Poitiers. Ftit snin wara huwa waqqaf komunità ta’ axxetiċi, nies li jiddedikaw ħajjithom għat-talb. Dan huwa meqjuż bħala l-ewwel monasteru fl-Ewropa. Iġib id-data 361 bħala dik tat-twaqqif tiegħu. Dan il-monasteru kien jinstab f’Ligugé, fi Franza, jew aħjar il-Galja dak iż-żmien. Fil-post illum għadna nsibu monasteru Benedittin li jġib l-isem ta’ San Martin – ħaġa minn għawl id-dinja li jissemma għal min waqqaf l-ewwel komunità f’dak il-post. 

Fis-sena 371 Martin kien maħtur isqof ta’ Tours. Huwa waqqaf monasteru ieħor qrib din il-belt, sewwasew f’Marmoutier. Ħadem kemm felaħ biex iwassal il-fidi ta’ Kristu kull fejn kien. Miet ġewwa Candes fis-sena 397.

Inbid ġdid
Fl-Italja il-festa ta’ dan il-qaddis tiġi ċċelebrata bil-kbir għax dakinhar jinfetħu l-btieti bl-inbid ġdid: San Martino vino nuovo! Ma’ dan l-inbid jisserva wkoll il-qastan inkaljat li qabel ikun tħalla jixxarrab fl-inbid aħmar. Fl-Italja ta’ isfel din il-festa tinħass aktar għalkemm kull Taljan jaf li fil-11 ta’ Novembru hemm id-drawwa li jinxtrob inbid ġdid. F’Napli din il-festa tissejjaħ il-festa tal-qrejjen. Kont staqsejt għalfejn. Billi f’din il-belt meraviljuża kollox jintrabat ma’ xi ħaġa tanġibbli, in-numru 11 jassoċċjawh ma’ qrun, il-froma tan-numru jistħajluh qarn u billi 11 tkun id-data u x-xahar ikun il-ħdax-il wieħed, allura l-qrun ikun doppju. Dawn in-Napiltani wkoll kemm għandhom fantasija fertili!


Frott niexef
Illum li aħna aktar konxji fejn jidħol ikel, tajjeb ngħidu li l-frott niexef, bħal dak li nsibu fil-borża ta’ San martin, huwa bil-wisq aħjar minn kull tip ta’ ħelu jew deżerta oħra. Kien hemm xi żmien fejn dan il-frott kien ġie meqjus bħala żejtni imma llum studjużi jgħidulna li dan huwa frott nutrittiv ħafna u fih bosta portejini u żjur neċċessarji għall-bniedem. Fih insibu wkoll il-kalċju, l-aktar fil-lewż. Tassew li xi frott minn dan fih bosta kaloriji, allura wieħed tajjeb joqgħod attent u ma jieħux iż-żejjed minnu. 

F’Malta
Pajjiżna wkoll għandu d-drawwiet tiegħu marbutin ma’ dan il-qaddis. Apparti l-borża li diġà semmejna qabel, fil-Baħrija ssir il-festa tiegħu. Drawwa li hija marbuta ma’ dan il-post u ma’ din il-festa hija l-fiera li ssir ta’ kull sena. Billi jkun riesaq żmien il-Milied f’din il-fiera wieħed ikun jista’ jirbaħ xi ħaruf jew xi dundjan, barra xi ħwejjeġ oħra wkoll. Mill-knisja tal-post toħroġ il-purċissjoni bl-istatwa żgħira u ħelwa ta’ San Martin. Din il-festa hija popolari ħafna mal-Maltin u bosta jistennewha minn sena għal oħra għax hija differenti minn festi oħra u ssir f’post mill-isbaħ fejn fadal bosta ftuħ u kampanja.

Ġewż, lewż, qastan, tin; kemm inħobbu ’l San Martin! Kemm tifkiriet, kemm drawwiet  u kemm stejjer wara daqxejn ta’ taqbila!

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 10 ta' Novembru 2018

L'immagine può contenere: Renò Muscat

domenica 4 novembre 2018

Novembru: ix-xahar tal-erwieħ


Aħna l-bnedmin nafu dak li nafu għaliex xi darba nkunu staqsejna u skont it-tweġibiet li ġejna mogħtijin aħna bnejna bagalja ta’ tagħrif li biż-żmien jinbidel f’għerf.

Minn meta nibdew nużaw il-fakultà tar-raġuni hija ħaġa normali li nibdew nistaqsu: x’inhi dik il-ħaġa, għalfejn dak l-oġġett, min hu dak il-bniedem, x’jagħmel dak it-tali, kif dik u kif l-oħra. Bil-mod il-mod it-tagħrif li nkisbu jgħallimna bosta ħwejjeġ li l-ebda skola jew università ma tgħallimhom, imma nitgħallmuhom mill-università tal-ħajja. Għalhekk ngħidu spiss li l-aqwa għalliema hija l-ħajja stess.

Aħna nikbru u ninbidlu. Ma nibqgħux aktar tfal żgħar imma nsiru adolexxenti, imbgħad żgħażagħ, adulti sakemm insiru xjuħ. U qed nuża l-kelma xjuħ mhux anzjani għax minbarra li hija l-kelma tabilħaqq Maltija, fiha wkoll sens ta’ wieħed għaref. Fi żmien Kristu konna nsibu ix-xjuħ tal-poplu, dawk li saru għorrief permezz taż-żmien u forsi gradwaw mill-università tal-ħajja. Il-kelma xiħ ma hijiex kelma dispreġġjattiva, lanqas xejn imma fiha sens ta’ rispett u gratitudni lejn min laħaq mexa ftit sewwa fit-triq tal-ħajja.

Il-ħajja hija vjaġġ
San Pawl jgħidilna li “aħna pajżana tas-sema pajjiżna” (Fil 3, 20). Mela fi kliem ieħor postna mhux f’din id-dinja. Mela allura fejn? F’waħda mid-diski tas-snin tmenin, jidhirli tal-grupp Aerosmith, kien hemm il-kliem “Life is a journey not a destination”, toqgħodux fuqi dwar il-grupp imma ħudu s-sens ta’ din is-sentenza u qabbluha ma’ dak li qalilna San Pawl. Jidher li kemm il-qaddis kif ukoll il-kittieb tad-diska jaqblu bejniethom li bħalma jgħid il-Malti, b’riħ jew b’riefnu minn din id-dinja rridu nsiefru! Irridu jew ma rridux xi darba trid tmissna din ix-xorti wkoll. Imma fejn sa mmorru? Din hija mistoqsija li nagħmlu aħna l-kbar u li ħafna drabi nippruvaw insibu tweġiba għaliha aħna stess. Il-bniedem huwa maħluq biex jgħix u allura l-mewt tidher bħala kontradizzjoni, imma billi l-bniedem huwa annimal superjuri għax għandu parti spiritwali ġewwa fih, meta l-ġisem jintemm, dik il-parti spiritwali ma jistax ikun li tintemm, għax hija spirtu. Dik il-parti spiritwali tagħna tibqa’ tgħix għal dejjem u għalhekk min jgħid li l-bniedem jintemm fix-xejn mal-mewt, ikun qiegħed ipoġġi lill-bniedem fuq l-istess livell ta’ annimal irrazzjonali bħall-kelb, il-qattus, il-ħmar u l-qasqus. Iżda l-bniedem għax għandu parti spiritwali ġewwa fih huwa bil-wisq aqwa minn dawn l-annimali. Biss biss il-fatt li inti qed taqra dak li ktibt jiena diġà jpoġġik fi grad bil-wisq superjuri għall-annimali. Liema annimal kapċi jaqra l-gazzetta? L-ebda wieħed. Aħseb u ara jitla’ fuq il-qamar, itawwal il-ħajja bil-mediċini li jiskopri, joħloq intelliġenza artifiċali…. U nistgħu nibqgħu sejrin.

Mhux it-tmiem
Għalhekk fix-xahar ta’ Novembru niftakru fil-mejtin tagħna għax nemmnu li l-parti spiritwali li kellhom issa ħarġet mill-ġisem li kien iżommu fih u sab il-qofol, il-milja tal-eżistenza tiegħu. Ma rridx nuża kliem bħal “ruħ, ġenna, sema, salvazzjoni” eċċetra għaliex dawn huma termini purament reliġjużi, iżda l-mewt ma tmissx biss lil min jemmen, dak huwa pass li kulħadd irid jagħmlu. Temmen jew ma temminx ikollok tammetti li inti aqwa minn annimal kwalunkwe u dan għax għandek ir-raġuni li hija l-parti spiritwali ġewwa fik. Kulħadd isejħilha li jrid lil din il-fakultà, imma ħadd ma jista’ jinnega li teżisti.

Għalhekk niftakru fil-mejtin tagħna fix-xahar ta’ Novembru u nsejħulhom “erwieħ”għax nafu li minkejja li l-ġisem jitmermer u jsir trab, l-ispirtu ta’ ġol-ġisem jibqa’ għal dejjem.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 4 ta' Novembru 2018


sabato 3 novembre 2018

Matruxka

Nissopponi li llum ikun hawn min jgħid: “Dan biex ħolom illum?” Nemmen li hawn ħafna min jaf għalxiex qed nirreferi b’isem l-artiklu tal-lum, imma naħseb li hawn ukoll min ma jafx xi tfisser din il-kelma, u ma nagħtihx tort lil min ma jafx għax hija xi ħaġa li ma nsibuhiex f’pajjiżna imma li hija marbuta ma’ pajjiż mhux wisq qrib tagħna.


Matruxka hija dik il-pupa tant popolari fir-Russja, pupa tal-injam li tinfetaħ u fiha ssib pupa oħra, bħala jew mhux bħala, ta’ daqs iżgħar. Din terġa’ tinfetaħ u fiha tinstab pupa oħra u tibqa’ sejra hekk sakemm tasal biex ikollok numri ta’ pupi li jidħlu f’xulxin. Immaġina qed tqaxxar basla, tneħħi qoxra u ssib oħra u oħra u oħra u tibqa’ sejjer hekk waħda wara l-oħra. In-numri ta’ pupi f’xulxin fil-Matroxka jvarja minn ħamsa sa tletin waħda. Dawn jinżebgħu bl-akbar sengħa u arti.

Din hija l-matruxka li tant hija popolari ġewwa r-Russja u li tant turisti ladarba jżuru dan il-pajjiż kbir u meraviljuż ifitttxu li jixtru waħda biex tibqa’ bħala tifkira.

Isem
Il-kelma Matruxka, bil-Malti tfisser bejn wieħed u ieħor is-“Sinjura ż-żgħira”, hija dimunittiv ta’ “Sinjura”, imma lanqas nistgħu nsejħulha “Sinjorina”. Tfisser ukoll “Omm” għaliex kull pupa tkun qisha l-omm tal-pupa iżgħar minnha. L-għeruq ta’ din il-kelma nsibuh fil-latin, “Mater” li tfisser “Omm”.

L-akbar pupa minn dan is-set tissejjaħ l-Omm filwaqt li l-iżgħar waħda tissejjaħ iż-Żerriegħa. Hemm varjazzjoni ta’ kif jissejħu dawn il-pupi. Hemm min isejħilhom Metrijoxka jew Baboxka jew xi ħaġa oħra. Jissejħu x’jissejħu kollha jkunu qed jirrferu għall-istess ħaġa.

Ftit storja
Fl-1890 Sergey Malyutin iddisinja l-ewwel Matruxka li kienet maħduma fl-injam minn Vasily Zvyozdochkin u taha ż-żebgħa Malyutin stess. Dawn iż-żewġt irġiel kienu artisti li jaħdmu fil-folklor Russu mal-industrijalist Savva Mamontov fit-Tramuntana ta’ Moska. Dan l-imprenditur ta’ fama kbira, fost bosta attivitajiet oħra, kien xtara żona, bħal speċi ta’ raħal, fejn issir bosta atività artistika. Dan il-post kien jismu Abramtsevo. Illum dan il-post għadu jeżisti bħala mużew.

Jidher li dawn il-pupi ntlaqgħu u ntogħġbu għax għaxar snin wara mart Mamontov, Eliżabetta, esebiethom fil-wirja dinjija ta’ Pariġi imsejħa Exposition Universelle, fejn rebħet medalja tal-bronż. Minn hemmhekk il-Matruxka saret magħrufa mad-dinja kollha bħala l-pupa Russa.

Fis-sena 2003 l-artista Russa Youlia Bereznitskaia ħadmet set pupi Russi li l-Guiness World Records għaraf bħala l-akbar fid-dinja.Dan is-set kien fih wieħed u ħamsin pupa. Meta nhar il-25 ta’ April ta’ dik is-sena dawn il-pupi kollha kienu lesti, meta tpoġġew ħdejn xulxin ħadu kważi tliet metri u nofs tul. Dik li tissejaħ “Omm” kienet għolja erba’ u ħamsin ċentimetru filwaqt li l-iżgħar pupa, jew “iż-Żerriegħa” kien fiha inqas minn nofs ċentimetru, wieħed u tletin millimetru biex inkunu preċiżi. Dawn il-pupi kollha kienu mpittrin bl-idejn minn Bereznitskaia stess.

Aktar qabel
Qabel ma Malyutin ħolom bil-Matruxka, ħafna qabel, kien jeżisti dan il-kunċett. Sa minn tmiem l-ewwel millenju fiċ-Ċina kien hemm drawwa  li jinħadmu kaxxi li jidħlu f’xulxin, waħda iżgħar mill-oħra, sewwasew bħall-Matruxka. Il-Ġappuniżi ma damux wisq ma kkuppjaw din il-ħaġa iżda minflok kaxxi bdew jagħmlu donnhom bajd tawwali li jinfetaħ u jkun fih bajd iżgħar, insomma l-istess bħall-kaxxi Ċiniżi. Dawn kienu, u għadhom, jissejħu Fukuruma.

Bil-kostum
Il-Matruxka tradizzjonali bosta drabi tiġi mpittra bħala mara liebsa ilbies tipiku Russu imma mhux dejjem. Matul is-snin daħlet id-drawwa li minflok il-mara tipika jitpittru nies differenti, bħal politiċi, artisti kif ukoll nies prominenti jew plejers tal-futbol.

Per eżempju fiż-żmien it-tmiem tal-Unjoni Sovjetika, bdew joħroġu minn dawn il-pupi b’wiċċ ta’ politiċi Sovetiċi mpittrin fuqhom, ħaġa li niddubita kemm kienet issir qabel. Illum wieħed jista’ jsib minhom anke b’ wiċċ il-president Putin fuqhom. Stalin, Lenin, Yeltsin, Khrushchev jew Gorbachev spiss saru jidhru bħala pupi, imma mhux biss, issib saħansitra l-familja Rjali Ingliża forma ta’ Matruxka. Id-diversità f’dawn il-pupi ġibdet l-attenzjoni ta’ xi kollezzjonisti li ddeċidew li jibdew iġemmgħu Matruxki differenti.

Għan
Forsi nistqsu x’kien l-għan li bdew isiru dawn il-pupi. Il-forma tagħhom hija dik ta’ mara qawwija u dan ifisser fertilità, familja, maternità. Hekk kif fil-Matruxka pupa toħroġ minn pupa akbar, it-tarbija titwieled minn ommha, insomma il-katina tal-ħajja. Il-pupa Russa minkejja li tista’ tingħata lit-tfal bħala ġugarell, fiha sens ta’ xewqat sbieħ u tingħata bħala rigal anke lil mara li toħroġ tqila bħala sinjal ta’ riżq.

Illum il-Matruxka saret it-tifkira numru wieħed li dak li jkun jista’ jixtri biex jibqa’ jiftakar fiż-żjara tiegħu ġewwa r-Russja.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 3 ta' Novembru 2018

L'immagine può contenere: Renò Muscat